|
27.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 316/39 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-15 ta’ Novembru 2013
li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja biex jestendu l-applikazzjoni ta’ miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 168, 169, 170 u 171 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
(2013/680/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Permezz ta’ ittri rreġistrati mas-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni fit-3 u l-4 ta’ April 2013 rispettivament, id-Danimarka u l-Isvezja talbu l-awtorizzazzjoni biex jestendu l-applikazzjoni ta’ miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 168, 169, 170 u 171 tad-Direttiva 2006/112/KE li tirrikjedi li l-persuni taxxabbli jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jnaqqsu jew jiksbu rifużjoni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fl-Istat Membru fejn tħallset. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittri ddatati t-12 ta’ Ġunju 2013 dwar it-talbiet li saru mid-Danimarka u l-Isvezja. B’ittra datata l-14 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lid-Danimarka u lill-Isvezja li hija kellha l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għall-valutazzjoni tat-talbiet. |
|
(3) |
Dawk it-talbiet għal deroga jikkonċernaw l-irkupru tal-VAT imħallsa fuq pedaġġ għall-użu tal-kollegament fiss ta’ Öresund bejn id-Danimarka u l-Isvezja. Skont ir-regoli tal-VAT fil-post tal-forniment ta’ servizzi relatati ma’ proprjetà immobbli, parti mill-VAT fuq il-pedaġġ għall-kollegament fiss ta’ Öresund hija pagabbli parti lid-Danimarka u parti lill-Isvezja. |
|
(4) |
B’deroga mir-rekwiżit għal persuni taxxabbli li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jnaqqsu jew jirċievu rifużjoni tal-VAT fl-Istat Membru fejn din tkun tħallset, id-Danimarka u l-Isvezja kienu awtorizzati jintroduċu miżura speċjali li tippermetti lil min iħallas it-taxxa jirkupra l-VAT minn amministrazzjoni waħda. L-awtorizzazzjoni ngħatat l-ewwel bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/91/KE (2) u ġiet estiża bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/65/KE (3) u 2007/132/KE (4) |
|
(5) |
Is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali li ġġustifikat dik id-deroga ma nbidlitx u għadha teżisti. Id-Danimarka u l-Isvezja għandhom għalhekk ikunu awtorizzati li japplikaw il-miżura speċjali matul perjodu limitat ieħor. |
|
(6) |
Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikoli 168, 169, 170 u 171 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Isvezja u d-Danimarka huma b’dan awtorizzati li japplikaw il-proċedura li ġejja għar-rifużjoni tal-VAT fuq il-pedaġġ li titħallas għall-użu tal-kollegament fiss ta’ Öresund bejn iż-żewġ pajjiżi:
|
(a) |
persuni taxxabbli stabbiliti fid-Danimarka jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jnaqqsu l-VAT imħallsa meta tintuża parti mill-passaġġ ta’ kollegament stazzjonat fit-territorju Svediż billi jdaħħluha fid-dikjarazzjonijiet perjodiċi li għandhom jiġu ppreżentati fid-Danimarka; |
|
(b) |
persuni taxxabbli stabbiliti fl-Isvezja jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jnaqqsu l-VAT imħallsa meta tintuża parti mill-kollegament stazzjonat fit-territorju Daniż billi jdaħħluha fid-dikjarazzjonijiet perjodiċi li għandhom jiġu ppreżentati fl-Isvezja; |
|
(c) |
persuni taxxabbli li ma huma stabbiliti fl-ebda wieħed mill-Isati Membri msemmijin hawn fuq iridu japplikaw għand l-awtoritajiet Svediżi biex jiksbu rifużjonijiet tal-VAT fuq il-pedaġġ, inkluża dik imħallsa għall-użu tal-parti tal-kollegament li tinsab f’territorju Daniż, skont il-proċedura stipulata fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE (5) jew id-Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE (6). |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka u lir-Renju tal-Isvezja.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
R. ŠADŽIUS
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/91/KE tal-24 ta’ Jannar 2000 li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka u lir-Renju tal-Isvezja japplikaw miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/338/KEE) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-taxxi fuq dħul min negozju (ĠU L 28, 3.2.2000, p. 38).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/65/KE tal-21 ta’ Jannar 2003 li testendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/91/KE li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka u lir-Renju tal-Isvezja biex japplikaw miżura li tidderoga mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (ĠU L 25, 30.1.2003, p. 40).
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/132/KE tat-30 ta’ Jannar 2007 li testendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/91/KE li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja japplikaw miżura li tidderoga mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq il-valur tal-bejgħ (ĠU L 57, 24.2.2007, p. 10).
(5) Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU L 44, 20.2.2008, p. 23).
(6) It-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE tas-17 ta’ Novembru 1986 fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi ta’ ċaqliq ta’ flus — Arranġamenti għar-rifond tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità (ĠU L 326, 21.11.1986, p. 40).