14.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 335/50


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/760/PESK

tat-13 ta' Diċembru 2013

li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (1),

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

(2)

Jeħtieġ li fid-Deċiżjoni 2013/255/PESK tiġi introdotta eżenzjoni li tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ għall-attivitajiet imwettqin mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) għall-qerda tal-armi kimiċi tas-Sirja skont il-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2118 (2013).

(3)

Sabiex jiġi ffaċilitat ir-ritorn f'sikurezza ta' oġġetti li jappartjenu lill-patrimonju kulturali tas-Sirja li kienu tneħħew illegalment mis-Sirja, jeħtieġ ukoll li jiġu applikati restrizzjonijiet għall-kummerċ f'dawk l-oġġetti.

(4)

L-eżenzjoni, taħt id-Deċiżjoni 2013/255/PESK, mill-iffriżar tal-assi għal finijiet umanitarji għandha tiġu emendata sabiex jiġi ffaċilitat l-għoti ta' għajnuna umanitarja lis-Sirja filwaqt li jiġi evitat ir-riskju ta' użu ħażin ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi rilaxxati. F'dan il-kuntest, il-fondi għandhom jiġu rilaxxati u l-għajnuna mogħtija fis-Sirja skont il-Pjan ta' Rispons għall-Għajnuna Umanitarja NU-Sirja.

(5)

Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(6)

Id-Deċiżjoni 2013/255/PESK għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/255/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3, jiżdied il-paragrafu li ġej:

"3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għat-trasferiment mis-Sirja ta' armi kimiċi identifikati mid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW), konsistenti mal-objettiv tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, l-Akkumulament u l-Użu ta' Armi kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (Konvenzjoni dwar Armi Kimiċi), imwettqa skont il-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2118(2013).";

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 13a

Għandhom ikunu pprojbiti l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-trasferiment jew in-negozjar fil-proprjetà kulturali u oġġetti oħrajn ta' importanza arkeoloġika, storika, kulturali, ta' rarità xjentifika, u reliġjuża li jkunu tneħħew illegalment mis-Sirja, jew fejn jeżisti suspett raġonevoli li dawn tneħħew illegalment mis-Sirja, wara l-11 ta' Mejju 2011.

Il-projbizzjoni m'għandhiex tapplika jekk jintwera li l-oġġetti kulturali jkunu qed jintbagħtu lura lil istituzzjonijiet Sirjani biex jiġi ssodisfat l-objettiv tar-ritorn f'sikurezza.";

(3)

fl-Artikolu 28(3), il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(e)

meħtieġa għal finijiet umanitarji, bħall-għoti jew l-iffaċilitar tal-għoti ta' assistenza, inklużi provvisti mediċi, ikel, ħaddiema umanitarji u assistenza relatata, jew evalwazzjonijiet mis-Sirja, u sakemm il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu rilaxxati u l-għajnuna mogħtija fis-Sirja skont il-Pjan ta' Rispons għall-Assistenza Umanitarja NU-Sirja.".

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. MAZURONIS


(1)  ĠU L 147, 1.6.2013, p.14.