17.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/102


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Diċembru 2013

dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbuta mad-deni klassiku tal-ħnieżer f’ċerti Stati Membri

(notifikata bid-dokument C(2013) 8667)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/764/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE (3) tintroduċi miżuri minimi tal-Unjoni għall-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer, fosthom il-miżuri li għandhom jittieħdu f’każ ta’ tifqigħa ta’ dik il-marda. Dawn il-miżuri jinkludu pjanijiet mill-Istati Membri għall-qerda tad-deni klassiku tal-ħnieżer minn popolazzjoni ta’ ħnieżer selvaġġi u t-tilqim ta’ emerġenza tal-ħnieżer selvaġġi f’ċerti kundizzjonijiet.

(2)

Il-miżuri previsti fid-Direttiva 2001/89/KE ġew implimentati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/855/KE (4) li ġiet adottata b’reazzjoni għall-okkorrenza tad-deni klassiku tal-ħnieżer f’ċerti Stati Membri. Dik id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tal-marda tad-deni klassiku tal-ħnieżer f’żoni ta’ dawk l-Istati Membri fejn din il-marda hija preżenti fil-ħnieżer selvaġġi sabiex il-marda ma tinxteredx lejn żoni oħra tal-Unjoni. L-Istati Membri jew iż-żoni tagħhom ikkonċernati minn dawn il-miżuri huma stipulati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni.

(3)

Id-Deċiżjoni 2008/855/KE ġiet emendata diversi drabi b’reazzjoni għall-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tad-deni klassiku tal-ħnieżer fl-Unjoni. F’dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni tal-marda tjiebet b’mod sinifikanti fl-Unjoni u issa jistgħu jiġu identifikati ftit żoni bi problemi speċifiċi marbuta ma’ riskji komuni għad-deni klassiku tal-ħnieżer.

(4)

Jixraq li lista waħda tistipula ż-żoni fl-Istati Membri fejn is-sitwazzjoni epidemjoloġika tad-deni klassiku tal-ħnieżer hija ġeneralment favorevoli fl-impriżi tal-ħnieżer u fejn is-sitwazzjoni qed titjieb ukoll fil-popolazzjoni tal-ħnieżer selvaġġi.

(5)

F’termini ta’ riskju u bħala regola ġenerali, billi ċ-ċaqliq ta’ ħnieżer ħajjin u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom minn żoni infettati jew żoni b’sitwazzjoni epidemjoloġika inċerta joħloq riskji ogħla miċ-ċaqliq tal-laħam frisk tal-majjal, u preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jkunu magħmula minn, jew fihom, il-laħam tal-majjal, iċ-ċaqliq tal-ħnieżer ħajjin u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom miż-żoni elenkati għandu jiġi pprojbit. Madankollu, jixraq li jkun hemm provvedimenti għall-kundizzjonijiet fejn, b’deroga, il-ħnieżer ħajjin jistgħu jintbagħtu lejn biċċeriji jew impriżi li jinsabu barra miż-żoni elenkati fl-istess Stat Membru.

(6)

Barra minn hekk, sabiex jieqaf it-tixrid tad-deni klassiku tal-ħnieżer lejn żoni oħra tal-Unjoni, jixraq li jsiru provvedimenti biex id-dispaċċ ta’ laħam frisk tal-majjal, u preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam magħmul minn, jew fihom, laħam tal-majjal minn ħnieżer miżmuma f’impriżi fiż-żoni elenkati, ikun soġġett għal ċerti kundizzjonijiet. B’mod partikolari, dawk il-preparazzjonijiet u l-prodotti tal-laħam tal-majjal li jew mhumiex ġejjin minn ħnieżer miżmuma f’impriżi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet addizzjonali li jikkonċernaw il-prevenzjoni tad-deni klassiku tal-ħnieżer jew ma jiġux trattati b’mod li jelimina r-riskju tad-deni klassiku tal-ħnieżer skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE (5) għandhom jiġu miksuba, manipulati, ittrasportat u maħżuna separatament, jew f’ħinijiet differenti, mill-prodotti li ma jissodisfawx l-istess kondizzjonijiet u mbagħad għandhom jiġu mmarkati b’marki speċjali li ma jistgħux jiġu mħawda mal-marka tal-identifikazzjoni pprovduta fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u l-marka tas-sanità għal-laħam frisk tal-majjal stipulata fir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(7)

F’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/99/KE, ċerti rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni għandhom jiġu stabbiliti wkoll għad-dispaċċ tal-laħam tal-majjal, u għall-preparazzjonijiet u prodotti tal-laħam tal-majjali magħmula minn, jew fihom, il-laħam ta’ ħnieżer miżmuma f’impriżi li jinsabu fiż-żoni elenkati li ġew trattati skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/99/KE.

(8)

Id-Deċiżjoni 2008/855/KE ġiet emendata bosta drabi. Għaldaqstant, jixraq li dik id-Deċiżjoni tiġi revokata u sostitwita mid-Deċiżjoni preżenti.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ kontroll marbuta mad-deni klassiku tal-ħnieżer li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri jew iż-żoni tagħhom kif stipulat fl-Anness (“l-Istati Membri kkonċernati”).

Id-Deċiżjoni għandha tapplika bla ħsara għall-pjanijiet ta’ eradikazzjoni tad-deni klassiku tal-ħnieżer u l-pjanijiet għat-tilqim ta’ emerġenza kontra dik il-marda, approvati mill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2001/89/KE.

Artikolu 2

Projbizzjoni fuq id-dispaċċ ta’ ħnieżer ħajjin miż-żoni elenkati fl-Anness lejn Stati Membri oħra

1.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li l-ebda ħnieżer ħajjin miż-żoni elenkati fl-Anness ma jintbagħtu fi Stati Membri oħra jew f’żoni oħra fit-territorju tal-istess Stat Membru ‘l barra minn dawk elenkati fl-Anness.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw id-dispaċċ ta’ ħnieżer ħajjin mill-impriżi li jinsabu fiż-żoni elenkati fl-Anness lejn żoni oħra fit-territorju tal-istess Stat Membru, bil-kundizzjoni li s-sitwazzjoni tad-deni klassiku tal-ħnieżer fiż-żoni elenkati fl-Anness tkun favorevoli u:

(a)

il-ħnieżer jiġu mċaqilqa direttament lejn il-biċċerija biex jinqatlu minnufih; jew

(b)

il-ħnieżer kienu nżammu f’impriżi li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (a) tal-Artikolu 4.

Artikolu 3

Projbizzjoni fuq id-dispaċċ ta’ kunsinji ta’ semen tal-ħnieżer u ova u embrijuni tal-ħnieżer miż-żoni elenkati fl-Anness lejn Stati Membri oħra

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li ebda kunsinja ta’ dawn li ġejjin ma tintbagħat mit-territorju tagħhom lejn Stati Membri oħra:

(a)

is-semen tal-porċini, sakemm is-semen ma jkunx joriġina minn ħnieżer miżmuma f’ċentru tal-ġbir approvat kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE (8) u li jkun jinsab barra ż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(b)

l-ova u l-embrijuni tal-ħnieżer, sakemm l-ova u l-embrijuni ma jkunux joriġinaw minn ħnieżer miżmuma f’impriżi li jkunu jinsabu barra ż-żoni elenkati fl-Anness.

Artikolu 4

Id-dispaċċ tal-laħam tal-majjal frisk u ta’ ċerti preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam minn żoni elenkati fil-Parti II tal-Anness

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li l-kunsinji ta’ laħam frisk tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn, jew fihom laħam tal-majjal minn ħnieżer miżmuma f’impriżi li jinsabu fiż-żoni elenkati fl-Anness, jintbagħtu lejn l-Istati Membri l-oħra biss jekk:

jew

(a)

il-ħnieżer ikkonċernati nżammu f’impriżi fejn:

ma jkunx hemm evidenza tad-deni klassiku tal-ħnieżer fit-12-il xahar ta’ qabel fl-impriża kkonċernata u l-impriża tkun tinsab barra minn żona ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza stabblita skont id-Direttiva 2001/89/KE,

il-ħnieżer kienu residenti għal mill-inqas 90 jum fl-impriża u ebda ħanżir ħaj ma ddaħħal fl-impriża matul il-perjodu ta’ 30 jum immedjatament qabel id-data tad-dispaċċ lejn il-biċċerija,

l-impriża timplimenta pjan ta’ bijosigurtà approvat mill-awtorità kompetenti,

l-impriża ġiet soġġetta għallinqas darbtejn fis-sena għal spezzjonijiet mill-awtorità veterinarja kompetenti, li għandha:

(i)

issegwi l-linji ta’ gwida stipulati fil-Kapitolu III tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/106/KE (9);

(ii)

tinkludi l-eżami kliniku skont il-proċeduri ta’ kontroll u teħid ta’ kampjuni stipulati fil-Parti A tal-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/106/KE;

(iii)

tiċċekkja l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri stabbiliti fit-tieni u mir-raba’ sas-seba’ inċiż tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2001/89/KE jiġu applikati effettivament,

l- impriża tkun soġġetta għal pjan ta’ sorveljanza għad-deni klassiku tal-ħnieżer implimentata mill-awtorità kompetenti skont il-proċeduri tat-teħid tal-kampjuni stabbiliti fil-punt F.2 tal-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/106/KE u ttestjar fil-laboratorju b’riżultati negattivi mill-inqas tliet xhur qabel iċ-ċaqliq lejn il-biċċerija, jew

l- impriża tkun soġġetta għal pjan ta’ sorveljanza tad-deni klassiku tal-ħnieżer implimentata mill-awtorità kompetenti skont il-proċeduri ta’ teħid tal-kampjuni u ttestjar fil-laboratorju stabbiliti fil-punt F.2 tal-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/106/KE b’riżultati negattivi mill-inqas sena qabel iċ-ċaqliq lejn il-biċċerija u qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni għad-dispaċċ tal-ħnieżer lejn biċċerija, ikun sar eżami kliniku għad-deni klassiku tal-ħnieżer minn uffiċjal veterinarju skont il-proċeduri ta’ kontroll u teħid ta’ kampjuni stipulati fil-punti 1 u 3 tal-Parti D tal-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/106/KE,

jew

(b)

il-laħam tal-majjal, il-preparazzjonijiet u l-prodotti tal-laħam ikkonċernati:

jiġu prodotti u pproċessati f’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE,

huma suġġetti għaċ-ċertifikazzjoni veterinarja skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/99/KE,

huma akkumpanjati miċ-ċertifikat xieraq tas-sanità għall-kummerċ ġewwa l-Unjoni kif stipulat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 599/2004; (10) il-Parti II taċ-ċertifikat għandha tkun kompluta bis-sentenza li ġejja:

“Prodott f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/764/UE tat-13 ta’ Diċembru 2013 rigward miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tad-deni klassiku tal-ħnieżer f’ċerti Stati Membri.”

Artikolu 5

Marki sanitarji speċjali u rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni għal laħam frisk tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li huma magħmula minn, jew fihom, il-laħam tal-majjal minbarra dawk fl-Artikolu 4

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li l-laħam frisk tal-majjal, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam li jkunu magħmula minn, jew li fihom, il-laħam tal-majjal għajr dawk fl-Artikolu 4, għandhom ikunu mmarkati b’marka sanitarja speċjali li ma tistax tkun ovali u ma tistax tiġi mifxula ma’:

(a)

il-marka ta’ identifikazzjoni għal preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn laħam tal-majjal jew li fihom dan il-laħam, stipulata fit-Taqsima I tal-Anness II, tar-Regolament (KE) Nru 853/2004; u

(b)

il-marka sanitarja għal-laħam frisk tal-majjal imsemmija fil-Kapitolu III tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004;

Artikolu 6

Rekwiżiti li jikkonċernaw impriżi u vetturi tat-trasport fiż-żoni elenkati fl-Anness

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw:

(a)

li d-dispożizzjonijiet stipulati fit-tieni inċiż u mir-raba’ sas-seba’ inċiż tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2001/89/KE jiġu applikati fl-impriżi tal-ħnieżer li jinsabu fiż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(b)

li l-vetturi li ntużaw għat-trasport tal-ħnieżer miżmuma f’impriżi li jinsabu fiż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati minnufih wara kull vjaġġ u li t-trasportatur jipprovdi prova ta’ din id-diżinfezzjoni.

Artikolu 7

Rekwiżiti ta’ tagħrif tal-Istati Membri kkonċernati

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, dwar ir-riżultati tas-sorveljanza għad-deni klassiku tal-ħnieżer imwettqa fiż-żoni elenkati fl-Anness, kif stipulat fil-pjanijiet għall-qrid tad-deni klassiku tal-ħnieżer jew fil-pjanijiet tat-tilqim ta’ emerġenza kontra din il-marda approvati mill-Kummissjoni u msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1.

Artikolu 8

Konformità

L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw għall-kummerċ sabiex ikunu f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni u għandhom jippubblikaw b’mod xieraq u minnufih il-miżuri adottati.

Għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan.

Artikolu 9

Revoka

Id-Deċiżjoni 2008/855/KE hija mħassra.

Artikolu 10

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2017.

Artikolu 11

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva 2001/89/KE tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda tal-infafet vesikolari (deni klassiku) tal-ħnieżer (ĠU L 316, 1.12.2001, p. 5).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/855/KE tat-3 ta’ Novembru 2008 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbuta mad-deni klassiku tal-ħnieżer f’ċerti Stati Membri (ĠU L 302, 13.11.2008, p. 19).

(5)  Id-Direttiva 2002/99/KE tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11).

(6)  Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli speċifiċi ta’ iġjene għal ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206).

(8)  Id-Direttiva 90/429/KEE tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1990, li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-bhejjem applikabbli għal kummerċ intra-Komunitarju u għall-importazzjonijiet ta’ semen ta’ bhejjem domestiċi tal-ispeċi tal-majjali (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 62).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/106/KE tal-1 ta’ Frar 2002 l li tapprova Manwal Djanjostiku li jwaqqaf proċeduri djanjostiċi, metodi tal-kampjunar u kriterji għall-istima tat-testijiet fil-laboratorju għall-konferma tad-deni klassiku tal-majjali (ĠU L 39, 9.2.2002, p. 71).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 599/2004 tat-30 ta’ Marzu 2004 li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ mudell armonizzat ta’ ċertifikat u rapport tal-ispezzjoni marbuta mal-kummerċ fi ħdan il-Komunità tal-annimali u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 44).


ANNESS

1.   Il-Bulgarija

It-territorju sħiħ tal-Bulgarija.

2.   Il-Kroazja

It-territorju tal-kontej ta’ Karlovac, Sisak-Moslavina, Slavonski Brod-Posavina u Vukovar-Srijem.

3.   Il-Latvja

Fin-novads ta’ Alūksnes il-pagasti ta’ Pededzes u Liepnas.

Fin-novads ta’ Rēzeknes il-pagasti ta’ Pušas, Mākoņkalna u Kaunatas.

Fin-novads ta’ Daugavpils il-pagasti ta’ Dubnas, Višķu, Ambeļu, Biķernieku, Maļinovas, Naujenes, Tabores, Vecsalienas, Salienas, Skrudalienas, Demenes u Laucesas.

Fin-novads ta’ Balvu il-pagasti ta’ Vīksnas, Kubuļu, Balvu, Bērzkalnes, Lazdulejas, Briežuciema, Vectilžas, Tilžas, Krišjāņu u Bērzpils.

Fin-novads ta’ Rugāju il-pagasti ta’ Rugāju u Lazdukalna. Fin-novads ta’ Viļakas il-pagasti ta’ Žiguru, Vecumu, Kupravas, Susāju, Medņevas u Šķilbēnu.

Fin-novads ta’ Baltinavas il-pagasts ta’ Baltinavas.

Fin-novads ta’ Kārsavas il-pagasti ta’ Salnavas, Malnavas, Goliševas, Mērdzenes u Mežvidu. Fin-novads ta’ Ciblas il-pagasti ta’ Pušmucovas, Līdumnieku, Ciblas, Zvirgzdenes u Blontu.

Fin-novads ta’ Ludzas il-pagasti ta’ Ņukšu, Briģu, Isnaudas, Nirzas, Pildas, Rundēnu u Istras.

Fin-novads ta’ Zilupes il-pagasti ta’ Zaļesjes, Lauderu u Pasienes.

Fin-novads ta’ Dagdas il-pagasti ta’ Andzeļu, Ezernieku, Šķaunes, Svariņu, Bērziņu, Ķepovas, Asūnes, Dagdas, Konstantinovas u Andrupenes.

Fin-novads ta’ Aglonas il-pagasti ta’ Kastuļinas, Grāveru, Šķeltovas u Aglonas.

Fin-novads ta’ Krāslavas il-pagasti ta’ Aulejas, Kombuļu, Skaistas, Robežnieku, Indras, Piedrujas, Kalniešu, Krāslavas, Kaplavas, Ūdrīšu u Izvaltas.

4.   Ir-Rumanija

It-territorju sħiħ tar-Rumanija.