24.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/58


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ Diċembru 2013

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-2013 li tkopri n-nefqa mġarrba minn Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja, il-Portugall, u Spanja bl-għan li jiġu miġġielda organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti

(notifikata bid-dokument C(2013) 8999)

(It-testi bil-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Olandiż, il-Portugiż u l-Ispanjol biss huma awtentiċi)

(2013/800/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(5) u (6) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2000/29/KE, l-Istati Membri jistgħu jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja għall-“kontroll tas-saħħa tal-pjanti” mill-Unjoni sabiex ikopru l-ispejjeż relatati direttament mal-miżuri neċessarji li ttieħdu jew li huma previsti li jittieħdu fil-ġlieda kontra l-organiżmi ta’ ħsara li ġejjin minn pajjiżi terzi jew minn żoni oħra tal-Unjoni, sabiex jinqerdu jew, jekk dan mhux possibbli, sabiex titrażżan il-firxa tagħhom.

(2)

Il-Ġermanja ressqet tliet talbiet għal kontribuzzjoni finanzjarja. L-ewwel waħda tressqet fit-30 ta’ April 2013 u għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2012 biex tinqered jew titrażżan il-firxa tad-Diabrotica virgifera f’Rheinland-Pfalz. It-tifqigħa ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara ġiet innutata hemmhekk f’Awwissu u Settembru tal-2012.

(3)

It-tieni waħda tressqet fit-30 ta’ April 2013 u għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu bejn Awwissu tal-2011 u Awwissu tal-2012 biex jiġi kkontrollat l-Anoplophora glabripennis f’Nordrhein-Westfalen. It-tifqigħa ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara ġiet innutata hemmhekk fl-2009.

(4)

It-tielet talba tal-Ġermanja tressqet fl-24 ta’ April 2013 u għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2012 sabiex tinqered jew titrażżan id-Diabrotica virgifera f’Baden-Württemberg. It-tifqigħat ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara ġew innutati f’distretti rurali jew urbani differenti ta’ dak l-Istat (Alb-Donaukreis, Biberach, Breisgau-Hochschwarzwald, Emmendingen, Karlsruhe, Konstanz, Loerrach, Rastatt u Ravensburg) fi snin differenti, jiġifieri fl-2009, fl-2010, fl-2011 u fl-2012. Il-miżuri li ttieħdu f’dawk is-snin kienu soġġetti wkoll għal kofinanzjament fl-2009, fl-2010, fl-2011 u fl-2012.

(5)

Spanja ressqet erba’ talbiet għal kontribuzzjoni finanzjarja fis-17 ta’ April 2013. L-ewwel waħda għandha x’taqsam mal-miżuri ta’ spezzjonijiet intensifikati li ttieħdu fl-2012 fl-erba’ Komunitajiet Awtonomi li jmissu mal-fruntieri tal-Portugall biex jikkontrollaw il-Bursaphelenchus xylophilus.

(6)

It-tieni talba ta’ Spanja għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu jew li huma previsti għall-2013 f’Galicia biex jiġi kkontrollat il-Bursaphelenchus xylophilus. It-tifqigħa ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara ġiet innutata fl-2010 fiż-żona ta’ As Neves.

(7)

It-tielet talba għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu jew li huma previsti għall-2013 fil-Catalonia biex jiġi kkontrollat il-Pomacea insularum. It-tifqigħa ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara ġiet innutata fl-2010.

(8)

Ir-raba’ talba ta’ Spanja għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu jew li huma previsti għall-2013 f’Extremadura biex jiġi kkontrollat il-Bursaphelenchus xylophilus. It-tifqigħa ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara ġiet innutata fl-2012 fiż-żona ta’ Valverde del Fresno.

(9)

Franza ressqet żewġ talbiet għal kontribuzzjoni finanzjarja fit-30 ta’ April 2013. L-ewwel waħda għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu jew li huma previsti għal bejn Lulju tal-2012 u Novembru tal-2013 biex jiġi kkontrollat l-Anoplophora glabripennis fl-Alsace. Fi Franza ttieħdu miżuri wara li f’ Lulju tal-2011 instab dak l-organiżmu ta’ ħsara fiż-żona tal-fruntiera mal-Ġermanja.

(10)

It-tieni talba għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu jew li huma previsti għal bejn Ottubru tal-2012 u Settembru tal-2013 biex jiġi kkontrollat ir-Rhynchophorus ferrugineus fir-reġjun tal-PACA. It-tifqigħat inizjali ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara ġew innutati fl-2009. Il-miżuri li ttieħdu bejn Settembru tal-2009 u Settembru tal-2012 kienu soġġetti wkoll għal kofinanzjament fl-2010 u fl-2012.

(11)

Il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu talba għal kontribuzzjoni finanzjarja fit-30 ta’ April 2013. Dik it-talba għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu bejn Lulju u Ottubru tal-2012 fiż-żona ta’ Winterswijk biex jiġi kkontrollat l-Anoplophora glabripennis. Fl-10 ta’ Lulju 2012 kien nnutat li tfaċċa dak l-organiżmu ta’ ħsara.

(12)

Il-Portugall ressaq żewġ talbiet għal kontribuzzjoni finanzjarja fit-30 ta’ April 2013 li għandhom x’jaqsmu mal-miżuri li ttieħdu biex jiġi kkontrollat il-Bursaphelenchus xylophilus. L-ewwel talba għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu jew li huma previsti għall-2013 u l-2014 fit-territorju kontinentali tal-Portugall, fiż-żona ta’ lqugħ fil-fruntiera ma’ Spanja.

(13)

It-tieni talba tal-Portugall għandha x’taqsam esklussivament mal-miżuri tat-trattament bis-sħana tal-injam jew tal-materjal għall-ippakkjar tal-injam fiż-żona ta’ Setubal fl-2013. Il-miżuri li ttieħdu fl-2010, fl-2011 u fl-2012 kienu soġġetti wkoll għal kofinanzjament fl-2011 u fl-2012.

(14)

Il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall, fit-talbiet tagħhom ilkoll stabbilixxew programm ta’ azzjonijiet biex jeqirdu jew irażżnu dawn l-organiżmi ta’ ħsara li jissemmew hawn fuq mit-territorji tagħhom. Dawn il-programmi jispeċifikaw l-għanijiet li għandhom jintlaħqu, il-miżuri mwettqa, it-tul tagħhom u kemm jiswew.

(15)

Il-miżuri kollha li jissemmew hawn jinkludu varjetà ta’ miżuri tas-saħħa tal-pjanti, inklużi l-qerda ta’ siġar jew uċuħ tar-raba’ kontaminati, l-applikazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, it-tekniki tas-sanità, l-ispezzjonijiet u t-testijiet li jsiru b’mod uffiċjali jew fuq talba uffiċjali għall-monitoraġġ tal-preżenza jew tal-medda tal-kontaminazzjoni tal-organiżmi ta’ ħsara rispettivi, u s-sostituzzjoni tal-pjanti meqruda, skont it-tifsira tal-Artikolu 23(2)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2000/29/KE.

(16)

Il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall applikaw għal allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal dawn it-talbiet skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2000/29/KE, u partikolarment il-paragrafi 1 u 4 tiegħu, u f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1040/2002 (2).

(17)

Permezz tal-informazzjoni teknika mogħtija mill-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall, il-Kummissjoni setgħet tanalizza s-sitwazzjoni b’mod preċiż u komprensiv. Il-Kummissjoni kkonkludiet li ntlaħqu l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni, kif stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2000/29/KE. Għalhekk, huwa xieraq li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni biex tkopri n-nefqiet ta’dawk it-talbiet.

(18)

Il-miżuri u l-infiq eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni ġew iċċarati permezz ta’ ittra mid-DĠ SANCO tal-Kummissjoni lill-Uffiċjali Kapijiet fil-Qasam tas-Saħħa tal-Pjanti tal-Istati Membri bid-data 25 ta’ Mejju 2012.

(19)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(5) tad-Direttiva 2000/29/KE, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni tista’ tkopri sa 50 % tan-nefqa eliġibbli għall-miżuri li jittieħdu f’perjodu ta’ mhux iktar minn sentejn wara d-data meta tkun ġiet innutata t-tifqigħa jew għall-miżuri previsti għal dak il-perjodu. Madankollu, skont it-tielet subparagrafu ta’ dak l-Artikolu, dak il-perjodu jista’ jiġi estiż sa erba’ snin jekk ikun ġie stabbilit li l-għan tal-miżuri jkun se jintlaħaq f’perjodu addizzjonali raġonevoli, u f’dak il-każ ir-rata ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandha tkun digressiva fuq is-snin ikkonċernati.

(20)

Wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Bord ta’ Valutazzjoni tas-Saħħa tal-Pjanti tal-Kummissjoni ta’ bejn l-24 u s-26 ta’ Ġunju 2013 abbażi tal-valutazzjoni tat-talbiet rispettivi, huwa xieraq li l-perjodu ta’ sentejn għat-talbiet ikkonċernati jiġi estiż, filwaqt li r-rata ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal dawn il-miżuri titnaqqas għal 45 % tan-nefqa eliġibbli għat-tielet sena u għal 40 % għar-raba’ sena ta’ dawn it-talbiet.

(21)

Għalhekk, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni sa 50 % tan-nefqa eliġibbli għandha tapplika għal dawn it-talbiet: il-Ġermanja, Baden-Württemberg, Diabrotica virgifera, id-distretti rurali ta’ Alb-Donaukreis, Biberach, Karlsruhe, Rastatt u Ravensburg (2012), il-Ġermanja, Diabrotica virgifera, Rheinland-Pfalz (2012), Spanja, Extremadura, Bursaphelenchus xylophilus (2013), Franza, Anoplophora glabripennis, (Novembru tal-2012 sa Ottubru tal-2013), il-Pajjiżi l-Baxxi, Anoplophora glabripennis, iż-żona ta’ Winterswijk (Lulju sa Ottubru tal-2012).

(22)

Għalhekk, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni sa 45 % tan-nefqa eliġibbli għandha tapplika għal dawn it-talbiet: il-Ġermanja, Anoplophora glabripennis (Awwissu tal-2011 sa Awwissu tal-2012), il-Ġermanja, Baden-Württemberg, Diabrotica virgifera, id-distretti rurali ta’ Breisgau-Hochschwarzwald u l-belt ta’ Freiburg (2012), billi l-miżuri kkonċernati diġà kienu s-suġġett ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/868/UE (3) u 2012/789/UE (4) għall-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni tagħhom.

(23)

Barra minn hekk, kontribuzzjoni mill-Unjoni li sa 40 % għandha tapplika għar-raba’ sena ta’ dawn it-talbiet: il-Ġermanja, Baden-Württemberg, Diabrotica virgifera, id-distretti rurali ta’ Emmendingen, Konstanz u Lörrach (2012), Spanja, Catalonia, Pomacea insularum (2013), Spanja, Galicia, Bursaphelenchus xylophilus (2013), Franza, Rhynchophorus ferrugineus (Ottubru tal-2012 sa Settembru tal-2013), il-Portugall, Bursaphelenchus xylophilus, iż-żona ta’ Setubal (2013) billi dawn il-miżuri diġà kienu s-suġġett ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/772/UE (5) (il-Ġermanja, Spanja, Pomacea insularum, Franza u l-Portugall), id-Deċiżjoni 2011/868/UE (il-Ġermanja, Spanja u l-Portugall) u/jew id-Deċiżjoni 2012/789/UE (il-Ġermanja, Spanja, Franza u l-Portugall) għall-ewwel tliet snin tal-implimentazzjoni tagħhom.

(24)

F’konformità mal-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2000/29/KE, fid-dawl tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni fl-Unjoni tista’ tiġi implimentata azzjoni ulterjuri, u għandha tiġi deċiża l-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal din l-azzjoni. L-azzjoni trid tkun soġġetta għal ċerti rekwiżiti jew kundizzjonijiet addizzjonali, jekk dawn ikunu meħtieġa biex jintlaħaq l-għan inkwistjoni. Barra minn hekk, f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(6), meta azzjoni ulterjuri bħal din tkun maħsuba essenzjalment biex tipproteġi t-territorji tal-Unjoni, minbarra dak tal-Istat Membru kkonċernat, jista’ jiġi deċiż li l-allokazzjoni finanzjarja mill-Unjoni tkopri aktar minn 50 % tan-nefqa.

(25)

Fil-każ tal-kofinanzjament għal azzjonijiet kontra l-Bursaphelenchus xylophilus fil-Portugall, il-perjodu massimu ta’ erba’ snin, kif stipulat fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1040/2002, skada fl-2012. Madankollu, minħabba r-rilevanza kbira tal-Bursaphelenchus xylophilus għal pjanti u njam koniferu, ir-rapidità li biha l-marda tinfirex, il-qrubija ta’ Spanja lejn iż-żona demarkata fil-Portugall għal dak l-organiżmu ta’ ħsara, u l-impatt possibbli fuq il-kummerċ tal-injam tal-foresti tal-Unjoni u internazzjonali, tinħtieġ azzjoni ulterjuri biex jintlaħaq l-għan ta’ ħarsien fitosanitarju tat-territorju tal-Unjoni, kemm fil-Portugall u kemm fi Stati Membri minbarra l-Portugall. Dik l-azzjoni għandha tikkonċerna l-miżuri li jittieħdu mill-Portugall fiż-żona ta’ lqugħ li tmiss ma’ Spanja. Għalhekk, il-kofinanzjament ta’ dawk l-azzjonijiet ulterjuri għandu japplika għat-talbiet tal-Portugall għall-2013 u l-2014 għall-miżuri ta’ kontroll tal-Bursaphelenchus xylophilus fiż-żona ta’ lqugħ li tmiss ma’ Spanja. Minbarra dan. ikun xieraq li tiġi allokata rata ogħla ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal dik it-talba, u b’mod partikolari rata ta’ 75 %, billi dik l-azzjoni titqies li hija maħsuba essenzjalment biex tipproteġi t-territorji tal-Unjoni minbarra dak tal-Portugall.

(26)

Spanja wettqet spezzjonijiet intensivi għal Bursaphelenchus xylophilus fiż-żona tal-fruntiera mal-Portugall, fil-Komunitajiet Awtonomi tal-Andalusija, Castilla y Leon, Extremadura u Galicia, u kopriet oqsma li mhumiex demarkati għal dak l-organiżmu ta’ ħsara. Dawk l-ispezzjonijiet għandhom l-għan ta’ monitoraġġ intensiv għar-rilevament u l-qirda bikrin f’oqsma partikolari li jipproteġu l-bqija tat-territorju tal-Unjoni. Spanja diġà allokat għadd sinifikanti ta’ riżorsi għall-kontroll ta’ żewġ tifqigħat iżolati tal-Bursaphelenchus xylophilus f’Extremadura u Galicia. Dik titqies bħala azzjoni maħsuba essenzjalment biex tipproteġi t-territorju ta’ Spanja, kif ukoll it-territorji tal-Unjoni minbarra dak ta’ Spanja, minħabba r-rilevanza kbira tal-Bursaphelenchus xylophilus għal pjanti u njam koniferu, ir-rapidità li biha l-marda tinfirex, u l-impatt possibbli fuq il-kummerċ tal-injam tal-foresti tal-Unjoni u internazzjonali. Għaldaqstant ikun rilevanti li tiġi allokata rata ogħla ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal dik it-talba, u b’mod partikolari rata ta’75 %.

(27)

Il-missjoni tal-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tal-Kummissjoni (minn hawn ‘il quddiem magħruf bħala: “FVO” - Food and Veterinary Office), li saret f’April tal-2013, żvelat diversi nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza tal-Unjoni kontra l-Bursaphelenchus xylophilus adottati f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/535/UE (6). Dawk in-nuqqasijiet jikkonċernaw il-miżuri li ttieħdu mill-Portugall fiż-żona ta’ lqugħ li tmiss ma’ Spanja. B’mod partikolari, it-tqaċċit, it-tneħħija u r-rimi ta’ siġar tan-nematodu tal-injam tal-arżnu li kienu mejtin, morda jew li kienu f’żoni milqutin min-nirien jew mit-tempesti, ma tlestiex sal-iskadenzi stabbiliti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/535/UE. Meta wieħed jinnota li għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet, bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2011/868/UE u 2012/789/UE, li tapplika livelli aktar baxxi ta’ kofinanzjament f’applikazzjonijiet simili fl-2011 u l-2012, jidher xieraq li jiġi applikat tnaqqis ulterjuri fil-kofinanzjament li jikkonċerna dawk l-azzjonijiet. Dak it-tnaqqis għandu jkun proporzjonat mal-perjodu li fih il-missjoni tal-FVO tista’ taċċerta nuqqas ta’ korrettezza fl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Unjoni, jiġifieri l-ewwel tliet xhur tal-2013.

(28)

Skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (7), il-miżuri tas-saħħa tal-pjanti huma ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija. Għall-finijiet tal-kontroll finanzjarju ta’ dawn il-miżuri, għandhom japplikaw l-Artikoli 9, 36 u 37 tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

(29)

Skont l-Artikolu 84 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u l-Artikolu 94(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (9), l-impenn tan-nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jkun preċedut bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni finanzjarja mill-istituzzjoni li tkun ingħatat is-setgħat, li fiha jiġu stabbiliti l-elementi essenzjali għal azzjoni li tinvolvi nefqa.

(30)

Id-deċiżjoni preżenti tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament għan-nefqa mressqa fit-talbiet ta’ kofinanzjament ippreżentati mill-Istati Membri.

(31)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Abbażi tat-talbiet ippreżentati mill-Istati Membri u analizzati mill-Kummissjoni, l-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-2013 biex tkopri n-nefqa mġarrba mill-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall, li għandha x’taqsam mal-miżuri meħtieġa kif speċifikati fl-Artikolu 23(2)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2000/29/KE u li ttieħdu bl-għan li jkunu miġġielda l-organiżmi kkonċernati skont ir-rikjesti elenkati fl-Anness I, hija b’dan approvata.

2.   Abbażi tat-talbiet ippreżentati minn Spanja u l-Portugall, u analizzati mill-Kummissjoni, l-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-2013 biex tkopri n-nefqa mġarrba minn dawk l-Istati Membri u li għandha x’taqsam ma’ azzjonijiet ulterjuri, kif speċifikati fl-Artikolu 23(6), biex jikkontrollaw il-Bursaphelenchus xylophilus fir-rikjesti elenkati fl-Anness II, hija b’dan approvata.

Artikolu 2

L-ammont totali ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) u (2) huwa ta’ EUR 7 713 355,31. L-ammonti massimi ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal kull rikjesta għandhom ikunu kif inhu indikat fl-Anness I jew II rispettivament.

Artikolu 3

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni kif stabbilita fl-Annessi I u II għandha titħallas bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat ikun ippreżenta evidenza tal-miżuri meħudin skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1040/2002;

(b)

l-Istat Membru kkonċernat ikun ippreżenta talba għall-ħlas lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1040/2002.

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja huwa mingħajr preġudizzju għall-verifiki mill-Kummissjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(8), l-Artikolu 23(10), u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2000/29/KE.

Mhu se jsir l-ebda ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni jekk it-talba għall-ħlas imsemmi fil-punt (b) tiġi ppreżentata aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2014. Eċċezzjonalment, għall-miżuri meħudin fi stadju iktar tard fl-2014 mill-Portugall fiż-żona ta’ lqugħ li tmiss ma’ Spanja, l-iskadenza għal dik it-talba għandha tkun il-31 ta’ Ottubru 2015.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika ta’ Franza, lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lir-Repubblika tal-Portugall.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1040/2002 tal-14 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-kontroll fitosanitarju u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2051/97, ĠU L 157, 15.6.2002, p. 38.

(3)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/868/UE tad-19 ta’ Diċembru 2011 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-2011 li tkopri n-nefqa mġarrba mill-Ġermanja, Spanja, l-Italja, Ċipru, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall bil-għan li jiġu miġġielda organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti (ĠU L 341, 22.12.2011, p. 57).

(4)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/789/UE tal-14 ta Diċembru 2012 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE għall-2012 li tkopri n-nefqa mġarrba mill-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall bl-għan li jiġu kkontrollati l-organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti (ĠU L 348, 18.12.2012, p. 22).

(5)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/772/UE tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-2010 li tkopri n-nefqa mġarrba mill-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru u l-Portugall bl-għan li jiġu miġġielda organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti (ĠU L 330, 15.12.2010, p. 9).

(6)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Settembru 2012 dwar il-miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni tat-tixrid fl-Unjoni tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu tal-injam tal-arżnu) (ĠU L 266, 2.10.2012, p. 42).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(9)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).


ANNESS I

TALBIET IBBAŻATI FUQ L-ARTIKOLU 23(5) TAD-DIRETTIVA 2000/29/KE U SOĠĠETTI GĦAL KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA MILL-UNJONI

Taqsima I

Talbiet li għalihom il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni hija ta’ 50 % tan-nefqa eliġibbli

Stat Membru

L-organiżmi ta’ ħsara miġġielda

Pjanti milquta

Sena

a

Nefqa eliġibbli, inklużi l-ispejjeż ġenerali (EUR)

Il-kontribuzzjoni massima mill-Unjoni (EUR)

Il-Ġermanja, Rheinland-Pfalz

Diabrotica virgifera

Zea mays

2012

1

37 925,05

18 962,52

Il-Ġermanja, Baden-Württember, id-distrett rurali ta’ Alb-Donaukreis, Biberach, Karlsruhe u Ravensburg (l-ewwel sena tal-miżuri), Rastatt (it-tieni sena tal-miżuri)

Diabrotica virgifera

Zea mays

2012

1 jew 2

76 335,15

38 167,58

Spanja, Extremadura (it-tifqigħa tal-2012)

Bursaphelenchus xylophilus

Siġar koniferi

2013

2

873 501,52

436 750,76

Franza, Alsace

Anoplophora glabripennis

Diversi speċijiet ta’ siġar

Minn Novembru 2012 sa Ottubru 2013

2

157 334,94

78 667,47

il-Pajjiżi l-Baxxi, Winterswijk

Anoplophora glabripennis

Diversi speċijiet ta’ siġar

Lulju sa Ottubru 2012

1

389 548,48

194 774,24


Taqsima II

Talbieti li r-rati tagħhom ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni jvarjaw, fl-applikazzjoni tal-prinċipju tad-digressività.

Stat Membru

L-organiżmi ta’ ħsara miġġielda

Il-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti milquta

Sena

a

Nefqa eliġibbli, inklużi l-ispejjeż ġenerali (EUR)

Rata (%)

Il-kontribuzzjoni massima mill-Unjoni (EUR)

Il-Ġermanja, Baden-Württemberg, id-distrett rurali ta’ Breisgau-Hochschwarzwald u l-belt ta’ Freiburg

Diabrotica virgifera

Zea mays

2012

3

17 716,79

45

7 972,56

Il-Ġermanja, Baden-Württemberg, id-distretti rurali ta’ Emmendingen, Lörrach, Konstanz

Diabrotica virgifera

Zea mays

2012

4

48 067,72

40

19 227,09

il-Ġermanja, Nordrhein-Westfalen

Anoplophora glabripennis

Diversi speċijiet ta’ siġar

8.2011 - 8.2012

3

156 536,72

45

70 441,52

Spanja, Katalunja

Pomacea insularum

Oryza sativa

2013

4

1 685 969,84

40

674 387,93

Spanja, Galicia

Bursaphelenchus xylophilus

Siġar koniferi

2013

4

1 632 820

40

653 128

Franza, ir-Reġjun PACA

Rhynchophorus ferrugineus

Palmaceae

Minn Ottubru 2012 sa Settembru 2013

4

476 231,32

40

190 492,52

Il-Portugall, iż-żona ta’ Setubal, trattamenti bis-sħana

Bursaphelenchus xylophilus

Injam u materjal għall-ippakkjar tal-injam

2013

4

35 845

40

14 338

Tifsira: a = is-sena tal-implimentazzjoni tal-miżuri fit-talba.


ANNESS II

TALBIET IBBAŻATI FUQ L-ARTIKOLU 23(6) TAD-DIRETTIVA 2000/29/KE U SOĠĠETTI GĦAL KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA MILL-UNJONI

Stat Membru

L-organiżmi ta’ ħsara miġġielda

Il-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti milquta

Sena

a

Nefqa eliġibbli, inklużi l-ispejjeż ġenerali (EUR)

Rata (%)

Il-kontribuzzjoni massima mill-Unjoni (EUR)

Spanja Programm ta’ spezzjoni intensiva mal-fruntiera tal-Portugall

Bursaphelenchus xylophilus

Siġar koniferi

2012

1

533 935,71

75

400 451,75

Il-Portugall, Il-Portugall kontinentali, żona ta’ lqugħ mal-fruntiera ta’ Spanja

Bursaphelenchus xylophilus

Siġar koniferi

l-2013 u l-2014

1 u 2

6 554 124,50

(= 7 490 428  × 87,5 %, jiġifieri bi tnaqqis ta’ 12,5 % li jikkorrispondi b’mod lineari ma’ trimestru wieħed fl-2013 minn tmienja għas-sentejn inkwistjoni)

75

4 915 593,37

Tifsira: a = is-sena tal-implimentazzjoni tal-miżuri fit-talba.


Kontribuzzjoni totali mill-Unjoni (EUR)

7 713 355,31