|
17.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 338/107 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-13 ta’ Diċembru 2013
li temenda r-rikonoxximent ta’ Det Norske Veritas skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri
(notifikata bid-dokument C(2013) 8876)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2013/765/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 16 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, il-Kummissjoni trid tivverifika li d-detentur tar-rikonoxximent mogħti f’konformità mal-Artikolu 2(c) u l-Artikolu 4(3) ta’ dak ir-Regolament huwa l-entità legali rilevanti fl-organizzazzjoni li għaliha għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament. Jekk dak ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni trid tieħu deċiżjoni li temenda dak ir-rikonoxximent. |
|
(2) |
Ir-rikonoxximenti taż-żewġ organizzazzjonijiet Det Norske Veritas u Germanischer Lloyd (“il-Partijiet”) ingħataw fl-1995 skont id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE (2). |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, il-Partijiet żammew ir-rikonoxximenti rispettivi tagħhom mad-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament. |
|
(4) |
Ir-rikonoxximent inizjali ta’ Det Norske Veritas ingħata lill-entità legali DNV Classification AS, li wara ġiet imsemmija mill-ġdid bħala DNV AS. Din kienet taħdem skont l-entità mhux operattiva DNV Group AS u kkontrollata finanzjarjament mill-fundazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ Stiftelsen Det Norske Veritas (“SDNV”), li ġiet stabbilita fin-Norveġja. |
|
(5) |
Ir-rikonoxximent inizjali ta’ Germanischer Lloyd ingħata lill-entità legali Germanischer Lloyd AG, li wara ġiet stabbilita bħala Germanischer Lloyd SE (“GL SE”). Din kienet taħdem skont l-entità mhux operattiva GL Group u kkontrollata finanzjarjament mill-azjenda Mayfair, li ġiet stabbilita fil-Ġermanja. |
|
(6) |
Fl-10 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (3) li permezz tagħha SDNV takkwista, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) ta’ dak ir-Regolament, kontroll uniku ta’ GL SE u tingħaqad mas-sussidjarju tagħha DNV Group AS, li wara ġiet imsemmija mill-ġdid bħala DNV GL Group AS. |
|
(7) |
Fil-15 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet biex ma jkunx hemm oppożizzjoni għall-konċentrazzjoni, imsemmija bħala l-“Każ COMP/M.6885 — SDNV/Germanischer Lloyd”, u biex tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. |
|
(8) |
L-entità mhux operattiva DNV GL Group AS, stabbilita fin-Norveġja, daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Settembru 2013. Il-Partijiet infurmaw lill-Kummissjoni li, sakemm jibda l-operat konġunt, l-organizzazzjonijiet legati DNV AS u GL SE komplew jeżistu u jaħdmu b’mod indipendenti taħt il-kappa ta’ DNV GL Group AS f’konformità mar-regoli, il-proċeduri u s-sistemi legati rispettivi tagħhom. |
|
(9) |
Is-sjieda ta’ GL SE ġiet ittrasferita għal DNV AS, li wara ġiet imsemmija mill-ġdid DNV GL AS. Minn dan il-mument, li jimmarka l-bidu tal-ħidma konġunta, DNV GL AS, flimkien mas-sussidjarji tagħha, hija responsabbli mill-attivitajiet kollha ta’ klassifikazzjoni u ċertifikazzjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 391/2009. Għalhekk, DNV GL AS hija l-entità prinċipali rilevanti tal-entitajiet legali kollha li jiffurmaw l-organizzazzjoni rikonoxxuta, u li għandu jingħata rikonoxximent għaliha. |
|
(10) |
Min-naħa l-oħra, GL SE ma għadhiex l-entità prinċipali rilevanti tal-organizzazzjoni, li għaliha japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 391/2009. Għalhekk, ir-rikonoxximent tagħha skont l-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament għandu jieqaf japplika. |
|
(11) |
L-informazzjoni kkomunikata mill-Partijiet lill-Kummissjoni tindika li, mill-bidu tal-ħidma konġunta u sakemm tidħol fis-seħħ sistema komuni ta’ produzzjoni, il-vapuri eżistenti u l-proġetti li għadhom għaddejjin għandhom jiġu trattati b’mod separat, skont ir-regoli, il-proċeduri u s-sistemi legati ta’ DNV AS u GL SE rispettivament. Il-funzjonijiet u s-sistemi għandhom jiġu integrati b’mod gradwali biex jiżguraw il-konformità kontinwa mal-obbligi u l-kriterji tar-Regolament (KE) Nru 391/2009. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-detentur tar-rikonoxximent mogħti lil Det Norske Veritas għandu jkun, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, DNV GL AS, li hija l-entità prinċipali tal-entitajiet legali kollha li jikkostitwixxu l-organizzazzjoni rikonoxxuta għall-fini tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.
Minħabba t-trasferiment tas-sjieda ta’ GL SE lil DNV GL AS, ir-rikonoxximent ta’ Germanischer Lloyd, li għall-bidu ngħata lil GL SE, għandu jieqaf japplika.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Kummissjoni
Siim KALLAS
Viċi President
(1) ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE tat-22 ta’ Novembru 1994 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-perizji u għall-attivitajiet relevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (ĠU L 319, 12.12.1994, p. 20).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS) u li jemenda r-Regolamenti dwar is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis minn bastimenti (ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1).