20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 346/54


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Diċembru 2013

li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/46/KE

(2013/778/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li se jingħataw il-kariga b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (1), u partikolarment l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 58/2003 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex ikunu delegati poteri lill-aġenziji eżekuttivi biex jimplimentaw b’mod sħiħ jew parti minn programm jew proġett tal-Unjoni, f’isimha u taħt ir-responsabbiltà tagħha.

(2)

L-għan li l-aġenziji eżekuttivi jingħataw il-kariga b’kompiti ta’ implimentazzjoni ta; programmi huwa biex il-Kummissjoni titħalla tikkonċentra fuq l-attivitajiet u l-funzjonijiet ewlenin tagħha li ma jistgħux jiġu ġestiti esternament, mingħajr ma ċċedi l-kontroll fuq l-attivitajiet ġestiti minn dawk l-aġenziji eżekuttivi u r-responsabbiltà aħħarija għall-istess attivitajiet.

(3)

Id-delega ta’ kompiti b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ programmi lil aġenzija eżekuttiva titlob separazzjoni ċara bejn l-istadji tal-ipprogrammar li jinvolvu diskrezzjoni kbira fl-għażliet gwidati minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika u li jitwettqu mill-Kummissjoni, u l-implimentazzjoni tal-programmi, li għandha titħalla f’idejn l-aġenzija eżekuttiva.

(4)

Bid-Deċiżjoni 2008/46/KE (2), il-Kummissjoni ħolqot l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Aġenzija”) u din ġiet inkarigata bil-ġestjoni tal-azzjonijiet Komunitarji fil-qasam tar-riċerka bil-ħsieb li twettaq il-ħidma ta’ implimentazzjoni tal-programm speċifiku “Nies” li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (3), il-Programm Speċifiku: “Kapaċitajiet” li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (4) u l-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (5) tas-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (6) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ s-“Seba’ Programm Kwadru”).

(5)

L-Aġenzija wriet li d-delega tal-kompiti lil aġenzija eżekuttiva hija soluzzjoni rilevanti b’mod sħiħ sabiex tittejjeb l-effettività fir-rigward tal-infiq, u dan jippermetti lill-Kummissjoni tiġġestixxi baġit ikbar b’żieda iżgħar proporzjonalment fin-numru totali ta’ persunal. Is-separazzjoni tal-kompiti tat-tfassil tal-politika tal-Kummissjoni mill-ħidmiet ta’ implimentazzjoni tal-programmi fl-Aġenzija ppermettiet liż-żewġ partijiet jaħdmu aħjar fuq id-dmirijiet prinċipali tagħhom. L-evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija li twettqet skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 wriet li kienet effiċjenti u effettiva fil-ġestjoni tal-azzjonijiet relatati mal-SMEs fl-ambitu tal-Programm Speċifiku “Kapaċitajiet”, l-Azzjonijiet Marie Curie fl-ambitu tal-programm speċifiku “Nies”, l-azzjonijiet ta’ riċerka tal-Ispazju u s-Sigurtà fl-ambitu tal-Programm Speċifiku Kooperazzjoni u fil-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ loġistiku u amministrattiv għall-oqsma kollha tal-programmi speċifiċi “Nies”, “Kapaċitajiet” u “Kooperazzjoni”. L-iffrankar li rriżulta mid-delega tal-kompiti lill-Aġenzija ġew stmati għal madwar EUR 106 miljun tul il-perjodu 2009-2013.

(6)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2011“Baġit għall-Ewropa 2020” (7), il-Kummissjoni pproponiet l-użu tal-għażla ta’ rikors aktar estensiv lil aġenziji eżistenti għall-implimentazzjoni ta’ programmi tal-Unjoni fil-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014-2020 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-“QFP”)..

(7)

L-analiżi kostijiet-benefiċċji li twettqet skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 wriet li l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija hija superjuri meta mqabbla ma’ dik tal-Kummissjoni. Il-programmi delegati ġodda huma tematikament f’konformità mal-mandat u l-missjoni attwali tal-Aġenzija u jirrappreżentaw il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet eżistenti tal-Aġenzija. L-Aġenzija diġà bniet kompetenzi, ħiliet u kapaċitajiet li huma direttament rilevanti għal dawn il-programmi. L-Aġenzija tinsab f’qagħda tajba biex tkompli tiġġestixxi programmi ta’ riċerka skont il-QFP tal-2014-2020. Id-delega tal-ġestjoni tal-programmi lill-Aġenzija se tiżgura l-kontinwità finanzjarja għall-programmi benefiċjarji, ladarba l-Aġenzija tkun bniet il-kompetenza u l-kapaċità relevanti u li jiffokaw fuq il-komunità tar-riċerka. Id-delega tal-ġestjoni tal-programmi lill-Aġenzija hija stmata li twassal għal gwadanni fl-effiċjenza ta’ EUR 158 miljun matul il-perjodu 2014-2024 meta mqabbla mal-ġestjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni.

(8)

Sabiex l-aġenziji eżekuttivi jingħataw identità koerenti, il-Kummissjoni, sa fejn kien possibbli, qasmet il-ħidmiet skont l-qasam tematiku tal-politika meta stabbiliet il-mandati l-ġodda tagħhom.

(9)

L-Aġenzija għandha tkun fdata bil-ġestjoni tal-partijiet li ġejjin tal-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (8)

Parti I “Xjenza eċċellenti” li tieħu post attivitajiet simili li fil-qafas finanzjarju pluriennwali 2007-2013 diġà huma ġestiti mill-Kummissjoni u huma ikkaratterizzati minn proġetti li jiġġeneraw numru kbir ta’ operazzjonijiet omoġenji u standardizzati;

Parti II “Tmexxija industrijali” li tieħu post attivitajiet simili li fil-qafas finanzjarju plurijennali tal-2007-2013 huma diġà parzjalment immexxija mill-Aġenzija u li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ proġetti b’natura teknika, li ma jinvolvux it-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u li jeħtieġu livell għoli ta’ kompetenza teknika u finanzjarja matul iċ-ċiklu tal-proġett;

Parti III “Sfidi Soċjetali” li tieħu post attivitajiet simili li fil-qafas finanzjarju plurijennali tal-2007-2013 huma ġestiti mill-Kummissjoni u li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ proġetti ta’ natura teknika, li ma jinvolvux it-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u li jeħtieġu livell għoli ta’ kompetenza teknika u finanzjarja matul iċ-ċiklu tal-proġett;

Parti IIIa “It-tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni” li tieħu post attivitajiet simili li fil-qafas finanzjarju plurijennali tal-2007-2013 huma ġestiti mill-Kummissjoni u li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ proġetti b’natura teknika, li ma jinvolvux it-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u li jeħtieġu livell għoli ta’ kompetenza teknika u finanzjarja matul iċ-ċiklu tal-proġett;

Parti IIIb “Ix-Xjenza mas-Soċjetà u għaliha” li tieħu post attivitajiet simili li fil-qafas finanzjarju plurijennali tal-2007-2013 huma ġestiti mill-Kummissjoni u li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ proġetti b’natura teknika, li ma jinvolvux it-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u li jeħtieġu livell għoli ta’ kompetenza teknika u finanzjarja matul iċ-ċiklu tal-proġett.

(10)

L-Aġenzija għandha tkompli bl-implimentazzjoni tal-partijiet tas-Seba’ Programm ta’ Qafas diġà delegati lilha skont il-QFP 2007-2013.

(11)

L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u loġistiku b’mod partikolari fejn iċ-ċentralizzazzjoni ta’ dawk is-servizzi ta’ appoġġ jirriżultaw fi qligħ kosteffiċjenti u ekonomiji ta’ skala addizzjonali.

(12)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti u fil-ħin, ta’ din id-Deċiżjoni, u tal-programmi kkonċernati, huwa neċessarju li jkun żgurat li l-Aġenzija twettaq il-kompiti tagħha li huma marbuta mal-implimentazzjoni ta’ dawk il-programmi soġġett għad-data li fiha dawk il-programmi jseħħu u minn dik id-data ’l quddiem.

(13)

Għandha tiġi stabbilita l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka. Għandha tissostitwixxi u tkun is-suċċessur tal-aġenzija eżekuttiva stabbilita bid-Deċiżjoni 2008/46/KE. Din għandha topera f’konformità mal-istatut ġenerali stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 58/2003.

(14)

Għaldaqstant id-Deċiżjoni 2008/46/KE għandha titħassar u għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżizzjonali.

(15)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Aġenziji Eżekuttivi.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment

L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (minn hawn’ il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) hija b’dan stabbilita u għandha tissostitwixxi u tkun is-suċċessur tal-aġenzija eżekuttiva mwaqqfa bid-Deċiżjoni 2008/46/KE mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2024, li l-istatut tagħha huwa regolat mir-Regolament (KE) Nru 58/2003.

Artikolu 2

Lokalità

L-Aġenzija għandha tkun lokalizzata fi Brussell.

Artikolu 3

Għanijiet u kompiti

1.   B’dan, l-Aġenzija qed tiġi fdata, fil-qafas ta’ Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) bl-implimentazzjoni ta’ partijiet minn:

(a)

Parti I “Xjenza eċċellenti”;

(b)

Parti II “Tmexxija industrijali”;

(c)

Parti III “Sfidi Soċjetali”;

(d)

Parti IIIa “Tixrid tal-eċċellenza u twessigħ tal-parteċipazzjoni”

(e)

Parti IIIb “Ix-xjenza mas-soċjetà u għaliha”.

Dan il-paragrafu japplika soġġett għad-data li fiha jseħħ il-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont 2020 — Il-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020), u minn dik id-data ’l quddiem.

2.   B’dan, l-Aġenzija qed tiġi fdata, fil-qafas tas-Seba’ Programm Kwadru, bl-implimentazzjoni tal-legat ta’ partijiet minn dawn il-programmi li ġejjin:

(a)

L-attivitajiet “Riċerka għall-SMEs” jew “Riċerka għal assoċjazzjonijiet tal-SMEs” tal-programm Speċifiku “Kapaċitajiet”;

(b)

It-temi “Spażju” u “Sigurtà” tal-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni”;

(c)

Il-Programm Speċifiku “Nies”:

3.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-kompiti segwenti marbutin mal-implimentazzjoni tal-partijiet tal-programmi tal-Unjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2:

(a)

il-ġestjoni ta’ xi stadji ta’ implimentazzjoni tal-programmi u xi fażijiet tul il-ħajja ta’ proġetti speċifiċi abbażi tal-programmi ta’ ħidma rilevanti adottati mill-Kummissjoni, fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega;

(b)

l-adozzjoni tal-istrumenti għall-eżekuzzjoni tal-baġit għad-dħul u l-ħruġ ta’ finanzi u t-twettiq tal-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tmexxija tal-programm, fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega;

(c)

il-provvediment ta’ sostenn fl-implimentazzjoni tal-programm fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega.

4.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u loġistiku kif iddefinit fl-istrument tad-delega. Dawn is-servizzi għandhom jitwasslu għall-benefiċċju tal-korpi li jimplimentaw il-programmi u fl-ambitu tal-programmi msemmija fl-istrument tad-delega.

Artikolu 4

Tul tal-ħatriet

1.   Il-membri tal-Kumitat ta’ Ġestjoni jinħatru għal perjodu ta’ sentejn.

2.   Id-Direttur se jinħatar għal perjodu ta’ erba’ snin.

Artikolu 5

Rekwiżit dwar is-superviżjoni u r-rapportaġġ

L-Aġenzija għandha tkun soġġetta għas-superviżjoni mill-Kummissjoni u għandha tirrapporta regolarment dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni, jew partijiet minnhom, li għalihom hi responsabbli, bi qbil mal-arranġamenti stipulati fl-istrument tad-delega.

Artikolu 6

L-Implimentazzjoni tal-baġit operattiv

L-Aġenzija għandha timplimenta l-baġit operattiv tagħha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 (9).

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali u li jħassru

1.   Id-Deċiżjoni 2008/46/KE titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014. Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

2.   L-Aġenzija għandha titiqies bħala s-suċċessur legali tal-aġenzija eżekuttiva stabbilita bid-Deċiżjoni 2008/46/KE.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-reviżjoni tal-klassifikazzjoni tal-uffiċjali ssekondati prevista bl-istrument tad-delega, din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal impjegat mill-Aġenzija, inkluż id-Direttur tagħha.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 11, 15.1.2008, p. 9.

(3)  ĠU L 54, 22.2.2007, p. 91.

(4)  ĠU L 54, 22.2.2007, p. 101.

(5)  ĠU L 54, 22.2.2007, p. 30.

(6)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(7)  COM(2011) 500 finali.

(8)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965.

(9)  ĠU L 297, 22.9.2004 p. 6.