24.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 352/65 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-23 ta’ Diċembru 2013
li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/60/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/593/KE
(2013/801/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (1), u partikolarment l-Artikolu 3 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 58/2003 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddelega poteri lill-aġenziji eżekuttivi biex jimplimentaw b’mod sħiħ jew parti minn programm jew proġett tal-Unjoni, f’isimha u taħt ir-responsabbiltà tagħha. |
(2) |
L-għan li l-aġenziji eżekuttivi jingħataw il-kariga b’il-kompiti t’al-implimentazzjoni tal-programmi huwa biex il-Kummissjoni titħalla tikkonċentra fuq l-attivitajiet u l-funzjonijiet ewlenin tagħha li ma jistgħux jiġu ġestiti esternament, mingħajr ma ċċedi l-kontroll fuq l-attivitajiet ġestiti minn dawk l-aġenziji eżekuttivi u r-responsabbiltà aħħarija għall-istess attivitajiet. |
(3) |
Id-delega ta’ kompiti b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ programmi lil aġenzija eżekuttiva titlob separazzjoni ċara bejn l-istadji tal-ipprogrammar li jinvolvu diskrezzjoni kbira fl-għażliet iggwidati minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika u li jitwettqu mill-Kummissjoni, u l-implimentazzjoni tal-programmi, li għandha titħalla f’idejn l-aġenzija eżekuttiva. |
(4) |
Bid-Deċiżjoni 2007/60/KE (2), il-Kummissjoni ħolqot l-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew u fdatha bil-ġestjoni ta’ azzjonijiet Komunitarji fil-qasam tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew. |
(5) |
Sussegwentement, bid-Deċiżjoni 2008/593/KE (3), il-Kummissjoni estendiet il-perjodu tal-operat tal-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport u ddefinit mill-ġdid l-għanijiet u l-kompiti tagħha biex b’hekk saret responsabbli wkoll mill-implimentazzjoni ta’ għajnuna finanzjarja tal-baġit tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport fil-Qafas Finanzjarju Pluriennwali għall-2007-2013. |
(6) |
L-Aġenzija Eżekuttiva għan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport uriet li hija aġenzija organizzata tajjeb li twettaq il-kompiti li għandha mandat fuqhom b’mod effettiv u effiċjenti f’konformità mal-qafas legali li jirregola l-attivitajiet tagħha. L-evalwazzjoni interim tal-aġenzija wriet li hija għandha indikaturi tal-produttività b’saħħithom u li twettaq il-ġestjoni teknika u finanzjarja tagħha b’mod li jissodisfa lill-partijiet interessati. L-aġenzija rnexxielha tikkontribwixxi b’suċċess għall-implimentazzjoni tal-programm tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u ppermettiet lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq u ttejjeb il-ġestjoni tal-kompiti istituzzjonali u ta’ politika tagħha. L-evalwazzjoni interim wriet ukoll li l-aġenzija hija għażla aktar kosteffiċjenti għall-ġestjoni tal-programm tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, meta mqabbla max-xenarju tal-ġestjoni interna tal-Kummissjoni. L-iffrankar li rriżulta mid-delega tal-kompiti lill-aġenzija ġew stmati għal madwar EUR 8,66 miljun tul il-perjodu ta’ snin mill-2008 sal-2015. |
(7) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2011“Baġit għall-Ewropa 2020” (4), il-Kummissjoni pproponiet l-użu tal-għażla ta’ rikors aktar estensiv għall-aġenziji eżistenti għall-implimentazzjoni ta’ programmi tal-Unjoni fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020. |
(8) |
L-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji mwettqa f’konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 wriet li d-delega lill-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport tal-ġestjoni ta’ partijiet mill-programm Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet (5), kif ukoll partijiet minn riċerka dwar it-trasport u l-enerġija fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 (6), jagħmilha possibbli li jiġu implimentati tali programmi b’mod effiċjenti b’inqas spejjeż milli meta mqabbla mal-Kummissjoni. It-tali delega ta’ ġestjoni ta’ programmi lill-aġenzija huwa stmat li jħalli gwadanni fl-effiċjenza ta’ madwar EUR 54 miljun għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali mill-2014 sal-2020. L-analiżi wriet ukoll li t-tagħqid flimkien tal-ġestjoni tal-infrastruttura u ta’ proġetti ta’ riċerka fl-oqsma tat-trasport u tal-enerġija fl-istess aġenzija jirriżulta f’ekonomiji tal-kobor u sinerġiji sinifikanti bejn tali attivitajiet. L-estensjoni tal-mandat tal-aġenzija tippermetti li l-Kummissjoni u l-partijiet interessati jibbenefikaw mill-għarfien espert tal-aġenzija u minn kwalità għolja tal-ġestjoni ta’ programmi u tat-twassil ta’ servizzi. Din l-estensjoni tiżgura wkoll kontinwità tal-operat għall-benefiċjarji mill-programm tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u livell għoli ta’ viżibbiltà tal-Unjoni bħala l-promotur tal-programmi ġestiti mill-aġenzija. Barra minn hekk, l-analiżi wriet ukoll li għall-programmi tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (7) u tal-Marco Polo (8) r-ritorn lejn arranġament ta’ ġestjoni interni jkun ta’ tfixkil u jirriżulta f’telf ta’ effiċjenza. |
(9) |
Biex l-aġenziji eżekuttivi jingħataw identità koerenti, il-Kummissjoni, safejn kien possibbli, qasmet il-ħidmiet skont l-oqsma tematiċi tal-politika meta stabbilit il-mandati l-ġodda tagħhom. |
(10) |
L-Aġenzija l-ġdida għandu jkollha mandat estiż li jkopri l-ġestjoni ta’ partijiet tal-programmi segwenti:
|
(11) |
Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti fi żmien din id-Deċiżjoni u tal-programmi inkwistjoni, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-Aġenzija għandha teżerċita l-kompiti tagħha b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ dawk il-programmi soġġetti għal u fid-data minn meta dawk il-programmi jidħlu fis-seħħ. |
(12) |
Għandha tiġi stabbilita l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks. Din għandha tieħu post l-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport stabbilita bid-Deċiżjoni 2007/60/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/593/KE Din għandha topera f’konformità mal-istatut ġenerali stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 58/2003. |
(13) |
Id-Deċiżjoni 2007/60/KE u d-Deċiżjoni 2008/593/KE għandhom għalhekk jitħassru u għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżitorji. |
(14) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Aġenziji Eżekuttivi, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment
L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) hija stabbilita mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2024.
L-Istatut tal-Aġenzija huwa rregolat bir-Regolament (KE) Nru 58/2003.
L-Aġenzija tieħu post u tkompli fejn ħalliet l-aġenzija eżekuttiva stabbilita bid-Deċiżjoni 2007/60/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/593/KE.
Artikolu 2
Sede
Is-sede tal-Aġenzija hija f’Brussell.
Artikolu 3
Għanijiet u kompiti
1. L-Aġenżija hija mogħtija l-kariga tal-implimentazzjoni ta’ partijiet mill-programmi tal-Unjoni li ġejjin:
(a) |
Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; |
(b) |
Il-Parti III Sfidi Soċjetali tal-Programm Speċifiku Orizzont 2020. |
Dan il-paragrafu għandu japplika soġġett għal u mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ kull wieħed minn dawn il-programmi.
2. L-Aġenżija hija responsabbli għall-implimentazzjoni tal-partijiet residwi tal-programmi Komunitarji li ġejjin:
(a) |
Il-programm tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport; |
(b) |
Il-programm Marco Polo. |
3. L-Aġenzija hija responsabbli għall-kompiti segwenti marbutin mal-implimentazzjoni tal-partijiet tal-programmi tal-Unjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2:
(a) |
il-ġestjoni ta’ xi stadji ta’ implimentazzjoni tal-programm u xi fażijiet tul il-ħajja ta’ proġetti speċifiċi abbażi tal-programmi ta’ ħidma rilevanti adottati mill-Kummissjoni, fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega; |
(b) |
l-adozzjoni tal-istrumenti għall-eżekuzzjoni tal-baġit għad-dħul u l-infiq u t-twettiq tal-operazzjonijiet kollha meħtieġa għall-ġestjoni tal-programm, fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega; |
(c) |
il-għoti ta’ appoġġ fl-implimentazzjoni tal-programm fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega. |
Artikolu 4
Tul ta’ żmien tal-ħatriet
1. Il-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija huma maħtura għal sentejn (2).
2. Id-Direttur huwa maħtur għal ħames (5) snin.
Artikolu 5
Rekwiżit dwar is-superviżjoni u r-rapportar
L-Aġenzija hija soġġetta għas-superviżjoni mill-Kummissjoni u tirrapporta regolarment dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi jew partijiet minnhom li għalihom hi responsabbli, skont l-arranġamenti u l-intervalli stipulati fl-istrument tad-delega.
Artikolu 6
Implimentazzjoni tal-baġit operattiv
L-Aġenzija timplimenta l-baġit operattiv tagħha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 (9).
Artikolu 7
Dispożizzjonijiet tranżitorji u ta’ tħassir
1. Id-Deċiżjoni 2007/60/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/593/KE hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014. Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.
2. L-Aġenzija titiqies bħala s-suċċessur legali tal-aġenzija eżekuttiva stabbilita bid-Deċiżjoni 2007/60/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/593/KE.
3. Bla preġudizzju għall-Artikolu 28(2), l-Artikolu 29(2), l-Artikolu 30 u l-Artikolu 31(2) tad-Deċiżjoni C(2013) 9235, din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi ta’ persunal impjegat mill-Aġenzija, inkluż id-Direttur tagħha.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni idħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Hija tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/60/KE tas-26 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (ĠU L 32, 6.2.2007, p. 88).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/593/KE tal-11 ta’ Lulju 2008 li temenda d-Deċiżjoni 2007/60/KE dwar il-modifika tal-kompiti u l-perjodu tal-operat tal-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew (ĠU L 190, 18.7.2008, p. 35).
(4) COM(2011) 500 finali.
(5) Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).
(6) Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabilixxi l-Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104), u Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta l-Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li jistabilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija (ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1).
(8) Regolament (KE) Nru 1692/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi t-tieni programm Marco Polo għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Komunità biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (Marco Polo II) (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 1).
(9) Ir-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 1653/2004 tal-21 ta’ Settembru 2004 dwar ir-regolamentazzjoni finanzjarja standard għall-agenziji eżekuttivi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 li jistabbilixxi l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li se jingħataw il-kariga b’ċerti kompiti fil-ġestjoni ta’ programmi Komunitarji (ĠU L 297, 22.9.2004, p. 6).