6.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 326/44


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-2 ta’ Diċembru 2013

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Jemen mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

(2013/715/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2000, il-Gvern tar-Repubblika tal-Jemen applika għall-adeżjoni mal-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b’konformità mal-Artikolu XII ta’ dan il-Ftehim.

(2)

Fis-17 u d-19 ta’ Lulju 2000 ġie stabbilit Grupp ta’ Ħidma dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Jemen sabiex jintlaħaq ftehim dwar it-termini tal-adeżjoni aċċettabbli għar-Repubblika tal-Jemen u l-Membri kollha tad-WTO.

(3)

Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, innegozjat għadd komprensiv ta’ impenji għall-ftuħ tas-suq min-naħa tar-Repubblika tal-Jemen li jissodisfaw it-talbiet tal-Unjoni.

(4)

Issa dawk l-impenji huma inkorporati fil-Protokoll ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Jemen mad-WTO.

(5)

L-adeżjoni mad-WTO hija mistennija li tagħti kontribut pożittiv u dejjiemi għall-proċess tar-riforma ekonomika u l-iżvilupp sostenibbli fir-Repubblika tal-Jemen.

(6)

Il-Protokoll ta’ Adeżjoni għandu għalhekk jiġi approvat.

(7)

L-Artikolu XII tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO jistipula li għandu jintlaħaq ftehim dwar it-termini tal-adeżjoni bejn il-Membru li qed jissieħeb u d-WTO, u li l-Konferenza Ministerjali tad-WTO tapprova t-termini tal-adeżjoni min-naħa tad-WTO.

(8)

Għaldaqtant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Jemen għad-WTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Jemen mad-WTO, hija li tapprova l-adeżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni ssir effettiva fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GUSTAS