27.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 279/11


ID-DEĊIŻJONI Nru R1

tal-20 ta’ Ġunju 2013

li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)

2013/C 279/06

IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (1), li skontu l-Kummissjoni Amministrattiva għandha r-responsabbiltà li tittratta l-mistoqsijiet amministrattivi jew il-mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni kollha li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 (2),

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 84(2) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 80(1) u 85(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009,

Filwaqt li taġixxi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

Billi:

(1)

Il-Kapitolu III tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 dwar l-irkupru ta’ benefiċċji u kontribuzzjonijiet kienet ibbażata oriġinalment fuq id-dispożizzjonijiet tal-UE relatati mal-irkupru applikabbli fil-qasam tat-taxxa, jiġifieri d-Direttiva 76/308/KEE (3), sussegwentement sostitwita bid-Direttiva 2008/55/KE (4).

(2)

Matul id-diskussjonijiet fil-Kummissjoni Amministrattiva tqajmet il-mistoqsija jekk l-ispejjeż relatati mal-irkupru mill-parti rikjesta, li ma setgħux jiġu rkuprati mingħand il-persuna kkonċernata, għandhomx jiġu rimborżati mill-parti applikanti.

(3)

Skont l-Artikolu 84(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, id-deċiżjonijiet infurzabbli tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi dwar il-ġbir ta' kontributi, interessi u kull imposta oħra, jew dwar l-irkupru ta' benefiċċji mogħtija meta dawn ma kellhomx jingħataw skont il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru wieħed, għandhom ikunu rikonoxxuti u infurzati fuq talba tal-istituzzjoni kompetenti fi Stat Membru ieħor fil-limiti u skont il-proċeduri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni u skont xi proċeduri oħra applikabbli għal deċiżjonijiet simili tat-tieni Stat Membru.

(4)

Wara l-adozzjoni reċenti tad-Direttiva 2010/24/UE (5) (dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma' taxxi, dazji u miżuri oħra) li tissostitwixxi dik li qabel kienet id-Direttiva 2008/55/KE dwar dik il-kwistjoni, l-approċċ fil-qasam tat-taxxa fir-rigward tal-irkupru tal-ispejjeż tal-parti rikjesta li ma jistgħux jiġu rkuprati mingħand il-persuna kkonċernata, ġiet riveduta u ċċarata.

(5)

Skont l-Artikolu 85(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, il-parti rikjesta għandha tirkupra mingħand il-persuna naturali jew ġuridika kkonċernata, u sussegwentement iżżomm, kwalunkwe spiża li ġġarrab, marbuta mal-irkupru, skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Membru tal-parti rikjesta li japplikaw għat-talbiet simili.

(6)

Skont l-Artikolu 85(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, l-assistenza reċiproka għandha, bħala regola, tkun mingħajr ħlas; dan jikkonferma mill-ġdid ir-regola ġenerali preskritta fl-Artikolu 76(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi ddeterminat l-ambitu tal-assistenza reċiproka, għall-finijiet tal-irkupru tat-talbiet transfruntieri.

(7)

Huwa mixtieq, fejn ikun possibbli, li tiġi allinjata l-interpretazzjoni tal-Kapitolu III tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 mar-regoli u l-prinċipji dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi u dazji,

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

1.

L-assistenza reċiproka għandha, bħala regola, tkun mingħajr ħlas. Dan ifisser li l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri għandhom jipprovdu għajnuna amministrattiva lil xulxin mingħajr ħlas. Dan japplika biss għall-ispejjeż ta’ attivitajiet imwettqa mill-parti rikjesta nnfisha.

2.

L-ispejjeż relatati mal-irkupru għandhom ikunu imposti f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-parti rikjesta u, bħala regola, għandhom jiġu rimborżati mid-debitur flimkien mal-ammont tat-talba.

3.

L-ispejjeż relatati mal-irkupru għandhom jitħallsu l-ewwel, u t-talba tal-parti applikanti għandha tiġi sodisfatta biss wara li dawk l-ispejjeż ikunu tħallsu (regola ta’ prijorità għall-ispejjeż).

4.

F’każijiet fejn l-ispejjeż relatati mal-irkupru ma jistgħux jiġu rkuprati direttament mid-debitur mill-parti rikjesta b'konsegwenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-parti rikjesta, jew għax l-ammont irkuprat mid-debitur ma jippermettix is-sodisfazzjon tat-talba kollha, inklużi l-ispejjeż relatati mal-irkupru, dawn l-ispejjeż jistgħu jitnaqqsu mill-ammont irkuprat, u l-bilanċ biss għandu jiġi mibgħut lura mill-parti rikjesta lill-parti applikanti. Għandha tiġi pprovduta evidenza mill-parti rikjesta lill-parti applikanti li dawn l-ispejjeż kienu saru mill-parti rikjesta matul il-proċedura ta’ rkupru.

5.

F’każijiet fejn l-azzjoni ta’ rkupru ma tirriżultax fl-irkupru ta’ ammont li għall-inqas ikopri l-ispejjeż relatati mal-irkupru, jew fejn l-azzjoni ta’ rkupru kienet kompletament mingħajr suċċess, minbarra dawk l-ispejjeż relatati mal-irkupru imsemmija fil-paragrafu 1 li ġew imġarrba mill-parti rikjesta, il-parti applikanti għandha tirrimborża dawn l-ispejjeż, sakemm il-partijiet ma jaqblux fuq ftehim tar-rimborż speċifiku għall-każ, jew jekk tiġi konkluża rinunzja tar-rimborż tal-ispejjeż bejn il-parti applikanti u l-parti rikjesta.

6.

Fejn ikun ovvju li l-irkupru qed joħloq problema speċifika jew jikkonċerna ammont kbir ħafna ta' spejjeż li probabbilment mhumiex se jiġu rkuprati mid-debitur, l-applikant u l-parti rikjesta jistgħu jiftiehmu, preferibbilment bil-quddiem, dwar ftehim speċifiku ta’ rimborż għall-każ inkwistjoni.

7.

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

Anne McMANUS


(1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 73, 19.3.1976, p. 18.

(4)  ĠU L 150, 10.6.2008, p. 28.

(5)  ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1.