18.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/73


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Diċembru 2013

li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2004/20/KE u 2007/372/KE

(2013/771/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 58/2003 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddelega poteri lill-aġenziji eżekuttivi biex jimplimentaw programm jew proġett tal-Unjoni, b’mod sħiħ jew parzjali, f’isimha u taħt ir-responsabbiltà tagħha.

(2)

L-għan li l-aġenziji eżekuttivi jiġu inkarigati bil-kompiti tal-implimentazzjoni ta’ programmi huwa biex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonċentra fuq l-attivitajiet u l-funzjonijiet ewlenin tagħha li ma jistgħux jiġu esternalizzati, mingħajr ma ċċedi l-kontroll fuq l-attivitajiet ġestiti minn dawk l-aġenziji eżekuttivi u r-responsabbiltà aħħarija għall-istess attivitajiet.

(3)

Id-delega ta’ kompiti b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ programmi lil aġenzija eżekuttiva titlob separazzjoni ċara bejn l-istadji tal-ipprogrammar li jinvolvu diskrezzjoni kbira fl-għażliet gwidati minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika u li jitwettqu mill-Kummissjoni, u l-implimentazzjoni tal-programmi, li għandha titħalla f’idejn l-aġenzija eżekuttiva.

(4)

Bid-Deċiżjoni 2004/20/KE (2), il-Kummissjoni stabbilixxit l-Aġenzija Esekuttiva għall-Enerġija Intelliġenti (minn hawn ’il quddiem imsemmija l-“Aġenzija” u din ġiet inkarigata bil-ġestjoni tal-azzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija.

(5)

Wara dan, il-Kummissjoni emendat il-mandat tal-Aġenzija bid-Deċiżjoni 2007/372/KE (3) biex testendih għall-ġestjoni tal-proġetti u l-programmi l-ġodda fil-qasam tal-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-mobilità u biddlet isimha għall-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni.

(6)

L-Aġenzija mwaqqfa bid-Deċiżjoni 2004/20/KE wriet li l-esternalizzazzjoni tal-ġestjoni ta’ programmi operattivi speċifiċi tat ċans lid-Direttorati Ġenerali matriċi li jiffokaw fuq aspetti relatati mal-politika tal-programmi. Minħabba l-limitazzjonijiet kontinwi fil-baġit tal-UE, id-delega tal-kompiti lil aġenzija eżekuttiva tidher li hi iktar kosteffiċjenti. Iż-żewġ evalwazzjonijiet interim tal-Aġenzija wrew li b’mod ġenerali, l-Aġenzija qed taħdem tajjeb u hija mekkaniżmu ta’ twettiq effiċjenti u effettiv għall-inizjattivi li għalihom għandha responsabbiltà operazzjonali.

(7)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2011“Baġit għall-Ewropa 2020” (4), il-Kummissjoni pproponiet l-użu tal-għażla ta’ rikors aktar estensiv għal aġenziji eżekuttivi eżistenti għall-implimentazzjoni ta’ programmi tal-Unjoni fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

(8)

L-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji (5) li saret skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 wriet li l-kostijiet mistennija se jkunu ta’ EUR 295 miljun meta mqabbla ma’ EUR 399 miljun taħt ix-xenarju intern. Min-naħa tal-benefiċċji, huma mistennija kisbiet fl-effiċjenza ta’ EUR 104 miljun bl-implimentazzjoni tax-xenarju tal-aġenzija meta mqabbel max-xenarju intern. Barra minn hekk, l-allinjament ta’ portafolli ta’ programmi aktar koerenti mal-kompetenzi fundamentali tal-aġenzija u tal-identità tipika tagħha se twassal għal benefiċċji kwalitattivi sinifikanti. L-analiżi wriet li bi-ġbir flimkien tal-ġestjoni ta’ Orizzont 2020 — il-Qafas Strateġiku Komuni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (6) (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “Orizzont 2020”), tal-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (2014-2020) (7) (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ COSME) u tal-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (8) (minn hawn’ il quddiem imsejħa LIFE), l-Aġenzija se tapprofitta mis-sinerġiji, mis-simplifikazzjoni u minn ekonomiji ta’ skala. Barra minn hekk, il-ġbir flimkien tal-aspetti kollha tal-“Istrument tal-SMEs” tal-Orizzont 2020 se jipprovdi punt uniku ta’ aċċess għal benefiċjarji potenzjali u se jiggarantixxi forniment konsistenti ta’ servizz. Fi ħdan il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (9) (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ EMFF), b’mod partikolari l-azzjonijiet previsti fl-ambitu tal-Politika Marittima Integrata jaqblu tajjeb mal-profil attwali tal-Aġenzija relatat mal-innovazzjoni u l-kompetittività. Iċ-ċaqliq tal-ġestjoni ta’ dak li għad baqa’ mill-programm Marco Polo (2007-2013) għall-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks se jiċċentralizza aktar il-ġestjoni ta’ programmi ta’ infrastruttura għat-trasport fl-Aġenzija, imsemmija qabel u għalhekk jagħti lill-benefiċjarji punt ta’ aċċess uniku ta’ finanzjament.

(9)

Biex l-aġenziji eżekuttivi jingħataw identità koerenti, il-Kummissjoni, safejn kien possibbli, ġabret il-ħidma skont l-oqsma tematiċi tal-qasam politiku meta stabbilit il-mandati l-ġodda tagħhom.

(10)

L-Aġenzija għandha tkun inkarigata bil-ġestjoni tal-LIFE, li ġie wara l-programm predeċessur LIFE +, li fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (2007-2013) huwa ġestit internament mill-Kummissjoni. Il-ġestjoni ta’ LIFE tinvolvi l-implimentazzjoni ta’ proġetti tekniċi li ma jirrikkjedux it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura politika u teħtieġ livell għoli ta’ għarfien espert ta’ natura teknika u finanzjarja tul iċ-ċiklu tal-proġett. LIFE huwa kkaratterizzat minn proġetti li jiġġeneraw għadd kbir ta’ operazzjonijiet omoġenji u standardizzati.

(11)

L-Aġenzija għandha tkun inkarigata bil-ġestjoni ta’ partijiet ta’ COSME li ġew wara l-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni fil-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni 2007-2013 (10) (minn issa’ l quddiem imsejjaħ CIP), li bħalisisal-Aġenzjia qiegħda tmexxi parti minnu filwaqt li parti oħra qiegħda titmexxa internament mill-Kummissjoni. Il-ġestjoni tal-partijiet ta’ COSME li se jiġu delegati lill-Aġenzija tinvolvi l-implimentazzjoni ta’ proġetti tekniċi li ma jirrikkjedux it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura politika u teħtieġ livell għoli ta’ għarfien espert ta’ natura teknika u finanzjarja tul iċ-ċiklu tal-proġett. Xi partijiet ta’ COSME huma kkaratterizzati minn proġetti li jiġġeneraw għadd kbir ta’ operazzjonijiet omoġenji u standardizzati.

(12)

L-Aġenzija għandha tkun inkarigata bil-ġestjoni ta’ partijiet tal-EMFF fil-qasam tal-Politika Marittima Integrata (IMP), Kontroll u Pariri u Għarfien Xjentifiċi, li ġew wara attivitajiet simili li fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (2007-2013) huma ġestiti internament mill-Kummissjoni. Il-ġestjoni ta’ EMFF tinvolvi l-implimentazzjoni ta’ proġetti tekniċi li ma jirrikkjedux it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura politika u teħtieġ livell għoli ta’ għarfien espert ta’ natura teknika u finanzjarja tul iċ-ċiklu tal-proġett;

(13)

L-Aġenzija għandha tkun inkarigata bil-ġestjoni tal-partijiet li ġejjin ta’ “Orizzont 2020”:

(a)

Partijiet mill-“PARTI II – Tmexxija Industrijali” li huma kkaratterizzati minn proġetti li jiġġeneraw għadd kbir ta’ operazzjonijiet omoġenji u standardizzati;

(b)

Partijiet mill-“Parti III Sfidi tas-Soċjetà” li jinvolvu l-implimentazzjoni ta’ proġetti tekniċi li ma jirrikkjedux it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura politika u jeħtieġu livell għoli ta’ għarfien espert ta’ natura teknika u finanzjarja tul iċ-ċiklu tal-proġett.

(14)

L-Aġenzija għandha tkun inkarigata bil-ġestjoni ta’ dak li baqa’ mill-azzjonijiet li diġà ġew delegati lilha bħala parti minn CIP fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (2007-2013): L-Enerġija Intelliġenti-Ewropa (IEE II), in-“Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi”, il-“Portal għan-Negozji — l-Ewropa tiegħek”, l-“IPR Helpdesk Ewropew”, l-“Inizjattiva tal-ekoinnovazzjoni” u l-“Proġett IPorta”.

(15)

L-Aġenzija għandha tkun responsabbli biex tagħti servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u loġistiku b’mod partikolari fejn iċ-ċentralizzazzjoni ta’ dawk is-servizzi ta’ appoġġ jirriżultaw f’aktar kisbiet ta’ kosteffiċjenza u ekonomiji ta’ skala.

(16)

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji għandha tiġi stabbilita. Din għandha tieħu post l-Aġenzija stabbilita bid-Deċiżjoni 2004/20/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/372/KE. Din għandha topera f’konformità mal-istatut ġenerali stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 58/2003.

(17)

Id-Deċiżjonijiet 2004/20/KE u 2007/372/KE għandhom jitħassru u għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżitorji.

(18)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Aġenziji Eżekuttivi.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (minn hawn’ il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) hija b’dan stabbilita u għandha tieħu post u tissuċċedi l-aġenzija eżekuttiva mwaqqfa bid-Deċiżjoni 2004/20/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/372/KE mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2024, billi l-istatut tagħha huwa rregolat bir-Regolament (KE) Nru 58/2003.

Artikolu 2

Sede

L-Aġenzija għandha s-sede tagħha fi Brussell.

Artikolu 3

Għanijiet u kompiti

1.   L-Aġenżija hija mogħtija l-kariga tal-implimentazzjoni ta’ partijiet mill-programmi tal-Unjoni segwenti:

(a)

Il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (2014-2020) (11);

(b)

Il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) (2014-2020) (12);

(c)

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (EMFF) (13) inkluża l-Politika Marittima Integrata (IMP), Kontroll u Pariri u Għarfien Xjentifiċi;

(d)

Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2014-2020 (Orizzont 2020) (14) — il-partijiet tal-“PARTI II –— Tmexxija Industrijali” u l-“Parti III Sfidi tas-soċjetà”.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ kull wieħed minn dawn il-programmi u suġġett għaliha.

2.   L-Aġenzija hija b’dan inkarigata bl-implimentazzjoni ta’ dak li baqa’ minn dawn l-azzjonijiet li ġejjin taħt is-CIP:

(a)

l-Enerġija Intelliġenti-Ewropa (IEE II);

(b)

l-“Inizjattiva tal-ekoinnovazzjoni”;

(c)

in-“Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi”;

(d)

il-“Portal għan-Negozji — L-Ewropa tiegħek”;

(e)

l-“IPR Helpdesk Ewropew”;

(f)

il-“Proġett IPorta”.

3.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-kompiti li ġejjin marbutin mal-implimentazzjoni tal-partijiet tal-programmi tal-Unjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2:

(a)

il-ġestjoni tal-istadji kollha jew xi wħud minnhom tal-implimentazzjoni tal-programmi u l-fażijiet kollha jew xi wħud minnhom tul il-ħajja tal-proġetti speċifiċi abbażi tal-programmi ta’ ħidma rilevanti adottati mill-Kummissjoni, fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega;

(b)

l-adozzjoni tal-istrumenti għall-eżekuzzjoni tal-baġit għad-dħul u l-infiq ta’ finanzi u t-twettiq tal-operazzjonijiet kollha meħtieġa għall-ġestjoni tal-programm, fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega;

(c)

il-provvediment ta’ sostenn fl-implimentazzjoni tal-programm fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega.

4.   L-Aġenzija tista’ tkun responsabbli għall-forniment tas-servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u loġistiku jekk hu previst fl-istrument tad-delega, għall-benefiċċju tal-korpi li jimplimentaw il-programm u fl-ambitu tal-programmi msemmija fih.

Artikolu 4

Tul ta’ żmien tal-ħatriet

1.   Il-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandhom jinħatru għal sentejn.

2.   Id-Direttur għandu jinħatar għal ħames snin.

Artikolu 5

Rekwiżit dwar is-superviżjoni u r-rapportaġġ

L-Aġenzija għandha tkun soġġetta għas-superviżjoni tal-Kummissjoni u għandha tirrapporta b’mod regolari dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni jew partijiet tagħhom, li għalihom hi responsabbli, f’konformità mal-arranġamenti u l-intervalli stipulati fl-istrument tad-delega.

Artikolu 6

Implimentazzjoni tal-baġit operattiv

L-Aġenzija għandha timplimenta l-baġit operattiv tagħha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 (15).

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet li jħassru u tranżitorji

1.   Id-Deċiżjonijiet 2004/20/KE u 2007/372/KE jitħassru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014. Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

2.   L-Aġenzija għandha titiqies bħala s-suċċessur legali tal-Aġenzija Eżekuttiva stabbilita bid-Deċiżjoni 2004/20/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/372/KE.

3.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet għar-reviżjoni tal-iggradar tal-uffiċjali ssekondati prevista mill-istrument ta’ delega, din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-istaff impjegat mill-Aġenzija, inkluż id-Direttur tagħha.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 85.

(3)  ĠU L 140, 1.6.2007, p. 52.

(4)  COM(2011)500 final.

(5)  Cost Benefit Analysis for the delegation of certain tasks regarding the implementation of Union Programmes 2014-2020 to the Executive Agencies (Final report), id-19 ta’ Awwissu 2013.

(6)  COM(2011) 809 final.

(7)  COM(2011) 834 final.

(8)  COM(2011) 874 final.

(9)  COM(2011) 804 final.

(10)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.

(11)  COM(2011) 834 final.

(12)  COM(2011) 874 final.

(13)  COM(2011) 804 final.

(14)  COM(2011) 809 final.

(15)  ĠU L 297, 22.9.2004, p. 6.