|
14.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 335/46 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-10 ta’ Diċembru 2013
li tistabilixxi li ma ttieħdet ebda azzjoni effettiva mill-Polonja b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-21 ta' Ġunju 2013
(2013/758/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw li jkollhom defiċits eċċessivi tal-gvern; |
|
(2) |
Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi. |
|
(3) |
Fis-7 ta' Lulju 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li fil-Polonja kien hemm defiċit eċċessiv u ħareġ rakkomandazzjoni sabiex jiġi kkoreġġut id-defiċit eċċessiv sal-2012, skont l-Artikolu 104(7) TKE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (1). Sabiex iġibu d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika taħt it-3 % tal-PDG b'mod kredibbli u sostenibbli, l-awtoritajiet Pollakki ġew irrakkomandati li jimplimentaw il-miżuri tal-istimolu fiskali fl-2009 kif ippjanat, jiżguraw aġġustament baġitarju strutturali annwali medju ta' mill-inqas 1¼ % tal-PDG sa mill-2010, jipprovdu miżuri dettaljati sabiex id-defiċit jinġieb taħt il-valur ta' referenza sal-2012, u jintroduċu riformi sabiex irażżnu n-nefqa kurrenti primarja matul is-snin ta' wara. Il-Kunsill kien ukoll stabbilixxa l-iskadenza tat-7 ta' Jannar 2010 biex tittieħed azzjoni effettiva. |
|
(4) |
Fit-3 ta' Frar 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-reviżjoni tal-ħarifa 2009 tal-Kummissjoni, il-Polonja kienet ħadet l-azzjoni neċessarja biex tikkonforma mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009 biex iġġib id-defiċit tal-gvern taħt il-valur ta' referenza tat-Trattat u qieset li, għaldaqstant, ma kien meħtieġ l-ebda pass addizzjonali fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv. Madankollu, abbażi tal-previżjoni tal-ħarifa 2011 tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Polonja ma kinitx fit-triq it-tajba u talbet għal miżuri addizzjonali, li l-Polonja addottat u ħabbret pubblikament sal-10 ta' Jannar 2012. Għaldaqstant, fil-11 ta' Jannar 2012, il-Kummissjoni kkonfermat li l-awtoritajiet Pollakki kienu ħadu l-miżuri effettivi għal korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli tad-defiċit eċċessiv u l-ebda passi oħra fil-proċedura dwar id-defiċit eċċessiv tal-Polonja ma kienu meħtieġa f'dak iż-żmien. |
|
(5) |
Fil-21 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill ikkonkluda li l-Polonja kienet ħadet azzjoni effettiva iżda kienu seħħew avvenimenti ekonomiċi negattivi b’implikazzjonijiet kbar fuq il-finanzi pubbliċi, u ħareġ rakkomandazzjonijiet riveduti (2). Għaldawstant, il-Polonja ssodisfat l-kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-amministrazzjoni pubblika kif stipulat fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. Il-Kunsill irrakkomanda lill-Polonja biex iġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv attwali sal-2014. Hu rrakkomanda wkoll li l-Polonja tilħaq il-mira tad-defiċit nominali ta' 3,6 % tal-PDG fl-2013 u 3,0 % tal-PDG fl-2014, li huwa konsistenti ma' titjib annwali fil-bilanċ strutturali ta' mill-inqas 0,8 % tal-PDG u 1,3 % tal-PDG fl-2013 u l-2014 rispettivament, abbażi tal-previżjoni aġġornata tar-rebbiegħa 2013 tal-Kummissjoni. Barra dan, hu rrakkomanda li l l-Polonja timplimenta b'mod rigoruż il-miżuri diġà adottati, filwaqt li tikkumplimentahom b'miżuri addizzjonali li jkunu suffiċjenti biex tintlaħaq korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014. Addizzjonalment, hu rrakkomanda li l-Polonja tuża kull qligħ mhux mistenni għat-tnaqqis tad-defiċit. Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza tal-1 ta' Ottubru 2013 sabiex il-Polonja tieħu azzjoni effettiva u, f'konformità mal-Artikolu 3(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, biex tirrapporta fid-dettall l-istrateġija ta' konsolidazzjoni prevista biex jintlaħqu l-miri. |
|
(6) |
Fit-2 ta’ Ottubru 2013, il-Polonja ssottomettiet rapport dwar azzjoni effettiva. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed ir-rapport huwa simili għal dak użat għall-Programm ta’ Konverġenza 2013. Wara li rreġistrat medja ta’ tkabbir reali tal-PDG ta’ 4 % fis-sena matul 2001-2011, ir-ritmu tal-attività ekonomika naqas fl-2012 għal 1,9 %. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed ir-rapport dwar azzjoni effettiva jipprojetta li t-tkabbir reali fil-PDG se jonqos iktar fl-2013 għal 1,5 % qabel ma jerġa' lura fl-2014 u l-2015 bil-PDG reali jikber bi 2,5 % u 3,8 %, rispettivament. Skont il-previżjoni tal-ħarifa 2013 tal-Kummissjoni, il-PDG reali huwa mistenni li jikber b’1,3 % fl-2013 u jaċċellera għal 2,5 % fl-2014 u 2,9 % fl-2015. Meta mqabbla mal-awtoritajiet Pollakki, il-Kummissjoni għandha opinjoni inqas ottimista dwar it-tkabbir tad-domanda domestika matul il-perjodu tal-previżjoni, il-konsum privat u l-investiment privat b’mod partikolari. |
|
(7) |
L-awtoritajiet Pollakki jipprevedu defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 4,8 % tal-PDG fl-2013, minn 3,9 % tal-PDG fl-2012. Din huwa agħar mit-3,5 % tal-PDG previst 2013 fl-aġġornament tal-Programm ta’ Konverġenza u huwa dovut għal nuqqas sinifikanti fid-dħul ta’ 1,2 % tal-PDG u telf fin-nefqa ta’ 0,1 % tal-PDG. Għall-2014, il-Ministeru tal-Finanzi Pollakk ipproġetta surplus ta’ 4,5 % tal-PDG dovut għar-riforma tal-pensjonijiet ippjanata, li b’mod partikolari tirriżulta fi trasferiment ta’ darba ta’ assi b’valur ta' 8,5 % tal-PDG. Fl-2015, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jsir defiċit ta’ 3 % tal-PDG. |
|
(8) |
Għall-2013 u l-2014, il-previżjoni tal-Kummissjoni hija simili għal dik tal-awtoritajiet Pollakki. Tipproġetta wkoll defiċit ta’ 4,8 % tal-PDG fl-2013. Id-deterjorament meta mqabbla ma’ 3,9 % tal-PDG fix-xenarju bażi tal-PDE huwa prinċipalment minħabba tnaqqis fid-dħul. Fl-2014, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika huwa previst li jkun f’bilanċ pożittiv (+ 4,6 % tal-PDG) minħabba r-riforma tal-pensjonijiet ippjanata. Għall-2015, il-Kummissjoni hija inqas ottimista mill-awtoritajiet Pollakki u tistenna defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 3,3 % tal-PDG. Id-differenza ta' 0,3 punti perċentwali tal-PDG hija l-aktar minħabba inqas dħul kurrenti bbażat fuq livell iktar baxx ta’ projezzjoni ta’ tkabbir tal-PDG nominali kif ukoll infiq ogħla tal-gvern fuq il-konsum intermedju. Il-miri tad-defiċit huma soġġetti għal riskji ta’ implimentazzjoni. |
|
(9) |
Kemm l-awtoritajiet Pollakki kif ukoll il-Kummissjoni projettaw li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika jibqa’ taħt il-limitu ta’ 60 % matul il-perjodu taħt konsiderazzjoni. Skont il-Previżjoni tal-Ħarifa 2013 tal-Kummissjoni, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa mbassar li jinżel minn 55,6 % fl-2012 għal 51 % fl-2014, prinċipalment minħabba l-effet tat-trasferiment imħabbar ta’ assi ta' fondi tal-pensjoni ta’ 8,5 % tal-PDG, qabel ma jitilgħu għal 52,5 % fl-2015. |
|
(10) |
Minħabba li, skont it-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2013, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fl-2013 huwa pprojettat li jilħaq l-4,8 % tal-PDG, il-Polonja hija mistennija li ma tilħaqx il-mira tad-defiċit nominali ta’ 3,6 % tal-PDG irrakkomandat mill-Kunsill. Barra minn dan, l-isforz strutturali annwali aġġustat fl-2013 (0,3 % tal-PDG) huwa sew inqas mill-isforz fiskali annwali rrakkomandat (0,8 % tal-PDG). L-analiżi minn isfel għal fuq tal-miżuri dikrezzjonali ġodda kkomplementata minn valutazzjoni tal-iżviluppi fin-nefqa, ikkoreġuta għal infiq iktar minn u inqas mill-eżekuzzjoni li huwa lil hinn mill-kontroll tal-gvern, turi sforz fiskali globali ta' 0,2 % tal-PDG. Dan ma jilħaqx il-miżuri addizzjonali meħtieġa ta’ 0,4 % tal-PDG sottostanti l-isforz fiskali stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u jikkonferma li l-Polonja ma implimentatx l-isforz fiskali fl-2013 kif ġie rrakkomandat mill-Kunsill. |
|
(11) |
Fl-2014, il-Kummissjoni tistenna bilanċ pożittiv tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 4,6 % tal-PDG. Għalhekk, il-mira tad-defiċit nominali hija mistennija li tiġi ssodisfata biss minħabba trasferiment ta’ darba tal-assi ta' fondi tal-pensjonijiet. L-isforz strutturali annwali aġġustat mistenni huwa ta' 1,4 % tal-PDG fl-2014, u għalhekk 'il fuq mill-isforz fiskali annwali rrakomandat ta' 1,3 % tal-PDG. |
|
(12) |
B'mod ġenerali, il-Polonja ma kienetx konformi mal-miri fiskali rrakomandati għall-2013, filwaqt li għall-2014 il-miri speċifikati fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013 huma previsti li jintlaħqu. Madankollu, il-projezzjoni tal-Kummissjoni għall-2015 tistenna li l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-2014 ma tkunx sostenibbli minħabba li d-defiċit huwa mistenni li jilħaq it-3,3 % tal-PDG, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Polonja ma ħaditx azzjoni effikaċi fl-2013 b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2013.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
R. ŠADŽIUS
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).
(2) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013 bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fil-Polonja.