20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/892


DEĊIŻJONI Nru 1312/2013/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' 11 ta' Diċembru 2013

dwar l-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT): il-kontribuzzjoni tal-EIT għal Ewropa iktar innovattiva

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u partikolarment l-Artikolu 173(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1),

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 jirrikjedi lill-Kummissjoni li tibgħat proposta għall-ewwel Aġenda Strateġika ta' Innovazzjoni (l-“ASI”), fuq il-bażi tal-abbozz tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (l-“EIT”).

(2)

L-ASI għandha tiddefinixxi l-oqsma prijoritarji u l-istrateġija fit-tul għall-EIT u tinkludi valutazzjoni tal-impatt ekonomiku tiegħu u tal-kapaċità li jiġġenera l-aħjar valur miżjud għall-innovazzjoni. L-ASI għandha tikkunsidra r-riżultati tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-EIT.

(3)

L-ewwel ASI għandha tinkludi speċifikazzjonijiet dettaljati u termini ta’ referenza li jikkonċernaw l-operazzjoni tal-EIT, il-proċeduri għall-kooperazzjoni bejn il-Bord tat-Tmexxija u l-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni, ("il-KGħI") u l-metodi ta' finanzjament tal-KGħI,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni ("l-SIA") tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għall-perjodu mill-2014 sal-2020 kif stabbilita fl-Anness hija b'dan adottata.

Artikolu 2

L-ASI għandha tiġi implimentata skont ir-Regolament (KE) Nru 294/2008.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, l-11 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1)

(2)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 122.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 (għadha mhix ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali)


ANNESS

L-AĠENDA STRATEĠIKA TAL-INNOVAZZJONI TAL-EIT

Werrej

Sommarju tal-azzjonijiet ewlenin

1.

l-istitut ewropew tal-innovazzjoni u t-teknoloġija: Attur fl-innovazzjoni tal-Unjoni

1.1.

EIT: L-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà permezz tal-innovazzjoni fit-trijangolu tal-għarfien

1.2.

Il-valur miżjud tal-EIT: fatturi li jiddistingwu

1.3.

Sinerġiji u punti kumplimentari ma’ inizjattivi ta’ politika u ta’ finanzjament oħra

2.

Wara l-2013 r-rwol tal-EIT jiġi approfondit: prijoritajiet

2.1.

Jingħata inċentiv għat-tkabbir, l-impatt u s-sostenibbiltà permezz tal-EIT

2.1.1.

Il-konsolidazzjoni u t-trawwim tat-tkabbir u l-impatt tal-KGħI eżistenti

2.1.2.

Il-ħolqien ta' KGħI ġodda

2.2.

It-titjib tal-impatt tal-EIT

2.3.

Mekkaniżmi tat-twassil ġodda u monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati

3.

Teħid effettiv ta’ deċiżjonijiet u arranġamenti ta' ħidma

3.1.

Simplifikazzjoni u ċarezza tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-EIT

3.2.

Ninvestu fil-KGħI: relazzjonijiet bejn l-EIT u l-KGħI

3.3.

L-impenn mal-partijiet interessati

4.

Stima tal-bżonnijiet finanzjarji u sorsi għall-iffinanzjar 2014-2020

4.1.

Konsolidazzjoni ta’ mudell ta’ finanzjament intelliġenti għall-KGħI

4.2

Il-bżonnijiet tal-baġit tal-EIT

Dokument Informattiv 1:

Innovazzjoni għal Għajxien F’Kundizzjoni ta’ Saħħa Tajba u Xjuħija Attiva

Dokument Informattiv 2:

Materja Prima – Esplorazzjoni, Estrazzjoni, Ipproċessar, Riċiklaġġ u Sostituzzjoni Sostenibbli

Dokument Informattiv 3:

Food4Future - Katina ta’ Provvista Sostenibbli mir-Riżorsi sal-Konsumaturi

Dokument Informattiv 4:

Manifattura b’valur miżjud

Dokument Informattiv 5:

Mobilità Urbana

Sommarju tal-azzjonijiet ewlenin

Taqsima 2.1.1   Il-konsolidazzjoni u t-trawwim tat-tkabbir u l-impatt tal-KGħI eżistenti

L-EIT:

Iħeġġeġ lill-KGħI biex jiżviluppaw varjetà ikbar u jipprovdu pariri dwar attivitajiet edukattivi u tat-taħriġ, u biex iqajmu għarfien dwar l-eżistenza ta' dawn l-attivitajiet.

Iwaqqaf gradwalment mekkaniżmi ta' reviżjoni kompetittivi għall-allokazzjoni ta’ persentaġġ mill-għotja tal-KGħI, li jkun ibbażat fuq il-pjanijiet ta' negozju tal-KGħI u l-prestazzjoni tagħhom u li jqisu l-fatt li l-KGħI jikbru b’rati differenti.

Jinċentivizza l-KGħI biex jiżviluppaw attivitajiet konġunti dwar kwistjonijiet orizzontali.

Iwaqqaf sistema ta’ valutazzjonijiet minn sħab għal kwalifiki bit-tikketta tal-EIT u jidħol fi djalogu ma’ korpi ta' assigurazzjoni nazzjonali u internazzjonali biex jiġi promoss approċċ konsistenti.

Taqsima 2.1.2   Il-ħolqien ta' KGħI ġodda

L-EIT

Iħejji proċedura tal-għażla għal kull mewġa ġdida ta' KGħI li tippermetti biżżejjed żmien għall-applikanti tal-KGħI sabiex iħejju l-proposti.

Iniedi sejħiet għal offerti għal ħames KGħI kif ġej: sejħa għal żewġ KGħI fl-2014 fit-temi tal-Għajxien f'Kundizzjoni ta' Saħħa Tajba u Xjuħija Attiva u l-Materja Prima; sejħa għal żewġ KGħI fl-2016 fit-temi ta' Food4Future u Manifattura b'Valur Miżjud u sejħa għal KGħI waħda fl-2018 fil-qasam tal-Mobilità Urbana.

Jagħmel l-ikbar sforz biex jiżgura li kemm jista' jkun partijiet interessati jsiru konxji mill-proċeduri ta' għażla ta' KGħI futuri.

Jiżgura li l-kundizzjonijiet ta’ qafas ta’ proċeduri tal-għażla futuri tal-KGħI jkunu jiffavurixxu riżultat ottimu, partikolarment billi jipprovdi gwida ċara rigward ir-rekwiżiti u l-proċessi, u billi jippermetti żmien biżżejjed għal dawk li qed jagħmlu l-proposti biex jorganizzaw l-isħubija.

Taqsima 2.2   It-titjib tal-Impatt tal-EIT

L-EIT

Jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ involviment u b’mod partikolari jipprovdi appoġġ, kif xieraq, lill-KGħI b’rabta mal-Iskema ta’ Innovazzjoni Reġjonali.

Jistabbilixxi /jadatta skont l-esiġenzi għodda bbażata fuq il-web sabiex jipprovdi pjattaforma għall-kondiviżjoni ta’ għarfien u netwerking madwar l-EIT.

Jibni u jappoġġa netwerk funzjonali u b’saħħtu ta’ gradwati mill-attivitajiet edukattivi u tat-taħriġ tal-EIT/KGħI (‘alumni tal-EIT’).

Jagħti aċċess sistematiku għat-tagħlimiet u s-suċċessi li jkunu ħarġu mill-KGħIKGħI lill-komunità tal-innovazzjoni usa’ tal-Unjoni u lil hinn minnha. Dan jista’ jinkludi l-iżvilupp ta’repożitorju ta’ materjal tal-kors miftuħ mill-attivitajiet edukattivi u ta’ taħriġ tal-EIT u tal-KGħIKGħI.

Jiżgura parteċipazzjoni b’saħħitha tas-settur privat, inklużi l-SMEs, fit-trijangolu tal-għarfien.

Taqsima 2.3   Mekkaniżmi tat-twassil ġodda u monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati

L-EIT

Iwaqqaf aġenda simplifikata, inklużi punti ta' riferiment għall-evalwazzjoni tal-progress, u jirrapporta lill-Kummissjoni dwar il-progress tiegħu fl-implimentazzjoni permezz tar-Rapport Annwali tal-Attività; jiżgura li mudelli ġodda ta' simplifikazzjoni jixxerrdu madwar l-Unjoni u jinforma inizjattivi oħra tal-Unjoni.

Jistabbilixxi, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-KGħIKGħI, sistema komprensiva biex jimmonitorja l-kontribut tal-EIT lil Orizzont 2020, l-impatt tal-EIT permezz tal-attivitajiet tiegħu stess u dawk tal-KGħI u r-riżultati tal-KGħI; l-EIT jirrapporta dwar l-attivitajiet kollha tiegħu ta’ monitoraġġ fir-rapport annwali ta’ attività tiegħu li jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Taqsima 3.1   Simplifikazzjoni u ċarezza tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-EIT

L-EIT

Jiżgura permezz ta’ strateġija intelliġenti ta’ riżorsi umani, inkluż l-użu sistematiku tal-kompetenzi interni u esterni, u proċeduri ta’ ġestjoni interni li l-EIT jiżviluppa f’istituzzjoni ta’ referenza għal tmexxija innovattiva.

Jieħu miżuri konkreti biex ikompli jippromwovi kultura ta’ qsim ta’ esperjenzi u trasparenza.

Taqsima 3.2   Ninvestu fil-KGħIKGħI: relazzjonijiet bejn l-EIT u l-KGħIKGħI

L-EIT

Jipprovdi gwida ċara u koerenti dwar l-aspettattivi, l-obbligi u r-responsabbiltajiet matul iċ-ċiklu sħiħ tal-KGħIKGħI.

Jiżviluppa f’kooperazzjoni mill-qrib mal-KGħIKGħI kapaċità fil-kwartieri ġenerali tal-EIT sabiex dan jiffaċilita skambju u tagħlim bejn il-KGħIKGħI.

Jipprovdi numru ta’ servizzi lil KGħIKGħI dwar kwistjonijiet orizzontali fejn jistgħu jintlaħqu l-kisbiet tal-effiċjenza, kif ukoll jimplimenta politiki korporattivi oħra għall-istess għan.

Jipprovdi gwida dwar l-affiljazzjoni u l-assoċjazzjoni ta’ sħab li mhumiex kapaċi jsiru investituri u sħab bis-sħiħ ta’ KGħI.

Taqsima 3.3   L-impenn mal-partijiet interessati

L-EIT

Iwaqqaf Forum tal-Partijiet Interessati tal-EIT regolari u l-konfigurazzjoni speċjali tiegħu tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, biex jiffaċilta l-interazzjoni u t-tagħlim reċiproku mal-komunità tal-innovazzjoni usa’ mit-trijangolu tal-għarfien, u inklużi l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali. F’dan il-kuntest, il-pjattaforma bbażata fuq il-web tista' tkompli tgħin biex trawwem interazzjonjiet bejn il-parteċipanti.

Jagħmel użu sistematiku ta’ assoċjazzjonijiet eżistenti ta’ universitajiet, negozji u organizzazzjoni ta’ riċerka u organizzazzjonijiet raggruppanti bħala pjattaformi għall-iskambju ta’ għarfien u t-tqassim ta’ riżultati.

Jistabbilixxi mekkaniżmu, bħal laqgħa annwali bejn l-EIT, il-KGħIKGħI u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea, biex ikompli jiffaċilita s-sinerġiji bejn l-EIT u l-KGħIKGħI, min-naħa l-waħda, u inizjattivi oħra tal-Unjoni, min-naħa l-oħra.

L-AĠENDA STRATEĠIKA TAL-INNOVAZZJONI TAL-EIT

1.   l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija: Attur fl-innovazzjoni tal-Unjoni

Din l-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni (ASI) tiddeskrivi l-prijoritajiet għall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) għall-perjodu 2014-2020 kif ukoll il-mod għat-tħaddim tiegħu. Hija għalhekk għodda essenzjali għal dawk li jfasslu l-politika Ewropea biex jiggwidaw id-direzzjoni strateġika tal-EIT, filwaqt li jagħtu awtonomija konsiderevoli lill-EIT biex jiddefinixxi l-mezzi u l-metodi biex jintlaħqu l-miri stabbiliti.

L-ASI hija r-riżultat ta’ proċess profond li kellu l-għan li jqis l-esperjenza tal-EIT s'issa, u li jirrifletti bis-sħiħ ix-xenarju tal-innovazzjoni Ewropew. Hija bbażata fuq l-ewwel abbozz tal-ASI mill-Bord tat-Tmexxija tal-EIT mogħti lill-Kummissjoni Ewropea fil-15 ta’ Ġunju 2011, f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Tibni wkoll fuq ir-riżultati tal-valutazzjoni indipendenti tal-perjodu inizjali tal-EIT kif ukoll fuq proċess ta’ konsultazzjoni li kien miftuħ għal dawk kollha li għandhom jew li jista’ jkollhom interess fl-attivitajiet tal-EIT, inkluż negozji, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, u organizzazzjonijiet ta’ riċerka, kif ukoll awtoritajiet nazzjonali u reġjonali.

1.1.   EIT: L-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà permezz tal-innovazzjoni fit-trijangolu tal-għarfien

F'dinja li qed titbiddel b’rata mgħaġġla, il-passaġġ tal-Ewropa lejn il-futur jistrieħ fuq tkabbir li jkun intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Biex jintlaħaq dan l-għan u biex tinżamm il-kompetittività fl-ekonomija globali tal-għarfien u fis-soċjetà, it-'trijangolu tal-għarfien' tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-interazzjoni bejn dawn it-tliet naħat ġew rikonoxxuti bħala l-forzi motriċi primarji. L-Unjoni Ewropea aġixxiet skont dan u identifikat dawn l-oqsma bħala prijoritajiet tal-politika fl-istrateġija tagħha Ewropa 2020. Dawn il-prijoritajiet jiġu implimentati partikolarment permezz tal-inizjattivi ewlenin 'Unjoni tal-Innovazzjoni' u 'Żgħażagħ fl-Azzjoni', li jiffurmaw il-qafas politiku ġenerali għall-azzjonijiet tal-Unjoni f’dawn l-oqsma. Dawn huma kkumplementati mill-inizjattivi ewlenin l-oħra pereżempju dwar 'Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni', 'Aġenda Diġitali għall-Ewropa' u dwar 'Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi'. L-EIT jikkontribwixxi bis-sħiħ biex jinkisbu l-għanijiet ta’ dawn l-inizjattivi ewlenin.

Ir-raġunijiet biex jitpoġġew l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni fiċ-ċentru huma ċari. Fil-kuntest tal-ekonomija tal-għarfien u kompetizzjoni globali li qed tiżdied, u quddiem sfida demografika lokali, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi futuri tal-Ewropa sejrin jiġu dejjem iżjed minn skoperti ta’ innovazzjoni fi prodotti, servizzi u mudelli tan-negozju, kif ukoll mill-kapaċità tagħha biex tkattar, tħajjar u żżomm persuni b'talent. Minkejja li hemm storji ta' suċċess individwali fl-Ewropa kollha, l-Unjoni jeħtieġ li tlaħħaq mal-mexxejja globali tal-innovazzjoni. Barra minn hekk, l-Unjoni qed tiffaċċja kompetizzjoni ikbar għat-talent minn ċentri ġodda ta’ eċċellenza fl-ekonomiji emerġenti.

L-Ewropa jeħtieġ issaħħaħ aktar l-isforzi tagħha fl-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni u tilqa' kultura ta' intraprenditorija b'saħħitha, miftuħa u reali, li hija essenzjali biex titrawwem u tiġi appoġġata l-kisba tal-valur ta’ riċerka u innovazzjoni, biex jitwaqqfu attivitajiet ġodda u isir l-użu fis-suq attwali ta’ innovazzjonijiet f’setturi ta’ tkabbir kbir potenzjali. L-Ewropa jeħtieġ li tiżviluppa r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja bħala magni tal-innovazzjoni, peress li persuni b’talent għandhom jirċievu l-kapaċitajiet tajbin, l-għarfien u l-attitudnijiet sabiex imexxu l-innovazzjoni ’l quddiem.

L-EIT twaqqaf preċiżament għal dan l-għan – biex jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-kompetittività billi jsaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u jagħti spinta lill-kapaċità tagħhom li l-eżiti tar-riċerka jiġu ttrasformati fi prodotti u servizzi ta' valur għoli. Bl-integrazzjoni sħiħa tat-trijangolu tal-għarfien tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-EIT jikkontribwixxi ferm biex jiġġieled, b'mod partikolari, l-isfidi soċjali b’Orizzont 2020 u jwassal għal bidla sistemika fil-mod kif l-atturi Ewropej tal-innovazzjoni jikkollaboraw.

Biex jinkiseb dan il-għan, l-EIT jgħaqqad l-orjentament strateġiku fil-livell tal-EIT ma’ approċċ ‘minn isfel għal fuq’ skont il-punti tematiċi tal-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni (KGħI) tiegħu. Il-KGħI huma sħubiji pan-Ewropej integrati ferm li jlaqqgħu flimkien l-universitajiet eċċellenti, iċ-ċentri tar-riċerka, il-kumpaniji żgħar u kbar u atturi oħra tal-innovazzjoni għal perjodu fit-tul madwar sfidi soċjali speċifiċi. Kull KGħI hija organizzata madwar numru żgħir ta’ ċentri ta’ kolokazzjoni interkonnessi fejn is-sħab jaħdmu mill-qrib flimkien ta’ kuljum u jaqsmu objettivi strateġiċi komuni. Iċ-ċentri tal-kolokazzjoni jibnu fuq ċentri tal-eċċellenza eżistenti, u jiżviluppawhom iktar f’ekosistemi lokali tal-innovazzjoni u jorbtuhom flimkien f’netwerk iktar wiesa’ ta’ punti tal-innovazzjoni madwar l-Ewropa. Fil-qafas tal-EIT, il-KGħI individwali ngħataw livell kbir ta’ awtonomija fid-definizzjoni tal-organizzazzjoni interna, il-kompożizzjoni, l-aġenda u l-metodi ta’ ħidma tagħhom, u tħallew jagħżlu l-aħjar approċċ biex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom. L-EIT għandu jaġixxi bħala mudell ta’ eżempju tajjeb fl-Ewropa kollha billi juri governanza effettiva u mhux rigoruża żżejjed. Fil-livell strateġiku, l-EIT jorganizza l-proċess tal-għażla tal-KGħI, skont l-oqsma tematiċi determinati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, u jikkoordinahom b’qafas flessibbli, jappoġġahom u jagħtihom konsulenza fi kwistjonijiet amministrattivi, fejn xieraq, u jaqsam l-aħjar mudelli ta’ tmexxija u finanzjament tagħhom. L-EIT għandu jippromwovi koordinazzjoni u kooperazzjoni trasversali tal-KGħI, sabiex jiżgura sinerġiji u l-ħolqien ta’ valur miżjud.

Permezz tal-KGħI, l-EIT jipprova jaċċelera l-innovazzjoni u jgħin biex joħloq ambjenti multidixxiplinari u interdixxiplinari fejn huwa aktar possibbli li tikber l-innovazzjoni u biex jiġu ġġenerati suċċessi fil-mod kif jikkollaboraw l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u n-negozji. Dan l-approċċ jgħin sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà li kull ma jmur qed isiru aktar kumplessi u interkonnessi u li huma stipulati f’Orizzont 2020, billi jgħaqqad l-innovazzjoni settorjali u transettorjali u billi jlaqqa’ flimkien persuni eċċellenti minn setturi, sfondi u dixxiplini differenti – u li kieku ma kinux jiltaqgħu bilfors – sabiex flimkien isibu soluzzjonijiet għall-isfida.

Kisbiet

L-EIT lesta l-fażi inizjali tiegħu, li kienet iddedikata għat-tnedija tal-operazzjonijiet tiegħu permezz tal-ewwel KGħI u li jimplimenta l-funzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet u dawk eżekuttivi tal-EIT – il-Bord tat-Tmexxija u l-kwartieri ġenerali. L-EIT kellu wkoll suċċess fil-ksib tal-għan ewlieni tiegħu – l-integrazzjoni sħiħa tal-katina sħiħa tal-innovazzjoni, it-tlaqqigħ tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u n-negozji permezz ta' tliet KGħI inizjali, stabbiliti fl-2010 f’oqsma identifikati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill bħala essenzjali għall-iżvilupp futur tal-Ewropa. Dawn huma enerġija sostenibbli ('KIC InnoEnergy'), l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima ('ClimateKIC') u s-soċjetà futura tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni ('EIT ICT Labs').

Barra minn hekk l-EIT issa qiegħed jikkonsolida lilu nnifsu bħala istituzzjoni tal-innovazzjoni permezz tal-kwartieri ġenerali tiegħu f’Budapest. Waqqaf ukoll il-Fondazzjoni EIT, organizzazzjoni legalment indipendenti dedikata għall-promozzjoni u l-appoġġ tax-xogħol u l-attivitajiet tal-EIT, u għat-titjib tal-impatt fis-soċjetà tal-EIT.

Il-KGħI fi triqthom biex jilħqu sħubiji integrati ta’ klassi dinjija

Stabbiliti fl-2010, l-ewwel tliet KGħI wettqu l-ewwel attivitajiet tagħhom fl-2011. Minkejja li m'għandhomx ħafna esperjenza, huma rnexxilhom jiksbu l-massa kritika fl-oqsma rispettivi tagħhom, inkluż parteċipazzjoni bbilanċjata mill-komponenti differenti tat-trijangolu tal-għarfien. Is-saħħa kkombinata tas-sħab f'KGħI – kemm fin-numru kif ukoll fil-piż li jirrappreżentaw fl-oqsma rispettivi tagħhom – tagħtihom il-potenzjal li jkunu ta’ klassi dinjija.

Graff 1 –   Il-KGħI u kolokazzjoni

Image

Il-KGħI segwewapproċċi ddifferenzjati fil-bini tal-istrateġiji u l-istrutturi tat-tmexxija tagħhom, b’mod li jirrifletti l-oqsma tematiċi differenti. Waħda mill-KGħI twaqqfet bħala kumpanija filwaqt li tnejn oħra huma organizzazzjonijiet mingħajr profitt. Kollha huma strutturati fuq madwar 30 imsieħeb prinċipali u ħames jew sitt ċentri ta’ kolokazzjoni, li ġeneralment ikollhom magħhom numru li jvarja ta’ msieħba affiljati addizzjonali, inklużi l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

It-twaqqif tal-KGħI bħala entitajiet legali mmexxija minn Kap Eżekuttiv (CEO) huwa differenza ċara mill-approċċ tradizzjonali ta’ ħafna benefiċjarji. Barra minn hekk, il-KGħI kollha jsegwu loġika tan-negozju għall-ippjanar strateġiku tal-attivitajiet tagħhom, u l-KGħI kollha implimentaw il-kunċett tal-kolokazzjoni: li jlaqqgħu flimkien timijiet differenti f’post fiżiku wieħed, li jaġixxu bħala 'clearing house' għal ħafna attivitajiet tal-KGħI, u li jgħaqqdu l-kompetenzi u l-kapaċitajiet żviluppati f’oqsma differenti ta’ speċjalizzazzjoni fuq livell pan-Ewropew. B'mod partikolari, in-negozju jkollu rwol b'saħħtu fit-twettiq tal-attivitajiet tal-KGħI u l-KGħI għandhom ikunu jistgħu jimmobilizzaw l-investiment u l-impenn fit-tul mis-settur tan-negozju.

L-attivitajiet tal-KGħI jifirxu tul il-katina sħiħa tal-innovazzjoni u jinkludu fost oħrajn it-twaqqif ta’ programmi tal-Masters u l-PhD bit-tikketta tal-EIT li jiġbru flimkien xjenza eċċellenti mal-edukazzjoni tal-intraprenditorija, servizzi tal-ħolqien tan-negozju u skemi tal-mobilità. Bl-attivitajiet inizjali tal-KGħI iffukati fuq it-talent u l-persuni, intlaħqu l-ewwel riżultati fuq l-edukazzjoni u l-intraprenditorija, inkluż it-twaqqif ta’ programmi tal-Masters u l-PhD. Żewġ KGħI għaqqdu l-isforzi tagħhom u jikkooperaw fi programm konġunt ta’ Masters fl-iSmart Grids.

Il-kisbiet tal-KGħI fl-ewwel sena tagħhom (2010-2011) huma promettenti:

Kważi 500 student lestew it-taħriġ tagħhom f’korsijiet tas-sajf u iktar minn 200 student bħalissa huma miktuba f’korsijiet speċifiċi tal-Masters bit-tikketta tal-KGħI. It-talba minn persuni b’talent hija kbira: pereżempju KIC InnoEnergy irċieva 950 applikazzjoni għall-kors tal-Master b’155 student li setgħu jiġu aċċettati. Studenti li ggradwaw minn korsijiet ClimateKIC fl-2010 u fl-2011 iffurmaw assoċjazzjoni għall-alumni bl-għan li jżommu involviment fit-tul mal-KGħI.

Diġà nħolqu sitt kumpaniji ġodda bil-flus minn premijiet u għotjiet jew b’appoġġ mill-KGħI. Aktar minn 50 kumpanija ġdida bħalissa għaddejjin minn attivitajiet ta’ inkubazzjoni. L-EIT ICT Labs qed jappoġġa 18-il kumpanija żgħira b’kowċis tan-negozju.

Ġew stabbiliti rabtiet fit-trijangolu tal-għarfien fuq livell reġjonali permezz ta’ programmi ta’ żvilupp professjonali li jifirxu fuq dixxiplini differenti, bħall-programm 'Pioneers in practice' tal-Climate KIC (59 individwu attendew għal din l-iskema ta’ mobilità s’issa).

Ġew stabbiliti regoli ġodda tal-Proprjetà Intellettwali (IP) li jistipulaw il-kondiviżjoni tal-profitti mid-drittijiet tal-IP bejn il-kumpaniji involuti u l-entità legali tal-KGħI.

Graff 2 -   Sħab tal-KGħI 2011 (Negozju, Edukazzjoni Għolja, Riċerka)

Image

1.2.   Il-valur miżjud tal-EIT: fatturi li jiddistingwu

L-approċċ tal-EIT huwa kkaratterizzat minn numru ta’ elementi li bihom iwassal għal valur miżjud vera fil-livell tal-Unjoni:

Li tingħeleb il-frammentazzjoni permezz ta’ sħubiji integrati fuq perjodu ta’ żmien twil u li tintlaħaq il-massa kritika permezz tad-dimensjoni Ewropea tiegħu: Filwaqt li jibni fuq inizjattivi ta’ kooperazzjoni eżistenti, l-EIT iwassal is-sħubiji magħżula fil-KGħI għal livell aktar permanenti u strateġiku. Il-KGħI jippermettu msieħba ta’ livell dinji biex jingħaqdu f’konfigurazzjonijiet ġodda, jottimizzaw ir-riżorsi eżistenti u jiżviluppaw mudelli ġodda u, fejn xieraq, miftuħa tal-innovazzjoni, jaċċessaw opportunitajiet ġodda ta’ negozju permezz ta’ katini ġodda ta’ valur li jindirizzaw riskju ogħla, u sfidi fuq skala akbar. Barra minn dan, filwaqt li jeżistu numru sinifikanti ta’ ċentri ta’ eċċellenza madwar l-Istati Membri, ħafna drabi dawn ma jilħqux il-massa kritika għall-kompetizzjoni globali individwalment. Iċ-ċentri ta’ kolokazzjoni tal-KGħI joffru l-opportunità lil atturi lokali b’saħħithom sabiex joħolqu rabta mill-qrib ma’ msieħba oħra eċċellenti transkonfinali, biex b’hekk dawn ikunu jistgħu jaġixxu u jiksbu rikonoxximent globali.

Titjib fl-impatt tal-investimenti fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u ttestjar ta’ mezzi ġodda għat-tmexxija tal-innovazzjoni: L-EIT jaġixxi bħala "katalist tal-innovazzjoni", billi jżid il-valur mal-bażi ta’ riċerka eżistenti, billi jaċċellera l-introduzzjoni u l-isfruttament tat-teknoloġiji u r-riżultati ta’ riċerka u billi jittrasferixxi r-riżultati tar-riċerka għall-edukazzjoni. L-attivitajiet tal-innovazzjoni min-naħa tagħhom jikkontribwixxu biex jiġu allinjati u jittieħed l-aqwa riżultati minn investimenti fir-riċerka u biex jagħmlu l-attivitajiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ aktar reattivi għall-bżonnijiet tan-negozju. Għal dan il-għan, l-EIT ġie mgħammar b’ammont sostanzjali ta’ flessibbiltà biex jiġu ttestjati mudelli ġodda tal-innovazzjoni, li jippermettu differenzjazzjoni vera fil-mudelli tat-tmexxija u l-finanzjament tal-KGħI u l-adattament mgħaġġel biex jiġu indirizzati aħjar l-opportunitajiet emerġenti.

Trawwim transkonfinali tat-talent u trawwim tal-intrapreditorija permezz tal-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien: L-EIT ikabbar l-innovazzjoni mmexxija mill-bniedem u jpoġġi lil studenti, riċerkaturi u intraprendituri fil-qofol tal-isforzi tiegħu. L-EIT jipprovdi possibilitajiet ġodda ta’ karrieri u possibilitajiet ta’ mobilità bejn l-akkademja u s-settur privat u skemi innovattivi għall-iżvilupp professjonali. It-tikketta tal-EIT mgħaqqda mal-programmi innovattivi tal-KGħI għal Masters u PhD hija mistennija tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ marka ta’ eċċellenza rikonoxxuta internazzjonalment li tgħin biex ikun attirat talent mill-Ewropa u minn pajjiżi oħra. L-intraprenditorija titkattar permezz ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ studenti ta’ klassi dinjija, inklużi studenti tal-PhD, mgħammra bl-għarfien u l-attitudnijiet biex jibdlu l-ideat f’opportunitajiet ta’ negozju ġodda. Dawn l-istudenti għandhom rwol ewlieni fl-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien.

Finanzjament intelliġenti permezz ta’ ingranaġġ ikkombinat ma’ approċċ marbut mar-riżultati u man-negozju: L-EIT jipprovdi sa 25 % tal-baġit tal-KGħI u jikkatalizza 75 % tar-riżorsi finanzjarji minn medda wiesgħa ta’ msieħba pubbliċi u privati u minn setturi terzi, billi jirrappreżenta approċċ intraprenditorjali fih innifsu, u joħloq effett tal-ingranaġġ sinifikanti billi jgħaqqad l-investiment fuq skala kbira u jressaq sorsi pubbliċi u privati differenti lejn strateġiji maqbula b’mod konġunt. Il-KGħI jagħmlu dispożizzjonijiet interni biex jiġi evitat finanzjament doppju tal-attivitajiet fil-livell nazzjonali u dak tal-EIT.

Barra minn dan, billi jiffoka kemm fuq l-impatt fuq is-suq u fuq l-impatt fuq is-soċjetà, l-EIT isegwi approċċ immexxi mir-riżultati. Il-KGħI joperaw skont loġika tan-negozju, fuq il-bażi ta’ pjanijiet ta’ negozju annwali, inkluż portafoll ambizzjuż ta’ attivitajiet mill-edukazzjoni sal-ħolqien ta’ negozju, b’miri ċari, riżultati tanġibbli u indikaturi prinċipali tal-prestazzjoni (KPIs) li jiġu mkejla magħhom.

1.3.   Sinerġiji u punti kumplimentari ma’ inizjattivi ta’ politika u ta’ finanzjament oħra

Ir-relazzjonijiet bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni għolja qed jiġu dejjem aktar rikonoxxuti fl-inizjattivi u l-programmi tal-Unjoni. Hemm potenzjal kbir għal azzjonijiet li jissaħħu b'mod reċiproku fuq livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali. Fil-livell tal-Unjoni, il-qafas strateġiku pprovdut minn Orizzont 2020 – il-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) – ikompli jiżgura li dawn is-sinerġiji jiġu sfruttati bis-sħiħ.

L-EIT jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-għanijiet stabbiliti f’Orizzont 2020, partikolarment billi jindirizza l-isfidi tas-soċjetà b’mod kumplimentari għal inizjattivi oħra f’dawn l-oqsma. F’Orizzont 2020, l-EIT jkun parti mill-għan "l-isfidi tas-soċjetà" iżda jsegwi l-approċċ tal-interazzjoni mhux interrotta mifruxa fuq l-għanijiet, jikkontribwixxi wkoll għall-għan tat-"tmexxija industrijali" billi jistimula r-riċerka mmexxija mir-riżultati u jkattar il-ħolqien ta’ SMEs innovattivi bi tkabbir għoli. Fl-aħħar nett, jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' għan "bażi tax-xjenza eċċellenti" billi jkattar il-mobilità transkonfinali – tad-dixxiplini, is-setturi u l-pajjiżi – u billi jintegra l-intraprenditorija u kultura li tieħu r-riskji f’lawrji tal-edukazzjoni għolja innovattivi.

L-EIT għalhekk tikkontribwixxi ferm għall-promozzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ qafas li huma meħtieġa biex jitwettaq il-potenzjal innovattiv tar-riċerka tal-Unjoni u biex jippromwovu t-tlestija taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER).

Barra minn hekk, l-EIT toffri dimensjoni kompleta u neċessarja tal-edukazzjoni lill-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni. Permezz tal-edukazzjoni innovattiva u intraprenditorjali, l-EIT għandu rwol importanti biex jgħaqqad il-qafas tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-politiki u l-programmi tal-edukazzjoni u jipprovdi l-impenn fit-tul meħtieġ biex ikun hemm bidliet sostenibbli fl-edukazzjoni għolja. Partikolarment permezz ta’ lawrji ġodda trans- u interdixxiplinarji bit-tikketta tal-EIT, mogħtija minn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja parteċipanti f'konformità mar-regoli u l-proċeduri ta' akkreditazzjoni nazzjonali, l-EIT qed imexxi sforz kollaborattiv lejn edukazzjoni għall-innovazzjoni b'rabta ċara mal-aġenda usa’ Ewropea għall-modernizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja sabiex b’hekk issir promozzjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja

Barra minn dan, hemm opportunitajiet sabiex tissaħħaħ l-interazzjoni b’mod reċiproku mal-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni billi jiġu indirizzati r-rabtiet bejn l-aspetti lokali u globali tal-innovazzjoni. Ċentri ta’ kolokazzjoni jipprovdu kollaborazzjoni transkonfinali kemm ġewwa u barra n-netwerks tal-KGħI u jinstabu f’pożizzjoni tajba biex japprofittaw u jibbenefikaw minn diversi skemi ta’ finanzjament mir-reġjuni rispettivi tagħhom. Iċ-ċentri tal-kolokazzjoni għandhom rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-konnettività lokali-globali tal-KGħI kollu kemm hu, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali, partikolarment dawk involuti fid-disinn u t-twassil tal-Istrateġiji tal-Innovazzjoni Reġjonali għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3). Barra minn hekk, ir-rabtiet bejn il-KGħI u l-organizzazzjonijiet lokali ta’ raggruppament jistgħu jissaħħu biex jiżdied l-involviment tal-SMEs fl-attivitajiet tal-KGħI. Filwaqt li l-opportunitajiet għas-sinerġiji jvarjaw skont il-qasam tematiku ta’ KGħI, numru ta’ inizjattivi u programmi fil-livell tal-Unjoni jidhru partikolarment tajbin biex joffru benefiċċji mill-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni. Billi l-istess kunċett tal-EIT/KGħI jiddependi fuq li jżid il-valur għall-eċċellenza Ewropea eżistenti, il-KGħI – tal-preżent u tal-futur – permezz tad-definizzjoni tagħhom ifittxu li jesploraw dawn is-sinerġiji għal livell massimu. Il-KGħI huma mistennija jżidu l-valur ma’ inizjattivi li jistgħu jeżistu fl-oqsma rilevanti, inkluż Inizjattivi għall-Ipprogrammar Konġunt (JPIs), Sħubiji Ewropej tal-Innovazzjoni (EIPs) u Sħubiji Pubbliċi Privati (PPPs).

Inizjattivi għall-Ipprogrammar Konġunt, strument prinċipali biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni fir-riċerka, għandhom jipprovdu n-nukleu tal-bażi tar-riċerka pan-Ewropea tal-KGħI, fejn xieraq. Min-naħa tagħhom, il-KGħI jistgħu jgħaġġlu u jrawmu l-isfruttament ta’ riċerka pubblika eċċellenti miġbura flimkien mill-JPIs, u b’hekk jindirizzaw il-frammentazzjoni fl-innovazzjoni. L-Inizjattivi għal Teknoloġiji Konġunti (JTIs) u s-Sħubiji Pubbliċi Privati mwaqqfa dan l-aħħar jipprovdu pjattaformi għall-promozzjoni ta’ riċerka fuq skala kbira mmexxija mill-industrija u jtejbu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji prinċipali. Il-KGħI jistgħu jgħinu biex jikkatalizzaw dawn l-investimenti ta' riċerka prinċipali biex iqawwu t-trasferiment tat-teknoloġija u l-kummerċjalizzazzjoni u biex jiżviluppaw attivitajiet ġodda fin-negozju eżistenti permezz ta’ talent intraprenditorjali. Permezz tal-approċċ tiegħu tat-trijangolu tal-għarfien, l-EIT jikkomplementa l-investiment tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC) fuq ir-riċerka ta’ livell dinji billi jindirizza l-katina kollha tal-innovazzjoni mill-ideat għall-applikazzjoni u l-isfruttament u jipprovdi opportunitajiet addizzjonali fl-innovazzjoni u espożizzjoni għall-intraprenditorija għal riċerkaturi 'Marie Sklodowska-Curie' u studenti tal-'Erasmus +', għat-trawwim tal-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u ż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja.

L-Isħubiji Ewropej tal-Innovazzjoni li ġejjin jipprovdu oqfsa globali biex jiffaċilitaw l-allinjament u s-sinerġiji intelliġenti fost strumenti u politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni mmexxija mill-provvista u d-domanda. Il-KGħI jistgħu jikkontribwixxu għall-EIPs permezz tan-natura mifruxa tagħhom u l-esperjenza prattika, u partikolarment billi jiżviluppaw il-kapital uman meħtieġ, jedukaw l-atturi ewlenin bħall-intraprendituri u r-riċerkaturi, u jidentifikaw il-kundizzjonijiet ta’ qafas u l-aqwa prattika fuq kwistjonijiet ta’ politika, regolatorji jew ta’ standardizzazzjoni fis-settur rilevanti tagħhom.

Fil-prattika, opportunitajiet għal sinerġiji jimmaterjalizzaw b’modi differenti, minn KGħI għal KGħI u minn sfida għal sfida. Illum, qed jiġu żviluppati rabtiet fil-livell tal-KGħI ma’ inizjattivi oħra, li jvarjaw skont il-punti speċifiċi ta' kull KGħI u l-qasam tematiku tagħha. Barra minn hekk, l-EIT għandu jrawwem is-sinerġiji u l-interazzjoni tal-KGħI bejn il-pilastri fl-inizjattiva Orizzont 2020 u ma’ inizjattivi rilevanti oħrajn, filwaqt li jqis kif dovut ir-riskju ta’ duplikazzjoni.

Eżempji ta’ sinerġiji bejn KGħI u inizjattivi oħra fil-prattika (minn 9/2011)

EIT ICT Labs jikkoordina u jaħdem mill-qrib mal-Isħubija Pubblika Privata tal-Internet futura, l-Inizjattiva ta’ Teknoloġija Konġunta Artemis u inizjattivi ta’ EUREKA bħal ITEA (Information Technology for European Advancement), u s-sħubija Trust in Digital Life. Billi japplika “katalisti” tal-KGħI bħall-Innovation Radar, il-Patent Booster u t-Technology Transfer matul iċ-ċiklu tal-eżistenza ta’ proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-Unjoni, EIT ICT Labs iqawwu l-impatt tas-suq tagħhom. Billi joffri aċċess għaċ-ċentri ta’ kolokazzjoni tiegħu dan jista’ jtejjeb il-mobilità ta’ persuni u ideat madwar l-Ewropa.

KIC InnoEnergy jikkontribwixxi għall-preżentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tat-Teknoloġija tal-Enerġija tal-Unjoni (SET Plan), permezz ta’, fost l-oħrajn, il-parteċipazzjoni tiegħu fil-pjattaforma SETIS dwar sorveljanza u ppjanar ta’ teknoloġija u l-kontribut tiegħu fl-Inizjattivi Industrijali Ewropej. Dan bħalissa jaħdem ukoll maċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni għall-kapaċitajiet ta’ simulazzjoni fil-bini ta’ xenarji.

Climate KIC qed tipprovdi sinerġiji b’mod attiv ma’ Inizjattivi għall-Ipprogrammar Konġunt (JPIs) f’dan il-qasam, peress li l-aġenda tal-innovazzjoni u l-pjan ta’ implimentazzjoni ta’ Climate KIC ikunu parzjalment ibbażati fuq l-aġenda strateġika komuni identifikata fil-JPI dwar il-klima (servizzi u adattament tal-klima). Komunitajiet Reġjonali ta’ Innovazzjoni u Implimentazzjoni (RICs) ta’ Climate KIC jipprovdu mudell oriġinali ta’ innovazzjoni reġjonali madwar l-Ewropa, li juża r-reġjuni bħala bażi għal testijiet, billi jorbot l-iżvilupp tal-kapaċità maniġerjali u l-aspetti b’saħħithom reġjonali ma’ sfidi globali.

2.   Wara l-2013 r-rwol tal-EIT jiġi approfondit: prijoritajiet

2.1.   Jingħata inċentiv għat-tkabbir, l-impatt u s-sostenibbiltà permezz tal-EIT

Tagħlimiet mill-fażi tat-twaqqif

Il-proċess tat-twaqqif tal-KGħI inizjali involva ammont sostanzjali ta’ 'tagħlim bil-prattika'. Wera li l-KGħI huma kunċetti ġodda u l-isfida li l-KGħI jiġu organizzati legalment u li jiġu ffurmati relazzjonijiet kuntrattwali mal-KGħI u mas-sħab tagħhom kienet sottovalutata mill-partijiet kollha involuti fil-proċess. Nuqqas ta’ għarfien tal-adattabilità ta’ forom differenti ta’ entità legali m’għenx biex itaffi l-proċess tat-twaqqif. Filwaqt li għandu jinżamm l-approċċ minn isfel għal fuq, li jagħti spazju sostanzjali lil kull KGħI biex torganizza l-isħubiji tagħha, għandha tingħata aktar gwida u appoġġ biex jiġu identifikati proġetti ġodda legali adattati. Barra minn dan, l-isfida li jinġiebu flimkien kulturi akkademiċi u ta’ negozju differenti f’entità legali waħda m'għandhiex tkun sottovalutata; għalhekk l-importanza li jkunu kondiviżi valuri komuni kemm fuq livell tal-KGħI u tal-EIT. Barra minn hekk, il-KGħI huma innovazzjonijiet istituzzjonali fuq skala kbira, u l-ebda żewġ KGħI m’huma l-istess f'termini tal-karatteristiċi tagħhom, inkluż id-daqs u l-organizzazzjoni tagħhom. Dan joffri firxa kbira ta’ mudelli tal-innovazzjoni, iżda jagħmel il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ ġenerali tal-KGħI iktar diffiċli.

Fil-futur, l-EIT għandu jagħti gwida upstream iktar ċara mill-proċess tal-għażla biex jiżgura li fatturi strateġiċi essenzjali huma kondiviżi mill-KGħI kollha, filwaqt li jippermettu approċċi differenti fl-organizzazzjoni, it-twassil u l-finanzjament tal-approċċi.

L-EIT għandu jnaqqas il-piż amministrattiv u jxerred l-aħjar prassi u esperjenzi tal-KGħI eżistenti lill-KGħI ġodda. Finalment, in-numru totali attwali ta’ tliet KGħI għadu ma jipprovdix il-massa kritika għall-EIT sabiex dan jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu bħala istitut ta' innovazzjoni minn ta’ quddiem.

Barra minn hekk, l-EIT għandu jkun iktar mit-'totalità tal-partijiet tiegħu' u l-attività bejn il-KGħI għandha tkun promossa.

L-EIT jeħtieġ li, fuq perjodu ta’ żmien twil, jikkultiva identità ċara u marka EIT madwar id-dinja. It-trawwim ta’ marka EIT b’saħħitha jista’ jinkludi azzjonijiet biex jinħoloq netwerk b’saħħtu ta’ bnedmin u negozji madwar il-komunità tal-EIT (studenti, eks-studenti, edukaturi, imprendituri, professjonisti, eċċ.) u l-organizzazzjoni ta' konferenzi u avvenimenti biex jitkattar sens ta’ identità u viżibilità.

L-EIT bħala investitur fit-trijangolu tal-għarfien

Huwa u jkompli jibni fuq dawn it-tagħlimiet, l-EIT biħsiebu jikkonsolida u jiżviluppa iktar ir-rwol tiegħu bħala ‘investitur’ li jrawwem u jippermetti li ċ-ċentri eżistenti ta’ eċċellenza fir-riċerka, in-negozji u l-edukazzjoni għolja fl-Ewropa jiltaqgħu u jkattru l-kollaborazzjonijiet sistematiċi fit-tul tagħhom permezz tal-KGħI.

L-approċċ tal-‘investitur EIT’ jirrappreżenta l-punt fokali biex jiġu identifikati l-aqwa opportunitajiet strateġiċi u biex jintagħżel portafoll ta’ sħubiji ta' livell dinji – il-KGħI – sabiex irendu fuq dawn. Bħala parti minn dan l-approċċ, l-EIT jagħti l-għotjiet annwali lill-KGħI abbażi tar-rendiment tagħhom fil-passat u l-attivitajiet li jipproponu fil-pjan ta’ ħidma tagħhom skont proċedura ċara u trasparenti. L-evalwazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma jiġu appoġġati mill-esperti indipendenti esterni. F’din il-perspettiva, l-EIT mhux biss għandu jwaqqaf direzzjonijiet u viżjonijiet wiesgħa, imma jinħtieġ li jipprovdi lill-KGħI b’livell xieraq ta’ appoġġ u jissorvelja r-rendiment tagħhom. Fl-istess ħin, il-KGħI huma mogħtija ammont sostanzjali ta’ spazju biex huma jiddefinixxu l-aġenda, l-istrateġiji interni u l-organizzazzjoni tagħhom kif ukoll biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom u jimmobilizzaw it-talent u r-riżorsi meħtieġa.

Dħul fuq l-investiment tal-EIT fil-KGħI jitkejjel f’termini tal-benefiċċji tanġibbli għall-ekonomija Ewropea u s-soċjetà inġenerali, bħall-ħolqien ta’ negozji, prodotti u servizzi ġodda fi swieq eżistenti u futuri, persuni intraprenditorjali b’kapaċitajiet aqwa, opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda u aktar attraenti, u l-attrazzjoni u ż-żamma ta’ talent madwar l-Unjoni u ’l barra minnha.

Dan jirrikjedi t-twaqqif ta’ sistema b’saħħitha ta’ monitoraġġ u valutazzjoni għall-EIT, li tiffoka fuq il-kisbiet, ir-riżultati u l-ġenerazzjoni tal-impatt kemm ekonomiku u kemm fuq is-soċjetà u tkun imqabbla mal-aqwa prattiki internazzjonali. It-twaqqif ta’ sistema ta’ monitoraġġ ibbażata fuq ir-rendiment biex tevalwa l-impatt tal-EIT permezz tal-KGħI, ir-rendiment tal-EIT stess bħala organizzazzjoni u l-kontribut tal-EIT lil Orizzont 2020 huwa prijorità f'din id-direzzjoni.

Element importanti f'dan ir-rigward huwa wkoll l-iżvilupp, flimkien mal-KGħI, ta’ ‘identità korporattiva’ reali tal-EIT fuq grupp ta’ valuri kondiviżi. Filwaqt li l-KGħI kollha u s-sħab individwali tagħhom għandhom identitajiet u valuri korporattivi tagħhom stess, huma kollha jikkondividu l-valuri li jgħaqqdu flimkien il-komunità EIT/KGħI. Dawn huma: eċċellenza fit-trijangolu tal-għarfien; persuni b’ħiliet speċjalizzati u intraprenditorjali kbar; kollaborazzjoni fit-tul bejn il-fruntieri, id-dixxiplini u s-setturi; u l-punt fokali fuq l-impatt tas-soċjetà u ekonomiku. Identità bħal din ittejjeb ukoll il-viżibilità u r-reputazzjoni esterna tal-EIT u l-KGħI.

2.1.1.   Il-konsolidazzjoni u t-trawwim tat-tkabbir u l-impatt tal-KGħI eżistenti

L-EIT jappoġġa b’mod attiv it-tliet KGħI inizjali biex itejjeb il-potenzjal u l-impatt tagħhom u l-kontribuzzjoni tagħhom lill-għanijiet ta’ Orizzont 2020. Maż-żmien, il-KGħI jespandu l-portafoll inizjali tal-attivitajiet tagħhom sabiex jiksbu opportunitajiet ġodda fis-suq jew fis-soċjetà u jadattaw ruħhom għal ambjent dinji li qed jinbidel. Biex jappoġġa dawn l-iżviluppi, l-EIT għandu jagħti pariri u jiddefinixxi, b'mod miftuħ u trasparenti u f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ kull KGħI individwali, strateġiji ta’ kofinanzjament imfassla apposta, li fl-istess ħin isostnu attivitajiet strateġiċi minn perspettiva tal-EIT.

Il-KGħI għandhom jibqgħu sħubiji dinamiċi u b’hekk ikunu miftuħa għal sħab ġodda fl-Ewropa kollha abbażi ta' eċċellenza, imma wkoll iwaqqfu oħrajn eżistenti jekk dan ikun meħtieġ. Il-KGħI għandhom jesploraw sorsi ġodda ta’ eċċellenza eżistenti u potenzjali meta dawn iwasslu għal valur miżjud, permezz tal-parteċipazzjoni ta’ msieħba ġodda f’ċentri eżistenti ta’ kolokazzjoni, xogħol imtejjeb ta’ kolokazzjoni f’kull KGħI jew ukoll, it-twaqqif ta’ ċentru ġdid ta’ kolokazzjoni, filwaqt li s-sħubija KGħI tagħhom tinżamm iffukata, robusta u li maneġġevoli.

Bilanċ tajjeb bejn il-kooperazzjoni u l-kompetizzjoni huwa daqstant importanti biex il-KGħI jersqu sal-prestazzjoni massima tagħhom. L-EIT jagħti inċentivi lill-KGħI sabiex dawn jimpenjaw ruħhom f’xogħol bejn il-KGħI f'temi li joffru potenzjal qawwi għal sinerġiji, pereżempju permezz ta’ korsijiet konġunti ta’ żvilupp professjonali, attivitajiet konġunti ta’ riċerka, gradi Masters jew PhDs jew mobilità bejn il-KGħI għall-akkademja u n-negozju. Fl-istess ħin, l-EIT jipprovdi inċentivi għal ċertu ammont ta’ kompetizzjoni sabiex il-KGħI jibqgħu ffukati fuq ir-riżultati u l-impatt u jieħdu miżuri xierqa fil-każ ta’ rendiment mhux daqshekk tajjeb.

Il-KGħI mhux biss jibnu fuq il-bażi ta' riċerka eċċellenti eżistenti tas-sħab tagħhom, imma huma wkoll minn ta’ quddiem biex jippromwovu u jimplimentaw il-missjoni edukattiva tal-EIT. L-għan huwa li persuni b’talent jiġu edukati u mħarrġa bil-kapaċitajiet, l-għarfien u l-kundizzjoni mentali inkluż l-intraprenditorija, meħtieġa f'ekonomija u soċjetà tal-għarfien globali. Għal dan il-għan, l-EIT jippromwovi b’mod attiv, inter alia, il-gradi b’tikketta tal-EIT billi jissorvelja l-kwalità u l-implimentazzjoni konsistenti tagħhom fil-KGħI. F’dan ix-xogħol, huma jagħmlu użu estensiv mill-valutazzjonijiet ta’ msieħba u esperti, u jistabbilixxu djalogu mal-korpi nazzjonali u internazzjonali tal-assigurazzjoni tal-kwalità. Dan itejjeb ir-rikonoxximent u r-reputazzjoni nazzjonali u internazzjonali tal-kwalifiki bit-tikketta tal-EIT u jżid l-attrazzjoni tagħhom globalment, biex b'hekk iżid l-impjegabilità tal-gradwati filwaqt li jipprovdi pjattaforma għall-kollaborazzjoni f’livell internazzjonali. Fil-futur, KGħI ikunu mħeġġa biex jespandu l-attivitajiet edukattivi tagħhom lil hinn mill-edukazzjoni post-graduate lil varjetà akbar ta’ moduli ta’ studju biex jaqdu varjetà usa’ ta’ attivitajiet innovattivi, ta’ żvilupp professjonali, li jinvolvu edukazzjoni eżekuttiva, korsijiet ta’ taħriġ imfassla apposta, inklużi korsijiet ta' taħriġ professjonali, u skejjel tas-sajf, kif ukoll apprendistati fi ħdan il-KGħI u s-sħab tagħhom.

Biex jittejjeb l-impatt tal-attivitajiet edukattivi tal-KGħI u biex tintlaħaq udjenza usa, il-KGħI jistgħu jipprevedu d-disinn, fuq bażi sperimentali, ta’ moduli ta' tagħlim mill-bogħod u tagħlim elettroniku għal korsijiet undergraduate jew pakketti li jkunu mmirati għall-edukazzjoni fl-iskola.

L-EIT:

Iħeġġeġ lill-KGħI biex jiżviluppaw varjetà ikbar u jipprovdu pariri dwar attivitajiet edukattivi u tat-taħriġ, u biex iqajmu għarfien dwar l-eżistenza ta' dawn l-attivitajiet.

Iwaqqaf gradwalment mekkaniżmi ta' reviżjoni kompetittivi għall-allokazzjoni ta’ persentaġġ mill-għotja tal-KGħI, li jkun ibbażat fuq il-pjanijiet ta' negozju tal-KGħI u l-prestazzjoni tagħhom u li jqis il-fatt li l-KGħI jikbru b’rati differenti.

Jinċentivizza l-KGħI biex jiżviluppaw attivitajiet konġunti dwar kwistjonijiet orizzontali.

Iwaqqaf sistema ta’ valutazzjonijiet minn sħab għal kwalifiki bit-tikketta tal-EIT u jidħol fi djalogu ma’ korpi ta' assigurazzjoni nazzjonali u internazzjonali biex jiġi promoss approċċ konsistenti.

2.1.2.   Il-ħolqien ta' KGħI ġodda

Sabiex ikompli jtejjeb l-impatt u jinċentiva l-innovazzjoni f’oqsma ġodda ta’ sfidi tas-soċjetà, gradwalment l-EIT jespandi l-portafoll tiegħu ta’ KGħI. Billi jsegwi rotta ta’ żvilupp inkrimentali biex iwaqqaf KGħI ġodda, l-EIT jiżgura li l-lezzjonijiet li ttieħdu minn sessjonijiet preċedenti jiġu kkunsidrati kif xieraq, u li l-KGħI jitwaqqfu biss f’oqsma fejn hemm potenzjal ċar ta’ innovazzjoni u eċċellenza mill-aqwa li wieħed jista’ jibni fuqhom. Fil-perjodu 2014-2020, il-KGħI ġodda jitwaqqfu fi tliet mewġiet. Sejħa għal żewġ KGħI tinħareġ fl-2014, sejħa ulterjuri għal żewġ KGħI fl-2016 u fl-aħħar nett sejħa għal KGħI waħda fl-2018, soġġetti għal eżitu pożittiv tar-reviżjoni tal-EIT, prevista mill-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jwassal għal portafoll ta’ tmien KGħI fil-perjodu 2014-2020 (li jfisser it-twaqqif ta’ madwar 35-45 ċentru ta’ kolokazzjoni madwar l-Unjoni). Il-proċess tal-għażla għal KICs għandu jibni bis-saħħa fuq ir-riżultati pożittivi tat-tagħlimiet meħudin mill-proċess tal-ewwel fażi tal-KGħI u valutazzjoni esterna bir-reqqa tal-EIT u l-KGħI eżistenti, inkluż valutazzjoni tal-impatt ekonomiku u fuq is-soċjetà tal-KICs u l-kontribuzzjoni tal-EIT biex isaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri, kif ukoll, meta applikabbli, fuq ir-riżultati mill-valutazzjonijiet ta’ Orizzont 2020.

Il-KGħI l-ġodda jitwaqqfu f'oqsma li joffru potenzjal innovattiv reali. L-EIT għalhekk jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-għanijiet tal-aġenda politika usa’ tal-Unjoni u partikolarment għall-għanijiet ta’ Orizzont 2020, li jidentifika għadd kbir ta’ sfidi kbar għas-soċjetà, u t-teknoloġiji tat-twettiq u industrijali. L-għan huwa li jitwaqqfu l-KGħI f’oqsma tematiċi li, minħabba l-kobor u n-natura kumplessa tagħhom, jistgħu jkunu indirizzati biss permezz ta’ approċċ transdixxiplinarju, transkonfinali u transettorjali. L-għażla tal-oqsma tematiċi għalhekk għandu jkun ibbażat fuq analiżi bir-reqqa dwar jekk il-KGħI jistax iġib valur miżjud reali u jekk jistax ikollu impatt pożittiv fuq l-ekonomija u s-soċjetà.

Il-Kummissjoni Ewropea wettqet din l-analiżi bi proċess imfassal biex jevalwa oġġettivament il-potenzjal tat-temi futuri tal-KGħI. Punt inizjali wieħed kien l-abbozz tal-ASI li l-Bord tat-Tmexxija tal-EIT bagħat lill-Kummissjoni f’Ġunju 2011. B’mod parallel, ġie żviluppat grupp ta’ kriterji robusti li jippermetti valutazzjoni oġġettiva tal-potenzjal tal-innovazzjoni offrut minn kull tema futura. Il-validità ta’ dawn il-kriterji kienet ikkontrollata mal-komunità usa’ tal-innovazzjoni mit-trijangolu tal-għarfien permezz ta' konsultazzjoni pubblika miftuħa. Dan il-proċess irriżulta fil-lista ta’ kriterji li ġejja:

L-indirizzar ta’ sfidi ekonomiċi u soċjali kbar li tiffaċċja l-Ewropa, u kontribut għall-ksib tal-Aġenda tal-Ewropa 2020;

L-allinjament u l-koordinazzjoni mal-prijoritajiet rilevanti tal-Unjoni kif ukoll mal-inizjattivi eżistenti definiti f’Orizzont 2020 u Erasmus+.

Ikun jista’ jimmobilizza l-investiment u l-impenn fit-tul mis-settur tan-negozji; li jkun hemm suq eżistenti għall-prodotti tiegħu jew ikun jista' joħloq oħrajn ġodda;

Il-ħolqien ta' impatt sostenibbli u sistemiku, imkejjel f’termini ta’ persuni intraprenditorjali edukati ġodda, teknoloġiji ġodda, negozji ġodda u impjiegi ġodda b’ħiliet speċjalizzati;

It-taħlit ta’ massa kritika ta’ riċerka f’livell dinji, edukazzjoni u partijiet interessati fl-innovazzjoni fl-Ewropa kollha, li kieku ma kinux jingħaqdu, inkluż il-kooperazzjoni mas-sħab barra mill-Ewropa;

Il-ħtieġa ta’ approċċi transdixxiplinarji u t-tħeġġiġ lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex jiżviluppaw tipi ġodda ta’ edukazzjoni bejn id-dixxiplini differenti;

L-indirizzar ta’ spazji vojta ta’ innovazzjoni prinċipali bħall-paradoss Ewropew, jiġifieri temi fejn l-Ewropa għandha bażi qawwija ta’ riċerka iżda prestazzjoni dgħajfa tal-innovazzjoni.

L-evalwazzjoni tat-temi proposti fl-abbozz tal-EIT kif ukoll mill-komunità usa' ta’ partijiet interessati wriet b’mod ċar ċertu livell ta’ varjazzjoni fir-rigward tal-impatt potenzjali li joffri t-twaqqif ta’ KGħI. Bħala riżultat, numru ta’ temi twarrbu kompletament; oħrajn ġew definiti mill-ġdid sabiex jirrispondu aħjar għall-punti speċifiċi tal-kuntest Ewropew u globali f’dan il-qasam.

L-oqsma tematiċi li ġejjin ġew identifikati bħala dawk fejn it-twaqqif ta’ KGħI għandu l-akbar potenzjal li jżid il-valur ma’ attivitajiet eżistenti u jwassal għal spinta reali għall-innovazzjoni:

Innovazzjoni għal Għajxien F’Kundizzjoni ta’ Saħħa Tajba u Xjuħija Attiva

Materja Prima - Esplorazzjoni, Estrazzjoni, Ipproċessar, Riċiklaġġ u Sostituzzjoni Sostenibbli

Food4Future - Katina ta’ Provvista Sostenibbli mir-Riżorsi sal-Konsumaturi

Manifattura b’valur miżjud

Mobilità Urbana

Fid-dokumenti fl-aħħar ta’ dan id-dokument hemm iktar dettalji dwar it-temi individwali (3).

Abbażi ta’ dawn it-temi, l-EIT ikollu l-awtonomija biex jorganizza l-proċess tal-għażla tal-KGħI fil-futur. Is-suċċess ta’ sejħiet futuri għal KGħI jiddependi fil-parti l-kbira fuq gwida ċara fir-rigward tal-aspettattivi u r-rekwiżiti, kif ukoll skeda li tippermetti lill-applikanti tal-KGħI biex jorganizzaw ruħhom b’mod solidu kemm legalment u kemm finanzjarjament qabel ma jissottomettu proposta. Il-KGħI jingħażlu skont kriterji dettaljati definiti fir-Regolament tal-EIT, u bbażati fuq il-prinċipji ġenerali tal-eċċellenza u r-rilevanza tal-innovazzjoni. Kull KGħI magħżula jkollha turi kif ser toħloq impatt massimu fil-qasam magħżul u tagħti prova tal-vijabilità tal-istrateġija tagħha.

B’riflessjoni tal-ħtieġa għal approċċ aktar gradwali fit-twaqqif tal-KGħI il-ġodda, l-għażla għat-tliet mewġiet ġiet ibbażata fuq il-maturità tal-qasam, l-impatt potenzjali tas-soċjetà u ekonomiku, kif ukoll l-opportunitajiet għal sinerġiji ma’ inizjattivi oħra. It-temi għall-mewġa tal-2014 huma:

Innovazzjoni għal Għajxien F’Kundizzjoni ta’ Saħħa Tajba u Xjuħija Attiva

Materja Prima – Esplorazzjoni, Estrazzjoni, Ipproċessar, Riċiklaġġ u Sostituzzjoni Sostenibbli

It-temi għall-mewġa tal-2016 huma:

Food4Future - Katina ta’ Provvista Sostenibbli mir-Riżorsi sal-Konsumaturi

Manifattura b’valur miżjud

It-temi għall-mewġa tal-2018 huma:

Mobilità Urbana

L-EIT

Iħejji proċedura tal-għażla għal kull mewġa ġdida ta' KGħI li tippermetti biżżejjed żmien għall-applikanti tal-KGħI sabiex iħejju l-proposti.

Iniedi sejħiet għal ħames KGħI ġodda kif ġej: sejħa għal żewġ KGħI fl-2014 fit-temi tal-Għajxien f'Kundizzjoni ta' Saħħa Tajba u Xjuħija Attiva u l-Materja Prima; sejħa għal żewġ KGħI fl-2016 fl-oqsma ta' Food4Future u Manifattura b'Valur Miżjud u sejħa għal KGħI waħda fl-2018 fil-qasam tal-Mobilità Urbana.

Jagħmel l-ikbar sforz biex jiżgura li kemm jista' jkun partijiet interessati jsiru konxji mill-proċeduri ta' għażla ta' KGħI futuri.

Jiżgura li l-kundizzjonijiet ta’ qafas ta’ proċeduri tal-għażla futuri tal-KGħI jkunu jiffavurixxu riżultat ottimu, partikolarment billi jipprovdi gwida ċara rigward ir-rekwiżiti u l-proċessi, u billi jippermetti żmien biżżejjed għal dawk li qed jagħmlu l-proposti biex jorganizzaw l-isħubija

2.2.   It-titjib tal-impatt tal-EIT

It-tkattir tal-innovazzjoni madwar l-Unjoni

Fil-perjodu inizjali, l-EIT iffoka primarjament l-isforzi tiegħu biex iwaqqaf il-KGħI. Filwaqt li mira ċara għall-EIT hija t-tisħiħ taċ-ċentri eżistenti tal-eċċellenza, l-EIT ikollu wkoll jiżgura li jagħti benefiċċji għal oqsma tal-Unjoni li mhumiex qed jipparteċipaw direttament fil-KGħI. Għaldaqstant, huwa kritiku għall-missjoni tal-EIT li dan jippromwovi b’mod attiv it-tixrid tal-aħjar prassi għall-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien sabiex tiġi żviluppata kultura komuni ta’ qsim tal-innovazzjoni u l-għarfien.

Fil-futur, l-EIT għandu jaħdem biex l-esperjenza tal-KGħI tkun tista’ tinftiehem u tiġi ripetuta u mibnija f’kultura li tista’ taġixxi bħala mudell fl-Ewropa u lil hinn minnha. Bl-identifikazzjoni, l-analiżi u l-kondiviżjoni tal-aħjar prassi, kif ukoll mudelli ġodda ta’ tmexxija u ffinanzjar mill-KGħI, l-EIT qed ifittex li jiżgura li l-għarfien iġġenerat fl-EIT u l-KGħI tiegħu jiġi mqassam u kkapitalizzat għall-benefiċċju ta’ persuni u istituzzjonijiet, inkluż dawk li ma jipparteċipawx direttament fil-KGħI.

L-EIT ifittex ukoll li jżid il-viżibilità tiegħu madwar l-Unjoni. Il-mezzi u l-mogħdijiet kollha rilevanti ta' komunikazzjoni għandhom jintużaw biex jiġi żgurat aċċess suffiċjenti għal informazzjoni dwar il-funzjonament u l-ambitu tal-EIT u tal-KGħI.

L-EIT jista’ jkollu r-rwol deċiżiv biex jissintesizza d-diversità tal-approċċi applikati mill-KGħI u biex jagħmilhom trasferibbli f’oqsma fejn il-kapaċità tal-innovazzjoni hija dgħajfa, u li inkella ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-esperjenza li jkun akkwista l-EIT. Din il-firxa globali tiżgura li l-benefiċċji tal-esperjenza tal-EIT jippromwovu l-iżvilupp tal-kapaċità tal-innovazzjoni f’dawn l-oqsma. Din l-attività tista’ tiġġenera dħul qawwi peress li din tibni fuq ix-xogħol tal-KGħI.

L-introduzzjoni ta' Skema ta' Innovazzjoni Reġjonali (RIS) mmirata lejn sħubiji tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, organizzazzjonijiet ta' riċerka, kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra interessati tipprovdi mekkaniżmu speċifiku għat-tixrid tal-aħjar prattiki u biex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-KGħI.

Skema bħal din mhux biss tipprovdi lill-KGħI minn barra bl-opportunità li jibbenefikaw mill-għarfien espert tal-KGħI u tiffaċilita l-interazzjoni ma' dawn tal-aħħar, imma tipprovdilhom ukoll l-inċentivi biex jagħmlu użu sħiħ mill-għarfien u l-kapaċità miksuba f’oqsma lil hinn mill-KGħI, u b'hekk iżżid il-kapaċità ta' innovazzjoni madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, il-parteċipanti fir-RIS ikollhom juru allinjament tematiku ċar billi jirreferu għal pjanijiet ta' innovazzjoni reġjonali rilevanti, b'mod partikolari Strateġiji għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti biex jiġi żgurat impatt strateġiku.

L-iskema tiġi implimentata fuq bażi volontarja mill-KGħI bl-appoġġ, kif xieraq, min-naħa tal-EIT. Il-parteċipanti jintgħażlu permezz ta' proċess miftuħ u trasparenti mmexxi mill-KGħI.

L-attivitajiet li jsiru bħala parti mir-RIS jaqgħu taħt il-KGħI. Dawn jistgħu jinkludu azzjonijiet strutturati ta' mobilità li jiżguraw li t-talent studenti, riċerkaturi, għalliema u intraprendituri ta' kull età, ġeneru u livell ta’ karriera - lil hinn mill-KGħI, ikollhom l-opportunità li jkunu involuti fl-attivitajiet tal-KGħI.

Filwaqt li l-parteċipanti fir-RIS jużaw primarjament sorsi ta' finanzjament oħrajn inkluż finanzjament nazzjonali, fondi strutturali u riżorsi proprji biex jippermettu l-parteċipazzjoni fir-RIS, l-EIT jista' jinċentivizza l-implimentazzjoni tar-RIS mill-KGħI permezz ta' finanzjament ta' azzjonijiet ta' mobilità strutturati bħala parti mill-programm tiegħu ta' attivitajiet ta' tixrid u komunikazzjoni.

Il-mexxejja ewlenin tat-tagħlim fil-livell tal-EIT jistgħu jkunu: riċerka eċċellenti mmexxija mill-innovazzjoni għall-ħolqien ta’ negozji ġodda u mudelli ta’ negozju ġodda, inkluża l-possibilità għall-SMEs u l-istituzzjonijiet pubbliċi biex jipparteċipaw b'mod aktar attiv fl-innovazzjoni, l-immaniġġjar tal-portafolli tal-IP u approċċi ġodda għall-kondiviżjoni tal-IP, intraprenditorija u forom integrati ġodda ta’ edukazzjoni f’diversi dixxiplini; mudelli innovattivi ta’ tmexxija u finanzjarji bbażati fuq il-kunċett ta’ innovazzjoni miftuħa jew li jinvolvu lill-awtoritajiet pubbliċi. Dan għandu jgħin lil EIT sabiex ikun mudell u biex jaġixxi bħala 'game shifter' fl-ambjent Ewropew tal-innovazzjoni u biex dan isir istituzzjoni ta’ innovazzjoni ta' klassi dinjija rikonoxxuta internazzjonalment.

Trawwim u attrazzjoni ta’ talent

Fil-qalba tal-innovazzjoni b’suċċess insibu lil persuni li għandhom talent. Wieħed mir-rwoli ewlenin tal-EIT huwa li jagħti lil persuni b’talent l-opportunità li jużaw il-potenzjal tagħhom bis-sħiħ u biex dawn joħolqu ambjenti fejn jistgħu jikbru. Permezz tal-KGħI, l-EIT qed jiġġenera dawn l-ambjenti, imma għandu bżonn li jikkumplimentahom bi strateġiji biex jattira u jinkludi l-aqwa talent minn barra mill-KGħI.

Barra minn dan, l-EIT għandu rwol ċar x’jaqdi biex jattira t-talent minn barra l-Unjoni. Bil-ħolqien ta’ marka b’saħħitha u l-formazzjoni ta’ relazzjonijiet strateġiċi ma’ sħab ewlenin minn madwar id-dinja, l-EIT jista’ jżid mal-attrazzjoni tas-sħab fil-KGħI. F’kooperazzjoni mill-qrib mal-KGħI, l-EIT għandu jiżviluppa strateġija internazzjonali qawwija, billi jidentifika u jikkoordina ma’ interlokuturi rilevanti u sħab potenzjali. F’dan il-kuntest, l-EIT u l-KGħI għandhom jieħdu vantaġġ sħiħ mill-inizjattivi eżistenti tal-Unjoni f’dan il-qasam, bħall-programmi tal-Unjoni għar-riċerka, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-programmi taż-żgħażagħ, inklużi l-programm Erasmus+ u l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie u inizjattivi ta’ mobilità oħra fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-EIT jista’ jkattar il-qsim tal-għarfien, il-mentoring u n-netwerking billi jħeġġeġ, fost affarijiet oħra, it-twaqqif ta’ netwerk ta’ alumi tal-EIT.

L-EIT jikkumplimenta l-isforzi tiegħu biex jippromwovi lil persuni b’talent u ideat brillanti permezz ta’ miżuri oħra, bħall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet għal ideat jew l-għoti ta’ premjijiet għall-innovazzjoni, kemm bħala inizjattiva tagħhom stess jew f’kooperazzjoni ma’ sħab globali ewlenin.

L-EIT

Jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni u b’mod partikolari jipprovdi appoġġ, kif xieraq, lill-KGħI b’rabta mal-Iskema ta’ Innovazzjoni Reġjonali.

Jistabbilixxi /jadatta skont l-esiġenzi għodda bbażata fuq il-web sabiex jipprovdi pjattaforma għall-kondiviżjoni ta’ għarfien u netwerking madwar l-EIT.

Jibni u jappoġġa netwerk funzjonali u b’saħħtu ta’ gradwati mill-attivitajiet edukattivi u tat-taħriġ tal-EIT/KGħI (‘alumni tal-EIT’).

Jagħti aċċess sistematiku għat-tagħlimiet u s-suċċessi li jkunu ħarġu mill-KGħI lill-komunità tal-innovazzjoni usa’ tal-Unjoni u lil hinn minnha. Dan jista’ jinkludi l-iżvilupp ta’repożitorju ta’ materjal tal-kors miftuħ mill-attivitajiet edukattivi u ta’ taħriġ tal-EIT u tal-KGħI.

Jiżgura parteċipazzjoni b’saħħitha tas-settur privat, inklużi l-SMEs, fit-trijangolu tal-għarfien.

2.3.   Mekkaniżmi tat-twassil ġodda u monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati

Is-simplifikazzjoni, implimentata b’mod responsabbli, hija essenzjali għall-EIT sabiex jikseb riżultati effettivi, jippromwovi suċċessi fl-innovazzjoni u l-involviment tal-komunità tan-negozju. Għad hemm lok għall-EIT biex jisfrutta l-flessibbiltà tiegħu bis-sħiħ, sabiex tkompli tiġi estiża s-simplifikazzjoni.

Bħala ‘investitur’ fil-KGħI, l-EIT jqis is-simplifikazzjoni bħala proċess dinamiku, inkluż fl-operazzjoni tal-EIT bħala parti integrali mill-funzjoni tal-appoġġ tiegħu għall-KGħI. Għal dan il-għan, l-EIT jaħdem biex jadatta, itejjeb u jissimplifika l-proċessi ta’ monitoraġġ, rappurtar u finanzjament tiegħu u jfittex b’mod kostanti approċċi simplifikati li jistgħu jgħinu lill-KGħI biex jittrattaw bżonnijiet ġodda u emerġenti u biex irawmu l-impatt tagħhom.

Il-KGħI jipprovdu bażi tal-ittestjar ideali għal approċċi ġodda għall-iffinanzjar u l-ġestjoni tal-innovazzjoni. Permezz tal-esperimentazzjoni u l-esperjenza tal-KGħI, l-EIT jipprovdi aġenda ta’ simplifikazzjoni f’oqsma ewlenin bħalma huma l-ftehimiet kuntrattwali, ir-rappurtar simplifikat, is-somom ta' flus f'daqqa u r-rati fissi sabiex jonqos il-piż amministrattiv għall-KGħI.

Il-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-abilità tal-EIT sabiex dan jagħti l-aktar ftehimiet u prinċipji sempliċi possibbli għall-finanzjament u l-ġestjoni tal-attivitajiet tal-KGħI, abbażi tal-istess aġenda ta' simplifikazzjoni tal-EIT. Il-lezzjonijiet miksuba – inkluż in-nuqqasijiet – ikunu kondiviżi mal-KGħI futuri u l-programmi u l-iskemi tal-Unjoni taħt Orizzont 2020.

Il-Kummissjoni saħħet l-isforzi tagħha fl-appoġġ tal-EIT lejn it-twaqqif ta’ sistema ta' monitoraġġ b’saħħitha u solida orjentata lejn ir-riżultati. Din is-sistema ta’ monitoraġġ tiżgura responsabbiltà sħiħa tal-EIT u tal-KGħI, il-kwalità tar-riżultati, il-kontribuzzjoni tal-prijoritajiet Orizzont 2020, u fl-istess ħin tippermetti għal biżżejjed flessibbiltà fl-operazzjonijiet tal-KGħI u attitudni pożittiva għal ideat u sħab ġodda. Tippermetti lill-EIT jiżviluppa kapaċità solida għall-ġbir u l-analiżi tal-input mill-KGħI, inklużi sorsi ta’ finanzjament biex jitkejjel ir-rendiment tal-EIT fil-konfront tal-għanijiet tiegħu stess u biex titkejjel il-prassi tal-EIT u l-KGħI fil-konfront tal-aħjar prassi fil-livell Ewropew u dak globali.

Is-sistema tkun imfassla b'mod flessibbli u jekk meħtieġ tiġi aġġustata biex tqis il-portafoll dejjem jevolvi u jikber ta’ attivitajiet tal-EIT u l-KGħI. Wara r-rakkomandazzjoni tal-evalwazzjoni esterna indipendenti u d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ monitoraġġ skont Orizzont 2020, il-Kummissjoni pproponiet, flimkien mal-EIT u l-KGħI, it-twaqqif ta’ sistema ta’ monitoraġġ tar-rendiment orjentata lejn ir-riżultati għall-EIT, li tindirizza erba’ livelli ta’ attività:

Il-livell Orizzont 2020: biex jimmonitorja regolarment il-kontribut tal-EIT u tal-KGħI fil-ksib tal-għanijiet ta’ Orizzont 2020

Il-livell tal-EIT: biex jevalwa r-rendiment tal-EIT bħala korp effiċjenti u effettiv tal-Unjoni; dan jitkejjel f’termini ta’ appoġġ mogħti lill-KGħI, l-intensità u l-kopertura tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, tqassim u dawk internazzjonali tiegħu u l-kapaċità tiegħu li joffri proċeduri ssimplifikati.

Il-Livell trans-KGħI: biex jimmonitorja l-kontribut tal-KGħI kollha fil-ksib tal-għanijiet strateġiċi tal-EIT, kif identifikati fi strument apposta bħat-Tabella tar-Riżultati tal-EIT.

Il-livell tal-KGħI individwali: biex jimmonitorjal r-rendiment tal-KGħI individwali bbażat fuq il-miri individwali u l-indikaturi ewlenin tar-rendiment (KPIs) kif stipulati fil-pjanijiet tan-negozju individwali tal-KGħI. Il-KGħI għandhom mudelli tan-negozju u swieq differenti u għalhekk KPIs industrijali differenti li huma ċentrali għall-ġestjoni b’suċċess tal-KGħI individwali.

L-EIT

Jiżviluppa aġenda ta’ simplifikazzjoni, li tinkludi punti ta’ riferiment biex ikejlu l-progress, u rapport lill-Kummissjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni permezz tar-Rapport Annwali tal-Attività; jiżgura li l-mudelli ġodda ta’ simplifikazzjoni jitqassmu mal-Unjoni u jinforma b'inizjattivi oħra tal-Unjoni.

Jistabbilixxi, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-KGħI, sistema komprensiva biex jimmonitorja: il-kontribut tal-EIT lil Orizzont 2020; l-impatt tal-EIT permezz tal-attivitajiet tiegħu stess u dawk tal-KGħI; u r-riżultati tal-KGħI. L-EIT jirrapporta dwar l-attivitajiet kollha tiegħu ta’ monitoraġġ fir-rapport annwali ta’ attività tiegħu li jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Teħid effettiv ta’ deċiżjonijiet u arranġamenti ta' ħidma

L-istruttura tat-tmexxija tal-EIT tgħaqqad flimkien l-approċċ minn isfel għal fuq tal-KGħI mal-gwida strateġika mil-livell tal-EIT. It-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-EIT għalhekk jinħtieġ li jkun karatterizzat minn opinjoni tassew strateġika, flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni effiċjenti u involviment sistematiku ta’ atturi mit-trijangolu tal-għarfien madwar l-Ewropa.

Il-mudell tat-tmexxija tal-EIT wera l-valur globali tiegħu. Madankollu, l-esperjenzi mill-perjodu inizjali juru li jistgħu jsiru iktar sforzi biex iżidu l-effettività tal-mekkaniżmi tal-EIT għat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni. Ir-relazzjoni bejn il-Bord tat-Tmexxija tal-EIT, responsabbli għad-deċiżjonijiet strateġiċi u l-kwartieri ġenerali tal-EIT responsabbli għall-implimentazzjoni, għandha tiġi definita aħjar u ssimplifikata. Il-kwartieri ġenerali tal-EIT ikollhom jiddefinixxu l-oqsma kritiċi fejn l-EIT għandha tipprovdi appoġġ lill-KGħI, biex jolqtu bilanċ xieraq bejn il-funzjonijiet tal-appoġġ u l-monitoraġġ. Il-Bord tat-Tmexxija jeħtieġ jiżgura aħjar li d-deċiżjonijiet strateġiċi jkunu infurmati sewwa mill-esperjenzi mill-KGħI u l-komunità usa’ tal-innovazzjoni. Fl-aħħar nett, l-EIT għandu jkompli jkun responsabbli lejn il-Kunsill u l-Istati Membri.

3.1.   Simplifikazzjoni u ċarezza tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-EIT

Il-Bord tat-Tmexxija tal-EIT jistabbilixxi d-direzzjoni strateġika tal-EIT u l-kundizzjonijiet tal-qafas għall-KGħI, u permezz tal-membri tiegħu jgħaqqad l-EIT mal-komunitajiet differenti tal-partijiet interessati fil-qasam. F’konformità mal-approċċ tal-EIT orjentat lejn in-negozju, it-teħid ta’ deċiżjonijiet jinħtieġ li jkun effiċjenti, mgħaġġel u ffukat.

Fatturi determinanti f'dan ir-rigward huma d-daqs, il-kompożizzjoni u l-proċeduri tal-Bord tat-Tmexxija. Il-prinċipju ta’ membri indipendenti, ikkombinat ma’ numru limitat ta’ membri eletti li jirrappreżentaw il-komunità tal-KGħI, ta prova tal-valur tiegħu u jippremetti l-ġbir ta’ kompetenzi mit-trijangolu tal-għarfien. Il-mudell inizjali bit-18-il membru elett flimkien ma’, aktar reċentement, erba’ rappreżentanti addizzjonali tal-KGħI, madankollu wera l-limitazzjonijiet tiegħu. Bord ta’ daqs iżgħar iwassal għal teħid aktar effiċjenti ta’ deċiżjonijiet u jnaqqas l-ispejjeż amministrattivi.

Finalment, tista’ tinkiseb aktar effiċjenza billi l-Bord tat-Tmexxija tal-EIT jerġa’ jiġi ffukat fuq ir-rwol ewlieni tiegħu li huwa li jipprovdi gwida strateġika. Barra minn dan, il-koerenza ma’ inizjattivi oħra tal-Unjoni tkompli tissaħħaħ permezz ta’ konsultazzjoni rinfurzata mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Programm ta’ Ħidma Triennali tal-EIT. L-informazzjoni dwar l-EIT u l-KGħI mill-Programm ta’ Ħidma Triennali tal-EIT tippermetti l-evalwazzjoni u li jkun hemm komplementarjetà mal-partijiet l-oħra ta’ Orizzont 2020 u Politiki u strumenti oħra tal-Unjoni. Dawn il-bidliet kollha ġew inkorporati fir-Regolament (KE) Nru 294/2008 modifikat.

Id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija tal-EIT huma implimentati mill-kwartieri ġenerali tal-EIT taħt it-tmexxija tad-Direttur li huwa responsabbli għall-azzjonijiet tal-EIT. Meta jagħmel dan, il-kwartieri ġenerali jirriflettu n-natura orjentata lejn ir-riżultati tal-EIT u l-KGħI tiegħu u huwa l-qawwa li twassal għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri. Fl-istess ħin, il-kwartieri ġenerali tal-EIT jiżviluppaw il-kapaċità biex sistematikament jiddiġerixxu t-tagħlim mill-KGħI u jagħmlu dawn ir-riżultati disponibbli għall-benefiċċju tal-komunità usa' tal-innovazzjoni. Maż-żmien, il-kwartieri ġenerali tal-EIT isiru repożitorju ta’ riżori tal-aħjar prassi u sieħeb ta’ għarfien reali għal dawk li jfasslu l-politika.

L-attrazzjoni u ż-żamma ta’ professjonisti b’talent huma sfida għall-kwartieri ġenerali tal-EIT. Sabiex l-uffiċċju tal-EIT ikun mgħammar bl-aqwa talent u kapaċitajiet, dan jiddefinixxi strateġija ċara tar-riżorsi umani, inkluż għażliet li jmorru lil hinn minn impjieg dirett bħalma huma l-issekondar jew postazzjonijiet temporanji, billi jippromwovi l-iskambji regolari ta’ persunal u apprendistati ma’ istituzzjonjiet eċċellenti tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni mill-Unjoni u mill-bqija tad-dinja.

L-EIT

Jiżgura permezz ta’ strateġija intelliġenti ta’ riżorsi umani, inkluż l-użu sistematiku tal-kompetenzi interni u esterni, u proċeduri ta’ ġestjoni interni, li l-EIT jiżviluppa f’istituzzjoni ta’ referenza għal tmexxija innovattiva.

Jieħu miżuri konkreti biex ikompli jippromwovi kultura ta’ qsim ta’ esperjenzi u trasparenza.

3.2.   Ninvestu fil-KGħI: relazzjonijiet bejn l-EIT u l-KGħI

Interazzjonijiet bejn l-EIT u l-KGħI mhux biss jipprovdu l-qafas għall-KGħI sabiex joperaw b’suċċess, imma huma wkoll fil-qalba tal-proċess ta’ tagħlim reċiproku li jippermetti lill-EIT li jwettaq ir-rwol tiegħu bħala post fejn jiġu ttestjati mudelli ta’ innovazzjoni ġodda. Sabiex il-KGħI ikunu pprovduti b’kundizzjonijiet ta’ qafas xierqa, għandha tingħata gwida ċara u koerenti mill-EIT f’kull stadju tal-proċess, fl-istess ħin mingħajr ma dan ikun preskrittiv wisq. Din il-gwida tinkludi, b’mod partikolari, il-ġestjoni ta’ KGħI u kif jiġu involuti sħab prinċipali u mhux prinċipali. L-interazzjonijiet bejn il-kwartieri ġenerali tal-EIT u l-KGħI għandhom ikunu sistematiċi u regolari kif ukoll ċari, trasparenti u bbażati fuq il-fiduċja sabiex tintlaħaq l-effiċjenza massima. Kemm ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-EIT u l-KGħI kif ukoll l-arranġamenti organizzattivi tal-kwartieri ġenerali tal-EIT għandhom jikkontribwixxu għal dan.

Lil hinn minn rwol sempliċiment amministrattiv, il-kwartieri ġenerali tal-EIT jottimizza l-funzjonijiet operazzjonali tagħhom biex imexxi lill-KGħI lejn prestazzjoni massima u jagħmel ir-riżultati tajbin disponibbli. Jistgħu jinkisbu effiċjenzi mill-provvista ta’ numru ta’ servizzi u funzjonijiet ċentralizzati, pjuttost milli fuq livell tal-KGħI individwali. Filwaqt li l-KGħI kollha jaħdmu fuq temi speċifiċi, numru ta’ elementi huma ta' natura orizzontali, u huwa preċiżament hawn fejn l-EIT jista’ jipprovdi valur miżjud tanġibbli. Dawn il-funzjonijiet tal-fornitur tal-għarfien jistgħu jirrelataw b’mod partikolari biex il-kwartieri ġenerali tal-EIT isiru distributur tal-informazzjoni u interlokutur tajjeb, pereżempju biex irawwem skambju u tagħlim reċiproku bejn il-KGħI, jiffaċilita r-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u organizzazzjonijiet oħra ewlenin, bħall-OECD, jew dwar kwistjonijiet orizzontali speċifiċi, bħall-għoti ta’ pariri dwar IP, trasferiment ta’ teknoloġija u għarfien, issettjar ta’ limiti skont l-aħjar prassi internazzjonali, jew li jsiru studji ta’ antiċipazzjoni u ppjanar bil-quddiem fl-identifikazzjoni tad-direzzjonijiet futuri għall-EIT u l-KGħI. L-EIT u l-KGħI għandhom jiddeċiedu flimkien fejn dawn ix-xogħlijiet jistgħu jiġu ttrattati bl-aktar mod effiċjenti. F’dan ir-rigward, ikun ta’ importanza kruċjali għall-EIT u l-KGħI li jistabbilixxu mekkaniżmi vijabbli għal kollaborazzjoni sistematika fir-rigward ta’ kwistjonijiet orizzontali.

L-EIT

Jipprovdi gwida ċara u koerenti dwar l-aspettattivi, l-obbligi u r-responsabbiltajiet matul iċ-ċiklu sħiħ tal-KGħI.

Jiżviluppa f’kooperazzjoni mill-qrib mal-KGħI kapaċità fil-kwartieri ġenerali tal-EIT sabiex dan jiffaċilita skambju u tagħlim bejn il-KGħI.

Jipprovdi numru ta’ servizzi lil KGħI dwar kwistjonijiet orizzontali fejn jistgħu jintlaħqu l-kisbiet tal-effiċjenza, kif ukoll jimplimenta politiki korporattivi oħra għall-istess għan.

Jipprovdi gwida dwar l-affiljazzjoni u l-assoċjazzjoni ta’ sħab li mhumiex kapaċi jsiru investituri u sħab bis-sħiħ ta’ KGħI.

3.3.   L-impenn mal-partijiet interessati

Skambju attiv u tagħlim reċipoku ma’ inizjattivi oħra għandhom ikunu bażi għall-isforzi tal-EIT għall-ittestjar ta’ mudelli ġodda ta’ innovazzjoni. Għalhekk l-EIT għandu bżonn li jibni fuq l-aħjar prassi eżistenti u kompetenzi esterni sabiex dan isir il-korp ta’ referenza għall-innovazzjoni li jixtieq li jilħaq. Għalhekk huwa indispensabbli għall-Bord tat-Tmexxija li jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu infurmat mil-lezzjonjiet u l-bżonnijiet tal-atturi tal-innovazzjoni bażika, u fil-kuntest tal-qafas usa’ Ewropew. Billi jaċċetta kultura ta’ qsim ta’ esperjenza u impenn estern, l-EIT jista’ jippromwovi b’mod attiv l-adozzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ innovazzjonijiet ġodda mis-soċjetà kollha.

Għal dan il-għan, l-EIT jimpenja ruħu direttament mal-Istati Membri u partijiet oħra interessati mill-katina tal-innovazzjoni, billi jiġġenera effetti ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat. Sabiex jagħmel dan id-djalogu u l-iskambju aktar sistematiċi, it-twaqqif ta’ Forum tal-Partijiet Interessati tal-EIT, li tressaq flimkien il-komunità usa’ ta’ partijiet interessati fir-rigward ta’ kwistjonijiet orizzontali, jista’ jkun għodda xierqa biex jiffaċilita komunikazzjoni bejn iż-żewġ partijiet, interattiva.

Il-partijiet interessati jinkludu rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, entitajiet interessati organizzati u individwali min-negozju, l-edukazzjoni għolja, u r-riċerka, u organizzazzjonijiet raggruppanti kif ukoll partijiet interessati oħra mit-trijangolu tal-għarfien kollu.

Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri għandhom jiltaqgħu f’konfigurazzjoni speċjali, fil-Forum tal-Partijiet Interessati, biex jiġu ggarantiti komunikazzjoni u fluss ta’ informazzjoni xierqa mal-EIT, u jiġu infurmati dwar il-kisbiet, jagħtu parir lil, u jikkondividu esperjenzi mal-EIT u l-KGħI. Il-konfigurazzjoni speċjali tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Forum tal-Partijiet Interessati għandha tiżgura wkoll sinerġiji u komplementarjetajiet xierqa bejn l-attivitajiet tal-EIT u l-KGħI mal-programmi u l-inizjattivi nazzjonali, inkluż il-kofinanzjament nazzjonali potenzjali tal-attivitajiet tal-KGħI. L-organizzazzjonijiet tal-Forum tal-Partijiet Interessati ġew inkorporati fir-Regolament (KE) Nru 294/2008 modifikat.

Barra minn dan, il-konsultazzjoni attiva ma’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, partikolarment mas-servizzi relevanti tal-Kummissjoni, minn kmieni fil-proċess tgħin biex jiġu massimizzati s-sinerġiji u tagħlim reċiproku ma’ inizjattivi oħra tal-Unjoni.

L-EIT

Jwaqqaf Forum tal-Partijiet Interessati tal-EIT regolari, u l-konfigurazzjoni speċjali tiegħu tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, biex jiffaċilta l-interazzjoni u t-tagħlim reċiproku mal-komunità tal-innovazzjoni usa’ mit-trijangolu tal-għarfien, u inklużi l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali. F’dan il-kuntest, il-pjattaforma bbażata fuq il-web tista' tkompli tgħin biex trawwem interazzjonji bejn il-parteċipanti.

Jagħmel użu sistematiku ta’ assoċjazzjonijiet eżistenti ta’ universitajiet, negozji u organizzazzjoni ta’ riċerka u organizzazzjonijiet raggruppanti bħala pjattaformi għall-iskambju ta’ għarfien u t-tqassim ta’ riżultati.

Jistabbilixxi mekkaniżmu, bħal laqgħa annwali bejn l-EIT, il-KGħI u s-servizzi rilevanti tal-Komunità Ewropea, biex ikompli jiffaċilita sinerġiji bejn l-EIT u l-KGħI min-naħa l-waħda, u inizjattivi oħra tal-Unjoni min-naħa l-oħra.

4.   Stima tal-bżonnijiet finanzjarji u sorsi għall-iffinanzjar 2014-2020

4.1.   Konsolidazzjoni ta’ mudell ta’ finanzjament intelliġenti għall-KGħI

L-EIT fassal mudell oriġinali ta’ finanzjament li jibni fuq saħħiet u riżorsi konġunti tal-organizzazzjonijiet eċċellenti eżistenti; il-finanzjament tal-EIT jaġixxi bħala katalist biex jieħu benefiċċju minn u jgħaqqad flimkien riżorsi finanzjarji addizzjonali minn medda wiesgħa ta’ sħab pubbliċi u privati. Fuq din il-bażi, l-EIT jipprovdi medja ta’ madwar 25 % tal-finanzjament totali tal-KGħI, filwaqt li l-bqija minima ta’ 75 % ta’ baġit globali ta’ KGħI għandha tiġi minn sorsi mhux relatati mal-EIT. Dan jinkludi d-dħul u r-riżorsi tas-sħab tal-KGħI, iżda wkoll il-finanzjament pubbliku fil-livell nazzjonali, reġjonali u dak tal-Unjoni, partikolarment il-Fondi Strutturali – kurrenti u futuri – u l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Fil-każ tal-aħħar, il-KGħI (jew xi wħud mis-sħab tagħhom) japplikaw għall-finanzjament skont ir-regoli rispettivi tal-programmi u fuq livell indaqs mal-applikanti l-oħra. Il-kontribuzzjoni mis-sħab tal-KGħI mhix rekwiżit ta’ għotja klassika bħala “kofinanzjament” imma prerekwiżit għal livell minimu ta’ involviment tal-organizzazzjonijiet eżistenti u l-impenn finanzjarju tagħhom għall-KGħI. Dan l-approċċ minn isfel għal fuq jiggarantixxi impenn qawwi mis-sħab tal-KGħI, jagħti inċentiv għal investiment u jistimula bidla strutturali u organizzattiva fost is-sħab tal-KGħI u lil hinn minnhom.

L-esperjenza tal-KGħI inizjali turi li l-industrija hija impenjata finanzjarjament għall-ksib tal-pjanijiet tan-negozju tal-KGħI u li s-sehem mill-baġit tal-KGħI mis-sħab industrijali jammonta għal bejn 20 % u 30 % tal-baġit annwali tal-KGħI.

Il-finanzjament tal-EIT huwa previst biss għal “attivitajiet b’valur miżjud tal-KGħI”, jiġifieri attivitajiet li jippermettu l-integrazzjoni tal-politika dwar it-trijangolu tal-għarfien (l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni) u sħab fil-KGħI u mifruxa fihom, skont l-għanijiet u l-prijoritajiet stipulati fil-pjanijiet tan-negozju. Jinkludi partikolarment ir-riċerka bażika u applikata, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-intraprenditorija u l-proġetti ta’ ħolqien ta’ negozju tal-KGħI, li jżidu mal-investiment f’attivitajiet stabbiliti sew (pereżempju proġetti ta’ riċerka eżistenti). L-attivitajiet ta’ amministrazzjoni, ġestjoni u koordinazzjoni tal-KGħI għandhom ikunu koperti wkoll mill-kontribuzzjoni tal-EIT.

Il-KGħI jgħaddu minn diversi fażijiet ta’ żvilupp b’karatteristiċi differenti tal-baġits totali tagħhom qabel ma jilħqu rata tajba ta’ ħidma. Il-kapaċità tal-assorbiment ta’ KGħI hija relattivament limitata fil-bidu nett, imma tiżviluppa b'mod sostanzjali matul is-snin ta’ wara.

Wara fażi inizjali ta’ twaqqif ta’ sentejn, il-baġits tal-KGħI għandhom jiżdiedu b’mod sostanzjali u l-KGħI jkunu jistgħu jimmobilizzaw livell sinifikanti ta’ riżorsi ġodda minn sħab eżistenti u ġodda fi żmien relattivament qasir. Biex tintlaħaq massa kritika suffiċjenti u jinkiseb impatt fuq livell Ewropew, il-baġits annwali tal-KGħI jkunu bejn EUR 250-450 miljun b’rata tajba ta’ ħidma, skont l-istrateġija, is-sħubija u l-potenzjal tas-suq ta’ kull KGħI individwali.

Filwaqt li l-KGħI ma jkunux kompletament finanzjarjament indipendenti mill-EIT matul l-ewwel snin ta’ tħaddim, dawn ikunu mħeġġa, fuq żmien medju, li jsiru sostenibbli; jiġifieri li gradwalment inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-iffinanzjar mill-EIT – sabiex dawn ikomplu jikkonsolidaw ruħhom u jespandu. Il-finanzjment tal-EIT ikompli jingħata għal ċerti attivitajiet ta’ valur miżjud tal-KGħI fejn l-investiment tal-EIT iġib dħul sostanzjali, bħall-edukazzjoni, il-ħolqien ta’ negozju, il-kolokazzjoni, il-komunikazzjoni u t-tixrid.

Bħalissa, il-finanzjament tal-EIT lill-KGħI jsir biss permezz ta’ għotjiet. Fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (QFP 2014-2020) jistgħu jiġu stabbiliti mekkaniżmi finanzjarji ġodda permezz ta’ strumenti ta’ dejn jew ekwità. Bħala ‘investitur’ fil-KGħI, l-EIT isegwi dawn l-iżviluppi mill-qrib, u jinkoraġġixxi l-aċċess tal-KGħI biex jagħmlu użu sħiħ minn dawn, billi jiffaċilita u jikkoordina l-aċċess kif ikun jixraq.

4.2.   Il-bżonnijiet tal-baġit tal-EIT

Il-ħtiġijiet tal-baġit tal-EIT fil-perjodu 2014-2020 huma ta' EUR 2 711,4 miljun u huma bbażati fuq tliet komponenti ewlenin: l-infiq neċessarju għall-konsolidament tat-tliet KGħI eżistenti, l-iżvilupp gradwali tal-KGħI l-ġodda fl-2014, l-2016 u l-2018 rispettivament, u l-attivitajiet ta’ tixrid u komunikazzjoni u l-infiq amministrattiv.

Madwar EUR 1 695 miljun (62,5 % tal-baġit totali tal-EIT) huwa previst biex jiffinanzja l-KGħI maħtura fl-2009 u li diġà joperaw f’rata ta’ ħidma tajba; EUR 542 miljun (20 %) huma previsti għat-tieni fażi ta’ KGħI, EUR 249 miljun (9,2 %) għat-tielet fażi u EUR 35 miljun (1,3 %) għall-fażi finali.

Għalhekk, il-baġit ipproġettat tal-EIT għall-KGħI fil-perjodu 2014-2020 huwa ugwali għal EUR 2,5 biljun (93 % tal-baġit totali tal-EIT għall-perjodu 2014/2020). Permezz tal-effett qawwi tal-EIT, il-KGħI mistennija jimmobilizzaw EUR 7,5 biljun oħra minn sorsi pubbliċi u privati.

L-EIT jimpenja ruħu wkoll f’numru ta’ attivitajiet ta’ tixrid u komunikazzjoni, inkluż l-għoti ta’ appoġġ għall-mobilità strutturata fi ħdan l-RIS, li jtejjeb b’mod sinifikanti l-impatt tal-operazzjonijiet tiegħu madwar l-Ewropa. Barra minn dan, numru ta’ servizzi ta’ appoġġ u monitoraġġ orizzontali jipprovdu valur miżjud u effiċjenzi għal attivitajiet tal-KGħI. Fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ dawn l-attivitajiet, l-EIT ikollu bżonn isegwi strateġija mmirata għal proporzjon ta' effiċjenza għolja, jiġifieri massimu ta' impatt li għandu jintlaħaq permezz ta' makkaniżmi ħfief. Madwar EUR 125 miljun (4,6 %) tal-baġit tal-EIT huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet.

Jekk l-EIT imexxi mudelli ġodda ta’ innovazzjoni u simplifikazzjoni miftuħa, dan għandu jkun rifless fl-approċċ tiegħu għall-amministrazzjoni. Il-kwartieri ġenerali tal-EIT jinħtieġ li jkunu organizzazzjoni effiċjenti, li ssegwi approċċ strateġiku li tagħmel użu minn kompetenzi kull meta jkun hemm bżonn, imma mingħajr ma jinħolqu strutturi tqal u permanenti li mhumiex meħtieġa. L-ispejjeż tan-nefqa amministrattiva, li jkopru l-ispejjeż neċessarji tal-persunal, amministrattivi, tal-infrastruttura u operazzjonali, fuq iż–żmien ma jisbqux it-2,4 % tal-baġit tal-EIT. Parti mill-ispiża amministrattiva hija koperta mill-Ungerija li huwa l-pajjiż li qed jilqagħhom, permezz tal-għoti ta’ spazju għall-uffiċċju mingħajr ħlas sat-tmiem tal-2030, kif ukoll kontribuzzjoni annwali ta’ EUR 1,5 miljun għall-ispejjeż tal-persunal sat-tmiem tal-2015. Fuq din il-bażi, l-infiq amministrattiv ikun għalhekk madwar EUR 65 miljun għall-2014-2020.

Graff 3:   Analiżi tal-ħtiġijiet baġitarji

Image

Matul il-QFP li jmiss, l-EIT ikun iffinanzjat primarjament permezz ta’ kontribuzzjoni minn Orizzont 2020, li minnha huwa previst ammont ta’ EUR 2 711,4 miljuni.

Dokument Informattiv 1:   Innovazzjoni għal Għajxien F’Kundizzjoni ta’ Saħħa Tajba u Xjuħija Attiva

1.   L-ISFIDA

Is-saħħa, il-bidla demografika u l-benesseri ġew identifikati bħala sfidi prinċipali tas-soċjetà li jkunu indirizzati fil-qafas ta' Orizzont 2020. L-għanijiet globali ta’ kull azzjoni biex tiġi indirizzata din l-isfida għandhom ikunu biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ ċittadini Ewropej ta’ kull età u biex tinżamm sostenibilità ekonomika tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura soċjali fid-dawl ta’ spejjeż li qed jiżdiedu, nuqqas ta' riżorsi umani u l-aspettattivi taċ-ċittadini għall-aqwa kura possibbli.

L-isfidi relatati mas-setturi tas-saħħa u tal-kura soċjali huma numerużi u marbuta mill-qrib. Dawn ivarjaw minn mard kroniku (kardjovaskulari, kanċer, dijabete) flimkien ma’ mard ta’ piż żejjed u obeżità, mard infettiv (HIV/AIDS, tuberkolożi) u newrodeġenerattiv (magħmul agħar minn popolazzjoni li dejjem qed tixjieħ), għal iżolament soċjali, benesseri mnaqqas, aktar dipendenza ta’ pazjenti dwar kura formali u informali, u espożizzjoni multipla għal fatturi ambjentali ma’ konsegwenzi tas-saħħa fuq perjodu ta’ żmien twil li mhumiex magħrufa. Barra minn dan, il-barrieri għall-applikazzjoni, l-isfruttament u l-użu ta’ sejbiet ġodda, prodotti u servizzi jipprevjenu milli jkun hemm reazzjonijiet effettivi għal dawk l-isfidi.

Ir-risposta għal dawn l-isfidi ġiet definita f’Orizzont 2020 bħala li timmira “biex tipprovdi saħħa, kwalità tal-ħajja u benesseri ġenerali aqwa għal kulħadd billi jingħata appoġġ għal attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni. Dawn l-attivitajiet jiffokaw fuq il-manutenzjoni u l-promozzjoni ta’ saħħa matul ħajjitna, u fuq il-prevenzjoni ta’ mard; fuq it-titjib tal-abilità tagħna li nfejqu, nittrattaw u nimmaniġġjaw il-mard u d-diżabilità; l-appoġġ għal xjuħija attiva; u l-kontribuzzjoni tal-kisba ta’ settur tal-kura sostenibbli u effiċjenti, inklużi servizzi lokali u reġjonali u l-adattament tal-ibliet u tal-faċilitajiet tagħhom għal popolazzjoni li qed tixjieħ.”

2.   RILEVANZA U IMPATT

KGħI dwar l-innovazzjoni għal Għajxien f’Kundizzjoni ta’ Saħħa Tajba u Xjuħija Attiva tgħin biex jintlaħqu l-prijoritajiet ta’ Orizzont 2020, jiġifieri dawk definiti fil-kuntest tal-isfida tas-soċjetà “Saħħa, Bidla Demografika u Benesseri”.

Dan il-qasam tematiku huwa rilevanti ħafna mill-perspettiva ta’ politika tas-soċjetà u pubblika. Kwistjonijiet dwar għajxien f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba u xjuħija attiva għandhom effett fuq kważi s-setturi kollha ta' ħajjitna u s-soċjetà, u ħafna drabi jsejħu għal azzjoni regolatorja. Is-settur tas-saħħa u l-kura soċjali huwa wkoll rilevanti ħafna minn perspettiva soċjoekonomika, peress li huwa wieħed mis-setturi li fuqhom jintnefqu bosta flus (pubbliċi u privati); (4) u s-settur mhux biss joffri opportunitajiet għal innovazzjoni ekonomika u teknoloġika, imma għandu wkoll potenzjal qawwi għal innovazzjoni soċjali. Popolazzjoni li qed tixjieħ hija sfida għas-servizzi pubbliċi u teħtieġ per eżempju l-iżvilupp u t-titjib ta’ servizzi lokali u l-adattament urban.

Ir-rilevanza soċjoekonomika tista’ tkun aktar enfasizzata mill-fatt li l-Ewropa tibbenefika mill-preżenza ta’ settur farmaċewtiku solidu u sistemi ta’ saħħa u kura soċjali żviluppati tajjeb li jipprovdu impjiegi lil miljuni ta’ persuni madwar l-Unjoni. Is-settur huwa wkoll wieħed mill-akbar setturi ta’ manifattura ta’ teknoloġija għolja fl-Unjoni. Il-potenzjal għal tkabbir f’dawn l-oqsma huwa għoli ħafna peress li soċjetà li qed tixjieħ tfisser żieda ta’ domanda magħquda għal kura u prodotti u servizzi għal ħajja indipendenti.

Jidħlu fl-istampa setturi oħra, bħat-turiżmu. Il-popolazzjoni li qed tixjieħ hija magħmula fil-biċċa l-kbira minn ġenerazzjoni li hija mdorrija bl-ivvjaġġar u li għadha lesta li tivvjaġġa, għandha aspettattivi ta’ kwalità għolja u għalhekk għandha bżonn li qed jikber ta’ servizzi aċċessibbli (trasport, lukandi, divertiment, eċċ.) Servizzi tat-turiżmu aktar aċċessibbli jistgħu jtejbu l-kompetittività tas-settur kollu u jippromwovu aktar inklużjoni tal-popolazzjoni li qed tixjieħ.

Mhux l-anqas, l-Unjoni tibbenefika minn livell ta’ riċerka u edukazzjoni ta’ klassi dinjija f’dan il-qasam. F’bosta Stati Membri jeżistu infrastrutturi u istituzzjonijiet ta’ riċerka eċċellenti li jipprovdu bażi attraenti għall-involviment tal-industrija fl-attivitaijet ippjanati tal-EIT.

L-isfidi relatati mal-għajxien f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba huma validi madwar l-Ewropa. Ir-risposti, li jistgħu jingħataw minn KGħI, jirrikjedu l-kooperazzjoni intensiva bejn timijiet eċċellenti, multidixxiplinarji u għal diversi setturi b’parteċipanti mis-setturi kollha tat-trijangolu tal-għarfien (edukazzjoni għolja, riċerka u innovazzjoni). KGħI dwar din it-tema jkollha l-valur miżjud li torbot l-attivitajiet tal-innovazzjoni u l-edukazzjoni għolja mal-bażi ta’ riċerka eċċellenti diġà eżistenti. Meta tagħmel dan, din tpoġġi enfasi partikolari fuq il-kurrikula tal-edukazzjoni għolja, l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ġodda (meħtieġa pereżempju għall-iżvilupp teknoloġiku iżda wkoll fil-kura tal-anzjani), it-tisħiħ tal-aspetti intraprenditorjali sabiex jitrawwem l-iżvilupp ta’ ħaddiema intraprenditorjali ferm f’dan il-qasam, biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda, u biex issaħħaħ il-katini ta' valur jew saħansitra biex toħloq oħrajn ġodda.

Eżempji ta’ prodotti u servizzi potenzjali li jistgħu jinħolqu permezz ta’ KGħI jmorru lil hinn minn applikazzjonijiet ta’ teknoloġija (bħal applikazzjonijiet li jittrattaw, jikkodifikaw, jistandardizzaw u jinterpretaw dejta f’oqsma bħall-kanċer, il-mard kardjovaskulari; jew għodod għall-valutazzjoni tar-riskju u detezzjoni bikrija), u li jistgħu jwasslu għal innovazzjoni soċjali b’kunċetti ġodda li jtejbu pereżempju l-immaniġġjar tal-istil tal-ħajja u n-nutrizzjoni, li jrawmu għajxien attiv u indipendenti f’ambjent adatt għall-età, jew li jinżammu sistemi ta’ kura ekonomikament sostenibbli.

Filwaqt li tiffoka fuq l-aspetti sistemiċi tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura soċjali Ewropej u l-appoġġ li jingħata għal xjuħija attiva, KGħI dwar dan il-qasam tematiku tinkludi wkoll kooperazzjoni aktar qawwija bejn kumpaniji kbar u oħrajn iżgħar, aktar speċjalizzati għal aktar ċirkolazzjoni ta’ għarfien. Barra minn dan, valur miżjud speċifiku li tista’ tipprovdi KGħI f’dan il-qasam jista’ jkun il-ħolqien ta’ Sħubiji innovattivi fil-livell lokali li huwa ta’ importanza partikolari fis-settur tas-servizzi.

Permezz tal-approċċ ta’ integrazzjoni tagħha lejn it-trijangolu tal-għarfien, KGħI dwar għajxien f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba u xjuħija attiva għalhekk tkun kontributur ewlieni biex tindirizza l-‘paradoss Ewropew’: biex iżżid il-valur għall-pożizzjoni eċċellenti tal-Unjoni fir-riċerka xjentifika, u biex tbiddel dan l-assi fi prodotti u servizzi innovattivi, u opportunitajiet ta’ negozju u swieq ġodda.

L-isfidi prinċipali assoċjati mas-suċċess ta’ KGħI taħt din it-tema huma partikolarment relatati mal-innovazzjoni meħtieġa li takkumpanja u l-kundizzjonijiet tal-qafas tal-politika regolatorja, li jistgħu jinħtieġu xi adattamenti li l-KGħI mhumiex qed jippjanaw li jindirizzaw (5). Għalhekk il-KGħI jeħtieġu li jaħdmu flimkien ma’ attivitajiet ta’ innovazzjoni u politika tal-Unjoni u nazzjonali kontinwi dwar dawn il-kwistjonijiet (ara t-Taqsima li jmiss).

3.   SINERĠIJI U PUNTI KOMPLEMENTARI MA’ INIZJATTIVI EŻISTENTI

Kwistjonijiet relatati mas-saħħa u x-xjuħija attiva huma appoġġjati bis-sħiħ minn diversi inizjattivi tal-Unjoni. Dawn l-inizjattivi jinkludu firxa wiesgħa ta' oqsma tal-politika flimkien mas-settur tas-saħħa, bħall-ekonomija, is-sikurezza u l-ambjent. Għalhekk dawn jikkontribwixxu indirettament għal miri tal-Ewropa 2020 bħal R&D/Innovazzjoni, impjiegi u inklużjoni soċjali.

KGħI dwar l-innovazzjoni għal għajxien f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba u xjuħija attiva tikkoopera mill-qrib mal-proġett pilota Sħubija ta’ Innovazzjoni Ewropea (EIP) dwar Xjuħija Attiva u f’Kundizzjoni ta’ Saħħa Tajba. Din tqis l-azzjonijiet konkreti ppreżentati fil-Pjan Strateġiku tal-Innovazzjoni tal-EIP u tikkontribwixxi għall-ksib tal-għanijiet tiegħu. Din toħloq komplimentarjetà fl-edukazzjoni u mal-atturi ewlenin fit-taħriġ, iżda wkoll billi tipprovdi netwerk uniku strutturat ta’ prattikanti li jistgħu jidentifikaw kundizzjonijiet ta’ qafas u l-aqwa prattika dwar kwistjonijiet ta’ politika, regolatorji jew ta’ standardizzazzjoni, li għandhom impatt fis-settur. Fil-kuntest tal-EIP, KGħI f’dan il-qasam jista’ tikkontribwixxi wkoll għall-Inizjattiva li Tmexxi s-Suq – eHealth li għandha l-għan li tistimula s-suq għal soluzzjonijiet innovattivi ta’ eHealth bis-saħħa tal-enfasi tagħha fuq strumenti ta’ politika (standardizzazzjoni, sistemi ta’ ċertifikazzjoni u xiri pubbliku).

Il-koordinazzjoni titrawwem ukoll bl-Inizjattiva tal-Programmazzjoni Konġunta (JPI) biex ittejjeb ir-riċerka dwar Alzheimer’s u mard newrodeġenerattiv ieħor, u l-JPI ‘Aktar Snin, Ħajja Aħjar’ – il-potenzjal u l-isfidi tal-bidla demografika u l-JPI ‘Dieta tajba għal Ħajja b’Saħħitha’. KGħI f’dan il-qasam tħaffef u trawwem l-isfruttament ta’ riċerka pubblika eċċellenti magħquda flimkien minn dawn il-JPIs, u għalhekk jindirizzaw il-frammentazzjoni fix-xenarju tal-innovazzjoni.

KGħI tibni wkoll bis-sħiħ u tagħmel kapital fuq ir-riżultati ta’ riċerka ewlenin tal-Inizjattiva għat-Teknoloġija Konġunta dwar Mediċini Innovattivi u ta’ diversi proġetti ta’ riċerka tal-programm qafas li jindirizzaw din it-tema (bħall-programm ta’ riċerka dwar is-saħħa jew l-attivitajiet ta' riċerka dwar l-ICT dwar is-saħħa u x-xjuħija) biex jittejjeb it-trasferiment ta' teknoloġija u l-kummerċjalizzazzjoni permezz ta' talent intraprenditorjali ewlieni. Bl-istess mod, din tikkoordina max-xogħol tal-Programm Konġunt ta’ Għajxien Assistit fl-Ambjent u l-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni.

Bħala konklużjoni, KGħI f’dan il-qasasm tkun kumplementari għal dawn l-attivitajiet peress li tiffoka fuq attivitajiet transdixxiplinarji fit-trijangolu tal-għarfien b’enfasi qawwija fuq prodotti u servizzi innovattivi u edukazzjoni intraprenditorjali.

4.   KONKLUŻJONI

KGħI li tiffoka fuq il-kwistjoni usa’ ta’ innovazzjoni għal għajxien f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba u xjuħija attiva tissodisfa l-kriterji mressqa għall-għażla ta’ temi tal-KGħI:

Tindirizza sfida ewlenija u rilevanti ekonomika u tas-soċjetà (saħħa u benesseri matul il-ħajja ta’ kulħadd, filwaqt li jinżammu sistemi ta’ kura ekonomikament sostenibbli), u tikkontribwixxi għat-twettiq tal-aġenda Ewropa 2020 u l-għanijiet tagħha dwar l-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali.

Din l-enfasi tal-KGħI hija allinjata mal-prijoritajiet definiti f’Orizzont 2020 u hija komplementari ma’ attivitajiet oħra tal-Unjoni fl-oqsma tas-saħħa u l-kura soċjali, partikolarment mal-JPIs korrispondenti u mal-EIP dwar Xjuħija Attiva u f’Kundizzjoni ta’ Saħħa Tajba.

Tista’ tibni fuq bażi ta’ riċerka qawwija u fuq settur industrijali solidu li jkun miġbud minn KGħI. Din tkun tista’ timmobilizza l-investiment u l-impenn fit-tul mis-settur tan-negozju u toffri possibilitajiet għal diversi prodotti u servizzi emerġenti.

Tindirizza l-paradoss Ewropew, peress li tagħmel kapital mill-bażi qawwija ta’ riċerka tal-Unjoni u ssib approċċi innovattivi ġodda biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej u biex tinżamm is-sostenibilità ekonomika tas-sistemi tas-saħħa u l-kura soċjali.

Toħloq impatt sostenibbli u sistemiku, imkejjel f’termini ta’ persuni intraprenditorjali edukati ġodda, teknoloġiji ġodda u negozji ġodda. Din trawwem żviluppi teknoloġiċi ġodda u innovazzjoni soċjali.

Timmira li tegħleb il-livell għoli ta’ frammentazzjoni tas-settur kollu tas-saħħa u l-kura soċjali; u tgħaqqad il-massa kritika ta’ riċerka eċċellenti, innovazzjoni, edukazzjoni u taħriġ għall-partijiet interessati fis-settur kollu.

Tieħu approċċ sistemiku u għalhekk tirrikjedi xogħol transdixxiplinarju li jinvolvi oqsma differenti tal-għarfien, bħal: mediċina, bijoloġija, psikoloġija, ekonomija, soċjoloġija, demografija u ICT.

Dokument Informattiv 2:   Materja prima  (6) – Esplorazzjoni, Estrazzjoni, Ipproċessar, Riċiklaġġ u Sostituzzjoni Sostenibbli

1.   L-ISFIDA

Is-soċjetà moderna hija totalment dipendenti fuq l-aċċess għall-materja prima. L-aċċess għall-materja prima huwa essenzjali għall-funzjonament effettiv tal-ekonomija tal-Unjoni. Madankollu, it-triptiku ta’ riżorsi naturali li jispiċċaw li qed jonqsu, popolazzjoni li dejjem qed tiżdied, u livelli ta’ konsum li qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla fid-dinja li qed tiżviluppa qed iżidu dejjem aktar id-domanda għall-materja prima u r-riżorsi naturali tal-pjaneta. Dawn il-fatturi huma wħud minn dawk responsabbli għaż-żieda mistennija fil-konsum tar-riżorsi naturali matul is-snin li ġejjin.

Kif enfasizzat mill-Pjan tal-Effiċjenza tar-Riżorsi u Orizzont 2020, għandna nimmiraw li niżguraw l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà u l-użu sostenibbli tal-materja prima meħtieġa għall-ekonomija Ewropea u għas-sodisfazzjon tal-benessri tagħna, filwaqt li niksbu ekonomija effiċjenti fir-riżorsi li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ popolazzjoni li qed tikber fil-limiti ekoloġiċi ta’ pjaneta bir-riżorsi limitati.

2.   RILEVANZA U IMPATT

Dan il-qasam tematiku huwa tassew rilevanti f’termini ta’ impatt ekonomiku u tas-soċjetà. Il-materja prima hija kruċjali għall-ekonomija tad-dinja u l-kwalità tal-ħajja; iż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi tkun essenzjali biex ikunu żgurati t-tkabbir u l-impjiegi għall-Ewropa. Iwassal għal opportunitajiet ekonomiċi kbar, titjib fil-produttività, tnaqqis fl-ispejjeż u titjib fil-kompetittività.

Filwaqt li l-Unjoni għandha livell eċċellenti fir-riċerka u jeżistu diversi ċentri ta’ eċċellenza, jista’ jsir ħafna aktar xogħol biex tagħmel kapital minn dan f’dan il-qasam ta’ prijorità. KGħI tkun partikolarment adattata għal dan.

F’allinjament ma’ attivitajiet oħra tal-Unjoni, KGħI f’dan il-qasam għandha tikkonċentra fuq it-trawwim ta’ nukleu tal-għarfien u ċentru ta’ kompetenzi dwar edukazzjoni u riċerka akkademika, teknika u prattika f’xogħol f’minjieri sostenibbli tal-wiċċ, taħt l-art u fl-ibħra, tħaffir urban u ta’ landfills, ġestjoni ta’ materjal, teknoloġiji ta’ riċiklaġġ, sostituzzjoni ta’ materjal u kummerċ miftuħ, kif ukoll governanza globali fil-materja prima. Din tista’ taġixxi bħala intermedjarja u clearing house għal ċentri ta’ eċċellenza Ewropej dwar dawn it-temi relatati u timmaniġġja programm ta’ riċerka ta’ importanza strateġika għall-industrija tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni u sabiex timmassimizza l-impatt tal-azzjonijiet u tevita kull duplikazzjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni, inkluż l-EIP dwar il-Materja Prima, il-KGħI tipprovdi l-kumplament neċessarju fl-oqsma tal-kapital uman (jiġifieri t-taħriġ, l-edukazzjoni) għall-azzjonijiet piloti tat-teknoloġija innovattiva (eż. impjanti tal-wiri) għall-esplorazzjoni fl-art u l-baħar sostenibbli, l-estrazzjoni u l-ipproċessar, l-użu effiċjenti tar-riżorsi, il-ġbir, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid u s-sostituzzjoni.

Fl-istess ħin, dan jista’ jinkludi miri biex tieħu post fuq quddiem tat-teknoloġija bil-ħolqien ta’ skemi pilota u dimostraturi ta’ proċessi u soluzzjonijiet innovattivi, li jinvolvu pereżempju l-użu ta’ materjali alternattivi li huma ekonomikament attraenti u sostenibbli, inklużi materjali bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi ta’ importanza strateġika għall-Unjoni. Konsegwentement, tista’ twassal għall-espansjoni ta’ swieq eżistenti u l-ħolqien ta’ oħrajn ġodda, jiġifieri fl-oqsma tal-esplorazzjoni, l-estrazzjoni u l-ipproċessar sostenibbli, il-ġestjoni ta’ materjali effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, teknoloġiji ta’ riċiklaġġ, u sostituzzjoni ta’ materjali. Ikun meħtieġ li jiġu evalwati l-impatti u jiġu żviluppati miżuri innovattivi u kost-effettivi għall-adattament u l-prevenzjoni tar-riskju għal ħabitats partikolarment sensittivi, bħall-Arktiku.

KGħI f’dan il-qasam tkun importanti ħafna sabiex tingħeleb il-barriera li hi n-nuqqas ta’ teknoloġija. L-innovazzjoni teknika hija meħtieġa għall-iżvilupp ta’ varjetà ta’ teknoloġiji komplementari li jistgħu jbiddlu l-forma tal-katini ta’ valur tradizzjonali tal-materjal ta’ minerali u l-materja prima. Dan huwa qasam li jinħtieġ aktar xogħol biex jiġu żviluppati proċessi ġodda u għall-ottimizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ għarfien eżistenti f’dan il-qasam. L-approċċ intraprenditorjali ta’ KGħI ikun partikolarment adattat biex jindirizza din il-kwistjoni.

Element ieħor ta’ valur miżjud ta’ KGħI fuq il-materja prima huwa l-kontribuzzjoni tagħha biex ikunu indirizzati l-opportunitajiet ta’ netwerking limitati fis-settur. Fil-fatt, in-natura li ma taqbilx tal-oqsma diversi ta’ riċerka involuti tfisser li hemm opportunitajiet limitati għar-riċerkaturi f’diversi suġġetti u biex jibbenefikaw minn qsim ta’ ideat u kollaborazzjoni li jkunu meħtieġa biex jitrawmu soluzzjonijiet tajbin b’karbonju baxx u li huma kost-effettivi għall-ambjent. Netwerking f’KGħI, li jlaqqa’ flimkien partijiet interessati mit-tliet oqsma tat-trijangolu tal-għarfien fuq il-katina kollha tal-valur jikkontribwixxi biex jingħeleb dan in-nuqqas. Dan jagħti l-possibilità għal titjib kemm fit-teknoloġija, l-għarfien u t-trasferiment ta’ għarfien, u kemm biex jipprovdi lir-riċerkaturi, studenti u intraprendituri bl-għarfien u l-kapaċitajiet meħtieġa biex jagħtu soluzzjonijiet innovattivi u biex dawn ibiddluhom f’opportunitajiet ġodda ta’ negozju.

3.   SINERĠIJI U PUNTI KOMPLEMENTARI MA’ INIZJATTIVI EŻISTENTI

L-Unjoni identifikat dan il-qasam ta’ prijorità bħala waħda mill-isfidi ewlenin. KGħI tikkontribwixxi għal Orizzont 2020, partikolarment għall-isfida soċjali marbuta mal-provvista sostenibbli tal-materja prima u l-effiċjenza tar-riżorsi. Tikkontribwixxi għall-EIP propost dwar il-Materja Prima. L-EIP dwar il-Materja Prima tipprovdi oqfsa globali biex tiffaċilita l-allinjament u s-sinerġiji fost strumenti u politiki eżistenti tar-riċerka u l-innovazzjoni mmexxija mill-provvista u d-domanda. Din tkopri attivitajiet iffukati fuq it-teknoloġija, iżda wkoll l-identifikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' qafas u l-aħjar prassi għal kwistjonijiet politiċi, regolatorju jew ta' standardizzazzjoni li jkollhom impatt fuq l-innovazzjoni f'settur jew sfida partikolari. KGħI f’din it-tema toħloq komplementarjetà fl-edukazzjoni ta’ atturi ewlenin, iżda wkoll fil-provvista ta’ netwerk uniku strutturat ta’ prattikanti. Din tipprovdi bażi solida għall-appoġġ ta’ azzjonijiet oħra marbuta mal-innovazzjoni li jitwettqu fil-qafas tal-EIP u li għas-suċċess tagħhom ir-riżorsi umani huma neċessità assoluta.

Tkun f’pożizzjoni tajba biex tappoġġa l-EIP fl-identifikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ qafas u l-aħjar prassi dwar kwistjonijiet politiċi, regolatorji u ta’ standardizzazzjoni li jkollhom impatt fuq is-settur. KGħI tibni wkoll bis-sħiħ u tagħmel kapital mir-riżultati ta’ diversi proġetti ta’ riċerka tas-Seba’ Programm Qafas (FP7) li jindirizza t-tema, partikolarment dawk iffinanzjati fil-qafas tan-nanoxjenzi, nanoteknoloġiji, materjali u teknoloġiji ġodda ta’ produzzjoni, u temi ambjentali.

Bl-istess mod, tibni fuq proġetti ta’ replikazzjoni tas-suq tal-ekoinnovazzjoni, skont is-CIP (Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni), fejn ir-riċiklaġġ tal-materjali huwa wieħed mill-oqsma prijoritarji. Din l-esperjenza tkompli b’Orizzont 2020 fil-kuntest tal-isfidi tas-soċjetà tat-tibdil fil-klima, l-ambjent, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-materja prima.

Barra minn hekk, wieħed għandu jfittex sinerġiji tan-Netwerk Ewropew ta' Kompetenza ta' Elementi Naturali Rari, stabbilit għall-materja prima kritika magħrufa bħala elementi naturali rari.

KGħI f’dan l-qasam tfittex komplementarjetà u sinerġiji ma’ dawk l-attivitajiet u għandha tiffoka fuq attivitajiet transdixxiplinarji fit-trijangolu tal-għarfien b’enfasi qawwija fuq prodotti u servizzi innovattivi u edukazzjoni intraprenditorjali.

4.   KONKLUŻJONI

KGħI f’dan il-qasam hija l-aktar adattata biex tindirizza l-isfidi elenkati hawn fuq. Din tissodisfa wkoll il-kriterji mressqa għall-għażla tat-temi tal-KGħI fl-ASI:

Tindirizza sfida ewlenija u rilevanti ekonomika u tas-soċjetà li qed taffaċċja l-Ewropa (il-bżonn li jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi għall-esplorazzjoni, l-estrazzjoni, l-ipproċessar, l-użu, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-ġestjoni tat-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ materja prima li jkollhom karbonju baxx u jkunu kost-effettivi u li jirrispettaw l-ambjent), u tikkontribwixxi għat-twettiq tal-aġenda Ewropa 2020 u l-għanijiet tagħha dwar il-klima u l-enerġija, l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni.

Din l-enfasi tal-KGħI hija allinjata mal-prijoritajiet definiti f’Orizzont 2020 u hija komplementari ma’ attivitajiet oħra tal-Unjoni fis-settur tal-ikel, partikolarment mal-EIP dwar il-Materja Prima.

Tista’ timmobilizza l-investiment mis-settur tan-negozji u toffri possibilitajiet għal diversi prodotti u servizzi emerġenti – partikolarment, fl-oqsma tal-estrazzjoni u l-ipproċessar sostenibbli, ġestjoni tal-materjali, teknoloġiji ta’ riċiklaġġ, u sostituzzjoni ta’ materjali.

Toħloq impatt sostenibbli u sistemiku, imkejjel f’termini ta’ persuni intraprenditorjali edukati ġodda, teknoloġiji ġodda u negozji ġodda. Din toffri, partikolarment, opportunitajiet għall-ħolqien ta’ valur soċjali billi jsiru sforzi lejn l-indirizzar tal-mira tas-sostenibilità taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodott: l-użu aktar effiċjenti ta’ materja prima u titjib effettiv tar-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ materja prima.

Tinkludi komponent qawwi ta’ edukazzjoni li huwa nieqes f’inizjattivi oħra, u tgħaqqdu ma’ massa kritika ta’ riċerka eċċellenti u partijiet interessati fl-innovazzjoni.

Tirrikjedi xogħol transdixxiplinarju li jinvolvi oqsma differenti ta’ għarfien bħall-ġeoloġija, l-istudju tal-ekonomija, xjenzi ambjentali, il-kimika, il-mekkanika u diversi oqsma industrijali (kostruzzjoni, tal-karozzi, prodotti tal-ajruspazju, makkinarju u tagħmir, u enerġiji rinnovabbli).

Tindirizza l-paradoss Ewropew, peress li l-Ewropa għandha bażi qawwija ta’ riċerka u prestazzjoni dgħajfa fl-innovazzjoni f’dan il-qasam. Din toffri opportunitajiet għall-innovazzjoni fix-xogħol fil-minjieri sostenibbli u l-ġestjoni tal-materjali. Is-sostituzzjoni u r-riċiklaġġ jistgħu jippromwovu aktar bidla fis-settur u jtejbu l-attivitajiet ta’ investiment permezz tal-ħolqien ta’ prodotti, servizzi u approċċi tal-katina tal-provvista ġodda.

Dokument Informattiv 3:   Food4Future – Katina ta’ Provvista Sostenibbli mir-Riżorsi sal-Konsumaturi

1.   L-ISFIDA

Il-katina globali tal-provvista tal-ikel qed tiffaċċja sett kumpless ta’ sfidi.

Min-naħa tad-domanda, is-sitwazzjoni hija kkaratterizzata minn popolazzjoni dinjija li qed tikber, minn standard tal-għajxien li qed jiżdied (speċjalment fil-pajjiżi emerġenti) li qed joħolqu domanda għal dieta aktar varjata u ta’ kwalità għolja li tinħtieġ produzzjoni tal-ikel addizzjonali. Bħala riżultat, in-NU pprevediet li t-talba għall-ikel ser tiżdied b’madwar 70 % sal-2050 (7). Fl-istess ħin, l-espansjoni mgħaġġla tas-settur tal-bijoenerġija tkompli tenfasizza t-talba għal prodotti sekondarji li ġejjin mill-proċess tal-produzzjoni tal-ikel.

Min-naħa tal-provvista, il-bidla fil-klima globali ser tkompli tiggrava l-pressjonijiet fuq il-produzzjoni tal-ikel u l-provvista tal-ikel. Barra minn dan, numru ta’ sistemi ta’ produzzjoni tal-ikel fid-dinja mhumiex sostenibbli. Mingħajr bidla, is-sistema globali tal-ikel ser tkompli tagħmel ħsara lill-ambjent u tikkomprometti l-kapaċità tad-dinja li tipproduċi l-ikel fil-futur.

Dawn il-problemi partikolarment għandhom jiġu esplorati f’konnessjoni mal-attitudnijiet, it-tħassib u l-imġiba tal-konsumaturi, peress li l-produzzjoni hija mmexxija mill-konsumaturi u mis-swieq. Matul l-aħħar għoxrin sena l-kumplessità tal-konsum tal-ikel żdiedet b’mod drammatiku. Il-konsumaturi qed jitolbu prodotti tal-ikel li ma jiswewx ħafna, diversifikati, ta’ kwalità għolja u konvenjenti li jirrispondu għall-gosti u l-bżonnijiet tagħhom. Tħassib dwar kwistjonijiet differenti, li jvarjaw minn sikurezza tal-ikel u protezzjoni ambjentali għal konsiderazzjonijiet etiċi, bħal prattiki tal-kummerċ ġusti jew benesseri tal-annimali, qed jiżdiedu b’mod kontinwu u dawn jirriżultaw f’talbiet li kull ma jmur qed jikbru minn gruppi tal-konsumaturi għal azzjoni politika. Finalment, id-drawwiet tal-konsum tal-ikel (inkluż ħela tal-ikel) jista’ jkollhom impatti qawwijin fuq is-saħħa u l-benesseri tal-konsumatur, kif ukoll fuq il-produzzjoni primarja u fuq l-ambjent.

Orizzont 2020 jindirizza din il-kumplessità u jiddefinixxi l-isfidi relatati ma’ dan is-settur: "L-isfida hija li tiġi żgurata l-provvista ta’ ikel sikur u ta’ kwalità għolja, u prodotti b’bażi bijoloġika u li jkun żgurat l-immaniġġjar sostenibbli ta’ riżorsi bijoloġiċi, li jikkontribwixxu kemm għall-iżvilupp rurali u tal-kosta, u għall-kompetittività tal-industriji b’bażi bijoloġika Ewropej, filwaqt li jħarsu l-ekosistemi ta’ fuq l-art u tal-baħar, inaqqsu d-dipendenza fuq il-fossili, li jimmitigaw u jadattaw għall-bidla fil-klima u li jippromwovu skart żero u effiċjenza fir-riżorsi."

2.   RILEVANZA U IMPATT

KGħI fuq katina tal-provvista sostenibbli tgħin biex jintlaħqu l-prijoritajiet ta' Orizzont 2020, partikolarment dawk definiti fil-kuntest tal-isfida tas-soċjetà “Sikurezza tal-ikel, agrikoltura u forestrija sostenibbli, riċerka tal-baħar u marittima u tal-ilmijiet interni u l-bijoekonomija”.

Dan il-qasam tematiku huwa tassew rilevanti f’termini ta’ impatt ekonomiku u tas-soċjetà. Kwistjonijiet dwar sikurezza u sigurtà tal-ikel għandhom effett fuq kważi s-setturi kollha tal-ekonomija u s-soċjetà tagħna, u ħafna drabi jirrikjedu azzjoni regolatorja.

L-industrija tal-ikel hija l-ikbar settur tal-manifattura fl-Ewropa u għandha rwol essenzjali fl-iżvilupp ekonomiku usa’ tal-Ewropa. Minkejja r-rwol relevanti, il-kompetittività tal-industrija tal-ikel u x-xorb Ewropea qed tiġi mhedda. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, is-sehem tas-suq globali tal-Ewropa naqas minn 25 % għal 21 % fid-dawl tal-kompetizzjoni minn ekonomiji emerġenti, bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil. Peress li hija dejjem aktar inkapaċi li tikkompeti fuq bażi ta’ prezz biss, l-industrija tal-ikel Ewropea teħtieġ li żżid il-valur billi toħloq prodotti aktar tajbin għas-saħħa, aktar sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi jekk tixtieq treġġa’ lura dan it-tnaqqis.

Hija meħtieġa azzjoni sabiex tkun żgurata klima reżiljenti u sistema ta’ ikel globali reżistenti u sostenibbli filwaqt li tiġi sodisfatta d-domanda għall-ikel li dejjem qed tiżdied fil-limitazzjonijiet tal-art disponibbli u l-istokks tal-ħut li qed jonqsu, filwaqt li jiġi protett l-ambjent naturali u titħares is-saħħa tal-bniedem.

KGħI f’dan il-qasam jiffoka fuq il-katina tal-provvista tal-ikel. Din l-enfasi hija partikolarment adattata tajjeb għall-approċċ ħolistiku ta’ KGħI. Dan jinkludi input ta’ riżorsi fil-bidu nett tal-katina (fertilizzanti, eċċ.), il-produzzjoni, l-ipproċessar, l-ippakkjar u d-distribuzzjoni tal-ikel; u dan jintemm mal-konsumaturi li jistgħu jkunu prijorità speċifika ta’ KGħI (tnaqqis ta' ħela tal-ikel, nutrizzjoni tajba għas-saħħa, eċċ.). L-għan hu li tkun żgurata sistema ta’ katina tal-provvista tal-ikel aktar effiċjenti u effettiva, filwaqt li tittejjeb is-sostenibilità tal-partijiet kollha ta’ din il-katina.

L-indirizzar tal-katina tal-provvista tal-ikel permezz ta’ KGħI għalhekk tagħti l-possibilità li jiġu indirizzati mhux biss uħud mill-isfidi ekonomiċi u tas-soċjetà rilevanti u prinċipali li qed taffaċċja l-Ewropa, imma wkoll biex timmobilizza l-investiment u l-impenn fit-tul mis-settur tan-negozju – jiġifieri, fl-użu ta’ teknoloġiji, proċessi u għarfien ġodda u innovattivi, biex tiżdied il-produzzjoni, l-ipproċessar, l-ippakkjar u d-distribuzzjoni sostenibbli tal-ikel, biex jitnaqqas l-iskart u għall-promozzjoni ta’ nutrizzjoni aqwa. Permezz tal-approċċ ta’ integrazzjoni tagħha, KGħI f’dan il-qasam tkun tista’ tinfluwenza l-approċċ tal-industrija biex jiffoka aktar fuq l-innovazzjoni mmexxija mill-konsumatur, u b’hekk tkun ta’ benefiċċju għas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-konsumatur. Dan jaħdem flimkien mal-potenzjal ta’ mudelli ta’ negozju ġodda u strateġiji tas-suq li jiffukaw fuq il-bżonnijiet tal-konsumaturi u t-tendenzi u li jibnu fuq għarfien aqwa tal-katina tal-ikel, li jista’ jkollu l-potenzjal li jqarreb l-innovazzjonijiet u l-possibilitajiet teknoloġiċi f’konformità mal-interessi tal-konsumatur u b’hekk jinħolqu opportunitajiet ta’ negozju ġodda.

KGħI f'dan il-qasam tkun importanti ħafna sabiex jingħeleb il-livell għoli ta’ frammentazzjoni tal-katina kollha tal-provvista tal-ikel. Din tgħaqqad massa kritika ta’ riċerka eċċellenti, innovazzjoni, edukazzjoni u taħriġ tal-partijiet interessati matul il-katina kollha. L-elementi kollha tal-katina (settur primarju, produzzjoni tal-ikel, proċessuri tal-ikel, bejjiegħa bl-imnut, kanali tas-servizz tal-ikel u – mhux l-anqas – il-konsumatur huma marbuta ma’ xulxin għall-ħolqien ta' innovazzjonijiet futuri. KGħI tipprovdi l-approċċ sistemiku u transdixxiplinarju meħtieġ biex jiġu ttrattati dawn il-kwistjonijiet.

Il-valur miżjud ewlieni ta’ KGħI f’dan il-qasam ikun ir-rwol tagħha biex jiġi indirizzat in-nuqqas preżenti ta’ kapaċitajiet u riżorsi umani. Bħalissa, probabbilment nofs l-industriji Ewropej tal-manifattura tal-ikel u x-xorb qed jaffaċċjaw nuqqas ta’ personal xjentifiku u b’kapaċitajiet. Dan itellef l-innovazzjoni f’dan is-settur. Bl-integrazzjoni tal-edukazzjoni mas-setturi l-oħra tat-trijangolu tal-għarfien, KGħI tindirizza din il-kwistjoni. Fl-istess ħin toffri l-opportunità li jiġu mħajra persuni intraprenditorjali u edukati ġodda, li huma kapaċi li jiżviluppaw teknoloġiji u negozju innovattivi ġodda. Din l-enfasi fuq l-intraprenditorija tkun partikolarment rilevanti fis-settur tal-ikel, li huwa kkaratterizzat min-numru għoli ta’ SMEs.

Ir-riskji prinċipali assoċjati mas-suċċess ta’ KGħI taħt din it-tema huma prinċipalment relatati mal-kundizzjonijiet tal-qafas tal-innovazzjoni meħtieġa li jakkumpanjaw, li l-KGħI mhumiex qed jindirizzaw direttament. Biex tiżdied is-sostenibilità fil-katina kollha tal-ikel, jistgħu jkunu meħtieġa xi bidliet fir-regolament, pereżempju, li jiġu internalizzati l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-ikel. Għalhekk, jinħtieġ li l-KGħI jaħdmu flimkien mal-attivitajiet ta’ innovazzjoni u politika preżenti tal-Unjoni u nazzjonali dwar dawn il-kwistjonijiet (ara t-taqsima li jmiss).

3.   SINERĠIJI U PUNTI KOMPLEMENTARI MA’ INIZJATTIVI EŻISTENTI

L-Unjoni hija impenjata bis-sħiħ f’dan il-qasam. KGħI tista’ tikkontribwixxi biex tindirizza l-isfida tas-soċjetà ta’ Orizzont 2020 “Sikurezza tal-ikel, agrikoltura u forestrija sostenibbli, riċerka tal-baħar u marittima u tal-ilmijiet interni u l-bijoekonomija”. Partikolarment, din tista’ tikkoopera mas-Sħubija tal-Innovazzjoni Ewropea (EIP) proposta “Produttività u Sostenibilità fl-Agrikoltura”. Filwaqt li din tal-aħħar tagħmel enfasi fuq il-bini ta’ konnessjonijiet bejn riċerka l-aktar reċenti u innovazzjoni prattika, KGħI tista’ toħloq b’mod partikolari komplementarjetà fl-edukazzjoni ta’ atturi ewlenin, bħal intraprendituri u konsumaturi. Hija meħtieġa wkoll il-koordinazzjoni, mal-Inizjattiva tal-Programmazzjoni Konġunta “Agrikoltura, Sikurezza fl-Ikel u Bidla fil-Klima”, li tgħaqqad l-isforzi ta’ riċerka nazzjonali sabiex tintegra l-adattament, il-mitigazzjoni u s-sikurezza tal-ikel fis-setturi tal-agrikoltura, il-forestrija u l-użu tal-art.

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd jippromwovi s-sostenibbiltà ambjentali u soċjali tas-sajd u l-akkwakultura, u b’hekk jenfasizza l-ħtieġa għal żviluppi tekniċi flimkien ma’ ħiliet intraprenditorjali ġodda f’dawn l-oqsma, f’konformità mal-evoluzzjoni tal-imġiba tal-konsumaturi, u jiġu pprovduti l-possibilitajiet għas-sinerġiji. Bl-istess mod, il-koordinazzjoni tkun possibbli wkoll mal-JPI “Ikel Bnin għal Ħajja b’Kundizzjonijiet ta’ Saħħa Tajbin” li ġie mniedi reċentement, u mal-Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija f’oqsma relatati (partikolarment, il-Pjattaforma Food for Life) jew diversi proġetti taħt is-Seba' Programm Kwadru. Bl-istess mod, tibni fuq proġetti ta’ replikazzjoni tas-suq tal-ekoinnovazzjoni, skont is-CIP (Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni), fejn l-ikel u x-xorb huma wieħed mill-oqsma prijoritarji. Din l-esperjenza tkompli b’Orizzont 2020 fil-kuntest tal-isfidi tas-soċjetà tat-tibdil fil-klima, l-ambjent, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-materja prima.

KGħI f'dan il-qasam tkun komplementari għal dawn l-attivitajiet peress li tiffoka fuq attivitajiet transdixxiplinarji fit-trijangolu tal-għarfien b’enfasi qawwija fuq prodotti u servizzi innovattivi u edukazzjoni intraprenditorjali kif ukoll fuq kwistjonijiet tal-konsumaturi.

4.   KONKLUŻJONI

KGħI li tiffoka fuq il-katina tal-provvista tal-ikel hija l-aktar adattata biex tindirizza l-isfidi msemmija hawn fuq. Din tissodisfa wkoll il-kriterji mressqa għall-għażla tat-temi tal-KGħI:

Tindirizza sfida ewlenija u rilevanti ekonomika u tas-soċjetà (il-bżonn li tkun żgurata sistema tal-ikel reżistenti u sostenibbli filwaqt li tiġi sodisfatta d-domanda għall-ikel li qed tiżdied fil-limiti tal-art disponibbli, il-protezzjoni tal-ambjent naturali u l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem), u tikkontribwixxi għat-twettiq tal-aġenda tal-Ewropa 2020 u l-għanijiet tagħha dwar il-klima u l-enerġija, l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni.

Din l-enfasi tal-KGħI hija allinjata mal-prijoritajiet definiti f’Orizzont 2020 u hija komplementari ma’ attivitajiet oħra tal-Unjoni fis-settur tal-ikel, partikolarment mal-EIP “Produttività u Sostenibilità fl-Agrikoltura”.

Tista’ timmobilizza investiment u impenn fit-tul mis-settur tan-negozji u toffri possibilitajiet għal diversi prodotti u servizzi emerġenti – jiġifieri, fl-użu ta’ teknoloġiji, proċessi u għarfien ġodda u innovattivi sabiex jiżdiedu l-produzzjoni, l-ipproċessar, l-ippakkjar u d-distribizzjoni sostenibbli tal-ikel, biex jitnaqqas l-iskart u għall-promozzjoni ta’ nutrizzjoni aħjar u popolazzjoni aktar b’saħħitha.

Toħloq impatt sostenibbli u sistemiku, imkejjel f’termini ta’ persuni intraprenditorjali edukati ġodda, teknoloġiji ġodda u negozji ġodda. Din trawwem żviluppi teknoloġiċi ġodda u sistemi ta’ produzzjoni sostenibbli.

Timmira li tegħleb il-livell għoli ta’ frammentazzjoni tal-katina kollha tal-provvista tal-ikel; tiffavorixxi t-traċċabilità; u tgħaqqad massa kritika ta’ riċerka eċċellenti, innovazzjoni, edukazzjoni u taħriġ tal-partijiet interessati matul il-katina kollha.

Għalhekk tinħtieġ xogħol transdixxiplinarju li jinvolvi oqsma differenti tal-għarfien, bħall-agronomija, l-ekoloġija, il-bioloġija, il-kimika, in-nutrizzjoni, u s-soċjo-ekonomija.

Din tindirizza il-paradoss Ewropew, peress li ssib approċċi innovattivi ġodda biex tiżgura katina ta’ provvista aktar sostenibbli u effiċjenti u biex ittejjeb is-sikurezza tal-ikel.

Dokument Informattiv 4:   Manifattura b’valur miżjud

1.   L-ISFIDA

Waħda mill-isfidi prinċipali definiti fl-Aġenda Ewropea tal-Innovazzjoni u li għandha tkun indirizzata wkoll fil-qafas ta’ Orizzont 2020 hija l-kompetittività tal-Istati Membri tal-Unjoni fis-suq globali. Wieħed mis-setturi fejn il-problema hija partikolarment urġenti huwa dak tal-manifattura.

Il-manifattura fil-pajjiżi Ewropej tinsab taħt pressjoni konsiderevoli: aktar kompetizzjoni minn ekonomiji żviluppati oħra, il-produzzjoni bi prezz baxx f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, u skarezza ta’ materja prima qed ipoġġu pressjoni fuq il-kumpaniji tal-manifattura Ewropej. Fl-istess ħin, hemm fatturi oħra li qed iwasslu għal bidla fis-settur tal-manifattura: ħtiġijiet ġodda tas-suq u tas-soċjetà, avvanzi mgħaġġla fix-xjenza u t-teknoloġija, rekwiżiti ambjentali u ta’ sostenibilità.

Risposta possibbli biex tindirizza dawn l-isfidi hija l-iżvilupp ta’ industrija “ta’ manifattura b’valur għoli (jew valur miżjud)”. Dan il-kunċett jiddefinixxi sistema integrata inkluż iċ-ċiklu kollu tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u t-trattament meta jispiċċa l-użu tal-oġġetti u l-prodotti/servizzi, bl-applikazzjoni ta’ sistema ta’ innovazzjoni mmexxija mill-kljent/utent. Minflok jikkompetu primarjament fuq il-prezz, il-manifatturi b’valur miżjud jagħtu valur billi joffru innovazzjoni fil-prodott/servizz, filwaqt li jwaqqfu proċess ta’ eċċellenza, jiksbu għarfien għoli tal-marka tagħhom u/jew jikkontribwixxu għal soċjetà sostenibbli.

Is-settur tal-manifattura għandu sinifikat ekonomiku, soċjali u ambjentali konsiderevoli. Fl-2010 s-settur tal-manifattura kien jammonta għal 15,4 % tal-PDG tal-Unjoni u għal aktar minn 33 miljun impjieg. Din iċ-ċifra titla’ għal 37 % jekk jiġu inklużi l-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-kostruzzjoni u servizzi kummerċjali assoċjati. Fl-istess ħin, il-manifattura kkontribwiet ukoll għal madwar 25 % tal-iskart, 23 % tal-gassijiet li jikkawżaw l-effett tas-serra u 26 % ta’ NOx iġġenerat fl-Ewropa.

Meta wieħed iżomm dan f’moħħu, jidher ċar li l-għanijiet globali fil-qasam tal-manifattura għandhom ikunu l-kompetittività miżjuda tal-Ewropa fis-suq globali kif ukoll l-iżvilupp ta’ proċessi ta’ manifattura aktar sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

2.   RILEVANZA U IMPATT

KGħI fuq il-manifattura b’valur miżjud għandha tgħin biex jintlaħqu l-prijoritajiet ta' Orizzont 2020 f’termini tal-manifattura u l-ipproċessar avvanzati, u l-għan speċifiku tagħha ta’ “trasformazzjoni tal-forom industrijali tal-produzzjoni tal-lum f'teknoloġiji ta’ manifattura u pproċessar b’għarfien aktar intensivi, sostenibbli, b’emissjonijiet baxxi, transettorjali, biex jitwettqu prodotti, proċessi u servizzi innovattivi”.

Ikun possibbli li jiġu mobilizzati l-investiment u l-impenn fit-tul mis-settur tan-negozju, u li ssir espansjoni u jinħolqu swieq ġodda. Partikolarment jista’ jkollha funzjoni ta’ appoġġ tal-azzjonijiet definiti fl-Aġenda ta’ Riċerka Strateġika tal-Pjattaforma Ewropea għat-Teknoloġija (ETP) “Manufuture”:

L-ekodisinn;

L-iżvilupp ta' prodotti u servizzi b'valur miżjud;

L-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju ġodda;

L-iżvilupp ta’ proċessi ta’ inġinerija tal-manifattura avvanzati;

Xjenzi u teknoloġiji tal-manifattura ġodda emerġenti;

It-trasformazzjoni ta’ infrastrutturi ta' riċerka u edukazzjoni eżistenti biex jappoġġjaw manifattura ta’ livell dinji.

Filwaqt li jingħata appoġġ għall-iżvilupp ta’ prodotti ġodda, servizzi, mudelli ta’ negozju u proċessi tal-manifattura, għandu jkun hemm enfasi fuq is-sostenibilità u l-eko-innovazzjoni, bit-tnaqqis ta’ riżorsi u nuqqas ta’ effiċjenza fl-enerġija, il-massimizzazzjoni ta’ impatti ambjentali pożittivi, iżda wkoll il-kontribuzzjoni biex jissaħħu l-impatti ekonomiċi u soċjali pożittivi. B’mod konkret, dan l-approċċ ċar jimplika proċessi u makkinarju li huma effiċjenti fl-enerġija u l-materjali, l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u/jew l-użu ta’ mmaniġġjar għaqli tal-enerġija, li b’hekk iwassal għal tnaqqis sinifikanti ta’ skart u emissjonijiet. Billi tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-użu ta’ manifattura aktar sostenibbli, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, KGħI tkun tista’ twassal għal bidla fil-komportament tal-industrija u tal-konsumaturi u wkoll toħloq impatt sistemiku.

KGħI fuq il-manifattura b’valur miżjud jista’ jkollha wkoll rwol tassew importanti u impatt fil-livell reġjonali: It-trawwim tal-ħolqien ta’ ġruppi reġjonali interkonnessi bi trasferimenti u kollaborazzjoni lokali, l-iżvilupp ta’ kompetenzi f’teknoloġiji tal-manifattura ta' livell għoli, u l-iżvilupp ta' eċċellenza fit-teknoloġiji ta' manifattura ikunu l-missjonijiet ewlenin għal KGħI fuq livell reġjonali. F'din il-konnessjoni, għandha tingħata attenzjoni speċifika lil dawk ir-reġjuni li huma aktar affetwati minn kapaċità ta’ manifattura li qed tonqos kif ukoll lil SMEs.

Waħda mill-isfidi ewlenin biex jintlaħaq dan kollu hija d-disponibilità ta’ ħaddiema bi kwalifiki għolja li huma biżżejjed kemm fil-kwalità kif ukoll fin-numru. Għaldaqstant, KGħI jkollha rwol tassew importanti fl-iffurmar mill-ġdid tax-xenarju tal-edukazzjoni f’dan il-qasam. Bil-ħolqien ta’ rabtiet aktar mill-qrib bejn min qed jitlob il-kapaċitajiet u l-fornituri tal-edukazzjoni, KGħI tippromwovi gradi konġunti ta’ wara l-kisba tal-lawrja, taħriġ professjonali ta’ wara l-kisba tal-lawrja u korsijiet industrijali “li jirreflettu l-ħajja reali”.

Il-bini tal-kapaċità jkun ukoll element ċentrali ta’ KGħI fil-manifattura b’valur miżjud. Dan jikkonċerna mhux biss il-provvista ta’ ħaddiema bi kwalifiki għolja iżda wkoll il-possibilità li l-KGħI tkun stabbilita bħala forum ta’ interazzjoni u promozzjoni ta’ kapaċitajiet u kompetenzi transdixxiplinarji, partikolarment għall-ikkombinar ta’ teknoloġiji abilitanti essenzjali multipli kif proposti mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali (KETs) (8).

KGħI f’dan il-qasam ikollha l-potenzjal li tlaqqa' flimkien atturi u partijiet interessati differenti f'dan is-settur tassew transdixxiplinarju, inklużi partijiet ewlenin upstream u downstream tal-katina tal-valur. Dan jinkludi industriji tal-ipproċessar (pereżempju azzar jew kimiki) li huma marbuta immedjatament mal-katina tal-valur għall-manifattura b’valur miżjud.

3.   SINERĠIJI U PUNTI KOMPLEMENTARI MA’ INIZJATTIVI EŻISTENTI

KGħI kif deskritta hawn fuq tkun komplementari għal numru ta’ inizjattivi oħra tal-Unjoni, kif ukoll fil-livell ta’ Stati Membri u assoċjazzjonijiet tal-industrija.

Barra mill-ETP “"Manufuture" diġà msemmi, tista’ tistabbilixxi wkoll rabtiet mal-ETPs dwar l-Integrazzjoni ta’ Sistemi Intelliġenti u l-Inizjattiva Konġunta dwar it-Teknoloġija (JTI) dwar Sistemi tal-Kompjuter Inkorporati. Is-Sħubija Pubblika Privata (PPP) dwar il-Fabbriki tal-Futur u oħrajn li potenzjalment jitnedew skont Orizzont 2020 f’dan il-qasam tematiku kif ukoll numru ta’ proġetti ta’ programmi qafas (FP) ikunu wkoll sħab naturali ta’ kooperazzjoni. Il-KGħI tikkunsidra l-prijoritajiet ta’ riċerka u l-pjanijiet ta’ azzjoni definiti fil-qafas tal-ETPs u x-xogħol ta’ riċerka mwettaq s’issa mill-proġetti ta’ JTI, PPP and FP f’dan il-qasam.

Bl-istess mod, tibni fuq proġetti ta’ replikazzjoni tas-suq tal-ekoinnovazzjoni, skont is-CIP (Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni), fejn ġiet żviluppata esperjenza fil-qasam tal-manifattura sostenibbli. Din l-esperjenza tkompli b’Orizzont 2020 fil-kuntest tal-isfidi tas-soċjetà tat-tibdil fil-klima, l-ambjent, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-materja prima. Jistgħu jitqiesu wkoll is-sinerġiji mal-programm pilota tal-Verifika tat-Teknoloġiji Ambjentali, li jimmira għall-promozzjoni ta' teknoloġiji ambjentali b'valur kbir billi jipprovdi validazzjoni ta' parti terza tar-rendiment tagħhom.

KGħI tal-manifattura b’valur miżjud tista’ tkun ukoll punt ta’ konnessjoni għal effetti ta’ sinerġija mal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka fit-Teknoloġija, li jirrakkomanda l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali għall-promozzjoni ta’ eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika.

KGħI f’dan il-qasam tkun komplementari għal dawn l-attivitajiet peress li din tiffoka fuq attivitajiet transdixxiplinarji fit-trijangolu tal-għarfien b’enfasi qawwija fuq edukazzjoni intraprenditorjali.

4.   KONKLUŻJONI

KGħI li tiffoka fuq l-integrazzjoni tal-partijiet interessati kollha kkonċernati bil-manifattura u li tpoġġi enfasi qawwija biex tifforma mill-ġdid l-aġenda tal-edukazzjoni f’dan il-qasam tkun adattata biex tindirizza l-isfidi elenkati hawn fuq. Din tissodisfa wkoll il-kriterji mressqa għall-għażla tat-temi tal-KGħI fl-ASI:

Tindirizza sfida rilevanti ekonomika u soċjali kbira li qed tiffaċċja l-Ewropa (biex iżżid il-kompetittività tal-Istati Membri fis-suq globali u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ proċess tal-manifattura iktar sostenibbli u ekoloġiku), u tikkontribwixxi għat-twettiq tal-aġenda tat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli ta’ Ewropa 2020.

Din l-enfasi tal-KGħI hija allinjata mal-prijoritajiet definiti f’Orizzont 2020 u hi komplementari għal inizjattivi oħra tal-Unjoni f’dan il-qasam.

Tista’ tibni fuq settur industrijali solidu li jkun attratt minn KGħI.

Toffri possibbiltajiet għal prodotti, servizzi u mudelli tan-negozju emerġenti varji, u – fuq kollox – tkun adatta biex tindirizza l-bżonn urġenti għal nies kwalifikati f’dan is-settur.

Tieħu approċċ sistemiku u għalhekk tirrikjedi xogħol transdixxiplinarju u l-iżvilupp ta’ edukazzjoni ġdida bejn id-dixxiplini.

Tgħaqqad massa kritika ta’ riċerka eċċellenti, innovazzjoni, edukazzjoni u partijiet interessati fit-taħriġ tul il-katina tal-valur, li kieku ma kinux jingħaqdu flimkien

Tindirizza l-paradoss Ewropew, peress li tagħmel kapital mill-bażi qawwija ta’ riċerka tal-Unjoni u ssib approċċi innovattivi ġodda biex tiżgura settur ta’ manifattura aktar kompetittiv, sostenibbli u b’riżorsi effiċjenti.

Dokument Informattiv 5:   Mobilità Urbana

1.   L-ISFIDA

It-tema ta’ trasport intelliġenti, favur l-ambjent u integrat ġiet identifikata bħala waħda mill-isfidi ewlenin tas-soċjetà li tkun indirizzata fil-qafas ta’ Orizzont 2020. Il-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport issaħħaħ iktar l-importanza tat-teħid tal-azzjoni f’dan il-qasam fl-għaxar snin li ġejjin. Il-mobilità urbana hija kompitu bi sfida partikolari. Din tindirizza numru ta' temi bħat-trasport (inklużi kunċetti ġodda ta’ mobilità, organizzazzjoni tat-trasport, loġistika, sikurezza u sigurtà fis-sistemi ta’ trasport), kwistjonijiet ambjentali (tnaqqis fil-gassijiet b’effett serra, tniġġis tal-arja u storbju), ippjanar urban (kunċetti ġodda biex iqarrbu x-xogħol u l-għajxien), u għandha impatt importanti kemm fuq livell ekonomiku u kemm fuq dak soċjali (ħolqien ta’ negozji ġodda, impjiegi, inklużjoni soċjali, strateġiji ta’ akkomodazzjoni u lokazzjoni). L-għan globali huwa li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej li – f’numri li dejjem jiżdiedu – jgħixu f’komunitajiet kbar urbani fejn tiġi ġġenerata ħafna mill-prestazzjoni ekonomika tal-Ewropa (9).

Mobilità urbana sostenibbli tista’ tintlaħaq biss jekk jinstabu innovazzjonijiet ġodda li jwasslu għal soluzzjonijiet aktar tajbin għall-ambjent, aktar inklussivi, aktar sikuri u aktar intelliġenti. In-nuqqas li jintlaħaq dan – f’perjodu ta’ żmien twil –jirriżulta fi spejjeż għoljin għas-soċjetà, ekoloġiċi u ekonomiċi. Madankollu, kunċetti ta’ mobilità innovattivi ġodda – partikolarment meta mezzi individwali ta’ trasport ikunu sostitwiti minn trasport pubbliku u mezzi kollettivi tat-trasport – għandhom ikunu aċċettati miċ-ċittadini. Waħda mill-akbar sfidi li għandhom ikunu indirizzati f’dan il-qasam hija li jitwasslu l-bidliet fil-komportament mingħajr żvantaġġi għall-kwalità tal-ħajja u l-ispiża tal-għajxien f’oqsma urbani.

2.   RILEVANZA U IMPATT

L-għan ewlieni ta’ KGħI dwar il-mobilità urbana jkun li tiġi żgurata sistema ta’ mobilità urbana aktar tajba għall-ambjent, aktar inklussiva, aktar sikura u aktar intelliġenti.

Kif diġà msemmi hawn fuq, it-tema hija tassew rilevanti minn perspettiva ta’ politika tas-soċjetà u pubblika. Hija rilevanti ħafna wkoll minn perspettiva soċjoekonomika peress li tinvolvi setturi ekonomiċi importanti f’termini ta’ PDG u tal-impjieg, bħas-setturi tal-karozzi u tal-kostruzzjoni. Barra minn dan, il-mobilità urbana hija marbuta mal-istrateġiji ta’ protezzjoni ambjentali u inkluża bis-sħiħ f’politiki ta’ inklużjoni soċjali, lokazzjoni, akkomodazzjoni u disinn urban.

KGħI dwar il-mobilità urbana hija skont il-prijoritajiet definiti kemm f’Orizzont 2020 u kemm mal-għanijiet ta’ strateġija ta’ Ewropa 2020 biex jintlaħaq żvilupp urban aktar intelliġenti, aktar sostenibbli, b’karbonju baxx u inklussiv. KGħI dwar din it-tema tista’ tikkontribwixxi għal kull wieħed mill-għanijiet ta’ strateġija ta’ Ewropa 2020, pereżempju bil-promozzjoni ta' soluzzjonijiet ekoeffiċjenti, skemi intelliġenti tal-ICT għall-ġestjoni tat-traffiku, u l-provvista ta' servizzi ta' trasport aktar effiċjenti u li ma jiswiex ħafna.

Fil-fatt, peress li l-mobilità urbana hija sistematika min-natura tagħha, KGħI f’dan il-qasam tista' toffri diversi possibilitajiet għall-innovazzjoni matul il-katina tal-innovazzjoni, bħall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ trasport b’diversi modi, u soluzzjonijiet ta’ trasport aktar intelliġenti u aktar sostenibbli.

KGħI dwar il-mobilità urbana tibbaża fuq bażi teknoloġika u industrijali soda, u toffri potenzjal għal prodotti u servizzi ġodda (10), partikolarment fl-oqsma tal-ippjanar sostenibbli u l-ekoindustriji.

Barra minn dan, l-iżvilupp ta’ mudelli innovattivi ta’ mobilità urbana jista’ jibbenefika wkoll mill-attenzjoni qawwija u l-appoġġ għall-politika li din it-tema ta’ prijorità tgawdi minnha. Barra minn hekk, dawk il-mudelli urbani innovattivi jista’ jkollhom impatt globali jekk jiġu trasferiti bħala l-aħjar prassi lill-konglomerazzjonijiet urbani li qed jikbru b’mod massiv f’partijiet oħra tad-dinja, speċjalment fl-Afrika, l-Asja u l-Amerika Latina.

KGħI f’dan il-qasam ipoġġi l-mobilità urbana u l-ippjanar tat-trasport urban fil-kuntest usa’ ta’ ppjanar urban sostenibbli u l-iżvilupp spazjali fil-livell lokali u reġjonali. Għalhekk, il-KGħI jkollha l-vantaġġ li taħdem f’qasam multidixxiplinarju u transettorjali u li tikkontribwixxi biex jingħelbu l-livelli attwali ta’ frammentazzjoni organizzazzjonali li jiffaċċja dan is-settur. Dan jista’ joħloq l-opportunità biex titwaqqaf kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet pubbliċi (partikolarment f’livelli lokali u reġjonali), assoċjazzjonijiet lokali, u s-settur privat (bħal żviluppaturi u atturi fl-infrastruttura), istituzzjonijiet ta’ riċerka u universitajiet (bl-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien).

It-tqarrib ta’ sħab ta’ klassi dinjija f’konfigurazzjonijiet ġodda jipprovdi l-possibiità lill-KGħI dwar il-mobilità urbana li ttejjeb ir-riżorsi eżistenti u tisfrutta l-opportunitajiet ta' negozju maħluqa permezz ta' dawn il-katini ta' valur ġodda.

Il-KGħI dwar il-Mobilità Urbana tiffoka fuq dawk l-attivitajiet tat-trijangolu tal-innovazzjoni li jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ addizzjonali tal-Unjoni permezz tal-EIT. Fil-verità, il-valur miżjud ewlieni ta’ KGħI f’dan il-qasam ikun ir-rwol tagħha fl-integrazzjoni tat-tliet oqsma tat-trijangolu tal-għarfien u biex twassal bidla sistematika fil-mod kif il-partijiet fl-innovazzjoni jaħdmu flimkien. Bl-istess mod, l-enfasi tal-KGħI fuq innovazzjoni mmexxija mill-bniedem, li tpoġġi lil studenti, riċerkaturi u intraprendituri fil-qalba tal-isforzi tal-KGħI tkun fundamentali biex jiġu indirizzati l-isfidi msemmija hawn fuq. Konsegwentement, ikun hemm enfasi qawwija fuq l-edukazzjoni/it-taħriġ, l-intraprenditorija u l-użu tar-riżultati, eż. l-iżvilupp ta' ħiliet u għarfien tal-professjonisti tat-trasport urban fl-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali (tagħlim tul il-ħajja / programmi ta' skambju tal-persunal / taħriġ professjonali), il-proposta għal programmi speċifiċi tal-edukazzjoni għolja fil-Mobilità Urbana’(skejjel tas-sajf/skemi ta’ skambju), it-twassil b’suċċess ta’ kunċetti innovattivi tat-trasport fis-suq (appoġġ għal spin-offs u kumpaniji ġodda mill-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, eċċ.).

Barra minn dan, il-kunċett ta’ kolokazzjoni jista’ jkun imsaħħaħ f’KGħI li tiffoka fuq din it-tema, peress li naturalment dan il-qasam tematiku għandu dimensjoni qawwija lokali u reġjonali.

3.   SINERĠIJI U PUNTI KOMPLEMENTARI MA’ INIZJATTIVI EŻISTENTI

Kwistjonijiet relatati mal-mobilità huma appoġġjati bis-sħiħ minn bosta inizjattivi tal-Unjoni. L-Unjoni hija impenjata bis-sħiħ f’dan il-qasam.

Rabtiet ma’ attivitajiet oħra tal-Unjoni jeżistu u jiġu mtejba. KGħI dwar il-mobilità urbana tqis l-azzjonijiet żviluppati fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana u l-Pjan ta’ Azzjoni tas-Sistema Intelliġenti tat-Trasport.

Tikkoopera, partikolarment, mal-inizjattivi Ewropej ippjanati dwar il-bliet u l-komunitajiet intelliġenti, li jiġbru fihom l-effiċjenza tal-enerġija, l-ICT u t-trasport urban.

KGħI, partikolarment, toħloq komplimentarjetà fl-edukazzjoni ta’ atturi ewlenin, iżda wkoll billi tipprovdi netwerk strutturat ta’ prattikanti li jkunu f’pożizzjoni tajba li jidentifikaw kundizzjonijiet ta' qafas u l-aqwa prattika fuq il-kwistjonijiet tal-politika u regolatorji li għandhom impatt fuq is-settur.

Hija meħtieġa wkoll il-koordinazzjoni mal-Inizjattiva tal-Programmazzjoni Konġunta “Urban Europe”, li tgħaqqad flimkien l-isforzi ta’ riċerka nazzjonali biex tbiddel żoni urbani f’ċentri ta’ innovazzjoni u teknoloġija, twettaq sistemi loġistiċi għal trasport ekoloġiku u intra-interurbani intelliġenti, tnaqqas l-impronta ekoloġika u ttejjeb in-newtralità tal-klima. KGħI f’dan il-qasam tħaffef u trawwem l-isfruttament ta’ riċerka pubblika eċċellenti magħquda flimkien minn dawn il-JPIs, u għalhekk jindirizzaw il-frammentazzjoni fix-xenarju tal-innovazzjoni.

L-inizjattiva CIVITAS li tappoġġja proġetti ta’ dimostrazzjoni u riċerka biex jimplimenta miżuri innovattivi fi trasport urban nadif, u l-Inizjattiva Ewropea Industrijali dwar Bliet u Komunitajiet Intelliġenti li għandha l-għan li tagħmel il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija fl-ibliet aktar sostenibbli u effiċjenti jkunu wkoll inizjattivi ta’ kooperazzjoni naturali ta’ KGħI dwar il-mobilità urbana.

KGħI f’dan il-qasam tista’ tistabbilixxi wkoll rabtiet mal-Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija (ETPs) marbuta mat-trasport u l-enerġija, is-Sħubiji Pubbliċi Privati (PPP) dwar karozzi tajbin għall-ambjent, u d-diversi proġetti tal-programm qafas (FP) f’dan il-qasam. Il-KGħI għandha tikkunsidra l-prijoritajiet ta’ riċerka u l-pjanijiet ta’ azzjoni definiti fil-qafas tal-ETPs u x-xogħol tar-riċerka mwettaq s’issa mill-proġetti PPP u FP biex itejbu u jaċċelleraw l-adozzjoni u l-isfruttament ta’ dawn ir-riżultati ta' riċerka.

Jiġu mfittxija wkoll rabtiet mal-“Alleanza Ewropea Mobbli u tal-Mobilità”. Kofinanzjata mill-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni, l-Alleanza Ewropea Mobbli u tal-Mobilità timmira li tlaqqa' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli reġjonali u nazzjonali biex jappoġġaw soluzzjonijiet innovattivi tas-servizz fl-industriji mobbli u tal-mobilità bil-ħsieb li jiġi mmobilizzat aktar appoġġ għall-SMEs tas-servizzi innovattivi f'dawn l-industriji.

Din tibni wkoll fuq Intelligent Energy Europe, ir-replikazzjoni tas-suq tal-ekoinnovazzjoni, u s-servizzi abbażi tal-ICT u proġetti pilota għal mobilità urbana intelliġenti taħt il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP).

KGħI f’dan l-qasam tkun komplementari għal dawn l-attivitajiet peress li din tiffoka fuq attivitajiet transdixxiplinarji fit-trijangolu tal-għarfien b’enfasi qawwija fuq prodotti u servizzi innovattivi u edukazzjoni intraprenditorjali.

KGħI li tiffoka fuq il-mobilità urbana tkun ukoll komplementari għal uħud mill-attivitajiet speċifiċi li diġà qed jitwettqu minn żewġ KGħI eżistenti. Partikolarment, l-attivitajiet ta’ Climate KGħI taħt it-tema ta’ tranżizzjoni għal bliet reżiljenti b’livell baxx ta’ karbonju, u xogħol ta’ EIT ICT Labs taħt l-oqsma tal-enfasi ta’ sistemi ta’ trasportazzjoni intelliġenti u bliet diġitali tal-futur. Il-KGħI dwar il-mobilità urbana tieħu ħsieb ix-xogħol imwettaq fil-qafas ta’ dawn il-KGħI u tpoġġih fil-kuntest usa’ ta’ sistema ta’ mobilità urbana aktar tajba għall-ambjent, aktar inklussiva, aktar sikura u aktar intelliġenti.

4.   KONKLUŻJONI

KGħI li tiffoka fuq il-mobilità urbana hija l-aktar adattata biex tindirizza l-isfidi msemmija hawn fuq. Din tissodisfa wkoll il-kriterji mressqa għall-għażla tat-temi tal-KGħI:

Tindirizza sfida ewlenija u rilevanti ekonomika u tas-soċjetà (biex tinkiseb sistema ta’ trasport Ewropea li hija effiċjenti fir-riżorsi, ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, sikura u mingħajr problemi għall-benefiċċju taċ-ċittadini, l-ekonomija u s-soċjetà), u tikkontribwixxi għat-twettiq tal-aġenda Ewropa 2020 u l-għanijiet tagħha dwar il-klima u l-enerġija, l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni.

Din l-enfasi tal-KGħI hija allinjata mal-prijoritajiet definiti f’Orizzont 2020 u komplementari ma’ attivitajiet oħra tal-Unjoni fl-oqsma tat-trasport, tal-ambjent u tal-enerġija.

Bit-tisħiħ tal-ħsieb intraprenditorjali din tintegra t-teknoloġiji emerġenti ma’ katini ta’ valur ġodda u tappoġġja t-traduzzjoni ta’ riċerka akkademika fi prodotti u servizzi.

Għalhekk tindirizza l-paradoss Ewropew, peress li tagħmel kapital mill-bażi ta’ riċerka qawwija tal-Unjoni u ssib approċċi innovattivi ġodda biex tiżgura sistema ta’ mobilità urbana aktar tajba għall-ambjent, aktar inklussiva, aktar sikura u aktar intelliġenti.

Tgħaqqad massa kritika ta’ riċerka eċċellenti, innovazzjoni, edukazzjoni u partijiet interessati fit-taħriġ, li kieku ma kienux jingħaqdu flimkien.

Tadotta approċċ transettorjali u għalhekk tgħaqqad il-livelli differenti ta’ responsabilità minn entitajiet privati għal amministrazzjoni pubblika – partikolarment fuq livell lokali – saċ-ċittadin individwali.

Tirrikjedi xogħol transdixxiplinarju li jinvolvi oqsma differenti tal-għarfien, u l-iżvilupp ta’ tipi ġodda ta’ edukazzjoni fuq il-fruntieri bejn id-dixxiplini.


(1)  Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1).

(2)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 of 11 Diċembru 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont 2020 - Il-Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020), (Ara paġna 104 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-dokumenti informattivi jagħtu sinteżi tal-analiżi mwettqa dwar ir-relevanza u l-valur miżjud tal-ħolqien ta’ KGħI fit-temi proposti. Dawn jagħtu informazzjoni indikattiva dwar x’jista’ jagħmel KGħI fil-qasam speċifiku, iżda ma jippreskrivux l-attivitajiet u l-metodi ta’ ħidma futuri tal-KGħI.

(4)  In-nefqa fuq is-saħħa tvarja minn pajjiż għal ieħor. Is-sehem fil-PDG ivarja minn 1,1 sa 9,7 % u minn 4 % għal aktar minn 18 % tal-infiq pubbliku totali. Setturi relatati mas-saħħa għandhom intensità qawwija ta’ R&D: prodotti farmaċewtiċi u tal-bijoteknoloġija huma ħafna aktar fil-għadd minn kwalunkwe settur ieħor (15,9 %); it-tagħmir u s-servizzi għall-kura tas-saħħa huma wkoll għolja ħafna (6,8 %).

(5)  Pereżempju f’termini ta’ aċċess tal-pazjent għal mediċini ta’ kwalità għolja, li huwa ittardjat minħabba leġiżlazzjoni għall-approvazzjoni ta’ prodotti ġodda tad-droga fis-suq b’aktar ħin iddedikat għal testijiet u ċertifikazzjoni u għall-istabbiliment ta’ prezzijiet u modalitajiet ta’ rimborż.

(6)  F’dan id-dokument informattiv id-definizzjoni aktar limitata ta’ “materja prima mhux mill-enerġija u mhux mill-agrikoltura” ser tintuża sabiex titnaqqas id-duplikazzjoni potenzjali ma’ KGħI eżistenti tal-Bidla fil-Klima u l-Enerġija, kif ukoll oqsma oħra futuri ta’ prijorità ta’ KGħI bħall-ikel.

(7)  L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO). 2009. Global agriculture towards 2050.

(8)  http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/ict/files/kets/hlg_report_final_en.pdf

(9)  Aktar minn 70 % tal-Ewropej jgħixu f’żoni urbani, li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tat-territorju tal-Unjoni. Madwar 85 % tal-PDG tal-Unjoni huwa ġġenerat fiż-żoni urbani. L-urbanizzazzjoni huja mistennija li tiżdied fl-Ewropa għal 83 % sal-2050.

(10)  Xi eżempji ta’ swieq potenzjali ġodda: servizzi ġodda għal vjaġġaturi, manutenzjoni, u ġestjoni ta’ moviment tat-traffiku u konġestjoni fit-toroq; applikazzjonijiet ġodda f’vetturi; servizzi ta’ komunikazzjoni inklussivi biex jappoġġaw il-komunikazzjoni u jkun evitat l-ivvjaġġar (JRC 65426 EN).