14.8.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 218/15 |
DEĊIŻJONI Nru 778/2013/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-12 ta’ Awwissu 2013
li tipprovdi assistenza makro-finanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-26 ta' Ġunju 2013 (1),
Billi:
(1) |
Ir-relazzjonijiet bejn il-Ġeorġja u l-Unjoni Ewropea qegħdin jiżviluppaw fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Fl-2006, il-Komunità u l-Ġeorġja qablu dwar Pjan ta' Azzjoni għal Politika Ewropea tal-Viċinat li jidentifika l-prijoritajiet fuq perjodu ta' żmien medju fir-relazzjonijiet bejn l-UE u Ġeorġja. Fl-2010, l-Unjoni u l-Ġeorġja nedew in-negozjati ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni li huwa mistenni li jieħu post il-Ftehim eżistenti UE-Ġeorġja ta' Sħubija u Kooperazzjoni (2). Il-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja huwa msaħħaħ aktar bis-Sħubija tal-Lvant li għadu kemm tnieda. |
(2) |
Il-Kunsill Ewropew straordinarju, f'laqgħa fl-1 ta' Settembru 2008, ikkonferma r-rieda tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u Ġeorġja fis-segwitu tal-kunflitt armat ta' Awwissu 2008 bejn il-Ġeorġja u l-Federazzjoni Russa. |
(3) |
L-ekonomija tal-Ġeorġja ġiet affettwata mill-kriżi finanzjarja internazzjonali sa mit-tielet trimestru tal-2008, b'nuqqas fil-produzzjoni, tnaqqis fid-dħul fiskali u żieda fil-ħtiġijiet esterni ta' finanzjament. |
(4) |
Fil-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi li saret fit-22 ta' Ottubru 2008, il-komunità internazzjonali wegħdet appoġġ għall-irkupru ekonomiku tal-Ġeorġja skont il-Valutazzjoni Konġunta tal-Ħtiġiet mwettqa min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Bank Dinji. |
(5) |
L-Unjoni ħabbret li ser tipprovdi sa EUR 500 miljun bħala assistenza finanzjarja lill-Ġeorġja. |
(6) |
L-aġġustament u l-irkupru ekonomiku tal-Ġeorġja huwa appoġġat minn assistenza finanzjarja tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). F'Settembru 2008, l-awtoritajiet tal-Ġeorġja ftehmu mal-FMI fuq Arranġament ta' Riżerva ta' USD 750 miljun biex jappoġġa lill-ekonomija tal-Ġeorġja biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fid-dawl tal-kriżi finanzjarja. |
(7) |
B'segwitu ta' aktar deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-Ġeorġja u reviżjoni neċessarja tas-suppożizzjonijiet ekonomiċi sottostanti tal-programm tal-FMI kif ukoll tal-ħtiġiet akbar tal-Ġeorġja ta' finanzjament estern, intlaħaq qbil bejn il-Ġeorġja u l-FMI għal żieda ta' self ta' USD 424 miljun skont l-Arranġament ta' Riżerva, li ġie approvat f'Awwissu 2009 mill-Bord tal-FMI. |
(8) |
L-Unjoni allokat, għal-2010-2012, taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI), għotjiet ta' appoġġ baġitarju lill-Ġeorġja, ta' medja ta' EUR 24 miljun kull sena. |
(9) |
Fid-dawl tad-deterjorazzjoni fis-sitwazzjoni u l-prospetti ekonomiċi tal-Ġeorġja, hija talbet assistenza makro-finanzjarja mill-Unjoni. |
(10) |
Minħabba li għad hemm lakuna finanzjarja residwa fil-bilanċ tal-pagamenti tal-Ġeorġja, l-assistenza makro-finanzjarja titqies bħala rispons xieraq għat-talba tal-Ġeorġja fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali sabiex tiġi appoġġata l-istabbilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm tal-FMI attwali. |
(11) |
L-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni li għandha tingħata lill-Ġeorġja ("l-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni") ma għandhiex sempliċiment tissupplimenta l-programmi u r-riżorsi mill-FMI u l-Bank Dinji, iżda għandha tiżgura l-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni. |
(12) |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-miżuri meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u linji ta' politika oħra rilevanti tal-Unjoni. |
(13) |
L-objettivi speċifiċi tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandhom isaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Dawk l-objettivi għandhom jiġu mmonitorjati regolarment mill-Kummissjoni. |
(14) |
Il-kondizzjonijiet sottostanti għall-provvediment ta' assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandhom jirriflettu l-prinċipji u l-objettivi ewlenin tal-politika tal-Unjoni rigward il-Ġeorġja. |
(15) |
Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effiċjenti tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni, huwa meħtieġ li l-Ġeorġja tadotta miżuri adatti rigward il-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra, il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma' dik l-assistenza. Huwa wkoll meħtieġ li l-Kummissjoni tipprevedi kontrolli adatti u li l-Qorti tal-Awdituri tipprevedi verifiki adatti. |
(16) |
Ir-rilaxx tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja. |
(17) |
L-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinformahom regolarment dwar l-iżviluppi relatati mal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni u għandha tipprovdihom bid-dokumenti rilevanti. |
(18) |
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (3). |
(19) |
F'dan il-kuntest, huwa mfakkar li fit-termini ta' dak ir-Regolament il-proċedura konsultattiva għandha, bħala regola ġenerali, tapplika fil-każijiet kollha ħlief kif previst f'dak ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment importanti tal-operazzjonijiet li huma superjuri għal-limitu ta' EUR 90 miljun, huwa xieraq li l-proċedura ta' eżami tintuża għal dawn l-operazzjonijiet. Wara li jiġi kkunsidrat l-ammont ta' assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni lill-Ġeorġja, il-proċedura konsultattiva għandha tapplika għall-adozzjoni tal-Memorandum ta' Qbil, u għat-tnaqqis, is-suspensjoni jew it-tħassir tal-assistenza, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makro-finanzjarja disponibbli għall-Ġeorġja b'ammont massimu ta' EUR 46 miljun, bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Ġeorġja u tkopri l-ħtiġijiet tagħha tal-bilanċ tal-pagamenti kif identifikat fil-programm attwali tal-FMI. Minn dak l-ammont massimu, sa EUR 23 miljun għandu jiġi pprovdut fil-forma ta' għotjiet u sa EUR 23 miljun fil-forma ta' self. Ir-rilaxx tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għall-2013 mill-awtorità baġitarja.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tissellef ir-riżorsi meħtieġa f'isem l-Unjoni sabiex tiffinanzja l-komponent ta' self tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni. Is-self għandu jkollu maturità massima ta' 15-il sena.
3. Ir-rilaxx tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b'mod konsistenti mal-ftehimiet jew qbil milħuqa bejn l-FMI u l-Ġeorġja u mal-prinċipji u l-għanijiet ewlenin tar-riforma ekonomika stabbiliti fil-Ftehim tas-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u Ġeorġja. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju bl-iżviluppi fil-ġestjoni tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni u għandha tipprovdihom bid-dokumenti rilevanti.
4. L-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun magħmula disponibbli għal perjodu ta' sentejn u sitt xhur li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Qbil imsemmi fl-Artikolu 2(1).
Artikolu 2
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta, skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 6(2), Memorandum ta' Qbil li fih il-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji li għalihom l-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni hija soġġetta, inkluż perjodu ta' żmien biex jintlaħqu dawk il-kondizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji mniżżla fil-Memorandum ta' Qbil għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew qbil imsemmija fl-Artikolu 1(3). Dawk il-kondizzjonijiet għandhom jimmiraw, b'mod partikolari, għat-tisħiħ tal-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni, injklużi s-sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġeorġja. Il-progress biex jintlaħqu dawk l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat regolarment mill-Kummissjoni. It-termini finanzjarji dettaljati dwar l-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-Ftehim tal-Għotja u l-Ftehim ta' Self li għandhom jiġu maqbula bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Ġeorġja.
2. Matul l-implimentazzjoni tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-validità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Ġeorġja, il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni li huma rilevanti għal din l-assistenza, kif ukoll l-aderenza tal-Ġeorġja mal-perjodu ta' żmien miftiehem.
3. Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari li l-linji ta' politika ekonomiċi tal-Ġeorġja jkunu f'konformità mal-objettivi tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni u li l-kondizzjonijiet miftiehma tal-politika ekonomika qed jintlaħqu b'mod sodisfaċenti. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji, u fejn meħtieġ, mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.
Artikolu 3
1. Soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun magħmula disponibbli mill-Kummissjoni f'żewġ pagamenti parzjali, li kull wieħed minnhom jikkonsisti f'element ta' għoti u element ta' self. Id-daqs ta' kull pagament parzjali għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta' Qbil.
2. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali f'fażijiet soġġett għat-twettiq tal-politika ekonomika u tal-kondizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil. L-iżborż tat-tieni pagament parzjali għandux jsir mhux aktar kmieni minn tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel pagament parzjali.
3. Il-fondi tal-Unjoni għandhom jitħallsu lill-Bank Nazzjonali tal-Ġeorġja. Soġġett għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil, inkluża l-konferma tal-ħtiġiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu trasferiti lit-Teżor tal-Ġeorġja bħala l-benefiċjarju finali.
Artikolu 4
1. L-operazzjonijiet tal-għoti jew teħid tas-self relatati mal-komponent ta' self tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandhom jitwettqu bil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u ma għandhomx jesponu lill-Unjoni għal kwalunkwe trasformazzjoni ta' maturitajiet, għal kwalunkwe riskju fir-rata tal-kambju jew tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.
2. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa, jekk il-Ġeorġja hekk titlob, biex tiżgura li klawsola dwar ħlas kmieni tiġi inkluża fit-termini u l-kondizzjonijiet tas-self u li tkun appoġġata minn klawsola korrispondenti fit-termini u l-kondizzjonijiet tal-operazzjonijiet tat-teħid ta' self tal-Kummissjoni.
3. Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, u jekk il-Ġeorġja hekk titlob, il-Kummissjoni tista' tirrifinanzja s-self inizjali kollu jew parti minnu jew tista' tirristruttura l-kondizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' rifinanzjament jew ta' ristrutturar għandhom jitwettqu f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità medja tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont tal-kapital pendenti fid-data tar-rifinanzjament jew ristrutturar.
4. L-ispejjeż kollha sostnuti mill-Unjoni li huma relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti jew teħid ta' self skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġġarrbu mill-Ġeorġja.
5. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju informati bl-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.
Artikolu 5
L-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (4) u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu (5). B'mod partikolari, il-Memorandum ta' Qbil, il-Ftehim ta' Self u l-Ftehim tal-Għotja li għandhom jiġu miftiehma mal-awtoritajiet tal-Ġeorġja għandhom jipprovdu miżuri xierqa fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra, l-frodi, l-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra b'rabta mal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni. Sabiex tkun żgurata trasparenza akbar fil-ġestjoni u l-iżborż tal-fondi, il-Memorandum ta' Qbil, il-Ftehim ta' Self u l-Ftehim tal-Għotja għandhom jipprevdu wkoll il-kontrolli, inklużi kontrolli fuq il-post u l-ispezzjonijiet, li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi. Dawk id-dokumenti għandhom ukoll jipprevedu l-verifiki, inkluż fejn xieraq verifiki fuq il-post, mill-Qorti tal-Awdituri.
Artikolu 6
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 7
1. Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fis-sena kalendarja preċedenti, inkluż l-evalwazzjoni tiegħu. Ir-rapport għandu jindika r-rabta bejn il- politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali kurrenti tal-Ġeorġja u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti parzjali tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni.
2. Mhux aktar tard minn sentejn wara l-iskadenza tal-perjodu ta' disponibilità msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni ex post.
Artikolu 8
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2013.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
L. LINKEVIČIUS
(1) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2011 (ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 211) u l-pozizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-10 ta’ Mejju 2012 (ĠU C 291 E, 27.9.2012, p. 1). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Ir-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Lulju 2013 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2013.
(2) Ftehim ta' Assoċjazzjoni u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Ġeorġja, mill-parti l-oħra (ĠU L 205, 4.8.1999, p. 3).
(3) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad- 29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).
Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-deċiżjoni li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill:
— |
jaqblu fuq il-fatt li l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja għandha titqies fil-kuntest usa' tal-bżonn ta' qafas li jiggarantixxi deċiżjonijiet korretti u effikaċi dwar il-konċessjoni ta' assistenza makrofinanzjarja lill-pajjiżi terzi; |
— |
jaqblu fuq il-fatt li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-operazzjonijiet futuri ta' assistenza makrofinanzjarja għandha tissejjes fuq il-kunsiderazzjonijiet u l-prinċipji mħabbra hawn taħt għall-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-pajjiżi u lit-territorji terzi eleġibbli, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva u l-forma ġuridika li jista' eventwalment jassumi strument ta' formalizzazzjoni ġdid ta' tali kunsiderazzjonijiet u prinċipji; |
— |
jintrabtu li jirriflettu totalment tali kunsiderazzjonijiet u prinċipji fid-deċiżjonijiet individwali futuri dwar il-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. |
PARTI A - KUNSIDERAZZJONIJIET
(1) |
L-Unjoni hija wieħed mill-fornituri prinċipali ta' assistenza ekonomika, finanzjarja u teknika lill-pajjiżi terzi. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni (“assistenza makrofinanzjarja”) uriet li hija strument effiċjenti għall-istabbilizzazzjoni ekonomika, u mutur għar-riformi strutturali fil-pajjiżi u fit-territorji li jibbenefikaw minn tali assistenza (“benefiċjarji”). Skont il-politika ġenerali fir-rigward tal-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati u tal-pajjiżi tal-viċinat, l-Unjoni għandha tkun f'pożizzjoni li tikkonċedi assistenza makrofinanzjarja lil dawn il-pajjiżi bl-iskop li tiżviluppa żona ta' stabilità, sigurtà u prosperità kondiviżi. |
(2) |
L-assistenza makrofinanzjarja għandha tissejjes fuq deċiżjonijiet ad hoc speċifiċi għal pajjiż tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dawn il-prinċipji jimmiraw li jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jwassal għal tali deċiżjonijiet u għall-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll li jsaħħu l-applikazzjoni min-naħa tal-benefiċjarju tal-prekundizzjonijiet politiċi biex jikseb il-konċessjoni ta' assistenza makrofinanzjarja u jtejbu t-trasparenza u l-kontroll demokratiku ta' tali assistenza. |
(3) |
Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi tat-3 ta' Ġunju 2003, il-Parlament Ewropew għamel appell għal regolament qafas għall-assistenza makrofinanzjarja bil-għan li jitħaffef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jingħata dan l-istrument finanzjarju b'bażi formali u trasparenti. |
(4) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2002, il-Kunsill stabbilixxa l-kriterji (l-hekk imsejħa kriterji ta' Genval) li jirregolaw l-operazzjonijiet ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Ikun xieraq li dawn il-kriterji jiġu aġġornati u ċċarati, fost affarijiet oħra fir-rigward tal-kriterji għad-determinazzjoni tal-forma xierqa ta' assistenza (self, għotja jew kombinazzjoni tagħhom). |
(5) |
Dawn il-prinċipji għandhom jippermettu lill-Unjoni tagħmel mod li l-assistenza makrofinanzjarja ssir disponibbli fi żmien qasir, partikolarment meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu azzjoni immedjata, u żżid iċ-ċarezza u t-trasparenza tal-kriterji applikabbli għall-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja. |
(6) |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tkun konformi mal-prinċipji, mal-objettivi u mal-miżuri fundamentali adottati fi ħdan id-diversi setturi ta' azzjoni esterna u fil-qafas ta' politiki rilevanti oħrajn tal-Unjoni. |
(7) |
L-assistenza makrofinanzjarja għandha tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandhom jaħdmu mill-qrib matul l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja kollha bil-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u jiggarantixxu l-konsistenza tagħha. |
(8) |
L-assistenza makrofinanzjarja għandha tappoġġa l-impenn tal-benefiċjarji fil-konfront tal-valuri komuni kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, u l-prinċipji ta' kummerċ miftuħ, ibbażat fuq regoli u ġust. |
(9) |
Ikun xieraq li l-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tkun suġġetta għall-istabbiliment min-naħa tal-pajjiż eleġibbli ta' mekkaniżmi demokratiċi effikaċi, ibbażati partikolarment fuq sistemi parlamentari multipartitiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Tali prerekwiżiti għandhom ikunu sorveljati regolarment mill-Kummissjoni. |
(10) |
L-objettivi speċifiċi tad-deċiżjonijiet individwali ta' assistenza makrofinanzjarja għandhom jinkludu anki t-tisħiħ tal-effiċjenza, tat-trasparenza u tar-responsabilità fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-pajjiżi benefiċjarji. Il-ksib ta' dawn l-objettivi għandu jkun regolarment sorveljat mill-Kummissjoni. |
(11) |
L-assistenza makrofinanzjarja għandha timmira li tappoġġa r-ristabbiliment tas-sostenibilità tas-sitwazzjoni finanzjarja esterna tal-pajjiżi u tat-territorji terzi li jinsabu quddiem skarsezza ta' valuta barranija u d-diffikultajiet relatati tal-finanzjament estern. L-assistenza makrofinanzjarja la għandha tagħti appoġġ finanzjarju regolari u lanqas ikollha bħala objettiv primarju l-appoġġ tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal- benefiċjarji. |
(12) |
L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun komplementari għar-riżorsi konċessi mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u minn istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali oħrajn u għandu jkun hemm qsim ġust tal-piżijiet bejn l-Unjoni u d-donaturi l-oħrajn. L-assistenza makrofinanzjarja għandha tiżgura l-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni. |
(13) |
Biex ikun żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni konnessi mal-assistenza makrofinanzjarja jiġu mħarsa b'mod effiċjenti, il-benefiċjarji għandhom jieħdu miżuri xierqa fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra fir-rigward ta' din l-assistenza, u għandu jsir provvediment biex jitwettqu kontrolli mill-Kummissjoni u verifiki mill-Qorti tal-Awdituri. |
(14) |
L-għażla tal-proċedura għall-adozzjoni tal-memoranda ta' qbil għandha tkun deċiża f'konformità mal-kriterji msemmija fir-Regolament (UE) Nru 182/2011. F'dan il-kuntest, bħala regola ġenerali għandha tapplika l-proċedura konsultattiva, iżda, fid-dawl tal-impatt potenzjalment importanti tal-operazzjonijiet li l-ammont tagħhom jaqbeż il-livell limitu stabbilit fil-parti B, għal dawn l-operazzjonijiet ikun xieraq li tintuża l-proċedura ta' eżami. |
PARTI B - PRINĊIPJI
1. Għan tal-assistenza
(a) |
L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta' appoġġ mhux vinkolat u mhux speċifiku għall-bilanċ tal-pagamenti tal-pajjiżi u tat-territorji terzi eleġibbli. Għandha timmira lejn ir-ristabbiliment tas-sostenibilità tas-sitwazzjoni finanzjarja esterna tal-pajjiżi u tat-territorji eleġibbli li jinsabu quddiem diffikultajiet ta' finanzjament estern. Għandha tappoġġa l-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li jkun fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali b'saħħithom intiżi li jtejbu s-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti, partikolarment fil-perjodu ta' applikazzjoni tal-programm, u jsaħħu l-implimentazzjoni tal-ftehimiet u tal-programmi rilevanti mal-Unjoni. |
(b) |
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun subordinata għall-eżistenza ta' bżonn sinifikanti ta' finanzjament estern residwu, definit mill-Kummissjoni f'koopereazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali, superjuri għar-riżorsi konċessi mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, minkejja l-implimentazzjoni ta' programmi ta' riforma u stabbilizzazzjoni ekonomika rigorużi min-naħa tal-pajjiż jew tat-territorju rilevanti. |
(c) |
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun għal terminu qasir u għandha tieqaf malli s-sitwazzjoni finanzjarja esterna terġa' ssir sostenibbli. |
2. Pajjiżi u territorji eleġibbli
Il-pajjiżi u t-territorji terzi eleġibbli biex jibbenefikaw mill-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu s-segwenti:
— |
il-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati; |
— |
il-pajjiżi u t-territorji koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat; |
— |
f'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, pajjiżi terzi oħrajn li jiżvolġu rwol determinanti għall-istabilità reġjonali, li huma ta' importanza strateġika għall-Unjoni, u li huma politikament, ekonomikament u ġeografikament viċin l-Unjoni. |
3. Forma tal-assistenza
(a) |
L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun konċessa ġeneralment fil-forma ta' self. F'każijiet eċċezzjonali, madankollu, l-assistenza tista' tingħata fil-forma ta' għotja jew ta' kombinazzjoni ta' self u ta' għotja. Hija u tiddetermina s-sehem xieraq ta' element possibbli ta' għotja, il-Kummissjoni, fit-tħejjija tal-proposta tagħha, għandha tqis il-livell ta' żvilupp ekonomiku tal-benefiċjarju, imkejjel skont l-introjtu per capita u l-indiċijiet tal-faqar, kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jħallas lura bbażata fuq analiżi tas-sostenibilità tad-dejn, filwaqt li jiġi garantit ir-rispett tal-prinċipju ta' qsim ġust tal-piżijiet bejn l-Unjoni u d-donaturi l-oħrajn. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll sa liema punt l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u d-donaturi l-oħrajn japplikaw kundizzjonijiet aġevolati lill-pajjiż inkwistjoni. |
(b) |
Jekk l-assistenza makrofinanzjarja tiġi konċessa fil-forma ta' self, il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, għandu jkollha s-setgħa li tissellef il-fondi neċessarji fuq is-swieq tal-kapital jew minn istituzzjonjiet finanzjarji, biex imbagħad tislef min-naħa tagħha l-fondi mislufa lill-pajjiż benefiċjarju. |
(c) |
L-operazzjonijiet ta' għoti u teħid b'self għandhom isiru f'euro bl-applikazzjoni tal-istess data tal-valur, u ma għandhom jinvolvu lill-Unjoni la fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet u lanqas fi kwalunkwe riskju ta' kambju jew ta' rata tal-imgħax. |
(d) |
L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni għall-operazzjonijiet ta' għoti jew teħid b'self għandhom jitħallsu mill-benefiċjarju. |
(e) |
Fuq talba tal-benefiċjarju, u jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib tar-rata tal-imgħax fuq is-self, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tipproċedi bir-rifinanzjament tat-totalità jew parti mis-self li inizjalment tkun ħadet jew bir-ristrutturar tal-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' rifinanzjament u ta' ristrutturar għandhom jitwettqu skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 3(d) u la għandu jkollhom l-effett ta' proroga tal-maturità medja tas-self meħud u lanqas żieda tal-ammont tal-kapital pendenti fid-data tal-operazzjonijiet ta' rifinanzjament u ta' ristrutturar. |
4. Dispożizzjonijiet finanzjarji
(a) |
L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja konċessa fil-forma ta' għotjiet għandhom ikunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali. |
(b) |
Għall-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja konċessa fil-forma ta' self għandha tkun prevista allokazzjoni skont ir-Regolament li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni. L-ammonti tal-allokazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali. |
(c) |
L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fi ħdan il-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali. |
5. Ammont tal-assistenza
(a) |
Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza għandha tissejjes fuq il-bżonn ta' finanzjament estern residwu tal-pajjiż jew tat-territorju eleġibbli, u għandha tqis il-kapaċità tiegħu ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, u partikolarment ir-riservi internazzjonali għad-dispożizzjoni tiegħu. Dan il-bżonn ta' finanzjament għandu jkun determinat mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, fuq il-bażi ta' valutazzjoni kwantitattiva kompleta u ta' dokumentazzjoni ġustifikattiva trasparenti. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tagħmel riferiment għall-aħħar previżjonijiet tal-bilanċ tal-pagamenti tal-FMI tal-pajjiż jew tat-territorju relevanti u tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali, kif ukoll l-attwazzjoni preeżistenti ta' strumenti finanzjarji esterni oħrajn tal-Unjoni f'dak il-pajjiż jew territorju eleġibbli. |
(b) |
Id-dokumentazzjoni tal-Kummissjoni għandu jkun fiha informazzjoni dwar l-istokk previst ta' riservi ta' valuta barranija fl-assenza ta' assistenza makrofinanzjarja meta mqabbla mal-livelli meqjusa adegwati, imkejjel skont indikaturi rilevanti bħall-proporzjon bejn riservi u dejn estern f'terminu qasir u l-proporzjon bejn riservi u importazzjonijiet tal-pajjiż benefiċjarju. |
(c) |
Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja konċessa għandha tqis ukoll il-bżonn ta' garanzija tal-qsim ġust tal-piżijiet bejn l-Unjoni u d-donaturi l-oħrajn u tal-valur miżjud tal-involviment kumplessiv tal-Unjoni. |
(d) |
Jekk il-bżonn ta' finanzjament tal-benefiċjarju jonqos konsiderevolment matul il-perjodu ta' żborż tal-assistenza makrofinanzjarja meta mqabbel mal-previżjonijiet inizjali, il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura konsultattiva meta l-assistenza tkun ugwali għal, jew inqas minn, EUR 90 miljun, u skont il-proċedura ta' eżami meta l-assistenza tkun ogħla minn EUR 90 miljun, tnaqqas l-ammont ta' tali assistenza jew tissospendi jew tħassar l-assistenza. |
6. Kundizzjonalità
(a) |
Il-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun subordinata għar-rispett min-naħa tal-pajjiż jew tat-territorju eliġibbli ta' mekkaniżmi demokratiċi effikaċi, inklużi sistema parlamentari multipartitika u l-istat tad-dritt, kif ukoll għall-garanzij tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni għandha tforni valutazzjoni pubblikament disponibbli (1) tar-rispett ta' din il-prerekwiżit u tissorveljah matul iċ-ċiklu kollu tal-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja. Dan il-punt għandu jiġi applikata f'konformità mad-Deċiżjoni l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE. |
(b) |
L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun subordinata għall-eżistenza ta' ftehim ta' kreditu mhux prekawzjonarju bejn il-pajjiż jew it-territorju eleġibbli u l-FMI, li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(c) |
L-iżborż tal-assistenza għandu jkun subordinat għat-twettiq kostantement sodisfaċenti fir-rigward ta' programm ta' politika appoġġat mill-FMI u għar-rispett tal-prerekwiżit imsemmi fl-ittra (a) ta' dan il-punt. Huwa għandu wkoll ikun subordinat għall-implimentazzjoni, skont kalendarju speċifiku, ta' sensiela ta' miżuri ta' politika ekonomika definiti biċ-ċar u fokalizzati fuq ir-riformi strutturali u fuq is-solidità tal-finanzi pubbliċi, maqbula bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarju u stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil. |
(d) |
Bil-għan li jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li tissaħħaħ il-governanza tal-benefiċjarji, il-Memorandum ta' Qbil għandu jinkludi miżuri mmirati lejn it-titjib tal-effiċjenza, it-trasparenza u ir-responsabilità fis-sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. |
(e) |
Id-determinazzjoni tal-miżuri politiċi msemmija għandha tqis ukoll il-progress li jsir fil-qasam tal-ftuħ reċiproku tas-swieq, l-iżvilupp ta' kummerċ ibbażat fuq regoli u ġust kif ukoll prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni. |
(f) |
Il-miżuri ta' politika għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet ta' sħubija, ta' kooperazzjoni jew ta' assoċjazzjoni fis-seħħ konklużi bejn l-Unjoni u l-benefiċjarju, kif ukoll mal-programmi ta' aġġustament makroekonomiku u ta' riforma strutturali implimentati mill-benefiċjarju bl-appoġġ tal-FMI. |
7. Proċedura
(a) |
Pajjiż jew territorju li biħsiebu jibbenefika mill-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jippreżenta talba bil-miktub lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 1, 2, 4 u 6 humiex issodisfati u, jekk ikun il-każ, tista' tippreżenta proposta għal deċiżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
(b) |
Id-deċiżjoni ta' konċessjoni ta' self għandha tispeċifika l-ammont, il-maturità medja massima u n-numru massimu ta' pagamenti akkont tal-assistenza makrofinanzjarja. Jekk id-deċiżjoni tinkludi element ta' għotja, għandha tindika wkoll l-ammont tagħha u n-numru massimu ta' pagamenti akkont. Id-deċiżjoni ta' konċessjoni ta' għotja għandha tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni tal-għotja (jew tal-element ta' għotja) ta' assistenza. Fiż-żewġ każijiet għandu jkun definit il-perjodu ta' disponibilità tal-assistenza makrofinanzjarja. Dak il-perjodu ta' disponibbilta', bħala norma, ma għandux jaqbeż it-tliet snin. Fil-preżentazzjoni ta' proposta għal deċiżjoni ġdida ta' konċessjoni ta' assistenza makrofinanzjarja, il-Kummissjoni għandha tforni l-informazzjoni msemmija fil-punt 12(c). |
(c) |
B'segwitu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja, il-Kummissjoni, hija u tiddelibera skont il-proċedura konsultattiva meta l-assistenza tkun ugwali għal, jew inqas minn, EUR 90 miljun, u skont il-proċedura ta' eżami meta l-assistenza tkun ogħla minn EUR 90 miljun, għandha taqbel mal-benefiċjarju, fil-Memorandum ta' Qbil, dwar il-miżuri ta' politika msemmijin fil-punt 6(c), (d), (e) u (f). |
(d) |
B'segwitu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja, il-Kummissjoni għandha taqbel mal-benefiċjarju dwar il-kundizzjonijiet finanzjarji dettaljati tal-assistenza. Dawk it-termini finanzjarji dettaljati għandhom ikunu speċifikati fil-Ftehim ta' Għotja jew ta' Self. |
(e) |
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp, inkluż l-iżborż, tal-assistenza speċifika għal pajjiż u tforni lil dawk l-istituzzjonijiet id-dokumenti rilevanti fi żmien debitu. |
8. Implimentazzjoni u ġestjoni finanzjarja
(a) |
Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-assistenza makrofinanzjarja skont ir-regoli finanzjarji tal-Unjoni. |
(b) |
L-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun suġġetta għall-ġestjoni ċentralizzata diretta. |
(c) |
L-impenji baġitarji għandhom jittieħdu fuq il-bażi ta' deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont dan il-punt. Meta l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tinfirex fuq diversi snin finanzjarji, l-impenji baġitarji marbuta ma' tali assistenza jistgħu jinqasmu f'pagamenti akkont annwali. |
9. Żborż tal-assistenza
(a) |
L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun żborżata lill-bank ċentrali tal-benefiċjarju. |
(b) |
L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun żborżata f'pagamenti akkont suċċessivi, suġġett għar-rispett tal-prerekwiżit imsemmi fil-punt 6(a) u tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 6(b) u (c). |
(c) |
F'intervalli regolari l-Kummissjoni għandha tivverifika jekk għadhomx sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 6(b) u (c). |
(d) |
Fejn il-prerekwiżit imsemmi fil-punt 6(a), u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 6(b) u (c) mhumiex sodisfatti, il-Kummissjoni għandha temporanjament tissospendi jew tħassar l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja. F'tali każijiet, għandha tikkomunika r-raġunijiet għas-sospensjoni jew it-tħassir lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
10. Miżuri ta' appoġġ
Il-fondi baġitarji tal-Unjoni jistgħu jintużaw biex ikopru n-nefqa neċessarja għall-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja.
11. Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
(a) |
Il-ftehimiet konklużi fil-qafas ta' kull deċiżjoni speċifika għal pajjiż għandu jkun fihom dispożizzjonijiet intiżi li jiggarantixxu li l-benefiċjarji jivverifikaw regolarment li l-finanzjamenti li ġejjin mill-baġit tal-Unjoni jkunu ntużaw b'mod korrett, jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu irregolaritajiet u frodi, u, jekk ikun meħtieġ, jieħdu azzjoni legali għall-irkupru tal-fondi konċessi fil-qafas ta' kull deċiżjoni speċifika għal pajjiż li kienu suġġetti għal approprjazzjoni indebita. |
(b) |
Il-ftehimiet konklużi fil-qafas ta' kull deċiżjoni speċifika għal pajjiż għandu jkun fihom dispożizzjonijiet intiżi li jiggarantixxu l-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-frodi, mal-korruzzjoni u ma' kwalunkwe irregolarità oħra, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. |
(c) |
Il-Memorandum ta' Qbil imsemmi fil-punt 6(c) għandu jagħti espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri d-dritt li jwettqu awditjar matul u wara l-perjodu ta' disponibilità tal-assistenza makrofinanzjarja, inkluż awditjar ta' dokumenti u awditjar fuq il-post bħal pereżempju valutazzjonijiet operattivi. Il-Memorandum għandu wkoll jawtorizza espressament lill-Kummissjoni jew lir-rappreżentanti tagħha li jwettqu aċċertamenti u ispezzjonijiet in situ. |
(d) |
Matul l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja, il-Kummissjoni għandha tissorvelja, permezz ta' valutazzjonijiet operattivi, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji, tal-proċeduri amministrattivi u tal-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni tal-benefiċjarju li huma rilevanti għall-finijiet tal-assistenza. |
(e) |
Il-ftehimiet konklużi fil-qafas ta' kull deċiżjoni speċifika għal pajjiż għandu jkun fihom dispożizzjonijiet intiżi li jiggarantixxu li, jekk jinstab li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja, benefiċjarju jkun imdaħħal f'atti ta' frodi jew ta' korruzzjoni jew f'attivitajiet illegali għad-dannu tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, din tal-aħħar ikollha d-dritt għar-ripagament totali tal-għotja u/jew għar-ripagament bikri tas-self. |
12. Rapport annwali
(a) |
Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja u għandha tressaq rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena. |
(b) |
Ir-rapport annwali għandu jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-benefiċjarji, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika msemmija fil-punt 6(c). |
(c) |
Ir-rapport annwali għandu wkoll iforni informazzjoni aġġornata dwar ir-riżorsi baġitarji disponibbli fil-forma ta' self u għotjiet, fid-dawl tal-operazzjonijiet li qed jiġu previsti. |
13. Valutazzjoni
(a) |
Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapporti ta' valutazzjoni ex post li jivvalutaw ir-riżultati u l-effiċjenza tal-operazzjonijiet ta' assistenza makrofinanzjarja kkompletati reċentement u sa liema punt dawn tal-aħħar ikkontribwew għall-objettivi tal-assistenza. |
(b) |
Il-Kummissjoni għandha tivvaluta perjodikament, u tal-anqas kull erba' snin, il-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, billi tforni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'rassenja dettaljata tal-assistenza makrofinanzjarja. L-iskop ta' tali valutazzjoniet għandu jkun dak li taċċerta jekk l-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni ntlaħqux u jekk il-kundizzjonijiet tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż il-livell limitu stabbilit fil-punt 7(c), għadhomx sodisfatti, kif ukoll li tippermetti lill-Kummissjoni tifformula rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-operazzjonijiet futuri. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej jew multilaterali meta tipprovdi assistenza makrofinanzjarja. |
(1) Din il-valutazzjoni se tissejjes fuq rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja prevista fil-Qafas Strateġiku u Pjan ta' Azzjoni tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u għad-Demokrazija (Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, 25 ta' Ġunju 2012).