29.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 319/8


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Ottubru 2012

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.23600 – C 38/08 (ex NN 53/07) – il-Ġermanja

Finanzjament tal-ajruport ta’ Munich, Terminal 2

(notifikata bid-dokument C(2012) 5047)

(It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/693/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2)(1) tiegħu (1),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (2), u b’kunsiderazzjoni tal-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra tat-3 ta’ Novembru 2005 Ryanair Ltd. (minn hawn ’il quddiem “l-ilmentatur” jew “Ryanair”) ippreżentat ilment fir-rigward tal-finanzjament tal-bini ta’ Terminal 2 tal-Ajruport ta’ Munich kif ukoll il-ftehim dwar l-użu esklużiv tiegħu bejn Deutsche Lufthansa AG (minn hawn 'il quddiem “LH”) u Flughafen München GmbH (minn hawn ’il quddiem “FMG”). L-ilmentatur allega, fost affarijiet oħrajn, li l-allokazzjoni tal-fondi għall-bini ta’ Terminal 2 mill-partijiet interessati ta’ FMG (awtoritajiet pubbliċi) ma kinitx konformi mal-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq u li f’dawn l-aħħar sentejn id-drittijiet esklużivi ta’ LH u s-sħab tagħha fi ħdan Star Alliance għall-użu ta' Terminal 2, wasslu biex FMG għamel telf finanzjarju ta’ aktar minn EUR 100 Miljun. Abbażi ta’ dawn ir-raġunijiet Ryanair allegat li l-miżuri msemmija kienu illegali u jikkostitwixxu għajnuna Statali mhux kompatibbli mas-suq intern, li permezz tagħhom LH kisbet vantaġġi ekonomiċi.

(2)

Il-Kummissjoni kkuntattjat lill-Ġermanja b’ittri fit-18 ta’ Novembru 2005, il-31 ta’ Lulju 2006, is-6 ta’ Ġunju 2007 u t-3 ta’ Ottubru 2007, fejn talbitha tipprovdi informazzjoni dwar l-ilment. Il-Ġermanja rrispondiet b’ittri fit-18 ta’ Jannar 2006 it-8 ta’ Awwissu 2006, it-28 ta’ Awwissu 2007, is-17 ta’ Settembru 2007, il-21 ta’ Settembru 2007, id-29 ta’ Novembru 2007 u t-13 ta’ Frar 2008. Fl-10 ta’ Ottubru 2007 saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-Ġermanja.

(3)

B'ittra mibgħuta fil-31 ta' Lulju 2007, l-ilmentatur oġġezzjona b’mod formali, skont l-Artikolu 265(2) tat-TFUE, li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet azzjoni fir-rigward tal-ilment tiegħu. Fil-15 ta’ Novembru 2007 l-ilmentatur għamel rikors ta’ nuqqas ta’ azzjoni quddiem il-Qorti tal-Unjoni Ewropea (3).

(4)

Bl-ittra li ntbagħtet fit-23 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni għarrfet lill-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda proċedura skont l-Artikolu 108 (2) tat-TFUE (minn hawn ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”) fir-rigward tas-self Nri. 1, 5, 6, 7, 9, 10, 16, 17, 20, 21 u 23 mogħti minn KfW Bankengruppe, mill-Bayerische Landesbank u mil-LfA Förderbank Bayern (minn hawn ’il quddiem “LfA”) għal FM Terminal 2 Immobilien-Verwaltungsgesellschaft mbH u Terminal 2 Betriebsgesellschaft mbH, kif ukoll fir-rigward tal-kirja mħallsa minn FM Terminal 2 Immobilien-Verwaltungsgesellschaft mbH lil FMG għall-użu ta’ ħabel art fl-Ajruport ta’ Munich.

(5)

Permezz ta’ ittra mibgħuta fil-31 ta' Lulju 2008, il-Ġermanja talbet estensjoni għall-iskadenza biex tagħti tweġiba u dan ġie aċċettat mill-Kummissjoni. Fuq talba tal-Ġermanja, saret laqgħa fit-12 ta' Settembru 2008. Il-Ġermanja ddikjarat il-pożizzjoni tagħha fis-6 ta' Novembru 2008.

(6)

Fit-12 ta’ Novembru 2008 ġie adottat aġġustament għad-deċiżjoni ta' ftuħ.

(7)

Id-deċiżjoni ta’ ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4) fl-10 ta’ Jannar 2009. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex, fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni, jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni.

(8)

Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti ta’ Ryanair. Permezz ta’ ittra mibgħuta fis-17 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni bagħtet dawn il-kummenti lill-Ġermanja. Il-Ġermanja ngħatat iċ-ċans li tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-kummenti fi żmien xahar. Fl-1 ta' April 2009, il-Ġermanja talbet estensjoni għall-iskadenza biex tagħti tweġiba, u dan ġie aċċettat mill-Kummissjoni. Il-Ġermanja bagħtet il-kummenti tagħha fit-30 ta' April 2009.

(9)

Fid-19 ta’ Mejju 2011, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza tagħha dwar ir-rikors ta’ nuqqas ta’ azzjoni mressaq minn Ryanair (5).

(10)

Bl-ittra tat-30 ta’ April 2012, il-Kummissjoni pprovdiet aktar informazzjoni dwar is-self Nru. 17 u Nru. 20. Il-Ġermanja wieġbet b’ittra mibgħuta fit-30 ta’ Mejju 2012.

(11)

Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Lulju 2012. Il-Ġermanja wieġbet b’ittra mibgħuta fis-16 ta’ Awwissu 2012.

2.   DESKRIZZJONI TAL-FATTI U RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

2.1.   SFOND TAL-INVESTIGAZZJONI

(12)

Wara biss ftit snin minn meta beda jopera l-ajruport fl-1992, ġie deċiż li jinbena t-tieni terminal fl-Ajruport ta’ Munich billi minħabba ż-żieda fil-volumi ta’ passiġġiera l-kapaċità massima tal-ajruport kienet se tintlaħaq qabel ma kien previst. Fil-15 ta’ Lulju 1998 FMG (6) u LH (7) iffirmaw Memorandum ta’ Qbil dwar il-bini u l-operat ta’ Terminal 2 (it-terminal il-ġdid tal-Ajruport ta’ Munich).

(13)

Kif ġie previst fil-Memorandum ta’ Qbil, FMG u LH stabbilixxew kumpaniji (minn hawn ’il quddiem il-“Kumpaniji T2”) bi sjieda konġunta responsabbli għall-bini u l-operat tat-terminal.

a)

FM Terminal 2 Immobilien-Verwaltungsgesellschaft mbH (minn hawn ’il quddiem “Immo T2”): kumpanija azzjonarja tal-proprjetà immobbli. FMG u LH għandhom ishma fi proporzjon ta' 60:40. Immo T2 kienet responsabbli mill-bini ta’ Terminal 2 u tikri l-bini ta’ Terminal 2 b’kuntratt ta’ kiri fit-tul lil Terminal 2 Betriebsgesellschaft mbH.

b)

Terminal 2 Betriebsgesellschaft mbH (minn hawn ’il quddiem il-“Kumpanija operazzjonali T2”): responsabbli mill-operat u l-ġestjoni ta’ Terminal 2. L-ishma fil-kumpanija operazzjonali T2 huma ta’ FMG u LH fi proporzjon ta’ 60:40.

(14)

Skont il-Memorandum ta’ Qbil, ir-riskji mġarrbin mill-kumpaniji T2 jaqgħu fuq FMG u LH skont il-proporzjon tal-ishma tagħhom. FMG u LH ikkonkludew ftehimiet dwar it-trasferiment tal-profitt u t-telf mal-kumpaniji T2. FMG u LH huma responsabbli għat-telf skont il-proporzjon tal-ishma tagħhom (60:40). Skont il-liġi tal-Ġermanja, FMG u LH huma responsabbli għall-impenji kollha li l-kumpaniji T2 jkunu ħadu matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet dwar it-trasferiment tal-profitt u tat-telf. Din ir-responsabbiltà tapplika lil hinn minn dan il-perjodu għal dawk l-impenji li l-kumpaniji jkunu ħadu qabel tmiem l-applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet.

(15)

It-total tal-kostijiet ta’ investiment fil-bini ta’ Terminal 2 fl-Ajruport ta’ Munich ilaħħaq madwar […] (*) EUR. Il-kumpaniji T2 iffinazjaw parti mill-proġett b’kapital proprju (injezzjonijiet ta’ kapital minn FMG u LH) u parti oħra permezz ta’ self. Tliet banek tal-Istat tal-Ġermanja (KfW Bankengruppe (8), il-Bayerische Landesbank (9) u LfA Förderbank Bayern (10)) taw self fuq medda twila ta' żmien lill-kumpaniji T2 li b’kollox laħħaq […] EUR, għall-finanzjament tal-proġett ta’ Terminal 2. Iż-żewġ kumpaniji T2 huma partijiet fil-ftehimiet kollha dwar is-self.

2.2.   AMBITU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI U L-MIŻURI LI QED JIĠU INVESTIGATI

(16)

Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tagħha, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-investiment tal-kapital ta’ FMG u LH u l-użu esklużiv ta’ Terminal 2 minn LH ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

(17)

Fir-rigward tas-self li ngħata lill-kumpaniji T2 minn KfW, BayernLB u LFA għall-bini ta' Terminal 2, il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li s-self Nri. 2, 3, 4, 11, 12, 13, 14, 15, 18, 19 u 22 ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(18)

Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tqajmu l-kwistjonijiet li ġejjin:

1)

Is-self lill-kumpaniji T2 Nri. 1, 5, 6, 7, 9, 10, 16, 17, 20, 21 u 23 u l-ftehim dwar l-użu tal-ħbula tal-art Nr. 4935/3 u 4881 huma attribwibbli lill-Istat?

2)

Is-self Nri. 1, 5, 6, 7, 9, 10, 16, 17, 20, 21 u 23 ingħata lill-kumpaniji T2 b’kundizzjonijiet tas-suq? Dan ifisser li dawn ma ngħataw l-ebda tip ta’ għajnuna mill-Istat. Jekk le, tali għajnuna mill-Istat tista' titqies konsistenti mas-suq intern.

3)

Il-kirja mħallsa lil FMG minn Immo T2 għad-dritt biex tuża l-ħbula tal-art Nru. 4935/3 u 4881 b’erja totali ta’ madwar 170 000 m2 u biex ikun jista’ jinbena Terminal 2 hawnhekk, hija konformi mal-prezzijiet tas-suq?

2.2.1.   Self mogħti lill-kumpaniji T2

(19)

Is-self Nri. 1, 5, 6, 7, 9, 10, 16, 17, 20, 21 u 23 mogħti minn KfW u BayernLB li hu msemmi fid-deċiżjoni ta’ ftuħ biss huwa rilevanti fil-qafas ta’ din id-Deċiżjoni.

(20)

Ir-rati tal-imgħax għas-self kollu msemmi fil-premessa 19 kienu stabbiliti fil-ftehimiet dwar is-self rilevanti. Ir-rata bażika ġiet stabbilita skont rata interbankarja dipendenti fuq il-maturità, li ġiet ippubblikata fil-jum meta ġiet stabbilita r-rata tal-imgħax (redditu tal-bonds pubbliċi fuq żmien twil ta’ DekaBank) fis-sistema tal-informazzjoni tar-Reuters fuq il-paġna DGZF fil-11:00 (il-ħin fi Munich u fi Frankfurt). Il-marġini tar-riskju ġew stabbiliti fil-ftehimiet dwar is-self rispettivi.

(21)

Is-self Nri. 5, 6 u 7 ingħata fil-qafas tal-programm tal-infrastruttura ta’ KfW skont il-ftehim dwar is-self ta’ […] bħala appoġġ għad-disponibbiltà tal-infrastruttura mil-lat tal-iżvilupp reġjonali u ekonomiku. Ir-rati tal-imgħax għas-self Nri 5, 6 u 7 ġew stabbiliti għal-perjodu ta’ 10 snin. Fi tmien il-perjodu tar-rata fissa tal-imgħax għal dan is-self (bejn l-2009 u l-2011), ir-rati tal-imgħax jiġu aġġustati skont ir-rata tal-imgħax ta’ referenza ppubblikata tal-Kummissjoni. Il-marġini ta’ riskju maqbul fil-ftehim dwar is-self ma jinbidilx.

(22)

Skont il-ftehim dwar is-self tat-13 ta’ Settembru 2008 għas-self Nri. 1, 9, 10, 16, 21 u 23 japplikaw il-marġini tar-riskju li ġejjin (f’punti bażiċi minn hawn ’il quddiem “pb”, li ġew stabbiliti għall-perjodu kollu ta’ applikabbiltà tal-ftehimiet dwar is-self:

a)

BayernLB: […]

b)

KfW: […]

(23)

Barra l-ftehim dwar is-self tat-13 ta’ Settembru 2000, f’Lulju 2003 BayernLB u KfW ikkonkludew ftehim addizzjonali dwar is-self biex ikunu jistgħu jkopru l-bżonn ta’ finanzi addizzjonali li rriżulta miż-żieda fil-kostijiet għall-bini ta’ Terminal 2. Ir-rata bażika ġiet stabbilita skont rata interbankarja dipendenti fuq il-maturità, li ġiet ippubblikata fil-jum meta ġiet stabbilita r-rata tal-imgħax (redditu tal-bonds pubbliċi fuq żmien twil ta’ DekaBank) fis-sistema tal-informazzjoni tar-Reuters fuq il-paġna DGZF fil-11:00 (il-ħin fi Munich u fi Frankfurt). Abbażi ta’ din il-bidla ġew stabbiliti l-marġini tal-imgħax għas-self Nru. 17 u 20 għal […] (11).

(24)

Il-kumpaniji T2 ipprovdew il-kollateral li ġej għas-self u u l-faċilitajiet tal-kreditu:

(a)

[…];

(b)

[…];

(c)

[…]

(d)

[…]

(25)

Barra minn hekk il-banek jirriżervaw id-dritt li jikkanċellaw il-ftehimiet dwar is-self, jekk:

(a)

il-ftehimiet dwar it-trasferiment tal-profitt u t-telf bejn il-kumpaniji T2 u s-sħab tagħhom (FMG u LH) jitwarrbu jew inkella jinbidlu b'impatt negattiv fuq il-banek;

(b)

l-Istat Ħieles ta’ Bayern, il-Ġermanja u l-Istat ta’ Munich (individwalment jew flimkien jitilfu l-maġġoranza assoluta f’kapital proprju u/jew id-drittijiet tal-voti f’FMG jew

(c)

is-sehem u/jew id-drittijiet tal-voti tal-Istat Ħieles ta’ Bayern f’FMG jonqsu għal 25 % jew anqas.

(26)

Fid-dawl tal-fatti msemmija fil-premessi 20 sa 25, il-Kummissjoni għandha dubji jekk il-kundizzjonijiet, li skonthom ingħata s–self Nri. 1, 5, 6, 7, 9, 10, 16, 17, 20, 21 u 23 lill-kumpaniji T2 mill-banek għall-iżvilupp pubbliku KfW u LfA u l-bank tal-Istat BayernLB, humiex kundizzjonijiet normali tas-suq. Dan ir-riżultat kien ibbażat primarjament fuq il-fatt li r-rati tal-imgħax imposti għal dan is-self (12) jidher li kienu aktar baxxi mir-rati ta’ referenza stabbiliti skont l-applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rati tal-imgħax ta’ rkupru fuq l-għajnuna attwali mill-Istat, kif ukoll ir-rati ta’ referenza u ta’ skont għal 15-il Stat Membru, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2005, kif ukoll rati ta’ mgħax ta’ rkupru storiċi u rati ta’ skont, applikabbli mill-1 ta’ Awwissu 1997 (minn hawn ’il quddiem “Avviż tal-Kummissjoni tal-2005”).

(27)

L-Avviż tal-Kummissjoni tal-2005 ġie sostitwit mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni fil-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont tat-12 ta’ Diċembru 2007 (13) (minn hawn ’il quddiem “Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza 2008”). Skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza 2008 meta jiġi stabbilit il-marġini tar-riskju l-klassifikazzjoni (affidabbiltà kreditizja) tal-kumpaniji kkonċernati u l-kollateral disponibbli għandhom jiġu kkunsidrati. Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni, li l-klassifikazzjoni tal-kumpaniji prinċipali FMG u LH kienet rilevanti għall-każ inkwistjoni. Fil-valutazzjoni preliminari tagħha l-Kummissjoni ddikjarat li fid-dawl tal-klassifikazzjonijiet taż-żewġ kumpaniji, jidher li r-rati tal-imgħax għas-self kienu aktar baxxi mir-rati tal-imgħax li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza 2008.

(28)

Il-kundizzjonijiet li skonthom ingħata s-self Nru. 1, 5, 6, 7, 9, 10, 16, 17, 20, 21 u 23, jidhru għalhekk aktar vantaġġużi mill-valur referenzjarju, li ġie stabbilit mill-Kummissjoni għall-imgħax tas-suq fl-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza 2008.

(29)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tesprimi d-dubji tagħha dwar l-imputabbiltà tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat. Jidher li għas-self mogħti minn BayernLB u LfA ma kienx hemm bżonn l-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi.

2.2.2.   Ftehim dwar l-użu tal-ħbula tal-art bejn FMG u Immo T2

(30)

Fit-30 ta’ Marzu 2000 FMG u Immo T2 ikkonkludew ftehim, li bih FMG tat lil Immo T2 id-dritt li tuża l-ħbula tal-art Nru 4935/3 u 4881 li għandhom erja ta’ madwar 170 000 m2 u li hemm jibnu t-Terminal 2.

(31)

Bħala kumpens, Immo 2 tħallas kera annwali ta’ […] flimkien mal-VAT (madwar […] EUR) għad-drittijiet esklużivi ta’ użu. Din il-kera titħallas erba’ darbiet fis-sena b’differiment mill-bidu tal-operat ta’ Terminal 2. Biex jiġu kkunsidrati l-bidliet fil-prezzijiet tal-proprjetà immobbli u r-rati tal-imgħax, l-ammont tal-kera annwali jiġi rivedut wara […] snin u jekk ikun hemm bżonn jiġi aġġustat.

(32)

It-tul tal-ftehim huwa stabbilit għal […] snin. […]

(33)

Fir-rigward tal-ftehim dwar l-użu tal-ħbula tal-art, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-kirja mħallsa minn Immo T2 lil FMG għall-ħabel tal-art li fuqu nbena Terminal 2 kienet prezz tas-suq.

(34)

Il-Kummissjoni esprimiet ukoll id-dubji tagħha dwar l-imputabbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni dwar jekk il-partijiet pubbliċi interessati ta’ FMG ipparteċipawx fil-konklużjoni tal-ftehim dwar l-użu tal-ħbula tal-art.

2.2.3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna possibbli lill-kumpaniji T2 mas-suq intern

(35)

Il-Kummissjoni evalwat jekk il-kirja msemmija fil-premessa 31 u s-self imsemmi fil-premessa 19 kinux kompatibbli mas-suq intern, sakemm dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Jidher li s-self Nri. 16, 17, 20, 21 u 23, b’mod partikolari, jikkostitwixxi għajnuna operattiva, u li huwa improbabbli li dan huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 107(2) u (3) tat-TFUE biex jiġi kkunsidrat bħala eċċezzjoni għall-projbizzjoni ġenerali fuq l-għajnuna mill-Istat.

3.   IL-KUMMENTI TAL-ĠERMANJA

3.1.   AMBITU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI U L-KUNĊETT TAL-ATTIVITÀ EKONOMIKA TAL-KUMPANIJI T2.

(36)

L-ewwel nett il-Ġermanja tat l-opinjoni tagħha dwar il-kunċett tal-attività ekonomika tal-kumpaniji T2 u l-applikabbiltà tal-Artikolu 107 (1) tat-TFUE għalihom, kif ġie interpretat qabel is-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’Aéroports de Paris  (14).

(37)

Il-Ġermanja nnutat li BayernLB li aktar tard assumiet ir-rwol ta’ bank ewlieni għas-self inkwistjoni, fit-2 ta’ Diċembru 1998 kienet diġà ħadet impenn ta’ self vinkolanti għall-finanzjament tal-kumpaniji T2. Il-Ġermanja kompliet tiddikjara li l-kundizzjonijiet ta’ KfW, LfA u BayernLB biex jingħata s-self kollu kienu bbażati fuq dan l-impenn, li għaldaqstant stabbilixxa l-kundizzjonijiet tal-ftehimiet ta’ self li diġà kienu ġew konklużi. Il-kundizzjonijiet għas-self Nri. 5, 6 u 7 kienu stabbiliti b’mod irrevokabbli fil-ftehim dwar is-self tal-31 ta’ Awwissu 1999 u l-kundizzjonijiet għas-self Nri. 1, 9, 10, 16, 21 u 23 kienu stabbiliti fil-ftehim dwar is-self tat-13 ta’ Settembru 2000. Iż-żewġ ftehimiet dwar is-self kienu diġà konklużi b’mod irrevokabbli qabel ma ngħatat is-sentenza fil-każ Aéroports de Paris. Barra minn hekk, il-ftehim dwar l-użu tal-ħbula tal-art kien iffirmat fit-30 ta’ Marzu 2000 jiġifieri qabel ma ngħatat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-każ Aéroports de Paris.

(38)

Għaldaqstant, il-konformità tal-marġini tar-riskju mal-kundizzjonijiet tas-suq tista’ tiġi vvalutata biss skont il-kundizzjonijiet applikabbli f’dak iż-żmien partikolari. Barra minn hekk, dak iż-żmien l-operat u l-bini tal-ajruport ma kinux meqjusa bħala attività kummerċjali, minħabba li l-ajruporti ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

3.2.   IN-NATURA TAL-GĦAJNUNA TAS-SELF MOGĦTI LILL-KUMPANIJI T2

3.2.1.   Il-konformità mas-suq tas-self mogħti mill-bank

(39)

Fir-rigward tas-self mogħti lill-kumpaniji T2, fl-ewwel post il-Ġermanja tat opinjoni dwar qafas adattat biex isir eżami tal-konformità mas-suq tas-self. Il-Ġermanja tirrifjuta li tali eżami jsir skont l-Avviż tal-Kummissjoni tal-2005. Mhuwiex xieraq li r-rati tal-imgħax ġenerali tas-self individwali mogħti lill-kumpaniji T2 jitqabblu mar-rati tal-mgħax ta’ referenza tal-Kummissjoni. Minflok għandhom jiġu kkunsidrati l-marġini tar-riskju u jitqabblu ma’ valur referenzjarju tas-suq adattat. Ir-rata tal-imgħax ta’ bażi tvarja minn jum għal jum u l-partijiet ma għandhomx setgħa jinfluwenzawha. Għalhekk, minflok il-Kummissjoni għandha tuża dejta tas-suq ta’ referenza bħala valur referenzjarju għall-marġini tar-riskju, minħabba li l-kredituri privati ma jikkunsidrawx il-marġini msemmija fl-Avviż tal-Kummissjoni tal-2005 meta jiġu biex jikkonkludu ftehim dwar is-self. Barra minn hekk, il-Ġermanja argumentat li bil-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta' Referenza 2008, ġiet irrikonoxxuta l-inadegwatezza tal-Avviż tal-Kummissjoni tal-2005, minħabba li l-Komunikazzjoni l-ġdida tikkunsidra l-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju kif ukoll il-kollateral mogħti.

(40)

Fid-dawl ta’ dan, m'hemmx bżonn li l-Ġermanja tuża l-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta' Referenza 2008, minħabba li l-Kummissjoni għandha tibbaża l-eżami tagħha fuq valuri referenzjarji tas-suq meta tkun disponibbli dejta tas-suq ta’ referenza. Jekk ma jsirx dan, il-kompetittività tal-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ kreditu tiġi pperikolata, minħabba li fl-aħħar mill-aħħar il-kundizzjonijiet konkreti jkunu jistgħu jiġu ffisati biss skont ir-rata tal-mgħax ta’ referenza tal-Kummissjoni u mhux aktar skont il-kundizzjonijiet reali tas-suq.

(41)

Barra minn hekk, il-Ġermanja targumenta li kundizzjonijiet għas-self mogħti inkwistjoni huma spjegati permezz tal-klassifikazzjoni tassew tajba u l-affidabbiltà kreditizja għolja ta’ FMG u LH. F’dan ir-rigward, l-eżami tal-affidabbiltà kreditizja għandu jsir fil-livell ta’ FMG u LH, minħabba li fil-każ preżenti ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment tal-profitt u t-telf bejn il-kumpanija sussidjarja u l-kumpanija prinċipali, in-norma assoluta fil-prattika bankarja hija li tiġi kkunsidrata biss l-affidabbiltà kreditizja tal-kumpaniji prinċipali.

(42)

Il-Ġermanja tinnota li l-aġenzija tal-klassifikazzjoni Standard & Poor’s ikklassifikat lil LH bħala BBB+ (15) mis-sena 2001 sas-sena 2003. FMG jopera bħala kumpanija b'sjieda purament pubblika bl-ebda kalssifikazzjoni tal-kumpanija esterna. Il-Ġermanja tqabbel is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FMG ma’ dik tal-Ajruport ta’ Schiphol, li wkoll għandu sjieda kompletament pubblika u li ngħata klassifikazzjonijiet mill-aġenzija ta' klassifikazzjoni Standard & Poor's bejn A (16) u AA (17). Barra minn hekk, fl-2006 FMG ingħata kreditu ssindikat u mhux assigurat ta’ […] EUR mingħand konsorzju internazzjonali li kien magħmul minn 21 bank pubbliku u kif ukoll privat. Fil-memorandum inkwistjoni, FMG ingħata klassifikazzjoni ta’ […] (18).

(43)

Il-Ġermanja ddikjarat li b’kuntrast mal-kreditu ssindikat mogħti lil FMG, għas-self inkwistjoni ngħata kollateral sostanzjali. Ta’ min jinnota li flimkien mal-kollateral imsemmi fid-deċiżjoni ta’ ftuħ anki […] inżamm bħala kollateral tas-self. Dan ifisser li għas-self inkwisjoni jkun adattat marġini ta’ riskju jerġa’ aktar baxx milli għall-kreditu ssindikat, li l-marġini għalih huwa bejn […] u […] bp.

(44)

Il-Ġermanja kompliet tispjega li barra l-kollateral imsemmi fil-premessa 40 u l-premessa 45 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, ma ngħatax kollateral ieħor. Skont il-Ġermanja, fil-31 ta’ Diċembru 2002 it-total […] kien ilaħħaq għal […] EUR u t-total tad-djun korrispondenti kien ilaħħaq għal […] EUR. Il-Ġermanja kompliet tispjega li t-total tal-kollateral […] żdied għal […] EUR u l-valur tad-djun korrispondenti laħħaq […] EUR. La FMG u lanqas LH u l-partijiet interessati ta’ FMG ma pprovdew garanziji addizzjonali.

(45)

Fir-rigward tal-paragunabbiltà tal-kundizzjonijiet għas-self mogħti inkwistjoni mal-ħruġ tal-bonds mid-Deutsche Telekom AG, Bayer AG, Volkswagen AG u Deutsche Börse AG, il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji turi li s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom hija paragunabbli għalkollox ma’ dik ta’ FMG u LH. Il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji skont il-Ġermanja tidher miġbura f’sommarju fit-Tabella 1 hawn taħt:

Tabella 1

Il-klassifikazzjonijiet tal-kumpaniji ta’ referenza mogħtija mil-Ġermanj

Kumpanija

Klassifikazzjoni (fit-tul) Standard & Poor’s

Klassifikazzjoni (fit-tul) Moody’s

Deutsche Telekom AG

BBB+

Baa1

Bayer AG

A–

A3

Volkswagen AG

A–

A3

Deutsche Börse AG

AA

m.a.

(46)

Il-Ġermanja tkompli tiffoka fuq il-marġini tar-riskju medju (f’punti bażiċi) għall-bonds korporattivi fiż-żona euro li għandhom klassifikazzjoni bejn AA u BBB (skont Standard & Poor’s), kif jidher f’sommarju fit-Tabella 2:

Tabella 2

Marġini tar-riskju medju f’(pb) għall-bonds korporattivi fiż-żona euro

Perjodu

AA

A–

BBB+

1997 – 2007

15,6

38,6

83,3

1997 – 3/2005

17,4

40,8

89,4

1997 – 2000

5,0

19,5

47,4

(47)

Il-Ġermanja targumenta li t-Tabella 2 turi li tul iż-żmien il-marġini tar-riskju jkunu volatili ħafna u li għaldaqstant mhuwiex aċċettabbli li jintużaw marġini tar-riskju li kienu applikabbli biss f’xahar partikolari, sabiex tinsilet konklużjoni dwar jekk il-marġini tar-riskju għas-self inkwistjoni kinux stabbiliti taħt kundizzjonijiet normali tas-suq.

3.3.   IL-KUNDIZZJONIJIET TAL-FTEHIM TAL-UŻU TAL-ĦBULA TAL-ART TAT-30 TA’ MARZU 2000

(48)

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ftehim dwar l-użu tal-ħbula tal-art li ġie ffirmat fit-30 ta’ Marzu 2000, il-Ġermanja targumenta li paragun mal-prezz li ġeneralment jitħallas għal kull ħabel art fl-inħawi tal-Ajruport ta’ Munich juri li l-kirja mħallsa minn Immo T2 f’kull każ hija ogħla mill-valur tas-suq ta’ referenza.

(49)

Il-Ġermanja tiddikjara li l-kirja annwali ta’ […] DEM (madwar […] EUR) kienet stabbilita abbażi tal-parametri li ġejjin:

a)

daqs tal-ħabel tal-art ta’ 170 000 m2;

b)

prezz inizjali għal kull metru kwadru ta’ […] DEM (madwar […] EUR) kif ukoll

c)

rata tal-imgħax annwali fuq dan il-prezz għal kull metru kwadru ta’ […].

(50)

Il-Ġermanja hija tal-opinjoni li l-prezz għal kull metru kwadru ta’ […] DEM (madwar […] EUR) huwa prezz tas-suq għar-raġunijiet li ġejjin.

(51)

L-ewwel nett huwa neċessarju li biex tistabbilixxi l-prezz tas-suq ta’ ħabel art, tqabbel il-valur ta’ ħbula art simili partikolarment fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu żviluppati, il-pożizzjoni u kemm jista’ jsir żvilupp. L-artijiet inkwistjoni setgħu ġew żviluppati fl-2000 meta ġie konkluż il-kuntratt, iżda dawn ma ġewx żviluppati. Biex jiġi stabbilit il-prezz tas-suq għall-użu tal-ħbula tal-art inkwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-kostijiet tal-iżvilupp li jidhru fit-Tabella 3. Dawn il-kostijiet imħallsin mill-finanzi ta’ Immo T2 stess, kieku kellhom jiġġarbu minn sid l-art stess.

Tabella 3

Ħarsa ġenerali lejn il-kostijiet ta’ investiment fl-infrastruttura ffinanzjati minn Immo T2

Miżuri/ Investimenti eżegwiti ffinanzjati minn Immo T2

f’EUR miljuni

Toroq u pontijiet

[…]

Trasport pubbliku lokali

[…]

Xogħlijiet ta’ kanalizzazzjoni (Provvista tal-enerġija u tal-ilma, rimi tad-drenaġġ, telekomunikazzjoni, eċċ.)

[…]

Provvista tal-enerġija

[…]

Konnessjonijiet tal-ilma u tad-drenaġġa

[…]

Telekomunikazzjoni

[…]

Total

[…]

(52)

Abbażi tal-kostijiet reali tal-investiment imġarrbin minn Immo T2, il-valur ta’ ħabel art jiżdied b’madwar […] EUR/m2 għal total globali ta’ madwar […] EUR/m2. Jekk it-toroq u l-pontijiet iffinanzjati minn Immo T2 ma jiġux ikkunsidrati, il-valur ta’ ħabel art xorta jitla’ għal madwar […]EUR/m2.

(53)

Il-Ġermanja tkompli tispjega li dan il-kalkolu jsir biss biex jiġi stabbilit valur referenzjarju tal-valur ta’ ħabel art ma’ ħbula oħra tal-art. Fil-kalkolu tal-kirja l-valur tal-ħabel tal-art baqa’ […] EUR/m2, minħabba li l-kostijiet tal-iżvilupp kienu mġarrbin minn Immo T2 minflok minn sid l-art. Inkella Immo T2 kienet iġarrab spiża doppja.

(54)

Barra minn hekk, il-Ġermanja tinnota li l-ħabel art fil-muniċipalità ta’ Oberding jinsab fid-distrett ta’ Erding. Il-valur għall-ħbula tal-artijiet żviluppati li jinsabu fiż-żona industrijali fil-viċinat immedjat tal-ajruport fi Schwaig li jagħmel parti mill-muniċipalità ta’ Oberding, baqa’ l-istess fl-aħħar snin bi prezz ta’ […] EUR/m2. Din l-osservazzjoni ġiet ivverifikata mill-Grupp ta’ Evalwazzjoni Indipendenti tal-Valur tal-Ħbula tal-Art tal-Uffiċċju tad-Distrett Rurali ta’ Erding.

(55)

Il-Ġermanja madankollu hija tal-opinjoni li l-prezz ta’ […] EUR/m2 għandu jiġi aġġustat għal darba oħra. L-ewwel nett, il-prezz ta' ħabel art simili għandu jiżdied b’madwar […] % jew […] EUR/m2. Għaldaqstant, il-prezz simili jiżdied għal […] EUR/m2.

(56)

It-tieni nett, il-pożizzjoni ta’ ħabel art għandha influwenza deċiziva fuq il-valur tiegħu. L-erja ta’ Terminal 2 hija differenti mill-erja simili fi Schwaig minħabba li għandha konnessjoni diretta mal-ajruport, l-awtostrada, il-ferrovija ta’ taħt l-art (S-Bahn) u trasport pubbliku lokali ieħor. Biex dawn il-vantaġġi ekonomiċi jiġu kkunsidrati, il-prezz għandu jerġa’ jiżdied b’madwar […] % jew […] EUR/m2 skont l-istimi mogħtija mill-esperti. Għaldaqstant, il-prezz ta’ referenza jiżdied minn […] EUR/m2 għal […] EUR/m2.

(57)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-valur tal-ħbula tal-art inkwistjoni, meta wieħed jikkunsidra l-kostijiet tal-iżvilupp imġarrbin minn Immo T2 (minbarra l-kostijiet tal-pontijiet u t-toroq) huwa tal-inqas […] EUR/m2. Għaldaqstant, il-valur tal-ħbula tal-art inkwistjoni huwa tal-inqas […] % aktar mill-prezz simili. Għaldaqstant, il-ftehim dwar l-użu tal-ħbula tal-art ġie konkluż b’kundizzjonijiet normali tas-suq u ma jinkludi l-ebda element ta’ għajnuna mill-istat.

(58)

Fl-aħħar nett, il-Ġermanja hija tal-opinjoni li dawn il-valuri simili kollha jikkorrespondu għall-bejgħ tal-ħbula tal-art, jiġifieri dawn huma prezzijiet li bihom isir trasferiment tas-sjieda. Min-naħa l-oħra, il-ftehim inkwistjoni jikkonċerna s-sempliċi permess tal-użu tal-ħabel tal-art għal perjodu partikolari (ta’ […] snin) mingħajr trasferiment tas-sjieda. Waqt in-negozjati, LH użat dan il-fattur bħala ġustifikazzjoni għall-ħlas ta' kirja aktar baxxa. Madankollu, minħabba “r-regola ta’ riverżjoni doppja” li tinsab fil-ftehim, Immo T2 ma tistax takkwista s-sjieda tal-bini tat-terminal jew il-ħabel art li fuqu dan inbena.

(59)

Fid-dawl ta’ dan il-fatt, il-Ġermanja hija tal-opinjoni li l-kirja mħallsa għall-użu ta’ dawn iż-żewġ ħbula art hija ogħla mill-prezz normali tas-suq għall-akkwiżizzjoni tagħhom u għaldaqstant ma tinkludi l-ebda element ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

4.   IL-POŻIZZJONI TAL-PARTI TERZA: RYANAIR

(60)

Il-Kummissjoni rċeviet biss il-pożizzjoni ta' Ryanair fir-rigward tad-deċiżjoni ta' ftuħ. Fl-opinjoni ta’ Ryanair, l-argument tal-Ġermanja li l-ftehim fir-rigward ta’ Terminal 2 seta’ ottimizza l-użu tal-ajruport kien wieħed bla bażi. Ryanair qalet ukoll li l-Kummissjoni messha eżaminat ukoll id-diviżjoni tas-sjieda bejn Immo T2 u l-Kumpanija Operazzjonali T2.

(61)

Fir-rigward tas-self mill-bank, Ryanair targumenta li l-premium ta’ riskju ta’ 75 pb mhux adegwat. Ryanair targumeta wkoll li l-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet il-fatt li l-kumpaniji T2 huma kumpaniji li ġew stabbiliti reċentement b’għanijiet speċjali u mingħajr storja ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, li FMG huwa tassew dipendendi fuq l-istrateġija kummerċjali ta’ LH, li LH topera fuq bażi tal-kostijiet relattivament għolja u marġini operattiv żgħir fl-industrija tal-ajru li hija ċiklika, għandha kapital intensiv u kkaratterizzata minn prezzijiet kompetittivi u li l-kollateral li normalment jintalab mill-banek evidentement ma ngħatax. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, għandu jiġi applikat premium tar-riskju ogħla.

(62)

Ryanair għandha suspett li l-Ġermanja setgħet żammet xi informazzjoni dwar il-garanziji li l-Istat offra lill-banek. Ryanair tikkonkludi li l-fatt li l-banek kredituri rriżervaw id-dritt li jtemmu l-ftehim tagħhom dwar is-self mal-kumpaniji T2 jekk ċerti awtoritajiet pubbliċi jitilfu l-kontroll ta’ FMG, jissuġġerixxi li dan is-self ingħata b’rabta ma' garanziji impliċiti jew espliċiti mogħtija mill-entitajiet pubbliċi responsabbli mill-kumpaniji T2. F’dan l-isfond, Ryanair hija tal-opinjoni li r-rati tal-mgħax mitlubin mill-banek huma aktar baxxi milli kieku jkunu taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, u li għandu jiġi vverifikat jekk il-kumpaniji T2 ħallsux rimunerazzjoni adegwata għall-garanzija.

(63)

Fir-rigward tal-kirja tal-ħabel art li fuqu nbena Terminal 2, Ryainair innutat li għalkemm it-terminal beda jopera għall-ewwel darba f’Ġunju 2003, Immo T2 kienet ilha tuża l-art minn Marzu 2000. Għaldaqstant, Ryanair hija tal-opinjoni li Immo T2 setgħet tuża l-ħabel art għal tliet snin u tliet xhur mingħajr ħlas. Ryanair tkompli targumenta li intervall ta’ […] snin bejn żewġ eżamijiet (u għaldaqstant aġġustamenti) tal-kirja, huwa twil wisq u ta’ vantaġġ għall-kerrej.

(64)

Fir-rigward tal-aċċess ugwali għall-infrastruttura, Ryanair targumenta li s-sħab ta’ LH Star Alliance ukoll gwadanjaw mill-għajnuna. Fl-opinjoni ta’ Ryanair l-aċċess preferenzjali għas-sħab ta’ Star Alliance mogħti minn FMG huwa partikolarment vantaġġjuż, filwaqt li FMG prattikament ma tiggwadanja xejn minnu. Ryanair ma taqbilx mad–dikjarazzjoni li m’hemmx differenza kwalitattiva bejn Terminal 1 u 2, fost l-oħrajn minħabba li l-kapaċità, il-pożizzjonijiet tal-parkeġġ, l-erja u l-pożizzjonijiet tat-terminals huma akbar f’Terminal 2 milli f’Terminal 1. Huwa prevedibbli li fil-futur Terminal 1 se jesperjenza konġestjonijiet aktar faċilment minn Terminal 2. Skont Ryanair jidher li LH ma tħallasx tariffi addizzjonali għal dan it-trattament preferenzjali mogħti minn FMG. Finalment, Ryanair tenfasizza l-effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni fin-Nofsinhar tal-Ġermanja.

5.   IR-RISPOSTA TAL-ĠERMANJA GĦALL-POŻIZZJONI TA’ RYANAIR

(65)

Fir-risposta tagħha għall-pożizzjoni ta' Ryanair fir-rigward tad-deċiżjoni ta' ftuħ, fl-ewwel post il-Ġermanja tindirizza l-effetti ta’ għajnuna eżistenti possibbli f’dan il-każ fuq is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ Ryanair. Anki jekk issir il-preżunzjoni, li fil-każ preżenti ngħatat l-għajnuna, din l-għajnuna ma xxekilx b’mod essenzjali l-pożizzjoni kompetittiva ta’ Ryanair fis-suq. Immo T2 hija biss kumpanija azzjonarja tal-proprjetà immobbli, li tikri l-ħbula tal-art, li fuqhom inbena Terminal 2, li hija kriet lill-kumpanija operazzjonali T2. Il-kumpanija operazzjonali T2 hija kumpanija, li tikri Terminal 2, toperah u tissullokah lil kerrejja individwali. Għaldaqstant, iż-żewġ benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna joperaw fi swieq totalment differenti minn dak li topera fih Ryanair. Il-fatt biss li LH għandha ishma fil-kumpaniji T2, ma joħloqx rabta kompetittiva bejn LH u Ryanair.

(66)

Il-Ġermanja tkompli billi tgħid li ftehim fir-rigward ta’ Terminal 2 ippermetta tabilħaqq li jkun hemm ottimizzazzjoni tal-użu tal-ajruport. Il-Ġermanja ma taċċetta l-ebda kritika fir-rigward tad-diviżjoni tas-sjieda tal-kumpaniji T2. Id-diviżjoni fis-sjieda hija konsistenti mal-kapital investit minn FMG u Lufthansa, rispettivament, u d-diviżjoni tar-riskju. Il-Kummissjoni taċċetta din il-prattika u tikkonferma li l-ftehim huwa konsistenti mal-kundizzjonijiet tas-suq. Il-Ġermanja tkompli tispjega li ma kienx neċessarju li jkun hemm sanzjonijiet biex jiżguraw li LH taqdi l-obbligi tagħha fir-rigward tat-twaqqif ta’ hub fl-ajruport, minħabba li hija għandha responsabbiltà għar-riskji kummerċjali marbutin mal-operat ta' Terminal 2.

(67)

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ Ryanair dwar l-eżami tal-finanzjament mogħti bħala self, il-Ġermanja tosserva li l-premium tar-riskju ta’ 75 pb, li l-Kummissjoni użat bħala bażi fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tagħha skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2005, ikun adattat biss meta l-kumapniji jsibu ruħhom f’diffikultà jew meta ma jkunux f’pożizzjoni li jipprovdu kollateral adegwat. Hawnhekk ma teżisti l-ebda waħda miż-żewġ sitwazzjonijiet, minħabba li m’hemmx riskju ta' kreditu straordinarju involut.

(68)

Fir-rigward tal-osservazzjonijiet ta’ Ryanair dwar il-kundizzjonijiet tal-ftehim dwar l-użu tal-ħbula tal-art, fl-ewwel post il-Ġermanja tispjega għaliex Immo T2 ma ħallsitx kera għat-tliet snin u tliet xhur, li matulhom kien qed jinbena Terminal 2. Il-Ġermanja tikkonferma li matul il-perjodu ta’ bini, ma tħallsitx kera għall-użu tal-ħbula tal-art minn Immo T2. Il-ftehim inkwistjoni għandu jiġi kkunsidrat fl-intier tiegħu, b’kunsiderazzjoni wkoll tal-ħlasijiet li saru wara l-bini ta’ Terminal 2, li paċew in-nuqqas ta’ ħlas ta’ kirja tul l-ewwel tliet snin u tliet xhur. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-kumpaniji T2 ma ngħatawx il-possibbiltà li jakkwistaw il-ħbula tal-art. Fir-rigward tad-dubji ta’ Ryanair dwar l-adegwatezza tal-perjodu ta’ 10 snin biex isir aġġustament, il-Ġermanja kienet diġà tat prova li r-rati ta’ mgħax huma ogħla mill-valur tas-suq; dan il-fatt huwa deċiżiv.

(69)

Barra minn hekk, il-Ġermanja tisħaq mill-ġdid li ż-żewġ Terminals jikkorrespondu għal xulxin fir-rigward ta’ kwalità. L-argumenti kwantitattivi li ġabet qabel Ryanair mhumiex rilevanti. Jeżistu differenzi bejniethom billi Terminal 1 huwa maħsub għal trasport minn punt għal punt, filwaqt li Terminal 2 inbena bħala hub u għalhekk huwa akbar. Madankollu, fir-rigward ta’ kwalità Terminal 1 mhuwiex inferjuri. Id-dikjarazzjoni ta’ Ryanair li Terminal 1 jesperjenza konġestjonijiet aktar faċilment mhix korretta: Attwalment, tintuża biss 66 % tal-kapaċità ta’ Terminal 1, filwaqt li Terminal 2 jopera bi kważi l-kapaċità kollha tiegħu (90 %).

(70)

Finalment, il-Ġermanja tiddikjara li dan il-każ ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet li l-operat ta’ ajruport internazzjonali ġie kkunsidrat għall-ewwel darba bħala attività ekonomika meta ngħatat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-każ Aéroports de Paris.Konsegwentement, il-miżuri introdotti qabel din id-data jikkostitwixxu għajnuna eżistenti fit-tifsira tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nr. 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (19). Il-Ġermanja tkompli billi tgħid li l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 u għaldaqstant il-Kummissjoni ma għandha l-ebda dritt ta’ skrutinju fir-rigward ta’ dawn il-miżuri.

(71)

Finalment, il-Ġermanja hija tal-opinjoni li s-sentenza rilvanti għal dan il-każ mhijiex dik tal-Qorti Ġenerali tas-sena 2000, iżda hija dik finali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 2002. Is-sentenza tal-aħħar biss solviet il-kwistjoni definittivament u ħolqot ċertezza legali.

6.   VALUTAZZJONI: GĦAJNUNA EŻISTENTI GĦALL-KUMPANIJI T2

(72)

L-Artikolu 107(1) TFUE jiddikjara li “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(73)

Il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107 (1) tat-TFUE huma kumulattivi. Il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 (1), jekk il-kriterji kollha f’(a) sa (d) jiġu ssodisfati. L-għotja finanzjarja

a)

tingħata mill-Istat jew permezz ta’ sorsi tal-Istat,

b)

tippreferixxi lil kumpanija jew settur tal-produzzjoni partikolari,

c)

toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, u

d)

taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.   IS-SELF MOGĦTI LILL-KUMPANIJI T2

6.1.1.   L-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-finanzjament tal-infrastruttura tal-ajruporti

(74)

Sa ftit żmien ilu, l-iżvilupp tal-ajruporti ħafna drabi kein ikun iddeterminat minn kunsiderazzjonijiet ta’ ppjanar purament territorjali jew, f’ċerti każijiet, rekwiżiti militari. L-operat tal-ajruporti kien organizzat bħala parti mill-administrazzjoni pubblika, mhux bħala kumpanija kummerċjali. Barra minn hekk, kien hemm ftit li xejn kompetizzjoni bejn l-ajruporti u bejn l-operaturi tal-ajruporti u din żviluppat gradwalment. B’dan l-isfond, il-finanzjament tal-ajruporti u l-infrastruttura tal-ajruporti mill-Istat kein ikkunsidrat mill-Kummissjoni nnifisha bħala miżura ġenerali ta’ politika ekonomika, li ma setgħetx tiġi kkontrollata skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fit-Trattat (20).

(75)

Din is-sitwazzjoni nbidlet f'dawn l-aħħar snin. Għalkemm dwak il-kunsiderazzjonijiet ta’ ppjanar territorjali u l-istrutturi amministrattivi jista’ jkollhom rwol f’ċerti każijiet, il-maġġoranza tal-ajruporti ġew inkorporati taħt il-liġi kummerċjali sabiex ikunu jistgħu joperaw b’kundizzjonijiet tas-suq f’ambjent li kull ma jmur qed isir aktar kompetittiv. Il-proċess tat-trasferiment fis-settur privat normalment ikun f’forma ta’ privatizzazzjoni jew żieda fil-ftuħ tal-kapital. F'dawn l-aħħar snin kumpaniji b'ishma privati fil-kapital, kif ukoll fondi ta' investiment u pensjonijiet urew interess kbir fl-akkwist tal-ajruporti.

(76)

F’dawn l-aħħar snin, l-industrija tal-ajruporti fl-Unjoni għaddiet minn bidliet organizzazzjonali fundamentali li ma jirriflettux biss l-interess attiv tal-investituri privati fis-settur tal-ajruporti, iżda anki bidla fl-attitudni min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tal-involviment tas-settur privat fl-iżvilupp tal-ajruporti. Dan wassal għal diversità u kumplessità dejjem tiżdied fil-funzjoni tal-ajruporti.

(77)

It-tibdiliet f'dan l-aħħar żmien ikkawżaw ukoll bidla fir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-ajruporti. Filwaqt li fil-passat l-ajruporti kienu spiss ikunu ġestiti bħala intrapriża, sabiex jiġu garantiti l-aċċessibbiltà u l-iżvilupp reġjonali, f'dawn l-aħħar snin l-ajruporti qed isegwu dejjem aktar għanijiet kummerċjali u jinsabu f'kompetizzjoni kontra xulxin fis-settur tat-trasport bl-ajru.

(78)

Minħabba l-iżvilupp gradwali tal-forzi tas-suq f’dan is-settur, mhuwiex faċli li tiġi ddeterminata data li minnha l-operat tal-faċilitajiet tal-ajruport irid jibda jitqies, mingħajr l-ebda dubji, bħala attività ekonomika. Il-każistika tal-Qorti Ġenerali tirrifletti l-bidla fil-funzjonament tal-ajruport.Fis-sentenza fil-każ Aéroports de Paris, il-Qorti Ġenerali sostniet li l-operat ta’ ajruport, inkluż l-għoti ta’ servizzi tal-ajruport lil-linji tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi fl-ajruporti, huwa attività ekonomika minħabba li jikkonsisti mid-disponibbiltà ta' faċilitajiet tal-ajruport lil-linji tal-ajru u d-diversi fornituri tas-servizzi, għal miżata b’rata stabbilita b’mod ħieles mill-maniġer, u meta dan ikun awtorità pubblika, l-attività ma taqax fl-eżerċizzju tas-setgħat uffiċjali tiegħu u tista' tiġi sseparata mill-attivitajiet ta' eżerċizzju ta' tali setgħa (21). Mis-sentenza fil-każ Aéroports de Paris (tat-12 ta’ Diċembru 2000) ma għadux possibbli li l-bini u l-operat tal-ajruporti jiġu kkunsidrati bħala kompiti mwettqa fi ħdan politika pubblika minn amministrazzjoni, li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

(79)

Kif ikkonfermat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha fil-każ Flughafen Leipzig/Halle, mhuwiex possibbli li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti tiġi eskluża a priori, billi l-operat ta’ ajruport huwa attività ekonomika, li minnha l-bini tal-ajruport huwa parti integrali (22). Ladarba operatur tal-ajruport, irrilevanti mill-istatus legali tiegħu jew minn kif jiġi ffinanzjat, iwettaq attività ekonomika, jibda jikkostitwixxi kumpanija fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, u għaldaqstant japplikaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jinsabu fit-Trattat (23).

(80)

Fis-sentenza tagħha fil-każ Flughafen Leipzig/Halle, il-Qorti Ġenerali sostniet ukoll li mis-sena 2000 ma baqax possibbli li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-finanzjament tal-infrastruttura tal-ajruporti tiġi eskluża (24).

(81)

Fid-dawl tal-premessi 74 sa 80, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li qabel is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-każ Aéroports de Paris, l-Istati Membri setgħu jassumu li l-miżuri ta' finanzjament adottati b'mod definittiv qabel is-sentenza fil-każ Aéroports de Paris ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u għaldaqstant ma kienx hemm bżonn li jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tiddubita, abbażi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-miżuri ta’ finanzjament li ġew adottati b’mod definittiv qabel is-sentenza fil-każ Aéroports de Paris.

(82)

Għalkemm il-miżuri ta’ finanzjament li ġew adottati b’mod definittiv qabel ma żviluppat il-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport bl-ajru ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat meta ġew adottati, issa għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(83)

Fir-rigward tal-każ preżenti u s-self mogħti lill-kumpaniji T2 biex jiffinanzjaw il-bini ta’ Terminal 2, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rati ta' interess ġew stabbiliti meta ngħata s-self, jiġifieri d-data li fiha l-flus ingħataw lill-kumpaniji T2.

(84)

Madankollu, tul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Ġermanja spjegat li l-kundizzjonijiet għas-self Nri. 5, 6 u 7 kienu stabbiliti b’mod irrevokabbli fil-ftehim dwar is-self tal-31 ta’ Awwissu 1999 għas-self Nri. 1, 9, 10, 16, 21 u 23 fil-ftehim dwar is-self tat-13 ta’ Settembru 2000, rispettivament. Barra minn hekk, il-Ġermanja pprovdiet evidenza addizzjonali li l-kundizzjonijiet tal-ftehimiet dwar is-self tal-31 ta’ Awwissu 1999 u tat-13 ta’ Settembru 2000 kienu stabbiliti abbażi ta’ impenn ta’ self vinkolanti tat-2 ta’ Diċembru 1998. Il-kundizzjonijiet għal dan is-self ma ġewx emendati minn dakinhar.

(85)

Il-Kummissjoni tinnota li l-kundizzjonijiet għas-self Nri. 1, 5, 6, 7, 9, 10, 16, 21 u 23 kienu stabbiliti b’mod irrevokabbli qabel is-sentenzai fil-każ Aéroports de Paris judgment (jiġifieri qabel it-12 ta’ Diċembru 2000). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li mhix intitolata li teżamina u tiddubita, skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, is-self Nri 1, 5, 6, 7, 9, 10, 16, 21 u 23.

(86)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni legali msemmija fil-premessi 74 sa 82, il-Kummissjoni se tillimita l-valutazzjoni tagħha għas-self 17 u 20, mogħti lill-Kumpanija Operattiva T2 skont il-ftehim dwar is-self supplimentari konkluż fl-2003.

(87)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-Kumpanija Operattiva T2 topera Terminal 2 fuq bażi kumerċjali, billi tikrih lil-linji tal-ajru, lir-ristoranti u lis-sidien tan-negozju għal ħlas ta’ miżata. Għall-finijiet tal-valutazzjoni tas-self Nri. 19 u 20 skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, il-Kumpanija Operattiva T2 għandha, għaldaqstant, titqies bħala kumpanija li twettaq attività ekonomika fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

6.1.2.   Vantaġġ ekonomiku selettiv

(88)

Sabiex tivverifika jekk kumpanija tkunx ibbenefikat minn vantaġġ ekonomiku li jirriżulta minn self mogħti b’kundizzjonijiet preferenzjali, il-Kummissjoni tapplika l-“prinċipju ta' mutwant tal-ekonomija tas-suq”. Skont dan il-prinċipju, is-self li jsir disponibbli għal kumpanija mill-Istat, direttament jew indirettament, f’ċirkostanzi li jikkorrespondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma għandux jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat (25).

(89)

Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni trid teżamina jekk il-kundizzjonijiet għas-self Nri 17 u 20 li ngħata lill-Kumpanija Operattiva T2, jagħtuhiex vantaġġ kompetittiv li l-kumpanija riċeventi ma kinitx tieħu b'kundizzjonijiet normali tas-suq.

(90)

Il-Ġermanja hija tal-opinjoni li l-“prinċipju ta’ mutwant tal-ekonomija tas-suq” kien irrispettat bis-sħiħ, billi s-self Nri. 17 u 20 ingħata b’kundizzjonijiet tas-suq. Biex jiġu ġġustifikati l-kundizzjonijiet għas-self inkwistjoni, il-Ġermanja tqabbel il-finanzjament tal-Kumpanija Operattiva T2 mal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament mogħtija lil Deutsche Telekom AG, Bayer AG, Volkswagen AG u Deutsche Börse AG, kif ukoll mas-self issindikat mogħti lil FMG fl-2006.

(91)

Skont il-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha sabiex tiddetermina jekk il-finanzjament li qed jiġi vvalutat ingħatax b’kundizzjonijiet preferenzjali, il-Kummissjoni tista’, fin-nuqqas ta’ indikaturi ta’ referenza oħra, tqabbel ir-rata tal-interess fuq is-self inkwistjoni mar-rata ta’ referenza tal-Kummissjoni. Ir-rata ta’ referenza tal-Kummissjoni tiġi stabbilita skont il-metodoloġija stipulata fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza 2008.

(92)

Fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza 2008 hemm stabbilit metodu biex jiġu ffissati r-rati ta’ referenza u ta’ skont li jiġu applikati minflok ir-rati tas-suq. Madankollu, minħabba li r-rata ta’ referenza tal-Kummissjoni hija biss valur ta’ referenza, fejn il-Kummissjoni jkollha, f’każ speċifiku ta’ indikaturi oħrajn, ir-rata tal-imgħax li l-mutwatarju seta’ jikseb fis-suq, tista’ tibbaża l-klassifikazzjoni tal-kreditu fuq dawn l-indikaturi.

Il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-Kumpanija Operattiva T2

(93)

Sabiex ikunu jistgħu jitqabblu l-kundizzjonijiet għas-self inkwistjoni mal-valuri ta’ referenza mogħtija mill-Ġermanja, l-ewwel nett il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-affidabbiltà kreditizja tal-Kumpanija Operattiva T2.

(94)

Il-Kumpanija Operattiva T2 ma ġietx klassifikata minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Madankollu, il-Ġermanja targumenta li, minħabba l-ftehimiet dwar it-trasferiment tal-profitt u t-telf konklużi bejn il-Kumpanija Operattiva T2 u LH u FMG bi proporzjon tal-ishma tagħhom, il-klassifikazzjoni tal-kumpaniji prinċipali għandha tiġi kkunsidrata.

(95)

Il-Kummissjoni tosserva li, skont il-liġi Ġermaniża, LH u FMG jibqgħu responsabbli għal kull self imġarrab mill-kumpaniji T2 waqt li kien hemm fis-seħħ il-ftehim dwar it-trasferiment tal-profitt u t-telf, anki jekk sussegwentement il-ftehim jiġi rrevokat.

(96)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-klassifikazzjoni tal-Kumpanija Operattiva T2 għandha tiġi kkunsidrata li tkun tal-anqas il-klassifikazzjoni l-aktar baxxa tal-kumpaniji prinċipali, LH jew FMG, rispettivament.

(97)

LH ingħatat klassifikazzjoni minn Standard & Poor's u Moody's. Meta ngħata s-self Nri. 17 u 20 (Marzu 2005), il-klassifikazzjoni tal-kreditu għal terminu twil mogħtija minn Standard & Poor's lil LH kien BBB u l-klassifikazzjoni mogħtija minn Moody's kienet Baa2; klassifikazzjonijiet li juru li ż-żewġ aġenziji ta’ klassifikazzjoni poġġew lill-kumpanija fl-istess kategorija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu.

(98)

FMG ma ġie klassifikat minn l-ebda aġenzija tal-klassifikazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li l-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza 2008 ma tistipulax li l-klassifikazzjonijiet jingħataw minn aġenzija tal-klassifikazzjoni; is-sistemi użati mill-banek biex jirriflettu r-rati b’default huma daqstant ieħor aċċettati. Il-ftehim dwar is-self issindikat bejn FMG u 21 bank pubbliku u privat, li ġie ffirmat f’Settembru 2006, jiġifieri ftit wara li ngħata s-self Nri. 17 u 20, jindika li l-banek assumew klassifikazzjoni ta’ tal-anqas […] għal FMG.

(99)

Fid-dawl tal-premessi 94 sa 98, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Kumpanija Operattiva T2 tal-anqas għandha l-istess klassifikazzjoni bħal LH, jiġifieri klassifikazzjoni ta’ […].

Valutazzjoni komparattiva tal-kundizzjoni għas-self Nri 17 u 20 mal-valuri ta’ referenza mogħtija mill-Ġermanja

(100)

Il-Kummissjoni tinnota li l-ftehim dwar is-self issindikat ta’ FMG li ġie konkluż fl-2006 ma jistax jintuża bħala referenza għas-self inkwistjoni, minħabba li l-klassifikazzjoni tal-Kumpanija Operattiva T2 tista’ tkun aktar baxxa mill-klassifikazzjoni ta’ FMG. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tas-self Nri. 17 u 20 kienu maqbulin fl-2003, filwaqt li l-ftehim dwar is-self issindikat kien konkluż f’sena differenti.

(101)

Fir-rigward tal-valuri ta’ referenza l-oħra li tat il-Ġermanja, jiġifieri Deutsche Telekom AG, Bayer AG, Volkswagen AG u Deutsche Börse AG, il-Kummissjoni tosserva li dawn jikkostitwixxu biss kampjun ristrett. Barra minn hekk, Deutsche Telekom AG biss għandha klassifikazzjoni simili għal dik tal-Kumpanija Operattiva T2, jiġfieri klassifikazzjoni ta’ BBB+ għal żmien twil minn Standard & Poor's u klassifikazzjoni ta’ Baa1 għal żmien twil minn Moody's. Għandu jiġi nnutat ukoll li kundizzjonijiet għall-finanzjament ta’ Deutsche Telekom AG kienu stabbiliti fi żmien kompletament differenti mis-self inkwistjoni.

(102)

Fid-dawl tal-premessi 100 sa 101 ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Ġermanja ma wettqitx valutazzjoni komparattiva adegwata tas-suq biex tiġġustifika l-kundizzjonijiet tas-self Nri. 17 u 20.

Valutazzjoni komparattiva tal-kundizzjonijiet għas-self Nri. 17 u 20 mal-valuri ta’ referenza tas-suq abbażi ta’ Credit Default Swap Spreads (CDS-Spreads)

(103)

Sabiex jiġi vvalutat jekk is-self Nri. 17 u 20 kinux f’konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq, il-Kummissjoni wettqet ukoll valutazzjoni komparattiva mal-valuri ta’ referenza ta’ suq abbażi ta’ Credit Default Swap Spreads (CDS-Spreads).

(104)

Skont il-metodoloġija sottostanti għall-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza 2008, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li r-rati tal-imgħax fuq is-self jistgħu jitqiesu li huma konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq jekk is-self ikun prezzat b’rata ugwali għal jew ogħla minn rata ta’ referenza stabbilita bil-formula li ġejja:

Formula

(105)

Ir-rata ta’ bażi tirrappreżenta l-kostijiet għall-banek biex jipprovdu l-likwidità (kostijiet ta’ finanzjament). Fil-każ ta’ finanzjament b’rata fissa (jiġifieri r-rata tal-interess tkun stabbilita għat-tul tas-self), huwa xieraq li tiġi ddeterminata r-rata ta' bażi abbażi tar-rati tal-iswaps (26) b’maturità u valuta li jikkorrespondu għall-maturità u l-valuta tad-dejn. Il-marġini tar-riskju jikkumpensa lill-mutwant għar-riskji marbuta mal-finanzjament speċifiku, partikolarment ir-riskju tal-kreditu. Il-marġini tr-riskju jista’ jiġi derivat minn kampjun adegwat ta’ CDS spreads (27) relatati ma’ entitajiet ta’ referenza (pereżempju bonds tal-kumpanija) bi klassifikazzjoni simili għas-self għall-Kumpanija Operattiva T2. Finalment, jidher xieraq li jiżdiedu bejn 10 u 20 punt bażiku bħala approssimazzjoni għall-miżati tal-banek li normalment ikollhom iħallsu l-kumpaniji (28).

(106)

Sabiex tiġi stabbilita l-maturità rilevanti tas-self inkwistjoni, l-amortizzazzjoni tas-self għandu jiġi kkunsidrat. Għal dan il-għan il-Kummissjoni kkalkolat il-ħajja medja peżata (weighted average life (WAL)) tas-self, li tindika n-numru medju ta’ snin li kull euro jibqa’ mhux imħallas. Il-WAL tas-self Nru. 17 ġiet ikkalkolata fuq […] snin u l-WAL tas-self Nru. 20 fuq […] snin.

(107)

Biex tiġi ddeterminata r-rata ta’ bażi tas-self Nru 17, minħabba li l-WAL tiegħu jammonta għal […] snin (li għalihom ir-rati tal-iswap mhumiex disponibbli), il-Kummissjoni użat r-rata tal-iswap f’EUR ta’ sentejn (29) bħala valur ta’ referenza. Għas-self Nru 20 ir-rata tal-iswap f’EUR ta’ ħames snin (30) hija użata bħala l-eqreb approssimazzjoni għall-WAL tiegħu ta’ […] snin. Iż-żewġ rati tal-iswap inkisbu minn Bloomberg għall-ġurnata li s-self ingħata (jiġifieri, it-23 ta' Marzu 2005 Il-valuri tar-rati tal-iswap korrispondenti huma ta’ 2.73 % għas-self Nru. 17 u ta’ 3.28 % għas-self Nru 20 (31).

(108)

Fir-rigward tal-marġini, il-Kummissjoni tinnota li s-self Nru. 17 u Nru. 20 huma tassew kollateralizzati (32). Il-livell tal-kollateralizzazzjoni tas-self fil-31 ta’ Diċembru 2003 kien jammonta għal (il-valur tal-assi kien jammonta għal EUR u l-valur tad-djun korrispondenti kien ta’ EUR […]) fil-31 ta’ Diċembru 2003. Il-prattika tas-suq f’każijiet bħal dawn hija li jżidu l-klassifikazzjoni tal-istrument tad-dejn (il-“klassifikazzjoni tal-ħruġ”) inkwistjoni b’livell wieħed meta mqabbel mal-klassifikazzjoni tal-emittent (33). Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni tal-Kumpanija Operattiva T2 għas-self inkwistjoni għandha tiżdied b'livell wieħed għal klassifikazzjoni ta' (tal-anqas) […].

(109)

Abbażi tad-dejta ta’ Bloomberg, il-Kummissjoni stabbilixxiet kampjuni ta’ referenza bi klassifikazzjoni ta’ […] mill-industriji kollha, minbarra mis-settur governattiv u finanzjarju. Il-kampjun għas-self Nru 17 (ibbażat fuq rati tas-CDS fuq perjodu ta’ tliet snin (34)) jinkludi 29 entità ta’ referenza; il-kampjun għas-self Nru. 20 (ibbażat fuq rati tas-CDS fuq perjodu ta’ ħames snin) jinkludi 38 kumpanija; Is-CDS spreads medji osservati dakinhar li ngħata s-self, kienu ta’ 19 pb għal maturità ta’ tliet snin (35) u 28 pb għal maturità ta' ħames snin (36).

(110)

Dan l-approċċ iwassal għar-rata ta' referenza ta' 3,12 % (37) għas-self Nru. 17 u ta’ 3,76 % (38) għas-self Nru. 20. Is-self Nri. 17 u 20 ingħataw b’rati ogħla mir-rati ta’ referenza kkalkolati (is-self Nru. 17: […] u s-self Nru. 20: […]), u l-Kummissjoni tikkunsidra li din hija indikazzjoni li s-self kien tabilħaqq f’konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq.

(111)

Minħabba r-rabta mill-qrib ta’ LH u l-Kumpanija Operattiva T2, il-Kummissjoni, bħala verifika addizzjonali, osservat il-livell tas-CDS spreads ikkumerċjalizzati f’LH innifisha. Ir-rata tas-CDS ta’ tliet snin (39) għal LH fil-ġurnata li ngħata s-self Nru. 17 kienet ta’ […] pb. Ir-rata tas-CDS fuq perjodu ta’ ħames snin għal LH kienet ta’ […] pb. Sabiex tiġi kkunsidrata l-kollateralizzazzjoni għolja tas-self Nri. 17 u 20, huwa xieraq li r-rati tas-CDS miksubin jiġu aġġustati ’l isfel. Bl-applikazzjoni ta’ fatturi ta’ multiplikazzjoni ta’ 2/3 (40) dan l-approċċ iwassal għal rata ta’ referenza ta’ […] % għas-self Nru. 17 u ta’ […] % għas-self Nru. 20. Dan l-approċċ jipprovdi wkoll indikazzjoni addizzjonali li l-marġini tar-riskju għall-kundizzjonijiet tas-self kien f’konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq.

(112)

Fid-dawl tal-premessi ta’ hawn fuq (103 sa 111), il-Kummissjoni tinnota li s-self Nri. 17 u 20 ingħata b’rata ogħla mir-rati ta’ referenza kkalkolati u għaldaqstant jista’ jitqies bħala konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq.

Eżami tal-kundizzjonijiet tas-self Nri. 17 u 20 fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza 2008

(113)

Billi l-Ġermanja ma pprovdietx valur ta’ referenza, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-kundizzjonijiet tas-self Nri. 17 u 20 abbażi tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza 2008. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi metodu għat-twaqqif ta’ rati ta’ referenza u ta’ skont li jiġu applikati bħala valuri ta’ referenza għar-rati tas-suq.

(114)

Ir-rati ta’ referenza huma bbażati fuq rata ta’ bażi (rata interbankarja offruta għal sena -; IBOR) li magħha jiżdiedu l-marġini ta’ referenza. Il-marġini jvarjaw minn 60 sa 1 000 pb, skont l-affidabbiltà kreditizja tal-kumpanija u l-livell ta’ kollateral offrut. F’ċirkostanzi normali, jingħadd 100 punt bażiku mar-rata ta’ bażi, bil-preżunzjoni li s-self jingħata lil kumpaniji bi klassifikazzjoni sodisfaċenti u kollateral għoli, jew li s-self jingħata lil kumpaniji bi klassifikazzjoni tajba u kollateral normali, jew inkella lil kumpaniji bi klassifikazzjoni soda u bla kollateral.

(115)

F’dan il-każ ir-rata ta’ bażi hija ddefinita bħala l-medja fuq tliet xhur tar-rati EURIBOR (41) għal sena stabbiliti għal Settembru sa Novembru tas-sena preċedenti (2004). Għas-self inkwistjoni, ir-rata ta’ bażi applikabbli tista’ tiġi approssimata għal 2,34 %.

(116)

Il-marġini tar-riskju jiddependi mill-klassifikazzjoni tal-kumpanija inkwistjoni u l-kollateral offrut. Kif ġie nnutat fil-premessa 99, il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-kumpanija T2 tikkorrispondi tal-anqas għal […].

(117)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li s-self inkwistjoni huwa tassew kollateralizzat (jiġifieri LGD inqas minn 30 %), partikolarment bi […] (42). L-LGD aktar baxx minn 30 % huwa bbażat fuq riċevibbli mirhuna u assi mirhuna.Il-Kummissjoni tinnota li l-LGD ġeneral għal self assigurat minn […] jammonta għal madwar 35 % (43) Barra minn hekk, is-self inkwistjoni huwa assigurat bi […], u l-livell ta’ kollateralizzazzjoni tas-self jammonta għal […].

(118)

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza 2008 tistabbilixxi marġini tar-riskju ta’ tal-anqas […] pb, għal mutwatarji bi klassifikazzjoni li tkun tal-anqas […] u b'kolateralizzazzjoni għoli ta’ self. Iż-żieda tar-rata ta’ bażi ta’ 2,34 % u l-marġini tar-riskju ta’ […] pb jagħti rata tal-imgħax ta’ […] %.

(119)

Il-Kummissjoni tinnota li r-rata tal-imgħax fuq is-self Nru. 17 hija stabbilita għal […] u fuq is-self Nru. 20 għal […]. Għaldaqstant, ir-rati tal-imgħax fuq dan is-self huwa ogħla mir-rata ta’ referenza tal-Kummissjoni.

6.1.3.   Konklużjoni

(120)

Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li s-self Nri. 17 u 20 ingħata b’konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq. Il-Kummissjoni tinnota li, fin-nuqqas ta’ vantaġġ ekonomiku mhuwiex neċessarju li jiġi ċċarat jekk il-miżuri humiex imputabbli lill-Istat jew le.

(121)

Billi l-kriterji kumulattivi skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE mhumiex issodisfati, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-self Nri. 17 u 20 ma jinkludix għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

6.2.   FTEHIM DWAR L-UŻU TAL-ĦBULA TAL-ART BEJN FMG U IMMO T2

6.2.1.   Il-kunċetti ta’ kumpanija ul- attività ekonomika

(122)

Kif ġie nnutat fil-premessi 74–81, sa Diċembru 2000 il-klassifikazzjoni legali tal-operat u l-bini tal-infrastrutturi tal-ajruport għall-finijiet tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, kienet għadha mhix ċara. Minkejja li l-kompetizzjoni żviluppat gradwalment fis-settur, il-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu jikkunsidraw dawk l-attivitajiet bħala attivitajiet li jaqgħu fil-qasam tal-politika pubblika, aktar milli bħala attivitajiet ekonomiċi.

(123)

Fir-rigward tal-ftehim dwar l-użu tal-ħbula tal-art bejn FMG u Immo T2, waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Ġermanja ċċarat li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-ħbula tal-art 4935/3 u 4881, kienu maqbulin b’mod irrevokabbli fil-ftehim dwar l-użu tal-art konkluż fit-30 ta’ Marzu 2000.

(124)

Il-Kummissjoni tinnota li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-ħbula tal-art Nr. 4935/3 u 4881, kienu stabbiliti b’mod irrevokabbli qabel is-sentenza tal–każ Aéroports de Paris (jiġifieri qabel it-12 ta’ Diċembru 2000). Konsegwentement, anki jekk il-miżuri kienu jimplikaw vantaġġ, il-Kummissjoni mhix intitolata li teżamina dan il-vantaġġ u tixħet dubji fuqu, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għar-raġunijiet spjegati fit-taqsima 6.1.1 ta’ din id-Deċiżjoni.

7.   KONKLUŻJONI

(125)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li mhix intitolata li teżamina u tixħet dubju fuq, skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, is-self Nri 1, 5, 6, 7, 9, 10, 16, 21 u 23.

(126)

Fir-rigward tas-self Nri. 17 u 20, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li dan is-self ingħata b’kundizzjonijiet tas-suq. Billi l-kriterji kumulattivi skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE mhumiex issodisfati, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-self Nri. 17 u 20 ma jinkludux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(127)

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-ħbula tal-art Nru 4935/3 u 4881, il-Kummissjoni tikkunsidra li mhix intitolata li teżamina u tiddubita l-ftehim dwar l-użu tal-art, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Is-self Nri. 17 u 20 li jammonta għal total ta’ EUR […] u li ngħata skont il-ftehim dwar is-self ta' Lulju 2003 minn KfW Bankengruppe, Bayerische Landesbank u LfA lil FM Terminal 2 Immobilien-Verwaltungsgesellschaft mbH u Terminal 2 Betriebsgesellschaft mbH, ma jikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmula fi Brussell, it-3 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE saru l-Artikoli 107 u 108, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE u l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE huma identiċi fis-sustanza tagħhom. Fil-qafas ta’ din id-Deċiżjoni r-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE, fejn dan ikun xieraq. It-TFUE introduċa wkoll ċerti bidliet terminolioġiċi bħal pereżempju s-sostituzzjoni tat-terminu “Komunità” bit-terminu “Unjoni” u ta’ “Suq Komuni” bit-terminu “Suq Intern”. It-terminoloġija tat-TFUE se tintuża f'dan ir-Regolament kollu.

(2)  ĠU C 5, 10.1.2008, p. 4.

(3)  Dan ir-rikors ġie rreġstrat bħal Każ T-423/07 Ryanair/Kommission (ĠU C 8, 12.1.2008, p 28).

(4)  Ara n-nota 2 ta’ qiegħ il-paġna.

(5)  Każ T-423/07 Ryanair/Kommission, 2011 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġabra tal-Ġurisprudenza).

(6)  FMG hija kumpanija b’responsabbiltà limitata tal-Istat, li topera l-Ajruport ta’ Munich. L-azzjonisti huma l-Istat Ħieles tal-Bavarja (51 %), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (26 %) kif ukoll l-Istat ta’ Munich (23 %)

(7)  LH hija trasportatur globali tal-ajru li ilha elenkata fil-borża tal-Ġermanja mill-1966 u li ġiet kompletament privatizzata fl-1997.

(*)  Informazzjoni kunfidenzjali.

(8)  Il-Grupp bankarju KfW (minn hawn ’il quddiem „KfW“) huwa istituzzjoni stabbilita skont il-liġi pubblika li jappoġġja l-iżvilupp f’diversi oqsma bħal pereżempju l-SMEs, il-ħarsien tal-ambjent u l-infrastruttura. Is-sjieda ta' KfW Bankengruppe hija tal-Istat Federali tal-Ġermanja (80 %) u tal-Länder (20 %). KfW tiffinanzja mill-ġdid in-negozju ta’ self tiegħu fis-swieq kapitali internazzjonali.

(9)  Il-Bayerische Landesbank (minn hawn ’il quddiem „BayernLB“) huwa istituzzjoni stabbilita skont il-liġi pubblika. Fi żmien il-konklużjoni tal-ftehimiet dwar is-self individwali, indirettament permezz ta’ BayernLB Holding AG, diġà kien fi sjieda konġunta bejn l-Istat Ħieles ta’ Bayern u Sparkassenverband Bayern, b’sehem ta’ 50 % għal kull parti. Dak iż-żmien l-Istat Ħieles ta’ Bayern kellu sehem ta’ 94 % minn BayernLB Holding; Sparkassenverband Bayern kellu s-6 % li jifdal.

(10)  LfA Förderbank Bayern (minn hawn ’il quddiem “LfA“) huwa istituzzjoni stabbilita skont il-liġi pubblika li tispeċjalizza fl-iżvilupp ekonomiku ġenerali (inkluża l-infrastruttura lokali) f’Bayern. L-Istat Ħieles ta’ Bayern huwa s-sid esklużiv ta’ din l-istituzzjoni.

(11)  L-ittra tas-17.3.2005.

(12)  ĠU C 88, 12.4.2005, p. 5.

(13)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(14)  Deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs il-Kummissjoni (T-128/98, Ġabra 2000, II-3929) (minn hawn ’il quddiem: Is-Sentenza Aéroports de Paris), ikkonfermata fl-appell tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs il-Kummissjoni (C-82/01P, Ġabra 2002, I-9297) (minn hawn ’il quddiem: Is-Sentenza Aéroports de Paris fuq appell).

(15)  Din il-kategorija ta’ klassifikazzjoni tindika mutwatarju li għandu l-abbiltà adegwata li jissodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu. Madankollu, huwa probabbli li l-iżviluppi kummerċjali u ekonomiċi negattivi jaffettwaw l-abbiltà tal-mutwatarju li jissodisfa l-obbligi finanzjaraji tiegħu.

(16)  Din il-kategorija ta’ klassifikazzjoni tindika mutwatarju li għandu kapaċità tajba li jissodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu, iżda li jiġi affettwat mill-konsegwenzi tal-iżviluppi kummerċjali u ekonomiċi aktar minn mutwatarji li qegħdin f'kategoriji ta' klassifikazzjoni aħjar.

(17)  Din il-kategorija ta’ klassifikazzjoni tindika mutwatarju b’abbiltà tajba ħafna li jissodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu.

(18)  […]

(19)  ĠU. L 83 27.3.1999, p 1.

(20)  Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KE, kif ukoll l-Artikolu 61 tal-Ftehim taż-ŻEE għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-avjazzjoni, ĠU C 350 10.12.1994, p. 5.

(21)  Is-Sentenza fuq appell fil-każ Aéroports de Paris, il-paragrafu 75 b’aktar referenzi

(22)  Is-Sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Flughafen Leipzig/Halle GmbH und Mitteldeutsche Flughafen AG vs il-Kummissjoni (Każ T-443/08 u T-455/08, Ġabra 2011, I-00000, partikolarment il-paragrafi 105 u 106).

(23)  Irreferi b’mod partikolari għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ġunju 2008 fil-KażC 29/08 Flughafen Frankfurt Hahn – Mögliche staatliche Beihilfe zugunsten des Flughafens und die Vereinbarung mit Ryanair (ĠU C 12, 17.1.2009, p. 6), Premessi 204-208; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Marzu 2012 fil-każ C 76/2002 Flughafen Charleroi – Mögliche Beihilfe zugunsten des Flughafens und zugunsten von Ryanair (ĠU C 248, 17.8.2012, p. 1).

(24)  Is-Sentenza fil-każ Flughafen Leipzig/Halle, partikolarment il-paragrafu 106.

(25)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri: l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KEE u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE dwar kumpaniji pubbliċi fis-settur tal-manifattura (ĠU C 307, 13.11.1993, p. 3), il-paragrafu 11. Din il-Komunikazzjoni tittratta s-settur tal-manifattura, iżda hija applikabbli wkoll għal setturi ekonomiċi oħra. Ara s-Sentenza tat-30 ta’ April 1998, Cityflyer vs il-Kommission (T-16/96, Ġabra. 1998, II-757, il-paragrafu 51).

(26)  Ir-rata tal-iswaps hija l-iwal maturità ekwivalenti għar-rata interbankarja (IBOR). Hija użata fis-swieq finanzjarji bħala r-rata ta' referenza biex tiġi stabbilita r-rata tal-iffinanzjar.

(27)  Credit Default Swap (CDS) huwa kuntratt derivattiv ta’ kreditu (kummerċjabbli) bejn żewġ kontropartijiet, il-bejjiegħ tal-protezzjoni u x-xerrej tal-protezzjoni, fejn ir-riskju tal-kreditu jiġi trasferit fuq entità ta’ referenza sottostanti mill-bejjiegħ tal-protezzjoni għax-xerrej tal-protezzjoni. Ix-xerrej tal-protezzjoni jħallas premium kull perjodu sal-maturità tal-kuntratt tac-CDS jew sa meta jkun hemm avveniment ta’ kreditu ddefinit minn qabel lill-entità ta’ referenza sottostanti (liema ħaġa sseħħ l-ewwel). Il-premium perjodiku mħallas mix-xerrej tal-protezzjoni (espress bħala persentaġġ jew f’termini ta’ punti bażiċi tal-ammont protett, il-“valur nozzjonali” jissejjaħ CDS spread. Is-CDS spreads jistgħu jservu ta’ valur ta’ referenza adegwat għall-prezzijiet tar-riskju tal-kreditu.

(28)  Ara pereżepmju Oxera, Estimating the cost of capital for Dutch water companies, 2011 (P. 3) jew id-dejta ta’ Bloomberg-dwar is-sottoskrizzjoni tal-miżati għall-ħruġ tal-bonds. Fil-bqija ta’ din id-Deċiżjoni se tintuża miżata ta’ 20 pb biex tintlaħaq stima konservattiva.

(29)  Bloomberg-Code EUSA2.

(30)  Bloomberg-Code EUSA2.

(31)  Sors: Bloomberg;

(32)  Ara l-paragrafi 24, 25 u 44.

(33)  Ara pereżempju Moody's, Updated Summary Guidance for Notching Bonds, Preferred Stocks and Hybrid Securities of Corporate Issuers (Frar 2007).

(34)  Is-CDS spread għas-self Nru 17 fil-prinċipju għandha tkun daqs il-WAL tas-self ta’ […] snin (approssimata għal sentejn. Madankollu, ma teżistix dejta tas-CDS għal maturità ta’ sentejn fiż-żmien meta ngħata s-self. Għal din ir-raġuni ġew ikkunsidrati CDS spread bil-maturità tas-self (jiġifieri tliet snin). Dan l-approċċ jipprovdi limitu massimu.

(35)  Sors: Bloomberg; Medda interkwartali (il-medda bejn l-ewwel u t-tielet kwartal): 16 sa 29 pb.

(36)  Sors: Bloomberg; Il-medda interkwartali: 23 sa 37 pb.

(37)  Formula

(38)  Formula

(39)  F'dak iż-żmien ma kienx hemm kummerċ tas-CDS f’LH b’maturità ta’ sentejn jew anqas.

(40)  Il-livell tal-kollateral jisita’ jitkejjel bħala t-telf fil-każ ta’ inadempjenza (LGD), li huwa t-telf mistenni f’perċentwal tal-esponiment tad-debitur, b’kunsiderazzjoni tal-ammonti rekuperabbli mill-kollateral u l-assi ta’ insolvenza; għaldaqstant l-LGD huwa proporzjonat b’mod invers mal-valur tal-kollateral. Dan huwa rifless fid-differenza f’LGD bejn il-kategoriji ta’ kollateralizzazzjoni “Għolja” (LGD < 30 %) u dik “Normali” (30 % < LGD < 60 %) stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza 2008

(41)  Ir-Rata Interbankarja Offruta f’Euro (minn hawn ’il quddiem “EURIBOR”) hija rata ta’ referenza ta’ kuljum ibbażata fuq ir-rati ta’ interess medju li bihom il-banek fiż-żona euro joffru li jagħtu fondi mhux assigurati lil banek oħra fis-suq monetarju tal-euro tal-bejgħ bl-ingrossa (is-suq interbankarju).

(42)  […]

(43)  Ara l-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali:Konverġenza Internazzjonali ta’ Kejl tal-Kapital u tal-Istandards tal-Kapital, http://www.bis.org/publ/bcbs128.pdf.