18.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/56


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/768/PESK

tas-16 ta’ Diċembru 2013

dwar l-attivitajiet tal-UE f'appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 26(2) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

Billi:

(1)

Fis-6 ta' Diċembru 2006, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat ir-Riżoluzzjoni 61/89 intitolata “Lejn Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi: it-twaqqif ta' standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferimenti ta' armi konvenzjonali”, biex b'hekk jibda l-proċess tan-NU għal Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (il-“proċess tal-ATT”). Fit-2 ta’ Diċembru 2009, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat ir-Riżoluzzjoni 64/48 intitolata “It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi”, li biha ddeċidiet li fl-2012 tlaqqa’ Konferenza tan-NU dwar it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi biex jiġi elaborat strument legalment vinkolanti dwar l-ogħla standards internazzjonali komuni possibbli għat-trasferimenti tal-armi konvenzjonali.

(2)

Minħabba li l-Konferenza tan-NU dwar it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi li ltaqgħet f'Lulju 2012 ma setgħetx tilħaq qbil dwar dokument ta' konklużjoni fil-qafas ta' żmien stabbilit għalih u b'segwitu għar-Riżoluzzjoni 67/234 A adottata fl-24 ta' Diċembru 2012 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-Konferenza finali tan-NU dwar it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi ltaqgħet f'Marzu 2013. Hija żviluppat test ibbilanċjat u wiesa' bbażat fuq it-Trattat li, madankollu, ma rnexxilux jilħaq kunsens minħabba l-oppożizzjoni ta' tliet Stati Membri tan-NU. Konsegwentement, il-kwistjoni ġiet ippreżentata lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li, fit-2 ta' April 2013, adottat b'maġġoranza kbira t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi permezz ta' votazzjoni tar-Riżoluzzjoni A/RES/67/234 B. It-Trattat infetaħ sussegwentement għall-iffirmar fit-3 ta' Ġunju 2013 u ser jidħol fis-seħħ mal-50 ratifika. L-Istati Membri tal-Unjoni kollha ffirmaw it-Trattat.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2006, l-10 ta’ Diċembru 2007, it-12 ta’ Lulju 2010, u l-25 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill esprima l-impenn l-aktar qawwi tiegħu għal strument internazzjonali legalment vinkolanti ġdid li għandu jistabbilixxi l-ogħla standards internazzjonali komuni possibbli biex jiġi rregolat il-kummerċ legali fl-armi konvenzjonali, u li għandu jkun rilevanti għall-Istati kollha u għalhekk jista’ jkun universali.

(4)

Sabiex jiġu promossi l-inklużività u r-rilevanza tal-proċess tal-ATT, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2009/42/PESK (1) u d-Deċiżjoni 2010/336/PESK (2), li appoġġaw, inter alia, serje ta' seminars reġjonali ta' kopertura dinjija. Fir-rigward tal-Konferenza tan-NU inkonklużiva ta' Lulju 2012, l-attivitajiet kontinwi tal-Unjoni f'appoġġ għall-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi ġew ikkumplimentati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/43/PESK (3).

(5)

Il-prijorità hija issa biex jiġi appoġġat id-dħul fis-seħħ bikri u l-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattat. F'konformità mal-appoġġ bikri imwiegħed għall-Proċess tal-ATT, l-Unjoni tista' issa tagħti kontribut sinifikanti għal dak l-objettiv, b'mod partikolari, billi tibni fuq l-esperjenza li ilha għandha fil-finanzjament ta' assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni u ta' komunikazzjoni. Minħabba li l-għoti ta' liċenzji tal-armi u l-użu doppju jibqa' responsabbiltà nazzjonali fl-UE, ħila esperta dwar il-kontroll tal-esportazzjoni użata b'appoġġ għal programmi ta' assistenza u ta' komunikazzjoni ffinanzjati mill-Unjoni tiddipendi ħafna mill-Istati Membri. Għaldaqstant huwa kruċjali li l-Istati Membri jallokaw esperti li jkunu ta' għajnuna għall-programmi tal-Unjoni sabiex l-attivitajiet ta' assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni u ta' komunikazzjoni jkunu ta' suċċess.

(6)

Fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, l-attivitajiet tal-Unjoni ta' assistenza u ta' komunikazzjoni twettqu skont l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/230/PESK (4) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/1012/PESK (5) u 2012/711/PESK (6). L-attivitajiet li saru sa issa indirizzaw numru ta' pajjiżi terzi fil-viċinat qrib tal-Unjoni bil-għan li jissaħħu s-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi tagħhom lejn u li jinkisbu aktar responsabbiltà u trasparenza.

(7)

L-Unjoni ilha ħafna wkoll tipprovdi assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju taħt ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) l-Istrument għall-Istabbiltà tagħha li jipprevedi assistenza fl-iżvilupp tal-qafas legali u l-kapaċitajiet istituzzjonali għat-twaqqif u l-infurzar ta' kontrolli effettivi tal-esportazzjoni fuq oġġetti b'użu doppju, inkluż miżuri ta' kooperazzjoni reġjonali. Fit-28 ta' April 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1540 (2004) (“UNSCR 1540 (2004)”), li tagħti mandat għal kontrolli effettivi ta' trasferiment fuq oġġetti relatati mal-armi tal-qerda massiva. L-Unjoni appoġġat l-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004) b'mod partikolari permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/419/PESK (8), l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/368/PESK (9) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/391/PESK (10) u, fir-rigward tad-dimensjoni tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004), permezz tal-programmi tagħha ta' assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju.

(8)

Minbarra l-assistenza speċifika għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, il-kontrolli żviluppati għall-implimentazzjoni tal-UNCSR 1540 (2004) u skont il-programmi ta' assistenza tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju jikkontribwixxu għall-kapaċità globali biex jiġi implimentat b'mod effettiv it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi billi, f'ħafna każijiet, il-liġijiet, il-proċeduri amministrattivi u l-aġenziji responsabbli mill-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju jikkoinċidu ma' dawk responsabbli mill-kontroll tal-esportazzjoni ta' armi konvenzjonali. L-assistenza mogħtija fil-qasam ta' oġġetti b'użu doppju, għalhekk, tappoġġa kapaċitajiet ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi. Għaldaqstant, huwa kruċjali li tiġi żgurata koordinazzjoni mill-qrib bejn attivitajiet imwettqa f'kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju u attivitajiet li jappoġġaw l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi.

(9)

F'dan l-isfond ta' koordinazzjoni mixtieqa ta' assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni pprovduta f'oqsma rilevanti oħra, l-attivitajiet appoġġati minn din id-Deċiżjoni tal-Kunsill għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi f'għadd ta' pajjiżi benefiċjarji sabiex tiġi appoġġata implimentazzjoni effettiva u kompetenti tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi. Billi l-impatt tat-Trattat ser jiddipendi fuq kemm huwa universali u fuq il-grad ta' aderenza miegħu, għandhom ikunu wkoll appoġġati attivitajiet ta' komunikazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni bil-għan li jittejjeb l-appoġġ għat-Trattat minn partijiet interessanti rilevanti u pajjiżi terzi oħra kif ukoll li jitħeġġeġ l-interess fl-implimentazzjoni tiegħu.

(10)

L-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni (minn hawn 'il quddiem 'BAFA') ġie fdat mill-Kunsill bl-implimentazzjoni teknika tad-Deċiżjonijiet 2009/1012/PESK u 2012/711/PESK. Huwa kkompleta b'suċċess l-organizzazzjoni tal-attivitajiet kollha previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/1012/PESK. Il-BAFA huwa wkoll l-aġenzija ta' implimentazzjoni għal proġetti dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni fuq oġġetti b'użu doppju ffinanzjati l-Istrument ta' Stabbiltà. F'dan l-isfond, l-għażla tal-BAFA bħala l-aġenzija ta' implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-UE li jappoġġaw l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi f'pajjiżi terzi hija ġġustifikata bl-esperjenza, il-kwalifiki u l-ħila esperta meħtieġa ppruvati tiegħu fuq il-firxa sħiħa ta' attivitajiet rilevanti tal-Unjoni ta' kontroll tal-esportazzjoni fil-qasam tal-oġġetti b'użu doppju kif ukoll f'dak tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi. L-għażla tal-BAFA ser tiffaċilita l-identifikazzjoni ta' sinerġiji bejn l-attivitajiet ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju u dawk relatati mal-armi sabiex jiġi żgurat li assistenza relatata mat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi tissupplimenta b'mod adegwat l-assistenza diġà pprovduta fil-programmi eżistenti tal-assistenza dwar l-oġġetti b'użu doppju u l-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Sabiex tappoġġa d-dħul fis-seħħ bikri u l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (l-“ATT”), l-Unjoni għandha twettaq l-attivitajiet bl-objettivi li ġejjin:

biex tappoġġa numru ta' Stati fuq talba tagħhom biex jissaħħu s-sistemi tagħhom ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi bil-għan li jkunu jistgħu jimplimentaw l-ATT;

biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u s-sjieda tal-ATT f'livelli nazzjonali u reġjonali mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali rilevanti u l-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili sabiex ikunu involuti aktar fl-implimentazzjoni tal-ATT.

2.   Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni ser twettaq l-attivitajiet ta' proġett li ġejjin:

(a)

tassisti lill-pajjiżi benefiċjarji fl-abbozzar, l-aġġornament u l-implimentazzjoni, kif meħtieġ, tal-miżuri leġislattivi u amministrattivi rilevanti li għandhom l-għan li jistabbilixxu u jiżviluppaw sistema effettiva ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi f'konformità mar-rekwiżiti tal-ATT;

(b)

issaħħaħ il-ħila esperta u l-kapaċitajiet tal-uffiċjali tal-liċenzjar u l-infurzar tal-pajjiżi benefiċjarji b'mod partikolari permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, taħriġ u aċċess għal sorsi rilevanti ta' informazzjoni sabiex jiġu żgurati implimentazzjoni u infurzar adegwati tal-kontrolli tat-trasferiment tal-armi;

(c)

tippromwovi t-trasparenza fil-kummerċ internazzjonali tal-armi billi tibni fuq ir-rekwiżiti ta' trasparenza tal-ATT;

(d)

tippromwovi konformità sostnuta mal-ATT mill-pajjiżi benefiċjarji billi jiġu involuti l-partijiet interessati nazzjonali u reġjonali rilevanti bħall-parlamenti nazzjonali, l-organizzazzjonijiet reġjonali kompetenti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li għandhom interess fuq perijodu twil fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva tal-ATT;

(e)

tippromwovi interess usa' fl-ATT billi tinvolvi ruħha ma' pajjiżi li ma ħadu l-ebda pass lejn l-ATT sabiex tiġi appoġġata l-universalizzazzjoni tiegħu.

Fl-Anness tinsab deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet ta' proġett imsemmija f'dan il-paragrafu.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentat Għoli”) għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet ta' proġett imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandha ssir mill-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni (BAFA).

3.   Il-BAFA għandu jwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dan il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-BAFA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' proġett imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 5 200 000. Il-baġit totali stmat tal-proġett globali għandu jkun ta' EUR 6 445 000. Il-parti ta' dak il-baġit stmat mhux koperta mill-ammont ta' referenza għandha tingħata permezz ta' kofinanzjament mill-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta' referenza stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni tajba tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' għotja mal-BAFA. Il-ftehim għandu jistipula li l-BAFA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' għotja msemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kull diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' għotja.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjijin mill-BAFA. Ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' proġett imsemmija fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ għotja msemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, Hija għandha tiskadi 17 ta' Ġunju 2014 jekk ebda tali ftehim ta’ għotja ma jkun ġie konkluż qabel dik id-data.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/42/PESK tad- 19 ta’ Jannar 2009 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE sabiex jiġi promoss il-proċess li jwassal għat-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi fost pajjiżi terzi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà (ĠU L 17, 22.1.2009, p. 39).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/336/PESK tal-14 ta’ Ġunju 2010 dwar l-attivitajiet tal-UE f’appoġġ għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà (ĠU L 152, 18.6.2010, p. 14).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/43/PESK tat-22 ta’ Jannar 2013 dwar il-kontinwazzjoni ta’ attivitajiet tal-Unjoni f’appoġġ għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà (ĠU L 20, 23.1.2013, p. 53).

(4)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/230/PESK tas-17 ta’ Marzu 2008 dwar appoġġ għall-attivitajiet ta' l-UE sabiex issir promozzjoni tal-kontroll ta' armi għall-esportazzjoni u l-prinċipji u l-kriterji tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi bejn pajjiżi terzi (ĠU L 75, 18.3.2008, p. 81).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/1012/PESK tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE għall-promozzjoni tal-kontroll tal-esportazzjoni ta’ armi u l-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK fost pajjiżi terzi (ĠU L 348, 29.12.2009, p. 16).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/711/PESK tad-19 ta’ Novembru 2012 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Unjoni sabiex issir promozzjoni, fost pajjiżi terzi, tal-kontroll tal-esportazzjoni ta’ armi u tal-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (ĠU L 321, 20.11.2012, p. 62).

(7)  Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1).

(8)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/419/PESK tat-12 ta' Ġunju 2006 f'appoġġ tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva (ĠU L 165, 17.6.2006, p. 30).

(9)  Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2008/368/PESK ta' l-14 ta' Mejju 2008 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 127, 15.5.2008, p. 78).

(10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/391/PESK tat-22 ta’ Lulju 2013 b’appoġġ għall-implimentazzjoni prattika tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtá tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom (ĠU L 198, 23.7.2013, p. 40).


ANNESS

L-ATTIVITAJIET TA' PROĠETT IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(2)

1.   Sfond u raġuni għall-appoġġ tal-PESK

Din id-Deċiżjoni tibni fuq Deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill biex tappoġġa l-proċess tan-NU li jwassal għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u biex tippromwovi l-iżvilupp ta' sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi aktar responsabbli u trasparenti minn pajjiżi terzi (1). It-Trattat ġie adottat fit-2 ta' April 2013 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU u nfetaħ għall-iffirmar fit-3 ta' Ġunju 2013.

L-objettiv iddikjarat tat-Trattat huwa li “jistabbilixxi l-ogħla standards komuni possibbli fuq bażi internazzjonali biex jirregolaw jew itejbu r-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali fl-armi konvenzjonali u biex jipprevjenu u jeradikaw il-kummerċ illeċitu tal-armi konvenzjonali u jipprevjenu milli jmorru band’oħra.”. L-iskop iddikjarat tiegħu huwa li “jikkontribwixxi għal paċi, sigurtà u stabbiltà internazzjonali u reġjonali; inaqqas it-tbatija tal-bnedmin u jippromwovi kooperazzjoni, trasparenza u azzjoni responsabbli mill-Istati Partijiet fil-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali, biex b'hekk tinbena fiduċja fost l-Istati Partijiet”. Għalhekk, l-objettiv u l-iskop tat-Trattat jikkonformaw mal-ambizzjoni ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-politika estera u ta' sigurtà kif imnaqqxa fl-Artikolu 21 Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u kif speċifikata aktar fl-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà.

Minbarra l-adozzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, l-Unjoni identifikat tliet sfidi ewlenin relatati mat-Trattat: l-iżgurar ta' dħul fis-seħħ bikri tagħha, l-iżgurar ta' implimentazzjoni effettiva tagħha, u fl-aħħar nett, il-ħidma lejn l-universalizzazzjoni tagħha. L-assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni u l-komunikazzjoni huma kruċjali biex jiġu indirizzati dawk l-isfidi u għalhekk jiffurmaw l-elementi ċentrali ta' din id-Deċiżjoni.

Fir-rigward tal-assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni, din id-Deċiżjoni tipprevedi l-iżvilupp ta' numru ta' programmi ddedikati għall-assistenza li permezz tagħhom il-pajjiżi benefiċjarji ser jiġu megħjuna b'mod ippersonalizzat u estensiv biex jilħqu r-rekwiżiti tal-ATT. L-assistenza ser tiżviluppa skont pjan direzzjonali tal-assistenza li għandu jintlaħaq qbil dwaru mal-pajjiżi benefiċjarji li għandhom jispeċifikaw il-prijoritajiet għall-azzjoni, jiżguraw sjieda lokali u jindikaw l-impenn lejn ratifika tat-Trattat.

Minbarra l-programmi ddedikati għall-assistenza, din id-Deċiżjoni tipprovdi attivitajiet ta' assistenza ad hoc li ser jissupplimentaw il-programmi ddedikati għall-assistenza fl-indirizzar ta' pajjiżi benefiċjarji oħra bi ħtiġijiet limitati u speċifikati tajjeb. Dawk l-attivitajiet ta' assistenza ad hoc għandhom jippermettu lill-Unjoni tindirizza b'mod flessibbli u reattiv it-talbiet għall-assistenza.

Sabiex tikkontribwixxi għal sostenibbiltà fit-tul tal-isforzi ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi mill-pajjiżi benefiċjarji, din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tinvolvi l-partijiet interessati bħall-parlamenti nazzjonali, l-organizzazzjonijiet reġjonali kompetenti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li għandhom interess fuq perijodu twil fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva tal-ATT.

Finalment, rigward l-isfida tal-universalizzazzjoni tal-ATT, din id-Deċiżjoni tinkludi komponent ta' komunikazzjoni li għandu l-għan jinvolvi l-pajjiżi kollha rilevanti. L-għażla magħmula hija li tilħaq lil dawk il-pajjiżi permezz tal-vantaġġ ta' organizzazzjonijiet reġjonali kompetenti li jappartjenu għalihom u li jwettqu attivitajiet relatati mal-kontrolli tat-trasferiment tal-armi.

Għalhekk, din id-Deċiżjoni tipprovdi ġabra komprensiva ta' attivitajiet ta' assistenza u ta' komunikazzjoni sabiex jiġu indirizzati b'mod adatt it-tliet sfidi identifikati. L-indirizzar attiv ta' dawk l-isfidi huwa konformi mal-appoġġ dejjiemi u mwiegħed għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

2.   Objettivi ġenerali

L-objettiv ċentrali ta' din id-Deċiżjoni huwa li jiġu appoġġati numru ta' Stati fuq talba tagħhom biex jissaħħu s-sistemi tagħhom ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi bil-għan li jkunu jistgħu jimplimentaw b'mod effettiv l-ATT. L-isforzi ta' assistenza żviluppati f'dan il-qafas jistgħu sussegwentement jiġu indirizzati fil-kuntest usa' tal-involviment tal-partijiet interessati rilevanti u l-komunikazzjoni ma' pajjiżi oħra. B'mod speċifiku, l-azzjoni tal-Unjoni ser tipprovdi:

a)

infurzar tal-kapaċitajiet ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi ta' pajjiżi benefiċjarji;

b)

aktar sensibilizzazzjoni u sjieda tal-partijiet interessati rilevanti bħall-organizzazzjonijiet reġjonali kompetenti, il-parlamenti nazzjonali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li huma interessati fuq perijodu twil mill-effettività tal-implimentazzjoni tat-Trattat;

c)

komunikazzjoni ma' pajjiżi oħra bil-għan li tiġi appoġġata l-universalizzazzjoni tat-Trattat.

3.   Deskrizzjoni tal-attivitajiet ta' proġett

3.1.   It-twaqqif ta' grupp ta' esperti

3.1.1.   Objettiv tal-proġett

L-objettiv li jitwaqqaf grupp ta' esperti huwa li l-aġenzija ta' implimentazzjoni tiġi pprovduta b'riżorsa identifikata tajjeb, kompetenti u kredibbli biex tirrispondi b'mod adatt għat-talbiet għall-assistenza u tappoġġa l-attivitajiet ta' assistenza konsegwenti. It-twaqqif ta' grupp bħal dan huwa maħsub ukoll biex jinkoraġġixxi lill-aġenziji ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-Istati Membri biex jaħtru esperti rilevanti billi d-disponibbiltà u l-involviment tagħhom fl-attivitajiet ta' assistenza ser ikunu kruċjali għall-fattibbiltà tal-attivitajiet inkwistjoni.

3.1.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

L-aġenzija ta' implimentazzjoni ser twaqqaf grupp ta' esperti. Dawk l-esperti ser iwettqu attivitajiet ta' assistenza mmirati għall-pajjiżi benefiċjarji skont il-qasam ta' ħila esperta tagħhom u l-ħtiġijiet identifikati mill-pajjiżi benefiċjarji kif ukoll magħhom.

L-aġenzija ta' implimentazzjoni għandha tiżgura l-akbar rappreżentanza ġeografika possibbli meta tagħżel l-esperti. Hija għandha tibbenefika mill-esperti adatti u disponibbli minn aġenziji ta' kontroll tal-esportazzjoni oħra fl-Unjoni. Hija għandha tinkoraġġixxi wkoll il-parteċipazzjoni ta' esperti minn pajjiżi li reċentement żviluppaw b'suċċess sistemi nazzjonali ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi, inklużi dawk żviluppati b'rabta mal-assistenza internazzjonali li jkunu rċevew.

Il-ħila esperta globali miġbura mill-grupp ta' esperti għandha tkopri l-ambitu sħiħ tas-sistema ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi; b'mod partikolari kwistjonijiet legali, l-għoti ta' liċenzji, dwana/infurzar, sensibilizzazzjoni, prosekuzzjoni/sanzjonijiet, rappurtar/trasparenza.

3.2.   Programmi nazzjonali ta' assistenza ppersonalizzati mwettqa skont pjan direzzjonali tal-assistenza

3.2.1.   Objettiv tal-proġett

L-objettiv tal-programmi ddedikati għall-assistenza u l-pjanijiet direzzjonali relatati magħhom huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-pajjiżi benefiċjarji biex jilħqu r-rekwiżiti tal-ATT b'mod globali u sostnut. Il-pjan direzzjonali ser jipprovdi prevedibbiltà lill-pajjiż benefiċjarju dwar dak li huwa ppjanat fir-rigward ta' assistenza u ser jippjana t-titjib li jista' jkun mistenni fil-kapaċitajiet tiegħu ta' kontroll ta' trasferiment.

3.2.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

Programmi ta' assistenza nazzjonali ser jiġu stabbiliti għal tnax-il pajjiż benefiċjarju. Fl-ewwel sentejn ta' implimentazzjoni tad-Deċiżjoni, mhux aktar minn għaxar programmi ta' assistenza tal-implimentazzjoni għandhom ikunu attwati sabiex l-Unjoni tkun tista' tirrispondi għal talbiet addizzjonali għal assistenza li jiġu ppreżentati aktar tard.

Il-programmi ddedikati għall-assistenza għandhom jiġu żviluppati skont il-passi li ġejjin:

a)

talba għal assistenza biex jiġi implimentat l-ATT (magħmula lill-aġenzija ta' implimentazzjoni mill-pajjiż terz). Din it-talba għandha tiġi sostanzjata kemm jista' jkun, idealment billi jiġu identifikati mill-ewwel liema oqsma speċifiċi huma mmirati li jirċievu assistenza. Fejn rilevanti, il-pajjiż li jagħmel it-talba għandu jirreferi wkoll għal assistenza tal-passat u li tkun għaddejja minn fornituri oħra tal-assistenza u jagħti informazzjoni dwar l-istrateġija nazzjonali ta' implimentazzjoni tiegħu dwar l-ATT.

b)

abbażi tal-grad ta' sostanzjament tat-talba u l-kriterji stabbiliti fit-taqsima 5.1, ir-Rappreżentant Għoli, flimkien mal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM) u l-aġenzija ta' implimentazzjoni, għandu jiddeċiedi dwar l-eliġibbiltà tal-pajjiż li jagħmel it-talba.

c)

fejn t-talba għall-assistenza tiġi riċevuta b'mod pożittiv, tiġi organizzata żjara ta' valutazzjoni esperta mill-aġenzija ta' implimentazzjoni. Din għandha tirriżulta minn kuntatti mill-qrib bejn l-aġenzija ta' implimentazzjoni u l-pajjiż terz li jkun qed ifittex l-assistenza u tinkludi wħud mill-aktar esperti rilevanti meħuda mill-grupp ta' esperti msemmi fit-taqsima 3.1.

Iż-żjara ta' valutazzjoni esperta tista', fejn possibbli, titħejja bl-użu ta' kwestjonarji u bil-ġbir ta' informazzjoni eżistenti; hija ser tikkonsisti f'valutazzjoni inizjali tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-pajjiż li jkun qed jitlob l-assistenza. B'mod partikolari hija għandha tippermetti l-kjarifika mal-pajjiż li jkun qed jitlob l-assistenza dwar x'inhuwa tassew meħtieġ biex jiġi implimentat l-ATT u l-paragun ta' dawk ir-rekwiżiti mar-riżorsi eżistenti ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi tal-pajjiż. Din iż-żjara ta' valutazzjoni esperta inizjali għandha tiġbor flimkien l-aġenziji domestiċi u l-partijiet interessati rilevanti kollha u tidentifika sħab lokali motivati u affidabbli.

d)

abbażi tar-riżultati taż-żjara ta' valutazzjoni esperta, l-aġenzija ta' implimentazzjoni għandha tfassal pjan direzzjonali tal-assistenza. Meta tfassal pjan direzzjonali tal-assistenza bħal dan, l-aġenzija ta' implimentazzjoni għandha tqis kwalunkwe assistenza relatata mal-ATT possibbilment mogħtija minn organizzazzjonijiet oħra. Meta l-pajjiż li jkun qed ifittex l-assistenza jkun diġà żviluppa strateġija nazzjonali ta' implimentazzjoni għall-ATT, l-aġenzija ta' implimentazzjoni għandha tiżgura wkoll li l-pjan direzzjonali tal-assistenza tal-Unjoni jkun konsistenti ma' dik l-istrateġija nazzjonali ta' implimentazzjoni.

e)

ir-riżultati taż-żjara ta' valutazzjoni esperta u l-abbozz ta' pjan direzzjonali konsegwenti tal-assistenza għandu jiġi rrappurtat b'mod speċifiku lill-Kummissjoni fil-qafas tar-rappurtar tas-soltu finanzjajru u narattiv previst fl-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni.

f)

l-abbozz ta' pjan direzzjonali tal-assistenza għandu jiġi kondivi mal-pajjiż benefiċjarju bil-għan li jiġi approvat. Il-pjan direzzjonali ser ikun ippersonalizzat għall-pajjiż benefiċjarju u ser jidentifika l-prijoritajiet għall-assistenza.

g)

il-pjan direzzjonali ser jiġi implimentat bl-involviment tal-esperti rilevanti meħuda mill-grupp ta' esperti, u bl-involviment ta' partijiet interessati oħra skont kif ikun il-każ.

Skont il-ħtiġijiet eżatti tal-pajjiż benefiċjarju inkwistjoni, it-twaqqif ta' pjan direzzjonali ser ikun immexxi mill-approċċ tas-soltu b'ħames pilastri li tradizzjonalment jintuża f'assistenza strateġika ta' kontroll tal-kummerċ (kwistjonijiet legali, għoti ta' liċenzji, dwana/infurzar, sensibilizzazzjoni u sanzjonijiet/prosekuzzjoni). Minbarra dawk il-ħames oqsma standard, ir-rappurtar u t-trasparenza ser jingħataw l-akbar attenzjoni.

Il-firxa ta' strumenti ta' assistenza ser ikopru, b'mod partikolari, rieżamijiet legali, seminars ta' taħriġ, workshops, żjarat ta' studju, u l-użu ta' għodod u ta' sorsi ta' informazzjoni bbażati fuq l-internet. Dawk l-istrumenti ta' assistenza ser jintgħażlu mill-aġenzija ta' implimentazzjoni skont il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet eżatti identifikati miż-żjara ta' valutazzjoni esperta u skont il-pjan direzzjonali li ntlaħaq qbil dwaru. L-istrumenti ta' assistenza magħżula biex jindirizzaw b'mod adatt it-talba għall-assistenza għandhom ikunu indikati b'mod ċar u ssostanzjati fil-pjan direzzjonali tal-assistenza.

3.3.   Workshops individwali ad hoc ta' assistenza

3.3.1.   Objettiv tal-proġett

L-objettiv tal-workshops individwali ad hoc ta' assistenza huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi tal-pajjiżi benefiċjarji biex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-ATT b'mod immirat u rilevanti. Dawk l-attivitajiet ad hoc tal-assistenza ser jippermettu lill-Unjoni biex twieġeb b'mod flessibbli u reattiv għal talbiet għall-assistenza li jidentifikaw ħtieġa speċifika rilevanti għall-implimentazzjoni effettiva tal-ATT.

3.3.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

Ser isiru sa għaxar workshops ta' jumejn għall-pajjiżi benefiċjarji individwali biex iwieġbu għat-talbiet għall-assistenza mmirati u l-espressjoni ta' interess għal qasam speċifiku wieħed jew aktar ta' sistema ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi.

Dawn il-workshops ser jipprovdu assistenza individwali u ppersonalizzata limitata u ser jindirizzaw il-kwistjoni(jiet) speċifika(ċi) mqajma mill-pajjiż li jkun qed jitlob l-assistenza, bħal, per eżempju, rieżami tal-leġislazzjoni dwar il-kontroll tat-trasferiment; prattiki tajbin dwar ir-rappurtar; sorsi ta' informazzjoni rilevanti għall-applikazzjoni tal-kriterji tal-valutazzjoni tar-riskju tal-ATT, kontrolli u dokumentazzjoni għall-użu finali. Huma ser isiru fil-pajjiżi benefiċjarji u l-ħila esperta ser tiġi kkomunikata mill-esperti tal-grupp ta' esperti msemmi fit-taqsima 3.1.

L-aġenzija ta' implimentazzjoni ser tkun responsabbli biex tirċievi t-talbiet għall-assistenza u tirrapportahom lir-RGħ li, f'konsultazzjoni mal-COARM, għandu jiddeċiedi dwar kif iweġibhom. Il-valutazzjoni tar-RGħ ser tkun iggwidata b'mod partikolari mill-kriterji stabbiliti fit-taqsima 5.1., il-preċiżjoni tat-talba u dwar kif hija tidentifika kwistjoni(jiet) (i)kkonċernata(i) u billi jqis il-bilanċ ġeografiku.

3.4.   Il-possibbiltà li jiġu ttrasferiti riżorsi mill-programmi ddedikati għall-assistenza għall-workshops ad hoc tal-assistenza

Fil-każ li ma jitlestiex in-numru massimu ta' programmi sħaħ iddedikati għall-assistenza previst fit-taqsima 3.2, in-numru ta' workshops previst fit-taqsima 3.3 jista' jiżdied sa għoxrin.

Ir-RGħ u l-Kummissjoni, flimkien mal-COARM, ser jirrieżaminaw kull sitt xhur l-istat attwali rigward il-programmi ddedikati għall-assistenza bil-għan li jivvalutaw il-possibbiltajiet li jiżdied in-numru ta' workshops individwali ta' assistenza b'mod proporzjonat mal-livell ta' programmi ddedikati għall-assistenza mhux lesti.

3.5.   Konferenza tal-pajjiżi li jibbenefikaw minn attivitajiet ta' assistenza tal-ATT

3.5.1.   Objettiv tal-proġett

L-objettiv tal-konferenza huwa biex ikun hemm aktar sensibilizzazzjoni u sjieda tal-partijiet interessati rilevanti bħal organizzazzjonijiet reġjonali kompetenti, il-parlamenti nazzjonali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li huma interessati fuq perijodu twil mill-effettività tal-implimentazzjoni tat-Trattat.

3.5.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-proġett ser jieħu s-sura ta' konferenza ta' jumejn li għandha tiġi organizzata qrib it-tmiem tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Din il-konferenza ser tiġbor rappreżentanti rilevanti tal-pajjiżi li bbenefikaw mill-programmi ddedikati għall-assistenza msemmija fit-taqsima 3.2 u minn attivitajiet ad hoc tal-assistenza msemmija fit-taqsima 3.3.

Il-konferenza ser tiffaċilita skambji ta' esperjenzi mill-pajjiżi benefiċjarji, tinformahom dwar il-pożizzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-ATT u l-istatus ta' ratifika u ta' implimentazzjoni tal-ATT u ser tippermetti l-kondiviżjoni ta' informazzjoni rilevanti ma' rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali u s-soċjetà ċivili.

Il-parteċipanti f'din il-konferenza għandhom għalhekk jinkludu:

persunal diplomatiku u militari/tad-difiża mill-pajjiżi benefiċjarji, b'mod partikolari awtoritajiet responsabbli mill-politiki nazzjonali rigward l-ATT;

persunal tekniku u tal-infurzar tal-liġijiet mill-pajjiżi benefiċjarji, b'mod partikolari awtoritajiet tal-għoti ta' liċenzji, doganali, u uffiċjali tal-infurzar tal-liġi;

rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u internazzjonali involuti fl-għoti ta' assistenza kif ukoll rappreżentanti ta' pajjiżi interessati li jipprovdu jew jirċievu assistenza strateġika ta' kontroll tal-kummerċ;

rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) rilevanti, ta' gruppi ta' riflessjoni, ta' parlamenti nazzjonali u tal-industrija;

Huwa mistenni li fil-konferenza jipparteċipaw sa 80 parteċipant. Il-post u l-lista finali ta' pajjiżi u organizzazzjonijiet mistiedna ser jiġu ddeterminati mir-Rappreżentant Għoli f'konsultazzjoni mal- COARM, abbażi ta' proposta magħmula mill-aġenzija ta' implimentazzjoni.

3.6.   Seminars reġjonali

3.6.1.   Objettiv tal-proġett

Is-seminars reġjonali ser jippermettu li jintlaħqu aktar pajjiżi bil-għan li tiġi appoġġata l-universalizzazzjoni tat-Trattat. Huma ser jappoġġaw ukoll l-involviment ulterjuri tal-organizzazzjonijiet reġjonali mmirati fl-ATT u l-interess tagħhom fil-promozzjoni tal-ATT lill-istati membri rispettivi kollha tagħhom.

3.6.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-proġett ser jieħu s-sura ta' ħames seminars ta' jumejn li ser jiffukaw fuq l-istat attwali tal-proċess tad-dħul fis-seħħ tal-ATT u l-kwistjonijiet ta' implimentazzjoni relatati.

Is-seminars ser jippermettu lill-pajjiżi li jibbenefikaw minn attivitajiet tal-assistenza għall-kontroll tat-trasferiment tal-armi biex jikkondividu fehmiet u esperjenzi u biex jivvalutaw kif assistenza bħal din hija relatata mal-attivitajiet imwettqa mill-organizzazzjoni reġjonali rilevanti tagħhom. Huma ser jagħtu wkoll attenzjoni speċjali lil:

esperjenzi u possibbiltajiet ta' kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar fit-twaqqif u l-istabbiliment ta' sistemi ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi;

kumplimentarjetà tal-ATT ma' strumenti rilevanti oħra tan-NU, b'mod partikolari l-Programm ta' Azzjoni tan-NU li jimpedixxi, jikkumbatti, u jeqred in-negozju illeċitu f’armi żgħar u armamenti ħfief fl-aspetti kollha tiegħu.

Is-seminars ser isiru fl-ewwel tmintax-il xahar tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni u ser jindirizzaw l-organizzazzjonijiet reġjonali u l-istati membri rilevanti tagħhom li ġejjin:

iċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi u Diżarm tal-Asja u l-Paċifiku (UNRCPD);

iċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi u Diżarm fl-Afrika (UNREC);

iċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi, id-Diżarm u l-Iżvilupp fl-Amerika Latina u l-Karibew (UNLIREC),

Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS),

L-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

Fejn possibbli, is-seminars għandhom isiru preferibbilment f'pajjiż li jibbenefika minn programm iddedikat għall-assistenza. Jekk dan ikun impossibbli, il-post għandu jiġi ddeterminat mir-Rappreżentant Għoli f'konsultazzjoni mal-COARM.

Il-parteċipanti fis-seminars reġjonali għandhom jinkludu:

(a)

persunal diplomatiku u militari/tad-difiża minn pajjiżi fir-reġjun, b'mod partikolari awtoritajiet responsabbli mill-politiki nazzjonali rigward l-ATT;

(b)

persunal tekniku u tal-infurzar tal-liġi minn pajjiżi fir-reġjun, b'mod partikolari awtoritajiet tal-għoti ta' liċenzji, doganali, u uffiċjali tal-infurzar tal-liġi;

(c)

rappreżentanti minn organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, NGOs ibbażati reġjonalment, gruppi ta' riflessjoni u l-industrija lokali/reġjonali;

(d)

esperti tekniċi nazzjonali u internazzjonali dwar kwistjonijiet ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi, inklużi esperti tal-Unjoni u rappreżentanti tal-industrija.

Huwa mistenni li jipparteċipa sa 70 parteċipant f'kull seminar.

4.   Relazzjoni ma' attivitajiet tal-assistenza oħra rilevanti għall-kontrolli tal-esportazzjoni

4.1.   Koordinazzjoni ma' attivitajiet oħra tal-Unjoni tal-assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni

Abbażi tal-esperjenza ta' attivitajiet preċedenti u abbażi ta' attivitajiet li attwalment jinsabu għaddejjin fil-qasam tal-assistenza tal-kontroll tal-esportazzjoni li jkopru kemm oġġetti b’użu doppju kif ukoll armi konvenzjonali, is-sinerġija massima u l-komplementarjetà għandhom jiġu mfittxija fl-għoti ta’ assistenza lill-pajjiżi terzi relatata mal-ATT, biex jiġi żgurat li l-attivitajiet tal-Unjoni jkunu effettivi u koerenti kemm jista’ jkun mingħajr duplikazzjoni mhux meħtieġa.

4.2.   Koordinazzjoni ma' attivitajiet ta'ssistenza rilevanti oħra

Għandha tingħata wkoll l-akbar attenzjoni mill-aġenzija ta' implimentazzjoni għall-attivitajiet relatati mal-ATT imwettqa skont il-programm ta' azzjoni tan-NU li jimpedixxi, jikkumbatti, u jeqred in-negozju illeċitu f’armi żgħar u armamenti ħfief fl-aspetti kollha tiegħu u s-Sistema ta' Appoġġ tal-Implimentazzjoni tiegħu (PoA-ISS), il-UNSCR 1540 (2004) u l-Faċilità ta' Fondi tan-NU li tappoġġa r-Regolament tal-Kooperazzjoni għall-Armi (UNSCAR). L-aġenzija ta' implimentazzjoni għandha żżomm kuntatt kif meħtieġ ma' dawn il-fornituri tal-assistenza sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġu żgurati konsistenza u kumplimentarjetà massimi.

4.3.   Promozzjoni ta' kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar f'kontrolli tal-esportazzjoni minn strumenti rilevanti tal-Unjoni

Il-proġett għandu jimmira wkoll li, fost il-pajjiżi benefiċjarji tal-assistenza mogħtija skont din id-Deċiżjoni, tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar strumenti tal-Unjoni li jistgħu jappoġġaw kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar f'kontrolli tal-esportazzjoni. F'dan ir-rigward, l-attivitajiet tal-assistenza previsti fit-taqsimiet 3.2 u 3.3 għandhom jagħtu informazzjoni dwar l-istrumenti disponibbli u jippromwovuhom bħall-Inizjattiva tas-CBRN tal-UE dwar iċ-Ċentri ta' Eċċellenza.

5.   Benefiċjarji

5.1.   Benefiċjarji tal-programmi ddedikati għall-assistenza tal-ATT u workshops ad hoc tal-assistenza

Il-benefiċjarji ta' attivitajiet ta' proġett imsemmija fit-taqsimiet 3.2 u 3.3 jistgħu jkunu Stati li jitolbu l-assistenza bil-għan li jimplimentaw l-ATT u li ser jintgħażlu, fost l-oħrajn, abbażi tal-kriterji li ġejjin:

l-iffirmar tal-ATT u l-istatus ta' implimentazzjoni ta' strumenti nazzjonali rilevanti għall-kummerċ tal-armi u l-kontroll tat-traferiment tal-armi li huma applikabbli għall-pajjiż;

il-probabbiltà li jkun hemm eżitu ta' suċċess mill-attivitajiet tal-assistenza bil-ħsieb li jiġi rratifikat l-ATT;

il-valutazzjoni ta' kwalunkwe assistenza possibbli li tkun diġa' waslet jew ġiet ippjanata fil-qasam tal-użu doppju u l-kontroll tat-trasferiment tal-armi;

ir-rilevanza tal-pajjiż għall-kummerċ globali tal-armi;

ir-rilevanza tal-pajjiż għall-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni;

l-eliġibbiltà għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA).

5.2.   Benefiċjarji tas-seminars reġjonali

Il-benefiċjarji tas-seminars reġjonali jistgħu jkunu Stati li jappartjeni għall-organizzazzjonijiet reġjonali jew li huma koperti minnhom imsemmija fit-taqsima 3.6.2.

L-għażla finali tal-pajjiżi li għandhom jiġu mistiedna għal kull seminar, u tal-parteċipanti, ser issir mir-Rappreżentant Għoli, f'konsultazzjoni mal-COARM, abbażi ta' proposta magħmula mill-aġenzija ta' implimentazzjoni.

6.   Entità ta' implimentazzjoni

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni ser tkun fdata lill-BAFA. Fejn adatt, il-BAFA ser jissieħeb mal-aġenziji ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti, il-gruppi ta' riflessjoni, l-istituti tar-riċerka u l-NGOs.

Il-BAFA għandu esperjenza kbira fl-għoti ta' assistenza għall-kontroll tat-trasferiment u f'attivitajiet ta' komunikazzjoni. Huwa żviluppa din l-esperjenza fl-oqsma rilevanti kollha ta' kontroll strateġiku tat-trasferiment, filwaqt li jindirizza oqsma relatati ma' CBRN, oġġetti b'użu doppju u l-armi.

Fir-rigward tal-assistenza għall-kontroll tat-trasferiment tal-armi u l-komunikazzjoni, il-BAFA kkompleta b'suċċess l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/1012/PESK. Issa, il-BAFA huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2012/711/PESK li tibni fuq id-Deċiżjoni 2009/1012/PESK u għandu l-għan li jsaħħaħ is-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi tal-pajjiżi benefiċjarji biex ikunu aktar trasparenti u responsabbli f'konformità mal-qafas tal-Unjoni stabbilit skont il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK.

Fir-rigward tal-oġġetti b'użu doppju u dawk relatati ma' CBRN, il-BAFA hija l-aġenzija ta' implimentazzjoni tal-programm attwali tal-assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju u l-komunikazzjoni ffinanzjat millIstrumenti għall-Istabbiltà u, f'dan ir-rigward kisbet għarfien profond tas-sistemi għall-kontroll tat-trasferiment tal-pajjiżi koperti mill-programm inkwistjoni. Għarfien bħal dan qed jittejjeb permezz tal-implimentazzjoni progressiva tal-proġetti relatati mal-kontroll tat-trasferiment skont l-Istrument għall-Istabbilità li jinvolvu l-BAFA, bħall-Inizjattiva tas-CBRN dwar iċ-Ċentri ta' Eċċellenza.

L-effett ġenerali huwa li l-BAFA għandu pożizzjoni unika biex jidentifika l-punti b'saħħithom u dawk dgħajfa fis-sistemi tal-kontroll tat-trasferiment ta' pajjiżi li jistgħu jibbenefikaw mill-attivitajiet ta' appoġġ tal-implimentazzjoni tal-ATT previsti minn din id-Deċiżjoni. Għalhekk huwa jista' jiffaċilita s-sinerġiji bejn il-varji programmi ta' assistenza u jevita dupplikazzjoni mhux meħtieġa.

Billi l-liġijiet, il-proċeduri amministrattivi, ir-riżorsi u l-aġenziji tal-infurzar li jiggvernaw il-kontroll tal-esportazzjoni tal-oġġetti b'użu doppju jikkoinċidu fil-biċċa l-kbira ma' dawk responsabbli mill-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali, sfida ewlenija għall-attivitajiet tal-assistenza relatati mal-ATT ser tkun li tiġi kkunsidrata l-assistenza diġa' pprovduta fl-oqsma tal-oġġetti b'użu doppju u tal-mitigazzjoni tar-riskju tas-CBRN. L-għażla tal-BAFA tikkontribwixxi biex jiġi żgurat li l-assistenza relatata mal-ATT tissupplimenta b'mod adegwat l-assistenza li tkun diġà ngħatat skont programmi ta' assistenza eżistenti ta' oġġetti b'użu doppju, ta' mitigazzjoni tar-riskju tas-CBRN u ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi.

7.   Viżibbiltà u disponibbiltà tal-Unjoni tal-materjal ta' assistenza

Il-materjal prodott mill-proġett ser jiżgura l-viżibbiltà tal-Unjoni, ibbażata b'mod partikolari fuq il-logo u t-tabella grafika li ntlaħaq qbil dwarha għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2012/711/PESK.

Il-portal fuq l-internet previst fid-Deċiżjoni 2012/711/PESK u li bħalissa qed jiġi żviluppat ser jiġi promoss minħabba l-attivitajiet ta' assistenza relatati mal-ATT previsti minn din id-Deċiżjoni.

L-aġenzija ta' implimentazzjoni għandha għalhekk tinkludi informazzjoni dwar il-portal fuq l-internet fl-attivitajiet ta' assistenza rilevanti li hija twettaq u tinkoraġġixxi l-konsultazzjoni u l-użu tar-riżorsi tekniċi tal-portal fuq l-internet. Hija għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-Unjoni fil-promozzjoni tal-portal fuq l-internet.

8.   Valutazzjoni tal-impatt

L-impatt ta' attivitajiet previsti f'din id-Deċiżjoni għandu jiġi vvalutat teknikament hekk kif jitlestew. Abbażi ta' informazzjoni u rapporti pprovduti mill-aġenzija ta' implimentazzjoni, il-valutazzjoni tal-impatt ser titwettaq mir-Rappreżentant Għoli, f'kooperazzjoni mal-COARM u, skont kif ikun il-każ, mad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-pajjiżi benefiċjarji, kif ukoll ma' partijiet interessati rilevanti oħra.

Rigward pajjiżi li bbenefikaw minn programmi ddedikati għall-assistenza, il-valutazzjoni tal-impatt għandha tagħti attenzjoni speċjali għan-numru ta' pajjiżi li jkunu rratifikaw l-ATT u għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom tal-kontroll tat-trasferiment tal-armi. Valutazzjoni bħal din tal-kapaċitajiet tal-kontroll tat-trasferiment tal-armi tal-pajjiżi benefiċjarji għandha b'mod partikolari tkopri t-tħejjija u l-ħruġ ta' regolamenti nazzjonali rilevanti, il-kapaċità li jiġu rrappurtati esportazzjonijiet u importazzjonijiet ta' armi u l-għoti ta' setgħat ta' amministrazzjoni rilevanti responsabbli mill-kontroll tat-trasferiment tal-armi.

9.   Rappurtar

L-aġenzija ta' implimentazzjoni ser tħejji rapporti regolari, inkluż wara l-ikkompletar ta' kull waħda mill-attivitjiet. Ir-rapporti għandhom jiġu ppreżentati lir-Rappreżentant Għoli mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara l-ikkompletar tal-attivitajiet rilevanti.


(1)  Ara d-Deċiżjoni 2010/336/PESK; id-Deċiżjoni 2013/43/PESK; id-Deċiżjoni 20009/1012/PESK; u d-Deċiżjoni 2012/711/PESK.