27.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 316/31


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Novembru 2013

li tawtorizza lir-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

(2013/676/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-13 ta’ Marzu 2013, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni għall-estensjoni ta’ miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ provvisti ta’ prodotti tal-injam.

(2)

B’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata 17 ta’ Ġunju 2013 bit-talba tar-Rumanija. Permezz ta’ ittra datata 18 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tevalwa t-talba.

(3)

L-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE jipprevedi li persuna taxxabbli li tipprovdi merkanzija jew servizzi hija, bħala regola ġenerali, responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/583/UE (2) awtorizzat lir-Rumanija biex tapplika miżura ta’ deroga skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tikkunsidra min jirċievi l-prodotti jew servizzi bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fil-każ ta' provvisti ta’ prodotti tal-injam minn persuni taxxabbli.

(5)

Qabel din l-awtorizzazzjoni biex tapplika reverse charge għall-provvisti tal-injam, ir-Rumanija kellha problemi fis-suq tal-injam minħabba n-natura tas-suq u n-negozji involuti. Hemm għadd kbir ta’ impriżi żgħar f'dan is-settur li l-awtoritajiet Rumeni jsibuha diffiċli biex jikkontrollaw. Il-ħatra tar-riċevitur bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT kellha, skont l-awtoritajiet Rumeni, l-effett li tipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa f’dan is-settur u għalhekk tibqa' ġustifikata.

(6)

Il-miżura hija proporzjonata mal-għanijiet segwiti peress li mhijiex maħsuba biex tapplika b'mod ġenerali, iżda biss għal operazzjonijiet speċifiċi ħafna f'settur li jippreżenta problemi konsiderevoli ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

(7)

Il-miżura m’għandhiex, fil-fehma tal-Kummissjoni, ikollha xi impatt negattiv fuq il-prevenzjoni ta' frodi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew f’setturi oħra jew fi Stati Membri oħra.

(8)

L-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata fiż-żmien sal-31 ta’ Diċembru 2016.

(9)

Fl-eventwalità li r-Rumanija teħtieġ estensjoni ulterjuri lil hinn mill-2016, għandu jitressaq rapport flimkien mat-talba għal estensjoni lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2016. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba sa dik id-data, għandha ssir evalwazzjoni dwar jekk id-deroga tibqax ġustifikata jew le.

(10)

Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija hija b’dan awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2016 li tinnomina l-persuna taxxabli li tirċievi l-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

Artikolu 2

Id-deroga stipulata fl-Artikolu 1 għandha tapplika għal provvisti ta’ prodotti tal-injam minn persuni taxxabbli, inklużi siġar għall-produzzjoni tal-injam, injam biex jinħadem fit-tond jew bix-xaqq, injam għall-użu bħala fjuwil, prodotti lesti tal-injam, kif ukoll injam imxellef jew bit-truf kwadri u injam mhux irfinut, u injam proċessat jew nofsu maħdum.

Artikolu 3

Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżura prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2016, u għandha tiġi akkumpanjata b’rapport li jinkludi evalwazzjoni tal-effiċjenza tal-miżura u evalwazzjoni tar-riskju ta’ frodi fis-settur tal-injam.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2010 li tawtorizza lir-Rumanija biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 256, 30.9.2010, p. 27).