18.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/69


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Diċembru 2013

li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Konsumaturi, is-Saħħa u l-Ikel u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/858/KE

(2013/770/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (1), u partikolarment l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 58/2003 jagħti l-poter lill-Kummissjoni biex tiddelega poteri lill-aġenziji eżekuttivi sabiex jimplimentaw programm jew proġett tal-Unjoni jew parti minn xi wieħed minn dawn, f’isimha u taħt ir-responsabbiltà tagħha.

(2)

L-għan li l-aġenziji eżekuttivi jiġu responsabbilizzati bil-kompiti tal-implimentazzjoni ta’ programm huwa li l-Kummissjoni tkun tista’ iżjed tiffoka fuq l-attivitajiet u l-ħidmiet prijoritarji tagħha li ma jistgħux jiġu assenjati lill-entitajiet esterni, mingħajr madankollu ma titlef il-kontroll fuq, u r-responsabbiltà aħħarija għall-attivitajiet li jitmexxew minn dawk l-aġenziji eżekuttivi.

(3)

Id-delega ta’ kompiti b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ programmi lill-aġenziji eżekuttivi titlob separazzjoni ċara bejn l-istadji tal-ipprogrammar, li jinvolvu diskrezzjoni kbira fl-għażliet iggwidati minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika u li jitwettqu mill-Kummissjoni, u l-implimentazzjoni tal-programmi, li għandha titħalla f’idejn l-aġenzija eżekuttiva.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 2004/858/KE (2), il-Kummissjoni ħolqot Aġenzija Eżekuttiva għall-Programm ta’ Saħħa Pubblika (hawn taħt imsejħa l-Aġenzija) u inkarigatha bil-ġestjoni tal-programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2008, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(5)

Wara dan, il-Kummissjoni emendat il-mandat tal-Aġenzija għal diversi drabi, biex testendih għall-ġestjoni ta’ proġetti u programmi ġodda. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/544/KE (4) ttrasformat l-“Aġenzija Esekuttiva għall-Programm tas-Saħħa Pubblika” fl-“Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi”, estendiet il-mandat tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2015 u inkludiet fih l-implimentazzjoni tal-Programm tas-Saħħa Pubblika 2008-2013 adottat bid-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), il-Programm tal-Konsumatur għall-2007-2013 kif adottat bid-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u l-miżuri tat-taħriġ dwar is-sikurezza tal-ikel koperti bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (7) u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/740/UE (9) estendiet l-ambitu tal-attivitajiet tal-Aġenzija għal miżuri ta’ taħriġ barra l-Istati Membri u inkarigatha bil-ġestjoni tal-miżuri ta’ taħriġ għas-sigurtà tal-ikel koperti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 1548 (10), u bl-Artikolu 22(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Hija inkarigat ukoll lill-Aġenzija bil-ġestjoni tal-Ftehim mal-ANEC, il-vuċi Ewropea tal-konsumatur fl-istandardizzazzjoni, li hija rregolata bir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(6)

L-Aġenzija mwaqqfa bid-Deċiżjoni Nru 2004/858/KE wriet l-effettività u l-effiċjenza tagħha. Konsulenti esterni wettqu evalwazzjoni interim dwar l-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa Pubblika (magħrufa bħala l-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi minn Lulju 2008). Ir-rapport finali ta’ Diċembru 2010 wera li l-ħidmiet ta’ implimentazzjoni tal-programm dwar is-saħħa pubblika jistgħu jitwettqu b’mod aktar effiċjenti mill-Aġenzija, filwaqt li jiġi żgurat l-immaniġġjar ġenerali mill-Kummissjoni ta’ dawk il-programmi u l-miżuri Komunitarji.

(7)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2011“Baġit għall-Ewropa 2020” (13), il-Kummissjoni pproponiet l-użu aktar estensiv tal-għażla ta’ rikors għall-aġenziji eżekuttivi eżistenti għall-implimentazzjoni ta’ programmi tal-Unjoni fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

(8)

L-analiżi tal-benefiċċji u l-kostijiet (14) imwettqa skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 wriet li jekk tafda lill-Aġenzija bil-ħidmiet ta’ implimentazzjoni tal-programm relatat mal-Programm tal-Konsumaturi, il-Programm tas-Saħħa Pubblika u l-miżuri ta’ taħriġ għas-sigurtà tal-ikel, dan ikun jinvolvi benefiċċji kwalitattivi u kwantitattivi sinifikanti meta mqabbla max-xenarju intern li taħtu l-aspetti kollha tal-programmi l-ġodda jiġu ġestiti internament fi ħdan il-Kummissjoni. It-tliet programmi suċċessuri jikkonformaw mal-mandat u mal-missjoni tal-Aġenzija u jirrappreżentaw kontinwazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija. L-Aġenzija bniet kompetenza, ħiliet u kapaċità fil-ġestjoni ta’ dawn il-programmi tul bosta snin. Il-Kummissjoni kif ukoll il-benefiċjarji tal-programm għalhekk se jkunu jibbenefikaw mill-esperjenza akkumulata u l-għarfien espert tal-Aġenzija u l-gwadann li jirriżulta fil-produttività, b’mod partikolari l-ġestjoni ta’ programmi ta’ kwalità għolja, is-simplifikazzjoni ta’ proċeduri u servizz aħjar mil-lat ta’ twettiq aktar mgħaġġel f’termini ta’ kuntratti u ħlasijiet iktar fil-pront. Biż-żmien, l-Aġenzija żviluppat kanali effettivi biex tiżgura l-prossimità mal-benefiċjarji u livell għoli ta’ viżibbiltà tal-Unjoni bħala promotur tal-programmi kkonċernati. Id-delega tal-ġestjoni tal-programmi lill-Aġenzija se tiżgura l-kontinwità tan-negozju għall-benefiċjarji u għall-partijiet interessati kollha tal-programmi ddelegati bħalissa. Għalhekk mhix opportuna bidla li twassal għal arranġament intern. Id-delega tal-ġestjoni tal-programmi lill-Aġenzija hija stmata li twassal gwadanni fl-effiċjenza ta’ EUR 14 miljun matul il-perjodu ta’ snin mill-2014 sal-2024 meta mqabbel max-xenarju intern.

(9)

Biex l-aġenziji eżekuttivi jingħataw identità koerenti, il-Kummissjoni, sa fejn kien possibbli, qassmet il-ħidmiet skont l-oqsma tematiċi tal-politika meta stabbiliet il-mandati l-ġodda tagħhom.

(10)

Il-ġestjoni tal-Programm ta’ Saħħa Pubblika għas-snin 2008 sa 2013 adottat bid-Deċiżjoni 1350/2007/KE, il-Programm tal-Konsumatur għas-snin 2007 sa 2013 adottat bid-Deċiżjoni 1926/2006/KE u l-miżuri ta’ taħriġ għas-sigurtà tal-ikel koperti mid-Direttiva 2000/29/KE, mir-Regolament (KE) Nru 882/2004, ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 u d-Deċiżjoni C(2012) 1548 u l-ġestjoni tal-ftehim ma’ ANEC irregolati mir-Regolament (UE) Nru 1025/2012, li kollha huma bħalissa implimentati mill-aġenzija, bħalma hi l-ġestjoni tal-Programm tal-Konsumatur għas-snin 2014 sa 2020 (15), il-Programm tas-Saħħa Pubblika għas-snin 2014 sa 2020 (16) u l-miżuri ta’ taħriġ għas-sigurtà tal-ikel koperti mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE, jinvolvu l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ natura teknika, li ma jinvolvux it-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u li jeħtieġu livell għoli ta’ kompetenza teknika u finanzjarja matul iċ-ċiklu kollu tal-proġett.

(11)

L-Aġenzija għandha tkun responsabbli biex tagħti servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u loġistiku b’mod partikolari fejn iċ-ċentralizzazzjoni ta’ dawk is-servizzi ta’ appoġġ jirriżultaw f’aktar kisbiet ta’ kosteffiċjenza u ekonomiji ta’ skala.

(12)

Biex tkun żgurata implimentazzjoni konsistenti u fil-ħin, ta’ din id-Deċiżjoni u tal-programmi kkonċernati, jeħtieġ li jkun żgurat li l-Aġenzija twettaq il-kompiti tagħha li huma marbuta mal-implimentazzjoni ta’ dawk il-programmi soġġett għad-data li fiha dawk il-programmi jseħħu u minn dik id-data ’l quddiem.

(13)

Għandha tiġi stabbilita l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumaturi, is-Saħħa u l-Ikel. Għandha tissostitwixxi u tissuċċedi lill-Aġenzija Eżekuttiva stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 2004/858/KE. Għandha topera skont l-istatut ġenerali stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 58/2003.

(14)

Id-Deċiżjoni 2004/858/KE għandha għalhekk tiġi revokata u għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet tranżizzjonali.

(15)

Il-miżuri previsti b’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Aġenziji Eżekuttivi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istabbiliment

L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Konsumaturi, is-Saħħa u l-Ikel (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Aġenzija) hija b’dan stabbilita u għandha tissostitwixxi u tilħaq wara l-aġenzija eżekuttiva mwaqqfa permezz tad-Deċiżjoni 2004/858/KE mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2024, li l-istatut tagħha huwa regolat mir-Regolament (KE) Nru 58/2003.

Artikolu 2

Il-post

L-Aġenzija se tkun ibbażata fil-Lussemburgu.

Artikolu 3

L-għanijiet u l-kompiti

1.   L-Aġenżija hija b’dan responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ partijiet ta’ programmi u azzjonijiet tal-Unjoni li ġejjin:

(a)

il-Programm tal-Konsumaturi (2014-2020);

(b)

il-Programm għas-Saħħa Pubblika 2014-2020;

(c)

il-miżuri ta’ taħriġ għas-sigurtà fl-ikel koperti mid-Direttiva 2000/29/KE u r-Regolament (KE) Nru 882/2004.

L-ewwel sottoparagrafu għandu japplika soġġett għad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ kull wieħed minn dawn il-programmi u minn dik id-data ’l quddiem.

2.   L-Aġenżija hi b’dan inkarigata bl-implimentazzjoni tal-legat tal-programmi u l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Programm tal-Konsumaturi 2007-2013;

(b)

il-Programm għas-Saħħa Pubblika 2008-2013;

(c)

il-miżuri ta’ taħriġ għas-sigurtà tal-ikel koperti mid-Direttiva 2000/29/KE, mir-Regolament (KE) Nru 882/2004, ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 u d-Deċiżjoni C(2012) 1548;

(d)

il-ġestjoni tal-Ftehim mal-ANEC, il-vuċi Ewropea tal-konsumatur fl-istandardizzazzjoni, regolati mir-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

3.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-kompiti segwenti marbutin mal-implimentazzjoni tal-partijiet tal-programmi tal-Unjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2:

(a)

il-ġestjoni tal-istadji kollha jew ta’ xi wħud minnhom tal-implimentazzjoni tal-programmi u l-fażijiet kollha jew ta’ xi wħud minnhom tul il-ħajja tal-proġetti speċifiċi abbażi tal-programmi ta’ ħidma rilevanti adottati mill-Kummissjoni, fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega;

(b)

l-adozzjoni tal-istrumenti għall-eżekuzzjoni tal-baġit għad-dħul u l-ħruġ ta’ finanzi u t-twettiq tal-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tmexxija tal-programm, fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega;

(c)

il-provvediment ta’ sostenn fl-implimentazzjoni tal-programm fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega.

4.   L-Aġenzija tista’ tkun responsabbli għall-provvista ta’ appoġġ amministrattiv u servizzi ta’ appoġġ loġistiku jekk ikunu previsti fl-istrument tad-delega, għall-benefiċċju ta’ korpi li jimplimentaw il-programmi u fl-ambitu tal-programmi msemmija fih.

Artikolu 4

It-tul tal-ħatriet

1.   Il-membri tal-Kumitat ta’ Ġestjoni jinħatru għal perjodu ta’ sentejn.

2.   Id-Direttur jinħatar għal perjodu ta’ erba’ snin.

Artikolu 5

Rekwiżit ta’ superviżjoni u rappurtaġġ

L-Aġenzija se tkun soġġetta għas-superviżjoni mill-Kummissjoni u għandha tirrapporta regolarment dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni jew partijiet minnhom li għalihom hi responsabbli, bi qbil mal-arranġamenti u l-intervalli stipulati fl-istrument tad-delega.

Artikolu 6

Implimentazzjoni tal-baġit operattiv

L-Aġenzija teżegwixxi l-baġit ta’ funzjonament tagħha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 (17).

Artikolu 7

Revoka u dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Id-Deċiżjoni 2004/858/KE titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014. Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

2.   L-Aġenzija għandha titqies bħala s-suċċessur legali tal-Aġenzija Eżekuttiva stabbilita mid-Deċiżjoni Nru 2004/858/KE.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-reviżjoni tal-gradi tal-uffiċjali ssekondati previst mill-istrument ta’ delega, din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta’ persunal impjegat mill-Aġenzija, inkluż id-Direttur tagħha.

Artikolu 8

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/858/KE tal-15 ta’ Diċembru 2004 li twaqqaf aġenzija esekuttiva bl-isem Aġenzija Esekuttiva għall-Programm dwar is-Saħħa Pubblika għat-tmexxija tal-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika — b’applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 tal-Kunsill (ĠU L 369, 16.12.2004, p. 73).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li taddotta program ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008) (ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/544/KE tal-20 ta’ Ġunju 2008 li temenda d-Deċiżjoni Nru 2004/858/KE sabiex tittrasforma l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Programm tas-Saħħa Pubblika fl-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi”, (ĠU L 173, 3.7.2008, p. 27).

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-13) (ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3).

(6)  Id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013) (ĠU L 404, tad-30.12.2006, p. 39).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organismi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, tal-10.7.2000, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

(9)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/740/UE tad-29 ta’ Novembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2004/858/KE, kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/544/KE, li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumaturi b’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (ĠU L 331, 1.12.2012, p. 50).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 1548 tal-15 ta’ Marzu 2012 li tadotta programm ta’ ħidma għall-2012 li jservi bħala deċiżjoni ta’ finanzjament għall-finanzjament ta’ proġetti fil-qasam ta’ relazzjonijiet kummerċjali esterni, inkluż l-aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi li mhumiex parti mill-Unjoni Ewropea u inizjattivi fil-qasam tal-għajnuna marbuta mal-kummerċ.

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(13)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Baġit għall-Ewropa 2020, COM(2011) 500 final.

(14)  Analiżi tal-kosti u l-benefiċċji għad-delega lill-Aġenziji Eżekuttivi ta’ ċerti kompiti marbutin mal-implimentazzjoni ta’ Programmi tal-Unjoni 2014-2020 (Ir-Rapport Finali tad-19 ta’ Awwissu 2013).

(15)  Il-Proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 707 tad-9 ta’ Novembru 2011 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar programm tal-konsumaturi 2014-2020.

(16)  Il-Proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 709 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2011 dwar it-twaqqif ta’ Programm Is-Saħħa għat-Tkabbir, it-tielet programm multiannwali ta’ azzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa għall-perjodu 2014-2020.

(17)  Ir-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 1653/2004 tal-21 ta’ Settembru 2004 dwar regolament finanzjarju standard tal-aġenziji eżekuttivi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU L 297, 22.9.2004, p. 6).