13.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 334/44


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Diċembru 2013

dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-Guignardia citricarpa Kiely fl-Unjoni (ir-razez kollha patoġeniċi għaċ-Ċitru), fir-rigward tal-Afrika t’Isfel

(notifikata bid-dokument C(2013) 8781)

(2013/754/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Guignardia citricarpa Kiely (ir-razez kollha patoġeniċi għaċ-Ċitru), minn issa ’l quddiem imsemmi “l-organiżmu speċifikat”, huwa organiżmu li jagħmel il-ħsara, elenkat fil-punt (c)11 tas-Sezzjoni I tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva 2000/29/KE. Mhuwiex magħruf li jeżisti fl-Unjoni. Dan il-patoġenu jgħix primarjament fuq il-pjanti Citrus L. u huwa partikolarment ta’ ħsara għal dawk il-pjanti.

(2)

Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/29/KE flimkien mal-punt 16.4 tas-Sezzjoni I tal-Parti A tal-Anness IV ta’ dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-introduzzjoni ta’ frott ta’ Citrus L. u l-ibridi tagħhom fit-territorji tagħhom, minn issa ’l quddiem imsemmi “il-frott speċifikat” li joriġina minn pajjiżi terzi, sakemm ma jiġux sodisfatti r-rekwiżiti speċjali stipulati f’dak il-punt.

(3)

Minkejja l-fatt li l-Kummissjoni diġà esprimiet it-tħassib tagħha mal-Afrika t’Isfel dwar l-istatus fitosanitarju tal-frott speċifikat u, minkejja li l-Afrika t’Isfel pprovdiet assigurazzjoni li ser jittieħdu l-miżuri neċessarji, ġew innotifikati 36 interċettazzjoni mill-Istati Membri ta’ kunsinni tal-frott speċifikat infestat bl-organiżmu speċifikat bejn Lulju u Novembru 2013 waqt ispezzjonijiet tal-importazzjonijiet ta’ dan il-frott li joriġina mill-Afrika t’Isfel.

(4)

Fid-dawl ta’ dawk l-interċettazzjonijiet, ġie konkluż li s-salvagwardji fitosanitarji kurrenti tal-Afrika t’Isfel mhumiex biżżejjed biex jipprevjenu l-introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat fl-Unjoni.

(5)

Dawk l-interċettazzjonijiet ma kkonċernawx iż-żoni li l-Afrika t’Isfel tirrikonoxxi bħala ħielsa mill-organiżmu speċifikat. Filwaqt li għad hemm bżonn ta’ valutazzjoni tal-istatus fitosanitarju ta’ dawk iż-żoni biex dawn jiġu rikonoxxuti bħala ħielsa mill-organiżmu speċifikat mill-emenda tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/473/KE (2), għandha tibqa’ tkun permessal-introduzzjoni tal-frott speċifikat minn dawk iż-żoni. Minħabba r-risku fitosanitarju involut, ma għandhiex tkun permessa introduzzjoni minn kwalunkwe żona oħra mill-Afrika t’Isfel.

(6)

Konsegwentament, l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-frott speċifikat li joriġina miż-żoni tal-Afrika t’Isfel, apparti dawk li ilhom rikonoxxuti mid-Deċiżjoni 2006/473/KE bħala ħielsa mill-organiżmu speċifikat, għandhom ikunu permessi biss minn żoni rikonoxxuti mill-Afrika t’Isfel bħala ħielsa minn dak l-organiżmu. Iċ-ċertifikat uffiċjali fitosanitarju li jakkompanja dak il-frott speċifikat għandu jindika l-oriġini tiegħu f’wieħed minn dawk iż-żoni.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw biss għall-frott speċifikat prodott waqt l-istaġun tat-tkabbir 2012/2013.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fir-rigward tal-frott ta’ Citrus L. li joriġina mill-Afrika t’Isfel u li hu prodott waqt l-istaġun tat-tkabbir 2012/2013, il-punti 16.4(c) u (d) tas-Sezzjoni I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE għandhom japplikaw biss għall-frott li joriġina miż-żoni li ġejjin:

(a)

Northern Cape: id-distretti maġisterjali ta’ Barkly West, Gordonia, Hay, Herbert, Hopetown, Kenhardt, Kimberley, Namakwaland u Prieska;

(b)

Free State Province: Id-distretti maġisterjali ta’ Boshof, Fauresmith, Jacobsdal, Koffiefontein u Philippolis; u

(c)

North-West Province: Id-distretti maġisterjali ta’ Christiana u Taung.

Iċ-ċertifikat uffiċjali fitosanitarju kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE li jakkompanja dak il-frott għandu jindika ż-żona ta’ oriġini taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  ĠU L 187, 8.7.2006, p. 35.