21.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 349/107


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Diċembru 2013

dwar notifika mir-Renju Unit tal-miżuri li għandu l-intenzjoni li jadotta skont l-Artikolu 9(2) u 9(3) tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri

(notifikata bid-dokument C(2013) 9225)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/795/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/45/KE tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/45/KE tistabbilixxi livell uniformi ta’ rekwiżiti ta’ sikurezza għal vapuri tal-passiġġieri ta’ kwalunkwe bandiera fuq vjaġġi domestiċi.

(2)

L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva msemmija hawn fuq jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jippermettu ekwivalenzi għar-regolamenti tal-Anness I tad-Direttiva sakemm dawk l-ekwivalenzi jkunu effettivi tal-anqas daqs dawk ir-regolamenti, u jkunu soġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(4).

(3)

L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva msemmija hawn fuq jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jeżentaw vapuri minn ċerti rekwiżiti speċifiċi sakemm ma jkun hemm ebda tnaqqis fil-livell tas-sikurezza u sakemm tiġi osservata l-proċedura stipulata fl-Artikolu 9(4).

(4)

L-Artikolu 9(4) jistipula li Stat Membru li jagħżel li jagħmel użu mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9(2) u 9(3) għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkun beħsiebu jadotta, u għandu jinkludi l-elementi partikolari safejn ikun meħtieġ sabiex jiġi kkonfermat li l-livell ta’ sigurtà qed jinżamm b’mod xieraq. Jekk, f’perjodu ta’ sitt xhur min-notifika, jiġi deċiż, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2), li l-miżuri proposti mhumiex ġustifikati, l-Istat Membru jkollu jemenda jew jiddeċiedi li ma jadottax il-miżuri proposti.

(5)

Fis-17 ta’ Frar 2011, ir-Renju Unit oriġinarjament bagħat lill-Kummissjoni notifika ta’ miżura nazzjonali dwar l-eżenzjonijiet u l-ekwivalenzi fir-rigward tar-rekwiżiti tad-Direttiva għal vapuri tal-passiġġieri domestiċi skont l-Artikolu 9(2) u 9(3) tad-Direttiva 2009/45/KE. Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni talbet dettalji u spjegazzjonijiet tekniċi addizzjonali dwar il-proposta tar-Renju Unit.

(6)

Fid-19 ta’ Marzu 2013 ir-Renju Unit reġa’ bagħat notifika dwar miżura nazzjonali li tagħti 21 ekwivalenza u eżenzjoni skont l-Artikolu 9(2) u 9(3) tad-Direttiva 2009/45/KE. Din in-notifika tissostitwixxi n-notifika tas-17 ta’ Frar 2011; hija tindirizza prinċipalment l-alternattivi tekniċi u operattivi tar-rekwiżiti tad-Direttiva li jkopru l-bżonnijiet speċifiċi ta’ vapuri tal-passiġġieri żgħar li joperaw mal-kosta tar-Renju Unit.

(7)

Fit-12 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni u kjarifiki dwar it-talba għal eżenzjonijiet u ekwivalenzi. Il-Kummissjoni indikat li l-perjodu ta’ sitt xhur stipulat fl-Artikolu 9(4) tad-Direttiva, li jibda mid-data tal-wasla inizjali tan-notifika, twaqqaf sakemm tingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tiġi finalizzata l-analiżi. Ir-Renju Unit ta t-tweġiba tiegħu fit-13 ta’ Lulju 2013. Fit-23 ta’ Settembru 2013 saret laqgħa bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, ir-rappreżentanti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet tar-Renju Unit sabiex id-dettalji ta’ din in-notifika kumplessa jiġu esplorati aktar fil-fond.

(8)

Sal-1 ta’ Ottubru 2013, ir-Renju Unit iddeċieda li jirtira 11 mill-ekwivalenzi/eżenzjonijiet oriġinali. Ir-Renju Unit aġġorna wkoll il-bqija tal-eżenzjonijiet/ekwivalenzi u ċċara l-kundizzjonijiet tal-operat li kieku għalihom jiġu applikati l-eżenzjonijiet.

(9)

Il-Kummissjoni tqis li disa’ mill-eżenzjonijiet/ekwivalenzi mitluba huma ġġustifikati, u li l-proċedura stabbilita skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2009/45/KE mhijiex applikabbli.

(10)

It-talba l-oħra li jifdal hija relatata mal-ħtieġa stabbilita skont ir-Regolament III/2.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/45/KE dwar “Il-forniment ta’ ċattri tas-salvataġġ żejda”. Din il-miżura tinkludi eżenzjoni u proposta ekwivalenti. Ir-Renju Unit qiegħed jitlob biex bastimenti tal-klassi C u D ta’ tul ta’ inqas minn 24 metru li jintużaw biss fis-sajf għal vjaġġi li jsiru matul il-jum u f’temp favorevoli, u li jġorru mhux aktar minn 130 persuni, jiġu eżentati mill-ħtieġa skont ir-Regolament III/2.1. Ir-Renju Unit jipproponi, bħala ekwivalenza għal dan ir-Regolament, li vapuri tal-passiġġieri ta’ dan it-tip iġorru ċattri tas-salvataġġ għal 100 % tal-persuni abbord, u tagħmir li jibqa’ f’wiċċ l-ilma għal 20 % tal-persuni abbord.

(11)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-aħħar talba biex bastimenti tal-klassi C u D ta’ tul ta’ inqas minn 24 metru jiġu eżentati mill-ħtieġa skont ir-Regolament III/2.1. tal-Anness I tad- Direttiva 2009/45/KE dwar “Il-forniment ta’ ċattri tas-salvataġġ żejda”, ma tistax tiġi aċċettata. Ir-Renju Unit ma wriex li ma hemm ebda tnaqqis fil-livell tas-sikurezza skont il-kundizzjonijiet proposti għat-tħaddim tal-bastimenti li jintużaw biss fis-sajf għal vjaġġi li jsiru matul il-jum u f’temp favorevoli. Barra minn hekk, ir-Renju Unit ma weriex li r-riskju li ċattra tas-salvataġġ ma tkunx disponibbli huwa baxx, filwaqt li l-miżura ekwivalenti proposta rigward tagħmir li jibqa’ f’wiċċ l-ilma għal 20 % tal-persuni abbord mhijiex aċċettabbli peress li timplika li l-persuni li jkunu se jużawh se jkunu jinsabu fl-ilma. F’ċerti oqsma koperti mill-miżura, it-temperatura tal-baħar waqt il-perjodu definit tas-sajf tista’ tkun baxxa ħafna, u tista’ anki tkun ta’ 5 °C.

(12)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri maħsuba fir-rigward tar-Regolament III/2.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/45/KE mhumiex ġustifikati.

(13)

Il-miżura prevista f’din id-Deċiżjoni hija skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Renju Unit huwa mitlub ma jadottax l-eżenzjoni maħsuba tiegħu għar-rekwiżit “Il-forniment ta’ ċattri tas-salvataġġ żejda” tar-Regolament III/2.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/45/KE għal vapuri tal-passiġġieri tal-Klassijiet C u D ta’ tul ta’ inqas minn 24 metru, u għall-ekwivalenza proposta għall-istess tip ta’ bastimenti milli jġorru ċattri tas-salvataġġ għal 100 % tal-persuni abbord, u milli jġorru tagħmir li jibqa’ f’wiċċ l-ilma għal 20 % tal-persuni abbord.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi President


(1)   ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1.