21.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 349/105


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Diċembru 2013

dwar ir-rikonoxximent tal-Ġeorġja skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistemi tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara

(notifikata bid-dokument C(2013) 9224)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/794/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2008/106/KE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaċċettaw iċ-ċertifikati xierqa tal-baħħara maħruġa minn pajjiżi terzi, sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun rikonoxxut mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara tal-1978 (il-Konvenzjoni STCW), kif riveduta fl-1995.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/705/UE (2) ir-rikonoxximent tal-Ġeorġja fir-rigward tas-sistemi tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara li jkunu ngħataw skont l-Artikolu 18(3)(c) tad-Direttiva 2001/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġie rtirat. Ir-riżultat tal-valutazzjoni ta’ konformità u l-evalwazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-Ġeorġja kienu wrew li l-Ġeorġja ma kinitx tikkonforma kompletament mar-rekwiżiti relevanti tal-Konvenzjoni STCW.

(3)

Permezz tal-ittra tal-10 ta’ Settembru 2012, ir-Repubblika ta’ Ċipru talbet ir-rikonoxximent mill-ġdid tal-Ġeorġja. Wara din it-talba, il-Kummissjoni vvalutat is-sistema tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni fil-Ġeorġja sabiex tivverifika jekk il-Ġeorġja tissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux il-miżuri xierqa biex tiġi evitata l-frodi li tinvolvi ċ-ċertifikati. Din il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq ir-riżultati ta’ spezzjoni mwettqa mill-esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima f’Ottubru tal-2012 u fuq il-miżuri korrettivi mressqa mill-awtoritajiet tal-Ġeorġja.

(4)

B’mod partikolari, wara l-ispezzjoni, permezz tal-ittra tas-6 ta’ Frar 2013, l-awtoritajiet tal-Ġeorġja kienu mistiedna jressqu pjan volontarju ta’ azzjoni korrettiva fir-rigward tan-nuqqasijiet li kienu nstabu u biex jadottaw azzjonijiet ta’ rimedju.

(5)

In-nuqqasijiet ewlenin relatati ma’ rekwiżiti leġiżlattivi u amministrattivi nieqsa biex jagħtu effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni STCW, bħal rekwiżit nieqes dwar il-monitoraġġ tal-istituzzjonijiet akkreditati barranin tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Marittimu (Maritime Education and Training — MET) u l-programmi tal-amministrazzjoni tal-Ġeorġja. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-MET li ġew spezzjonati ma implimentawx ċerti dispożizzjonijiet, bħal dawk relatati mal-użu ta’ simulaturi. Fl-aħħar nett, l-istituzzjonijiet spezzjonati ma kellhomx disponibbli tagħmir speċifiku għat-taħriġ u l-valutazzjoni ta’ ċerti kompetenzi.

(6)

Permezz tal-korrispondenza tal-15 ta’ Mejju 2013 u tal-20 ta’ Lulju 2013, il-Ġeorġja infurmat lill-Kummissjoni li kienu ttieħdu xi azzjonijiet sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet. B’mod partikolari, l-awtoritajiet tal-Ġeorġja indikaw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kienu saru konformi mal-Konvenzjoni, u li l-istituzzjonijiet tal-MET kienu implimentaw sewwa d-dispożizzjonijiet relevanti. Fl-aħħar nett, kienet ipprovduta wkoll evidenza li t-tagħmir ta’ taħriġ nieqes kien ġie akkwistat u ddaħħal fis-seħħ.

(7)

Għad baqa’ nuqqas li jikkonċerna ċerti faċilitajiet tat-taħriġ fil-Batumi Navigation Teaching University. B’mod partikolari, il-laboratorju elettriku u d-dgħajsa tas-salvataġġ disponibbli għat-taħriġ dwar l-inġenji tas-sopravivenza u d-dgħajjes tas-salvataġġ jidhru li jeħtieġu li jitjiebu. Għaldaqstant, il-Ġeorġja ġiet mistiedna timplimenta aktar azzjonijiet korrettivi b’rabta ma’ dan. Madankollu, dan in-nuqqas ma jwassalx biex iqajjem dubji dwar il-livell ġenerali ta’ konformità tal-Ġeorġja mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.

(8)

Ir-riżultat finali tal-valutazzjoni juri li l-Ġeorġja tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW, filwaqt li dan il-pajjiż ħa l-miżuri xierqa biex tiġi evitata frodi li tinvolvi ċ-ċertifikati.

(9)

Il-Kummissjoni pprovdiet rapport dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni lill-Istati Membri.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/106/KE, il-Ġeorġja hija rikonoxxuta fir-rigward tas-sistemi tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi President


(1)  ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2010, p. 78.

(3)  ĠU L 136, 18.5.2001, p. 17.