19.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 309/27


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta' Lulju 2012

dwar il-miżura SA.23324 – C 25/07 (ex NN 26/07) – il-Finlandja Finavia, Airpro u Ryanair fl-ajruport ta’ Tampere-Pirkkala

(notifikata bid-dokument C(2012) 5036)

(Il-verżjonijiet bil-Finlandiż u l-Isvediż biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/664/UE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fi Frar tal-2005 il-Kummissjoni rċeviet ilment minn Blue1 Oy (“Blue1”), linja tal-ajru Finlandiża li hija parti mill-Grupp SAS. Blue1 allegat fost l-oħrajn, li Ryanair LTD (“Ryanair”) kienet qed tirċievi għajnuna permezz ta’ imposti tal-ajruport aktar baxxi mill-medja fl-ajruport ta’ Tampere-Pirkkala (“l-ajruport ta’ TMP” jew “l-ajruport”)

(2)

Il-Kummissjoni bl-ittri tat-2 ta’ Marzu 2005 u tat-23 ta’ Mejju 2006 talbet lill-Finlandja biex tagħti aktar informazzjoni rigward l-ilment. Il-Finlandja wieġbet bl-ittri tas-27 ta’ April 2005 u tas-27 ta’ Lulju 2006.

(3)

Permezz tal-ittra bid-data tal-10 ta’ Lulju 2007 il-Kummissjoni infurmat lill-Finlandja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (2) (id-deċiżjoni tal-ftuħ) dwar il-ftehim bejn Airpro Oy u Ryanair u l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ prezz baxx minn Finavia u Airpro Oy fl-ajruport ta’ TMP. Il-Finlandja tat il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ nhar it-28 ta’ Novembru 2007.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummisssjoni biex tibda l-proċedura kient ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jagħtu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar is-suġġett minn erba’ partijiet interessati (Ryanair, il-Grupp SAS, Air France u l-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej). Dawn il-kummenti bagħtithom lill-Finlandja permezz tal-ittra tat-13 ta’ Frar 2008. Il-Finlandja bagħtet il-kummenti tagħha fil-15 ta’ April 2008.

(6)

Bl-ittra tal-25 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni. Il-Finlandja wieġbet bl-ittra tal-1 ta’ Lulju 2010. Bl-ittra tal-5 ta’ April 2011 il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni dwar l-iffinanzjar tal-ajruport. Il-Finlandja wieġbet bl-ittra tal-5 ta’ Mejju 2011. Madankollu t-tweġiba tal-Finlandja ma kinitx kompluta. Għaldaqstant il-Kummissjoni bagħtet tfakkira, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistipula r-regoli ddettaljati għall-applilkazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (4). Il-Finlandja wieġbet bl-ittra tal-15 ta’ Ġunju 2011.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI U R-RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA

2.1.   Il-kuntest tal-investigazzjoni

L-ajruport ta’ TMP

(7)

L-ajruport ta’ TMP jinsab f’Pirkkala, 13-il kilometru fil-Lbiċ tal-belt ta’ Tampere fin-Nofsinhar tal-Finlandja. Huwa t-tielet l-akbar ajruport fil-Finlandja (imkejjel skont in-numru tal-passiġġieri, ara t-tabella fil-paragrafu (10)). Minbarra li jiġġestixxi l-avjazzjoni ċivili, l-ajruport iservi ukoll ta’ bażi għall-Forza tal-Ajru Finlandiża.

(8)

L-ajruport ta’ TMP għandu żewġ terminali tal-passiġġieri skedati:

Terminal 1 (jew “T1”) inbena fl-1998 u bħalissa qed jintuża minn Finnair, Flybe, SAS, Blue1 u Air Baltic. Fl-2003 il-kapaċità ta’ T1 kienet ta’ 550 000 passiġġier fis-sena.

Terminal 2 (jew “T2”) fil-bidu kien jintuża bħala ħangar għal-merkanzija minn DHL u (wara li ġie vakanti fl-2002) ġie mibdul għal terminal bi prezz baxx. T2 attwalment jaqdi lil Ryanair biss. Il-kapaċità ta’ T2 hija ta’ 425 000 passiġġier fis-sena.

(9)

L-ajruport ta’ TMP, bl-eċċezzjoni ta’ T2, huwa l-proprjetà ta' Finavia Oyj (5) u operat minnha (“Finavia”). T2 jinkera minn Finavia lis-sussidjarja tagħha Airpro (6) Oy (“Airpro”). Airpro topera t-terminal u tipprovdi servizzi ta’ ground handling hemmhekk. Barra minn hekk, Airpro għamlet ftehim ma' Ryanair […] (*1) li jibda mit-3 ta’ April 2003.

(10)

It-trasport tal-passiġġieri fl-ajruport żdied minn 304 025 fl-2003 għal 617 397 fl-2010. Dan minħabba l-iżvilupp fin-numru tal-passiġġieri f’T2. Fl-2010, l-għadd ta’ passiġġieri ta’ Ryanair fl-ajruport ta’ TMP ammonta għal madwar […]. Din it-tabella tiġbor fil-qosor kif żviluppa l-għadd tal-passiġġieri fl-ajruport mill-2003 sal-2010:

Sena

L-għadd ta’ passiġġieri f’T1

L-għadd ta’ passiġġieri f’T2

L-għadd totali ta’ passiġġieri fl-ajruport ta’ TMP

2003

[…]

[…]

304 025

2004

[…]

[…]

495 892

2005

[…]

[…]

597 102

2006

[…]

[…]

632 010

2007

[…]

[…]

687 711

2008

[…]

[…]

709 356

2009

[…]

[…]

628 105

2010

[…]

[…]

617 397

2.2.   Il-miżuri investigati u l-valutazzjoni inizjali tal-Kummissjoni

(11)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ qajmet dawn il-mistoqsijiet:

l-ewwel nett jekk Finavia aġixxietx bħala investitur li jopera f’ekonomija tas-suq meta ddeċidiet li tikkonverti ħanger tal-merkanzija f’T2, terminal bi prezz baxx, f’liema każ din id-deċiżjoni ta’ investiment ma tinvolvix għajnuna mill-Istat favur Airpro; u jekk le, jekk din l-għajnuana tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern; u

it-tieni, jekk operatur f’ekonomija tas-suq kienx jidħol fi ftehim simili bħal dak ta’ Airpro ma’ Ryanair; u jekk le, jekk din l-għajnuana fil-ftehim tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

(12)

Fir-rigward tal-ewwel mistoqsija, il-Kummissjoni għandha dubju jekk Finavia kinitx iggwidata mill-prospetti ta’ profittabbiltà fuq żmien twil meta ddeċideit li tibdel il-ħangar tal-merkanzija f’terminal bi prezz baxx. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha dubju jekk l-investimenti magħmula minn Finavia biex tibdel dak li kien il-ħanger tal-merkanzija f’terminal bi prezz baxx jistgħux ikunu kkunsidrati bħala vantaġġ silettiv favur Airpro li taħt kundizzjonijiet tas-suq normali hija kieku ma kinitx takkwistah.

(13)

Fir-rigward tat-tieni mistoqsija, il-Kummisjoni riedet teżamina jekk, f’dan il-każ partikolari, l-aġir ta’ Airpro kienx iggwidat mill-prospetti ta’ profittabbiltà fuq żmien twil, u jekk l-allegat vantaġġ mogħti lil Ryanair kienx vantaġġ li taħt kundizzjonijiet tas-suq hija ma kinitx takkwista. Il-Kummissjoni għandha dubju b’mod partikolari jekk “l-imposta li tinkludi kollox” imħallsa minn Ryanair kinitx ibbażata fuq kostijiet għall-forniment ta’ servizzi lil-linja tal-ajru minn Airpro. Barra minn hekk, il-Finlandja ma pprovdietx lill-Kummissjoni la bil-kundizzjonijiet tal-ftehim ma’ Ryanair u lanqas bil-pjan kummerċjali li jevalwa l-profittabbiltà tal-ftehim ma’ Airpro. Għaldaqstant il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk l-aġir ta’ Airpro kienx iggwidat mill-prospetti ta’ profittabbiltà fuq żmien twil. Għaldaqstant, ma setax jiġi eskluż li l-ftehim ipprovda lil Ryanair b’vantaġġ li taħt kundizzjonijiet tas-suq normali hija kieku ma kienx ikollha.

(14)

Il-Kummissjoni għandha dubju jekk il-kundizzjonijiet ta’ kompatibilità kif stipulati fil-linji gwida tal-Komunità dwar l-iffinanzjar tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (7) (il-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2005) ġewx sodisfatti fil-każ preżenti, u jekk il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat jistgħux jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

3.   IL-KUMMENTI TAL-FINLANDJA

3.1.   L-istrateġija ta’ prezz baxx minn Finavia u Airpro fl-ajruport ta’ TMP

(15)

Il-Finlandja bdiet l-osservazzjonijiet tagħha billi pprovdiet informazzjoni bażika dwar l-istrateġija ta’ prezz baxx ta’ Finavia u Airpro fl-ajruport ta’ TMP. Il-Finlandja spjegat li T2 inbena fl-1979 għal użu temporanju bħala bini tal-ajruport. Fl-1995 ġie mibdul f’ħanger tal-merkanzija li hu tajjeb għall-operazzjonijiet tal-merkanzija, u kien użat mid-DHL. Fl-2002 id-DHL temmet il-ftehim ta’ kiri u t-terminal ġie vakanti.

(16)

Il-Finlandja indikat li, billi Finavia ma kinitx f’pożizzjoni li tħajjar operatur tal-merkanzija jmur Tampere jew li tikri l-ħanger, iddeċidiet li tikkonverti l-ħanger f’terminal bi prezz baxx tajjeb għas-servizzi ta’ ground handling. L-ispejjeż inizjali għall-bini ta’ T2 sa dak iż-żmien kienu diġà ġew ddeprezzati u x-xogħlijiet għat-titjib tat-terminal kienu biss rinnovazzjonijiet minuri (8). It-tabella li ġejja tagħti l-ispiża ta’ investiment għar-rinnovazzjoni ta’ T2, li ammontat għal EUR 760 612.

Xogħolijiet ta’ rinnovazzjoni

L-ispiża ta’ investiment f’EUR

L-ippjanar

[…]

Kopji, permessi, vjaġġar

[…]

L-inġinerija tal-kostruzzjoni

[…]

It-tisħin/il-pajpijiet/l-air-conditioning

[…]

L-elettriku

[…]

L-installazzjonijiet b’vultaġġ baxx

[…]

Ċinturini

[…]

Tagħmir tas-sigurtà għall-iskrining

[…]

L-ammont totali

760 612

(17)

Quddiem il-kalkolu ta’ hawn fuq il-Finlandja indikat li anki jekk Finavia kienet se tkun kapaċi ssib kerrej ieħor sabiex juża t-T2 bħala ħanger tal-merkanzija, kien ikun neċessarju li tagħmel ċertu xogħlijiet tal-kostruzzjoni tal-inġinerija ċivili li jammontaw għal madwar EUR 100 000. Barra minn hekk, iċ-ċinturini setgħu jintużaw dejjem f’ajruporti oħrajn ta' Finavia.

(18)

Il-Finlandja kompliet tispjega li l-intenzjoni ta’ Finavia kienet li tagħmel disponibbli t-terminal bi prezz baxx għal-linji tal-ajru kollha li kienu lesti jaċċettaw servizz ta’ kwalità inferjuri. It-tabella li ġejja tipprovdi paragun tal-livell ta’ servizz u tal-faċilitajiet fit-T1 u t-T2 tal-ajruport ta’ TMP:

 

Terminal 1 (T1)

Terminal 2 (T2)

Il-mudell operattiv

Il-mudell tradizzjonali: operazzjonijiet taċ-check-in, kontrolli tas-sigurtà, it-trasport, l-għażla, it-tagħbija u l-ħatt ta’ bagalji li jseħħu minn gruppi professjonali u kumpaniji differenti

Il-mudell bi prezz baxx: F’T1 l-istess persuni jagħmlu x-xogħol ta’ gruppi professjonali differenti bħaċ-check-in, il-kontrolli tas-sigurtà, it-tagħbija u l-ħatt tal-bagalji. Il-ħidma sseħħ f’erja ristretta tat-terminal li teħtieġ biss persunal mill-anqas u tħaffef il-flussi tal-passiġġieri

Il-kapaċità tal-ground handling

Minn tlieta sa ħames (skont it-tip ta’ ajruplan) tlugħ jew inżul simultanji.

Ajruplan li jitlaq fis-siegħa

Faċilitajiet

Faċilitajiet li jipprovdu servizz tajjeb li jinkludi sistema sofistikata għat-trasport tal-bagalji, kmamar ta’ stennija sbieħ bis-servizzi tagħhom, faċilitajiet li jakkomodaw il-bżonnijiet tad-diversi fornituri ta’ ground handling, eċċ.

Faċilitajiet bażiċi li huma konformi primarjament mal-istandards tal-imħażen (pereż: art tal-konkrit), bi ftit twieqi biss.

(19)

Il-Finlandja indikat li peress li t-T2 seta’ jipprovdi servizzi ta’ ground handling għal ajruplan li jitlaq kull siegħa biss, kien tajjeb biss għal trasportaturi minn punt sa punt li jużaw inġenji tal-ajru kbar. Fl-istess waqt, sabiex l-persunal jintuża b’mod l-aktar effiċjenti, l-operatur tat-terminal ħtieġ li l-linji tal-ajru jagħmlu ftehimiet fuq medda ta’ żmien twil kif ukoll ftehimiet fuq l-iskeda ta’ żmien; pereżempju t-titjiriet ma setgħux joperaw dejjem fil-ħinijiet li l-linji tal-ajru jitolbu, kif kien il-każ tat-T1. Skont il-Finlandja, l-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż tal-istaff u l-livelli ta’ servizz ipprovduti ppermettew tnaqqis fl-ispejjeż ta’ madwqar […] meta mqabbla ma’ tat-T1.

(20)

Il-Finlandja indikat li qabel ma bdiet ir-rinnovazzjoni tat-T2 u adottat l-istrateġija tal-prezz baxx hemm, il-kwistjoni kienet diskussa kemm-il darba waqt laqgħat tal-bord tad-diretturi ta’ Finavia. Pjan kummerċjali ġie ppreparat għal dan il-għan. It-tabella li ġejja turi fil-qosor il-pjan kummerċjali (l-agħar tip ta’ xenarju) għar-rinnovazzjoni tat-T2 u l-implimenmtazzjoni tal-istrateġija ta’ prezz baxx. […]

(21)

Il-Finlandja indikat li l-pjan kummerċjali ex ante kien ibbażat fuq assunzjonijiet prudenti li jwasslu għas-sottovalutazzjoni tad-dħul u stima eċċessiva tal-ispejjeż mistennija fl-aħħar snin tal-perjodu kkunsidrat. Taħt ix-xenarji l-oħrajn, l-istrateġija tal-prezz baxx kient mistennija tagħmel aktar qligħ. L-imposti li jinkludu kollox, imħallsin mil-linji tal-ajru li jużaw it-T2, varjaw fix-xenarji differenti bejn […] għal kull inġenju tal-ajru li tela’ u niżel. Billi d-deċiżjoni dwar l-istrateġija ta’ prezz baxx ittieħdet mill-bord tad-diretturi ta’ Finavia abbażi ta’ kalkoli u studji, ma kinitx attribwibbli għall-Istat. Il-miżuri ma kinux ir-riżultat ta’ ħtiġijiet jew ta’ ordnijiet mill-awtoritajiet, u lanqas ma kienu l-awtoritajiet involuti fl-adozzjoni tal-miżuri.

(22)

Il-Finlandja indikat li Finavia u Airpro operaw skont il-prinċipji kummerċjali u ffinanzjaw l-operazzjonijiet tagħhom mill-imposti tas-servizzi u d-dħul miġbura mingħand klijenti u operazzjonijiet oħra tan-negozju. B’mod partikolari la Finavia u lanqas Airpro ma rċevew fondi mill-baġit tal-Istat: operaw bi profitt, u ta’ kull sena qasmu parti mill-profitt tagħhom mal-Istat skont ir-rekwiżiti tal-profitt imposti fuqhom.

(23)

Il-Finlandja indikat li l-Ministeru tat-Trasport u tal-Komunikazzjoni ddeċieda fuq il-miri tal-prestazzjoni ta’ Finavia. Dawn il-miri tal-prestazzjoni madankollu, jikkonċernaw il-grupp kollu kemm hu, u deċiżjonijiet kummerċjali individwali ttieħdu minn Finavia bid-diskrezzjoni tagħha. F’dawn l-aħħar ftit snin (mill-2003 sa 2005) ir-rekwiżit ta’ profitt ta’ Finavia kien bejn wieħed u ieħor 4 % tal-kapital investit. It-tabella li ġejja tagħti fil-qosor il-prestazzjoni ta’ Finavia:

Id-dejta finanzjarja ewlenija ta’ Finavia f’miljuni ta’ EUR (iċ-ċifri reali)

Sena

2003

2004

2005

Dħul

219

234

243

Profitt

17

15

22

Dividendi mħallsa lill-Istat

6

5

10

(24)

Il-Finlandja indikat li Finavia ma ppreparatx dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-ajruport speċifiċi peress li l-ajruporti kollha tagħha kienu parti mill-istess entità legali. Madankollu sa mill-2000 Finavia xorta ġabret informazzjoni speċifika għall-ajruport abbażi tal-kalkoli interni tagħha (id-dejta reali). Din l-informazzjoni kienet ibbażata fuq it-tendenzi tal-volum tal-ajruport u d-dħul assoċjat kif ukoll fuq l-ispejjeż tar-riżorsi użati fl-ajruporti, jiġifieri l-persunal, is-servizzi b’kuntratt u d-deprezzament tal-assi fissi. Il-prestazzjoni ġenerali ta’ Finavia fl-ajruport ta’ TMP (minbarra s-servizzi pprovduti minn Airpro) hija mqassra fit-tabella li ġejja: […]

(25)

Minbarra l-operazzjonijiet kummerċjali, ir-riżultati finanzjarji ta’ Finavia fl-ajruport ta’ TMP inkludew ukoll operazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-politika pubblika, bħall-kontroll tat-traffiku tal-ajru u l-użu tar-runway fl-ajruport ta’ TMP għal skopijiet militari. Il-Finlandja spjegat li r-runway fl-ajruport ta’ TMP kellha tkun disponibbli għal skopijiet militari 24 siegħa kuljum, 365 jum fis-sena. Ir-runway kienet effettivament użata għal skopijiet militari (mill-inqas 30 % tal-movimenti reali tal-inġenji tal-ajru fis-sena). L-ispiża tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru ammonta għal madwar […]. Fiċ-ċifri ta’ hawn fuq ġew ikkunsidrati l-kera mħallsa minn Airpro lil Finavia għall-użu ta’ T2 u l-impost ta’ nżul, kif ukoll imposti oħra tal-ajruport għas-servizzi pprovduti lil-linji tal-ajru li jużaw it-T2.

(26)

Fir-rigward ta’ Airpro, il-Finlandja kompliet tispjega li kienet kumpanija b’responsabbiltà limitata u legalment distinta minn Finavia. It-tabella li ġejja tagħti fil-qosor ir-riżultati finanzjarji effettivi tal-operazzjonijiet ta’ Airpro fl-ajruport ta’ TMP: […]

(27)

Ir-riżultati finanzjari tal-ajruport ta’ TMP inkludew spejjeż bħall-kiri tat-T2 fl-ajruport ta’ TMP, l-ispejjeż ta’ Airpro għal persunal u t-tagħmir kif ukoll l-ispejjeż għas-servizzi pprovduti minn Finavia. Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji inkludew dħul, bħall-imposta li tinkludi kollox mħallsa minn Ryanair, it-tariffi tal-parkeġġ u dħul kummerċjali ieħor.

(28)

Għaldaqstant, il-Finlandja argumentat li Finavia u Airpro agixxew bħala investituri li joperaw f’ekonomija tas-suq meta ddeċidew li jimplimentaw l-istrateġija ta’ prezz baxx u jibdlu l-ħanger tal-merkanzija f’terminal bi prezz baxx għall-passiġġieri.

(29)

Il-Finlandja argumentat li anki kieku l-iffinanzjar għar-rinnovazzjoni tat-T2 kien ikkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat, kien ikun kompatibbli abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, billi żamm mal-kriterju tal-kompatibilità stabbilit fil-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2005.

(30)

Il-Finlandja kompliet targumenta li l-miżuri jistgħu jiġu kkunsidrati li jilħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali, li fil-fehma tagħha kienu jirrigwardaw mhux biss in-natura ta’ interess ġenerali tal-operazzjonijiet tal-ajruport, iżda wkoll id-diversifikazzjoni tal-konnessjonijiet tat-traffiku fir-reġjun b’tali mod li ntlaħqu l-bżonnijiet tar-residenti u tas-soċjetà. Skont il-Finlandja għalhekk, l-alterazzjonijiet f’T2 kienu proporzjonali għall-iskop tagħhom u għar-riżultat milħuq.

(31)

Barra minn hekk, il-Finlandja ddikjarat li l-operazzjonijiet tal-ajruporti kellhom karatteristiċi speċjali li kellhom jittieħdu inkonsiderazzjoni. Pereżempju l-ajruport ta’ TMP għen biex titjieb il-mobbiltà f’ajruporti fejn kien hemm aktar konġestjoni, f’konformità mal-għan tal-Unjoni. It-tħaddim tal-ajruport ta’ TMP ikkontribwixxa għal żvilupp reġjonali bbilanċjat f’pajjiż b’popolazzjoni baxxa u mifruxa bħall-Finlandja. F’dan ir-rigward, kien partikolarment importanti li jiġu ssalvagwardjati l-konnessjonijiet tat-traffiku mir-reġjuni l-aktar remoti tal-Finlandja għall-Ewropa, ġaladarba forom oħra ta’ trasport ma kinux alternattiva vijabbli. L-ispejjeż li ntefqu għall-bini tat-terminal kienu proporzjonali għall-iskop kif ukoll neċessarji. Abbażi tal-pjanijiet kummerċjali u ċ-ċifri reali, l-infrastruttura inkwisjoni kellha prospetti suffiċjenti fuq żmien medju għall-użu. It-T2 kien miftuħ għal-linji tal-ajru kollha b'mod ġust u mhux diskriminatorju. S’issa madankollu, l-ebda linja tal-ajru ħlief Ryanair ma wrew intreress fih.

(32)

Skont il-Finlandja, l-infrastruttura inkwistjoni ma affettwatx il-kummerċ b’tali mod li tmur kontra l-interessi tal-Unjoni. L-ajruport ta’ TMP kien żgħir u għalhekk l-impatt tal-miżuri f’livell ta’ Unjoni ma kienx sinifikanti. Barra minn hekk, il-benefiċċji tal-miżuri għar-reġjun kienu jegħlbu kull impatt negattiv f’livell ta’ Unjoni.

3.2.   Il-ftehim ta’ kiri għat-T2 fl-ajruport ta’ TMP bejn Finavia u Airpro

(33)

Il-Finlandja indikat li fit-23 ta’ Frar 2003 Finavia kkonkludiet ftehim ta’ kiri ma’ Airpro rigward it-T2 għall-perjodu bejn l-1 ta’ April 2003 u l-31 ta' Marzu 2013 (imsejjaħ ukoll "il-ftehim ta' kiri"). Anki jekk Finavia oriġinarjament ħallset għall-ispejjeż tar-rinnovazzjoni, Airpro se tirrimborża lil Finavia għal dawn l-ispejjeż fil-kera tagħha. Il-Finlandja pprovdiet ukoll kopja tal-ftehim ta’ kiri.

(34)

Skont il-ftehim ta’ kiri, Airpro tħallas kera ta’ kull xahar li tammonta għal […] bi […] Vat għall-użu tal-faċilitajiet. Għaldaqstant il-kera li tinkludi l-VAT tammonta għal […] fix-xahar. Il-ftehim jistipula li minbarra l-kera bażika, il-kera tinkludi l-ispejjeż li saru sabiex il-ħangar tal-merkanzija tbiddel f’terminal bi prezz baxx għall-passiġġieri, kif ukoll l-imgħax relatat.

(35)

Il-Finlandja indikat waqt li kienet qed tikkonkludi l-ftehim ta’ kiri li t-tibdil f’T2 kien għadu għaddej u l-ispejjeż ta’ rinnovazzjoni tat-terminal kellhom jiġu stmati sabiex ikun jista’ jiġi determinat l-ammont ta’ kera. L-ispejjeż ġew stmati li jiswew EUR 700 000 u l-impatt tagħhom fix-xahar fuq il-kera kien mistenni li jkun bejn wieħed u ieħor […]. Minbarra l-ispejjeż stmati għar-rinnovazzjoni, Finavia stmat li l-ispejjeż għal xogħlijiet addizzjonali u arranġamenti li saru wara li l-operazzjonijiet bdew f’T2, se jkunu bejn wieħed u ieħor […] u l-impatt tagħhom fix-xahar fuq il-kera se jkun […]. Skont il-kalkoli t’hawn fuq, Airpro kkumpensat lil Finavia għall-ispejjeż li għamlet f’alterazzjonijiet f’T2 b’kera fix-xahar li tammonta għal […].

(36)

Il-Finlandja argumentat li l-kera fix-xahar mħallsa minn Airpro ma kinitx taħt il-prezz tas-suq. Il-kera mħallsa minn Airpro kienet fil-fatt ogħla mill-kera mħallsa minn DHL, il-kerrej ta’ qabel. DHL kienet tħallas kera fix-xahar li tammonta għal […] mingħajr il-VAT għall-użu tal-faċilitajiet, li tikkorrispondi għal madwar […] (9). Il-parti tal-VAT ammontat għal […], għalhekk il-kera totali fix-xahar inkluża l-VAT kienet […], li kkorrispondiet għal madwar […].

(37)

Il-Finlandja kompliet tinnota li mingħajr l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ prezzijiet baxxi u l-bidla tal-ħanger tal-merkanzija f’terminal bi prezz baxx, it-T2 seta’ baqa’ vojt. Dan kien ikun ta’ piż fuq il-finanzi tal-ajruport ta’ TMP.

3.3.   L-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' prezz baxx minn Airpro u l-ftehim tat-3 ta' April 2003 bejn Airpro u Ryanair.

(38)

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ prezz baxx minn Airpro, il-Finlandja spjegat li d-diskussjonijiet mal-linji tal-ajru kienu bdew qabel. Pereżempju kien hemm diskussjonijiet għaddejjin ma' Ryanair għal ftit snin qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni biex tiġi implimentata l-istrateġija ta' prezzijiet baxxi fl-ajruport ta' TMP.

(39)

Skont il-Finlandja l-ittra mibgħuta minn Airpro lil għadd ta’ linji tal-ajru li tistedinhom biex jikkunsidraw jibdew l-operazzjonijiet tagħhom fit-terminal bi prezz baxx kienet biss parti waħda mill-istrateġija kummerċjali għat-T2. It-T2 fl-ajruport ta’ TMP kien irriklamat b’mod attiv fil-fiera kummerċjali ta’ Routes (10) għal bosta snin sa mill-2002. Kien meqjus li l-linji tal-ajru, apparti Ryanair, kienu jkunu wkoll interessati jistabbilixxu l-operat tagħhom f’dan it-terminal.

(40)

Il-Finlandja pprovdiet kopja tal-ittra ta’ kummerċjalizzazzjoni. L-ittra indikat l-imposti applikabbli fit-T2, bħall-imposta għall-ground handling u l-użu tat-terminal, liema ammont jiddependi fuq it-tip ta’ inġenju tal-ajru użat. Minbarra l-imposti applikabbli għat-T2, il-linji tal-ajru jridu jħallsu l-imposti normali għall-inzul, għan-navigazzjoni fit-terminal u dawk tas-sigurtà.

(41)

Il-Finlandja pprovdiet kopja tal-ftehim milħuq bejn Airpro u Ryanair fit-3 ta’ April 2003 (“il-ftehim”), li huwa validu għall-perjodu […]. Il-ftehim jistipula l-kundizzjonijiet finanzjarji u tal-operat li skonthom Ryanair trid tistabbilixxi u topera titjiriet kummerċjali lejn u minn it-T2 fl-ajruport ta’ TMP. Il-ftehim daħal fis-seħħ fil-jum ta’ wara li ġie ffirmat dan il-ftehim (jiġifieri fl-4 ta’ April 2003) u se jispiċċa fi […].

(42)

Għas-servizzi pprovduti fl-ajruport ta’ TMP, Ryanair għandha tħallas imposta unika għal kull inġenju tal-ajru li jitla’ u jinżel (it-tluq u l-wasla), jiġifieri mill-4 ta’ April 2003 imposta li tinkludi kollox għal kull inġenju tal-ajru B737-800 jew varjant ieħor tal-B737 b’MTOW (11) massimu ta’ 67 000 kg. Din l-imposta tinkludi l-imposta tat-tlugħ u l-inżul, l-imposti tad-dawl, it-tariffi tal-istorbju u ta’ bil-lejl, l-imposta għan-navigazzjoni fit-terminal u t-tariffi tal-immaniġġar tal-passiġġieri u tar-rampa inklużi t-tariffi għas-sigurtà u għas-sikurezza kif ukoll l-imposta tal-passiġġieri

(43)

Kif miġbur fil-qosor fit-tabelli t’hawn taħt, l-imposta li tinkludi kollox tiddependi fuq kemm Ryanair jiffrekwenta kuljum l-ajruport u fuq is-sena tal-ftehim: […]

(44)

Fil-ftehim, Ryanair tikkommetti ruħha li tibda operazzjonijiet fl-ajruport ta’ TMP b’ […] tlugħ u nżul ta’ kuljum. Barra minn hekk Ryanair taqbel li tagħti notifika ta’ […] għal tnaqqis fl-għadd ta’ tlugħ u nżul fl-ajruport.

(45)

[…]

(46)

Skont il-ftehim, Ryanair hija mistenija li tattira bejn wieħed u ieħor […] passiġġier li jitlaq mill-ajruport ta’ TMP matul l-ewwel 12-il xahar, u madwar […] passiġġier li jitlaq fit-12-il xahar ta’ wara.

(47)

Skont il-ftehim, it-T2 fl-ajruport ta’ TMP għandu l-kapaċità massima ta' tlugħ u nżul wieħed fis-siegħa bejn is-7:00 u 24:00. Ryanair u Airpro se jiftiehmu minn qabel dwar l-iskedi tat-titjiriet.

(48)

Airpro se topera servizz tal-għajnuna għall-passiġġieri f’post prominenti fit-terminal (T1) prinċipali tal-ajruport u se tipprovdi faċilità għall-prenotazzjoni lill-passiġġieri ta’ Ryanair. Skont il-ftehim, Ryanair tagħti ħlas lil Airpro bir-rata ta' […] għat-titjiriet kollha ta’ Ryanair (mingħajr it-taxxi, it-tariffi u imposti oħrajn) mibjugħin minn Airpro u mħallsin b’karta ta’ debitu/kreditu.

(49)

Il-ftehim jipprovdi wkoll arranġamenti għal waqt il-manutenzjoni meħtieġa tar-runway fl-ajruport ta’ TMP matul is-sajf tal-2003, meta l-ajruport ikun magħluq għat-traffiku kollu. Matul dan il-perjodu t-traffiku tal-ajruport ta’ TMP se jkun iddevjat lejn l-ajruport ta’ Pori, u Airpro se tieħu ħsieb it-trasport bix-xarabank tal-passiġġieri ta’ Ryanair.

(50)

Skont il-Finlandja l-ftehim bejn Airpro u Ryanair kien fuq termini kummerċjali u ma kienx jinvolvi għajnuna mill-Istat. Linji tal-ajru oħrajn kellhom ukoll il-possibilità li jagħmlu ftehim ma' Airpro b’termini u kundizzjonijiet kuntrattwali simili għal dawk li ġab Ryanair. Pereżempju l-fuljett għall-promozzjoni The Case for Tampere-Pirkkala Airport, li ġie ppreparat għall-fiera kummerċjali tal-2004, enfasizza l-fatt li t-T2 kien miftuħ għall-operaturi kollha, għax dak iż-żmien it-terminal kien għad jiflaħ jieħu żewġ linji tal-ajru oħrajn.

(51)

Il-Finlandja kompliet tikkunsidra li l-imposti mħallsin minn Ryanair fl-ajruport ta’ TMP kienu abbażi tal-ispejjeż, u ġġeneraw profitt għal operazzjonijiet ta’ Airpro u Finavia fl-ajruport ta’ TMP. Airpro ġabret imposti minn Ryanair għas-servizzi li pprovdiet kif ukoll għas-servizzi pprovduti minn Finavia. Airpro sussegwentement ħallset l-imposti lil Finavia li rriżultaw minn operazzjonijiet ta’ Ryanair fl-ajruport skont il-Pubblikazzjoni dwar l-Informazzjoni Ajrunawtika ta’ Finavia (“AIP”) (12). Kull differenza fl-imposti kienet abbażi tan-natura u l-iskala tas-servizzi kkonċernati.

(52)

Il-Finlandja indikat li l-linji kollha tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ TMP kienu jħallsu l-istess imposti għal servizzi tal-istess kwalità. Pereżempju, l-imposta tal-passiġġieri miġbura għas-servizzi pprovduti fit-T2 iddependiet fuq il-kwalità tas-servizzi pprovduti fit-terminal. La Finavia u lanqas Airpro ma kellhom sehem fil-ġbir tal-imposta fuq is-servizz ta’ għajnuna għall-passiġġieri mmarkat fuq il-biljett tal-ajru ta’ Ryanair, li Ryanair ġabret mingħand il-passiġġieri tagħha. Kuntrarju għall-allegazzjonijiet ta’ Blue1, Ryanair ma kinitx eżentata milli tħallas l-imposta tal-passiġġieri. Il-fatt li l-operazzjonijiet ta’ Airpro fit-T2 iġġeneraw profit kienet prova li Ryanair kellha tħallas imposta għas-servizzi pprovduti minn Airpro.

(53)

Finavia ġabret dawn l-imposti mingħand Ryanair permezz ta’ Airpro fl-ajruport ta’ TMP li ammontaw għal […] b’kollox.

imposta għall-inżul (13): […]

imposta għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru: […]

(54)

Fir-rigward tal-imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru l-Finlandja ddikjarat li dawn jiddependu fuq il-piż tal-inġenju tal-ajru, it-tul tat-titjira u l-kontenut tas-servizzi użati. Il-profitti ta’ Finavia inkludew ukoll imposta annwali għar-rotta (14) li ammontat għal madwar […] fl-2006 u li kienet tiżdied mal-frekwenzi addizzjonali operati minn Ryanair.

(55)

Il-Finlandja kompliet tispjega li fl-2005 il-benefiċċju tal-operat mill-operazzjonijiet ta’ Ryanair fl-ajruport ta’ TMP ammontaw għal […]. Fl-aħħar nett, il-Finlandja argumentat li skont il-ftehim, Ryanair ikkommettiet ruħha wkoll li żżid it-traffiku u li tilħaq il-miri indikati tal-passiġġieri li hemm fil-ftehim.

4.   OSSERVAZZJONIJIET MINN PARTIJIET TERZI

(56)

Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet minn erba’ partijiet interessati.

4.1.   Ryanair

(57)

Ryanair bdiet l-osservazzjonijiet tagħha bid-data tas-16 ta’ Novembru 2007 billi ddikjarat li fl-opinjoni tagħha proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx ġusta u neċessarja. Iddikjarat ukoll li hija ddiżappuntata li l-Kummissjoni ma tatx lil Ryanair il-possibilità li tipparteċipa fl-eżami preliminari.

(58)

Dwar il-mertu tal-kwistjoni, Ryanair kienet tal-opinjoni li l-Kummissjoni kien imissha bbażat ruħha fuq l-arranġamenti kummerċjali standard u ddeċidiet li l-ftehim kien konformi mal-prinċipju ta’ operatur f’ekonomija tas-suq, u għaldaqstant ma kienx hemm għajnuna mill-Istat. Billi fl-opinjoni ta’ Ryanair kemm Finavia kif ukoll Airpro bbenefikaw mill-preżenza tagħha fl-ajruport ta’ TMP, it-tnejn li huma kienu qed jaġixxxu bħala operaturi f’ekonomija tas-suq, u l-finanzjament tat-T2 ma kien hemm fih l-ebda għajnuna.

(59)

Fir-rigward tal-iżvilupp tat-terminal bi prezz baxx fl-ajruport ta’ TMP, Ryanair spjegat li kien hemm proġetti li kienu għadhom għaddejjin biex jiddifferenzjaw servizzi pprovduti minn ajruporti fl-Unjoni sabiex jaqdu l-bżonnijiet tal-linji tal-ajru bi prezz baxx u l-passiġġieri tagħhom. Il-livell differenzjat ta’ servizzi pprovdut mill-ajruporti rriżulta f’imposti differenzjati li jitħallsu mil-linji tal-ajru. L-ajruport ta’ TMP kien wieħed minn tal-ewwel li segwa l-mudell ta’ livelli differenzjati ta’ servizz fl-istess ajruport. Ryanair ikkonfermat li l-operatur tal-ajruport Finavia ddeċieda li jiżviluppa t-T2 abbażi ta' pjan kummerċjali sod li kien implimentat malajr u li bħala riżultat żied id-dħul ta' Finavia. Għaldaqstant Ryanair kienet tal-opinjoni li l-iżvilupp ta’ terminal bi prezz baxx ma kien fih l-ebda element ta’ għajnuna mill-Istat għall-attività ta’ Finavia fl-ajruport ta’ TMP.

(60)

Rigward il-ġestjoni ta’ T2, Ryanair spjegat li l-kompetizzjoni bejn it-terminali fl-istess ajruport irriżultat f’effiċjenza aħjar u spejjeż aktar baxxi. Fil-fehma ta’ Ryanair, l-istandards ogħla ta’ effiċjenza fit-T2 tejbu l-effiċjenza tat-T1 għall-benefiċċju tal-linji tal-ajru kollha li jużaw l-ajruport. Sa fejn taf Ryanair, Airpro kienet qed tikri t-terminal b’termini kummerċjali. Finavia kompliet tibbenefika minn żieda fit-traffiku tal-ajruport u minn żieda fid-dħul mill-imposti fuq l-inżul u l-kontroll tat-traffiku tal-ajru. Għaldaqstant, fil-fehma ta’ Ryanair l-ebda għajnuna mill-Istat ma kienet involuta fil-ftehimiet kummerċjali bejn Finavia u Airpro fir-rigward tal-ġestjoni tat-T2.

(61)

Fir-rigward tal-ftehim milħuq bejn Ryanair u Airpro, Ryanair l-ewwel iddikjarat li l-mudell kummerċjali kien ibbażat fuq iż-żieda tal-effiċjenza, li ġiet mgħoddija lill-passiġġieri fil-forma ta’ tariffi tal-ajru aktar baxxi. It-tariffa li tinkludi kollox mħallsa fl-ajruport ta’ TMP inkludiet l-imposti kollha applikabbli għal-linji tal-ajru fl-ajruport. L-imposti differenzjati għall-użu fit-T2 kienu ġġustifikati bil-livell ta’ servizz ipprovdut. Fir-rigward ta’ skont fuq l-imposti tal-ajruport relatati ma’ żieda fil-frekwenzi, Ryanair argumentat li dan kien aġir kummerċjali normali applikat fl-industriji kollha. Ħafna mill-kundizzjonijiet tal-ftehim tat-T2 bejn Ryanair u Airpro kienu ġeneralment applikabbli għal-linji tal-ajru kollha li kienu disposti li jtiru mit-T2. Għalhekk Ryanair kienet tal-opinjoni li l-ftehim tagħha ma’ Airpro ma kienx selettiv. Ryanair kompliet targumenta li kemm Finavia kif ukoll Airpro bbenefikaw mill-preżenza tagħha fl-ajruport ta’ TMP.

4.2.   Il-Grupp SAS

(62)

Il-Grupp SAS ta l-kummenti tiegħu permezz tal-ittra tas-16 ta’ Novembru 2007. Il-Grupp SAS indika li l-kummenti tiegħu ffukaw fuq ir-rabta bejn Finavia u Airpro, l-ispejjeż sabiex jiġi kkonvertit it-T2, u t-trattament ippreferut li għandha Ryanair fl-ajruport ta’ TMP.

(63)

Fir-rigward tar-rabta bejn Finavia u Airpro, il-Grupp SAS iddikjara li d-direttur maniġerjali fl-ajruport ta’ TMP kien membru tal-bord tad-diretturi ta’ Airpro meta Finavia ddeċidiet li tikri t-T2 lil Airpro. Barra minn hekk, ir-rabta mill-qrib bejn Finavia u Airpro kienet evidenti fil-pubblikazzjoni Tampere-Pirkkala Airport Finland’s Future-Ready Airport.

(64)

Il-Grupp SAS argumenta li Finavia kienet qiegħda tissussidja b’mod trasversali lil T2 bid-dħul minn T1. Il-Grupp SAS kien b’mod partikolari tal-opinjoni li l-ebda imposta tal-passiġġieri ma tħallset f’T2. Barra minn hekk, Airpro amministrat il-parkeġġ tal-karozzi li jinsab barra T2 u żammet id-dħul iġġenerat mill-parkeġġ tal-karozzi. It-tariffi tal-parkeġġ tal-karożżi ma’ ġenb T2 kienu d-doppji ta’ dawk f’T1.

(65)

Fir-rigward tal-ispejjeż għas-servizzi f’T2, il-Grupp SAS argumenta li l-Finlandja ma tatux aċċess għal din l-informazzjoni. Il-Grupp SAS ma kellux informazzjoni jekk T2 jew l-ajruport ta’ TMP kinux profittabbli, u jekk Airpro ħallsitx għall-infrastruttura mogħtija minn Finavia. Pereżempju Finavia akkwistat tagħmir tas-sigurtà għall-iskrinjar għal T2. Il-Grupp SAS iddikjara li skont Finland u Airpro l-livell tal-prezz f’T2 kien relatat mal-livell tas-sevizzi. Il-Grupp SAS argumenta li l-livell ta’ servizzi kien normalment ibbażat fuq il-kunċett ta’ ground handling u mhux fuq l-ispazju jew il-faċilitajiet disponibblli.

(66)

Il-Grupp SAS kompla jargumenta li l-arranġamenti li jikkonċernaw T2 fl-ajruport ta’ TMP iffavorixxew mudell kummerċjali wieħed u kienu jmorru kontra l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

4.3.   Air France

(67)

AirFrance tat il-kummenti tagħha bl-ittra tas-16 ta’ Novembru 2007. Air France bdiet billi tispjega l-qagħda kummerċjali tagħha fil-Finlandja. Fil-Finlandja, Air France ma operatx servizzi minn u lejn l-ajruport ta’ TMP. Madankollu operat ħames frekwenzi ta’ kuljum bejn l-ajruport ta’ Charles de Gaulle f’Pariġi u l-ajruport ta’ Helsinki (li jinsab madwar 180 kilometru ’l bogħod mill-ajruport ta’ TMP) permezz ta’ arranġament dwar il-kondiviżjoni tal-kodiċi ma’ Finnair.

(68)

Air France qalet li tapprova l-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2005 u l-valutazzjoni preliminari mwettqa mill-Kummissjoni rigward l-arranġament finanzjarju fl-ajruport ta’ TMP. B’mod partikolari Air France kienet tal-opinjoni li l-eżenzjoni mill-pagament tat-tariffa tal-passiġġieri tat benefiċċju lil Ryanair u kienet b’mod ċar ta’ natura diskriminatorja, u għalhekk ma għandiex tkun ikkunsidrata kompatibbli mas-suq intern.

4.4.   L-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej

(69)

L-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej (“AEA”) tat il-kummenti tagħha fl-ittra tas-16 ta’ Novembru 2007. Il-kummenti tal-AEA kienu kollha kemm huma fuq l-istess linja tal-Grupp SAS u ta’ Air France.

5.   IL-KUMMENTI TAL-FINLANDJA DWAR IL-KUMMENTI TA’ PARTIJIET TERZI

(70)

Il-Finlandja rċeviet kummenti mingħand erba’ partijiet interessati.

(71)

Fir-rigward tal-kummenti ta’ Ryanair, il-Finlandja osservat li l-linja tal-ajru kkummentat kemm fuq l-iżviluppi ġenerali fis-suq tal-avjazzjoni fl-Ewropa kif ukoll fuq l-iżviluppi fl-ajruport ta’ TMP. Rigward dawn l-aspetti, il-Finlandja rreferiet għall-osservazzjonijiet bikrija tagħha mressqa wara l-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni.

(72)

Il-Finlandja osservat li l-kummenti tal-Grupp SAS qajmu kwistjonijiet ġodda li kellhom jiġu ċċarati. Il-Finlandja ddikjarat li, kif diġà kienet indikat, Airpro kienet kumpanija legalment differenti u ma bbenefikat minn ebda għajnuna minn għand is-sid tagħha Finavia.

(73)

Il-Finlandja indikat li d-direttur maniġerjali tal-ajruport ta’ TMP ma kienx membru tal-bord tad-diretturi ta’ Airpro meta l-ftehim ta’ kiri ġie ffirmat. Id-direttur maniġerjali tal-ajruport ta’ TMP kien fil-bord tad-diretturi ta’ Airpro minn Mejju 2003 sa April 2007 biss. Rigward il-pubblikazzjoni għall-promozzjoni tal-ajruport ta’ TMP u l-istrateġija ta’ prezz baxx tiegħu, il-Finlandja argumentat li operazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni bħal dawn ma setgħux jippreġudikaw ir-rabitiet ekonomiċi u legali bejn il-kumpaniji kkonċernati. Il-Grupp SAS li opera minn T1 fl-ajruport ta’ TMP ma kienx imsemmi fil-pubblikazzjoni, għaliex il-pubblikazzjoni kellha l-għan li tippromwovi l-istrateġija ta’ prezz baxx tal-ajruport ta’ TMP.

(74)

Rigward l-allegazzjonijiet tal-Grupp SAS dwar il-possibilità ta’ sussidju trasversali bejn T2 u T1 fl-ajruport ta’ TMP, il-Finlandja ddikjarat li kienet diġà tat prova li l-operazzjonijiet ta’ Airpro fl-ajruport ta’ TMP kienu profittabbli u li Airpro ma rċeviet l-ebda sussidju minn Finavia.

(75)

Rigward l-aġġustamenti differenti fl-infrastruttura relatati mar-rinnovazzjoni ta’ T2, il-Finlandja indikat li l-kera mħallsa minn Airpro lil Finavia kopriet dawn l-ispejjeż kif ukoll l-imgħax. Fir-rigward tax-xiri tat-tagħmir ta’ sigurtà għall-iskrinjar għal T2 minn Finavia, il-Finlandja indikat li dawn l-ispejjeż kienu jinsabu fil-kera mħallsa. Il-parkeġġ tal-karozzi ma’ ġenb T2 kien parti miż-żona mikrija lil Airpro. Airpro kienet libera tistipula t-tariffi, dejjem jekk kienet se tagħmel dan b’mod trasparenti.

(76)

Rigward l-allegazzjonijiet ta’ SAS dwar il-prezzijiet differenzjati fit-T2 tal-ajruport ta’ TMP, il-Finlandja għamlet referenza għall-kummenti tagħha fil-ftuħ tal-proċedura.

6.   L-EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA

(77)

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jistipula li “kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tgħawweġ jew thedded il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti tkun, jekk taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, inkompatibbli mas-suq intern”.

(78)

Il-kriterji stipulati fl-Artikolu 107(1) huma kumulattivi. Miżura tkun tikkostitwixxi għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin jintlaħqu kollha biss. L-għajnuna finanzjarja trid:

tkun mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi mill-Istat;

tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti;

tgħawweġ jew thedded il-kompetizzjoni; u

taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.   L-arranġamenti finanzjarji sabiex tiġi implimentata l-istrateġija ta’ prezz baxx fl-ajruport ta’ TMP tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat?

(79)

Meta jiġi vvalutat jekk kienx hemm xi komponent ta’ għajnuna fl-arranġamenti finanzjarji relatati mal-istrateġija ta’ prezz baxx fl-ajruport ta’ TMP, b’mod partikolari rigward it-tibdil tal-ħangar tal-merkanzija f’terminal bi prezz baxx u l-ftehim sussegwenti ta’ kiri ma’ Airpro, il-Kummissjoni trid teżamina jekk f’ċirkustanzi simili investitur li jopera f’ekonomija tas-suq kienx jidħol fl-istess arranġamenti kummerċjali jew simili, bħal Finavia (15).

(80)

Skont il-prinċipji stabbiliti fil-każistika, il-Kummisjoni trid tqabbel il-komportament ta’ Finavia ma’ dak ta’ investitur li jopera f’ekonomija tas-suq li jista’ jkun iggwidat mill-prospetti ta’ profittabbiltà fuq żmien twil (16). Barra minn hekk, skont is-sentenza ta’ Charleroi (17), meta jiġu vvalutati l-miżuri inkwistjoni l-Kummissjoni trid tqis il-karatteristiċi relevanti tal-miżuri u l-kuntest tagħhom. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni trid tanalizza d-deċiżjoni ta’ Finavia biex tirrinnova l-ħanger tal-merkanzija fl-ajruport ta’ TMP u l-implimentazzjoni ppjanata tal-istrateġija ta’ prezz baxx fl-ajruport ta’ TMP minn Airpro abbażi tal-approċċ integrat li jqis il-karatteristiċi kollha tal-miżuri inkwistjoni.

(81)

Il-qorti ddikjarat fis-Sentenza Stardust Marine li, “[…] sabiex ikun eżaminat jekk l-Istat adottax jew le l-kondotta ta’ investitur prudenti li jopera f’ekonomija tas-suq, huwa neċessarju li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fil-kuntest tal-perjodu li fih il-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju ttieħdu sabiex tiġi vvalutata r-razzjonalità ekonomika tal-kondotta tal-Istat, u għaldaqstant m'għandha tinħareġ l-ebda valutazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni aktar reċenti” (18).

(82)

Sabiex ikun jista’ jiġi applikat it-test ta’ investitur li jopera f’ekonomija tas-suq il-Kummissjoni trid tpoġġi lilha nfisha fil-kuntest tal-perjodu meta Finavia ħadet id-deċiżjoni li tirrinnova l-ħangar tal-merkanzija vakanti u sussegwentement li tikrih lil Airpro, jiġifieri l-bidu tal-2003. Il-Kummissjon trid tibbaża wkoll il-valutazzjoni tagħha fuq l-informazzjoni u l-assunzjonijiet li kienu fid-dispożizzjoni tal-operatur meta d-deċiżjonijiet dwar l-arranġamenti finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ prezz baxx ittieħdu.

(83)

Il-Finlandja targumenta li Finavia aġixxiet razzjonalment u ssaħħaħ l-argumenti tagħha b’kopja tal-pjan kummerċjali ex ante ta’ Finavia u bir-riżultati reali ta’ Finavia u Airpro fl-ajruport ta’ TMP.

(84)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-ħanger tal-merkanzija fl-ajruport ta’ TMP ġie vakanti wara li DHL temmet il-kuntratt tal-kiri tagħha. Finavia kienet qed titlef madwar […] kera fix-xahar. Wara ftit xhur, kien evidenti li Finavia ma kinitx se tkun kapaċi tiġbed kumpanija għall-ġarr tal-merkanzija bl-ajru lejn l-ajruport ta’ TMP. Barra minn hekk, il-linji tal-ajru bi prezz baxx ma kinux lesti jużaw it-Terminal 1 fl-ajruport, għax l-ispejjeż tas-servizzi tal-ground handling kienu ogħla milli kienu lesti li jaċettaw dawn il-linji tal-ajru. Madankollu, il-previżjonijiet għas-settur tat-trasport bl-ajru indikaw potenzjal ta’ tkabbir għoli għat-trasportaturi bi prezz baxx bħal Ryanair, ta’ madwar 30 % fis-sena.

(85)

Il-Kummissjoni kompliet tosserva li l-ħanger vojt tal-merkanzija kien totalment deprezzat u li l-ispejjeż tar-rinovazzjoni sabiex il-ħanger jiġi mibdul f’terminal bi prezz baxx għall-passiġġieri ammontaw għal EUR 760 612. Anki li kieku l-ħanger tal-merkanzija ma ġiex mibdul f’terminal tal-passiġġieri, Finavia kien ikollha xorta tagħmel ċerti xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni li kienu jammontaw għal madwar EUR 100 000.

(86)

Barra minn hekk, Finavia kienet obbligata żżomm ir-runway tal-ajruport ta’ TMP disponibbli għal skopijiet militari 24 siegħa kuljum, 365 jum fis-sena. Għalhekk, żieda fit-traffiku fl-ajruport tista’ tirriżulta f’allokazzjoni aħjar tar-riżorsi u possibilment tnaqqis fis-sovrakapaċitajiet. Fl-istess waqt, diversifikazzjoni fil-linji tal-ajru li jużaw l-ajruport tista’ wkoll tnaqqas ir-riskji kummerċjali tal-ajruport (bħar-riskju ta’ kapaċità li ma tintużax fl-eventwalità li waħda mil-linji tal-ajru twaqqaf l-operazzjonijiet tagħha) u ttejjeb l-użu effiċjenti tar-runway.

(87)

Din is-sitwazzjoni hija spjegata fil-pjan kummerċjali ta’ Finavia għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ prezz baxx. Kif muri fl-agħar xenarju possibbli fil-pjan kummerċjali ta’ Finavia, il-proġett ta’ investiment kien mistenni jagħti kontribut posittiv: il-marġini ta’ profitt medju (19) kien mistenni jkun madwar […] (ara t-tabella fil-paragrafu (20)), li skont id-dejta disponibbli għall-Kummissjoni hija b’mod ġenerali fil-linja tal-marġini ta’ profitt ta’ ajruporti oħrajn fl-Unjoni (20). Il-Kummissjoni tkompli tosserva li l-pjan ta’ negozju ex ante kien ibbażat fuq assunzjonijiet prudenti li wasslu għas-sottovalutazzjoni tad-dħul u stima eċċessiva tal-ispejjeż fl-aħħar snin tal-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, il-pjan ta’ negozju ex ante ma ħax inkonsiderazzjoni l-profitt li daħħlet Finavia mill-imposti tal-inżul, għax dawn l-ispejjeż kienu mnaqqsa mid-dħul mistenni. Barra minn hekk l-ispejjeż ta' rinnovazzjoni u r-remunerazzjoni xierqa għall-kapital investit kienu riflessi kollha kemm huma fil-kera mħallsa minn Airpro lil Finavia, li kienet ukoll imnaqqsa mid-dħul mistenni.

(88)

Sabiex tkun ivvalutata l-istrateġija ta’ prezz baxx ta’ Finavia u Airpro abbażi ta’ approċċ integrat, l-espert tal-Kummissjoni kkonsolida d-dħul u l-ispejjeż tal-pjan kummerċjali ex ante (ix-xenarju bażiku). B’mod partikolari, il-pagamenti interkorporattivi (bħal kera mħallsa minn Airpro lil Finavia għall-użu ta’ T2, l-imposti tal-inżul u l-imposti għan-navigazzjoni fit-terminal) tqiesu bħala dħul. It-tabella li ġejja tagħti fil-qosor il-kalkoli tad-dħul u tal-ispejjeż relatati mal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ prezz baxx fl-ajruport ta’ TMP kif deskritta hawn fuq u l-kontribut tagħha għall-qligħ qabel l-imgħax u t-taxxi (“EBIT”) f’livell konsolidat (jiġifieri għal Finavia u Airpro) fuq l-għaxar snin li ġejjin: […] (21)

(89)

Il-Kummissjoni tosserva li abbażi tal-pjan kummerċjali ex ante u l-NPV pożittiv (22), id-deċiżjoni ta’ Finavia li timplimenta l-istrateġija ta’ prezz baxx fl-ajruport ta’ TMP kienet konformi mal-aġir ta’ investitur li jopera f’ekonomija tas-suq. L-NPV pożittiv tal-istrateġija ta’ prezz baxx żiedet il-valur tal-ekwità ta’ Finavia. Il-Kummissjoni tkompli tinnota li l-assunzjonijiet tal-pjan kummerċjali ex ante u r-riżultati mistennija tal-istrateġija ta’ prezz baxx ikomplu jiġu appoġjati bir-riżultati pożittivi reali tal-attività ta’ Airpro fl-ajruport ta’ TMP (ara b’mod partikolari t-tabella f’paragrafu (26)). Barra minn hekk, ir-riżultati finanzjarji reali kkumbinati tal-ajruport ta’ TMP (filwaqt li jitqiesu r-riżultat finanzjarji tal-attività ta’ Airpro u Finavia fl-ajruport ta’ TMP, ara t-tabelli fil-paragrafi (24) u (26)) juru li minħabba l-operat tat-terminal bi prezz baxx l-attività kollha tal-ajruport saret profittabbli.

(90)

Fid-dawl tal-kontenut t’hawn fuq, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li d-deċiżjoni ta’ Finavia li timplimenta l-istrateġija ta’ prezz baxx fl-ajruport ta’ TMP u l-arranġament finanzjarji sottostanti huma konformi mat-test tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq u għalhekk m’għandhom l-ebda vantaġġ ekonomiku li ma jikkorrispondix mal-kundizzjonijiet tas-suq normali.

(91)

Billi wieħed mill-kriterji kumulattivi fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE ma jintleħaqx, il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni ta’ Finavia li timplimenta l-istrateġija ta’ prezz baxx fl-ajruport ta’ TMP u l-arranġamenti sottostanti finanzjarji huma neqsin minn kull għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(92)

Dwar il-possibilità ta’ sussidju trasversali għal Airpro minn Finavia (bħal dħul mill-kiri mitluf jew kumpens għat-telf fl-operat) il-Kummissjoni tinnota li ġaladarba l-arranġamenti finanzjarji kollha tal-istrateġija ta’ prezz baxx fl-ajruport ta’ TMP huma bbażati fuq pjan kummerċjali ex ante skont il-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq, ġaladarba Airpro tħallas il-kera tas-suq għall-użu ta’ T2 u l-ispejjeż kollha tal-attività ta’ Airpro fl-ajruport ta’ TMP huma koperti mill-imposti mħallsa mil-linji tal-ajru li jużaw T2 (jiġifieri Ryanair), u ġaladarba l-attività ta’ Finavia fl-ajruport ta’ TMP hija profittabbli biss minħabba l-operat ta’ T2, is-sussidju trasversali ta’ Airpro minn Finavia jista’ jiġi eskluż.

6.2.   Il-ftehim bejn Airpro u Ryanair jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat?

(93)

Rigward il-ftehim bejn Airpro u Ryanair, il-Finlandja argumentat li Airpro aġixxiet bħal kif investitur li jopera f’ekonomija tas-suq kieku kien jagħmel fl-istess sitwazzjoni. Jekk dan huwa l-każ, Ryanair ma kinitx iffavorita bil-ftehim u ma kienx hemm għajnuna mill-Istat.

(94)

Fil-valutazzjoni ta’ jekk il-ftehim kienx konkluż skont kundizzjonijiet tas-suq normali, il-Kummissjoni trid teżamina jekk f’ċirkustanzi simili ajruport li jopera taħt kundizzjonijiet normali tal-ekonomija tas-suq u ggwidat mill-prospetti ta’ profittabbiltà fuq żmien twil kienx jidħol fl-istess arranġamenti kummerċjali jew simili, bħal Airpro (23). Barra minn hekk, il-Kummissjoni trid tanalizza l-impatt mistenni tal-ftehim fuq l-attività ta’ Airpro u Finavia fl-ajruport ta’ TMP abbażi tal-approċċ integrat li jqis il-karatteristiċi tal-miżura inkwistjoni (24).

(95)

Sabiex tkun tista’ tapplikka t-test tal-investitur privat, il-Kummissjoni trid tpoġġi lilha nfisha fil-kuntest ta’ meta l-ftehim ġie ffirmat. Il-Kummissjoni trid tibbaża wkoll il-valutazzjoni tagħha fuq l-informazzjoni u l-assunzjonijiet disponibbli għall-operatur meta l-ftehim ġie ffirmat. Airpro ffirmat il-ftehim ma’ Ryanair fit-3 ta’ April 2003 għal perjodu ta’ validità ta’ […].

(96)

Skont il-ftehim, Ryanair ikkommettiet ruħha li tibda operazzjonijiet fl-ajruport ta’ TMP b’ […] tlugħ u nżul ta’ kuljum. Abbażi ta’ dan, Ryanair hija mistenija li tattira bejn wieħed u ieħor […] passiġġier li jitlaq mill-ajruport ta’ TMP matul l-ewwel 12-il xahar, u madwar […] passiġġier li jitlaq fit-12-il xahar ta’ wara. Il-ftehim jipprevedi skeda ta’ imposti għal kull tlugħ u nżul skont l-għadd ta’ frekwenzi ta’ kuljum (ara b’mod partikolari t-tabelli fil-paragrafu (43)). Il-prezz medju ta’ tlugħ u nżul (ibbażat fuq tliet titjiriet kuljum) huwa ta’ […]. It-tabella li ġejja tqabbel l-imposti mħallsin mil-linji tal-ajru li jużaw T1 fl-ajruport ta’ TMP u l-prezz medju mħallas minn Ryanair:

Is-servizz ipprovdut

L-imposti tal-ajruport applikabbli f’Terminal 1 (T1) f’EUR

L-imposti tal-ajruport mħallsin minn Ryanair (it-tariffa medja) f’Terminal 2 (T2)

L-imposta għall-inżul

442

442

L-imposti għan navigazzjoni fit-terminal

92

92

L-imposta għas-sigurtà

410

410

Is-servizzi ta’ għajnuna għall-passiġġieri fit-terminal u l-ground handling

[…]

[…]

Il-prezz totali għal kull tlugħ u nżul

[…]

[…]

(97)

Il-Kummissjoni tosserva li Ryanair tħallas l-istess imposti għall-inżul, għan-navigazzjoni fit-terminal u għas-sigurtà bħal linji tal-ajru li jużaw T1 fl-ajruport ta’ TMP. Skont l-informazzjoni mill-Finlandja, Ryanair mhix eżentata mit-tariffa tal-passiġieri. L-unika differenza fil-prezz imħallas minn Ryanair għandha x'taqsam mal-imposti mħallsa għas-servizzi (ta' għajnuna għall-passiġġieri) fit-terminal u l-ground handling. Madankollu l-kwalità tas-servizzi pprovduti minn Ryanair u s-servizzi għall-passiġġieri tagħha f’T2 huwa aktar baxx mill-kwalità tas-servizzi pprovduti f’T1, u t-tnaqqis milħuq fl-ispejjeż sottostanti, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-persunal, jirrapreżentaw madwar […] tal-ispejjeż totali ta’ Airpro (inklużi l-kera, l-imposti għall-inżul u għan-navigazzjoni fit-terminal imħallsa lil Finavia). Bil-kontra għal T1, l-għadd ta’ persunal f’T2 huwa mill-inqas u l-persunal jesegwixxi varjetà ta’ operazzjonijiet relatati maċ-check-in, mal-kontrolli tas-sigurtà u l-ground handling. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-ajruport lill-espert tal-Kummisjoni, l-ispejjeż tal-persunal ta’ T2 huma madwar […] inqas minn ta’ T1. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-imposti tal-ajruport mħallsa minn Ryanair għas-servizzi (ta' għajnuna għall-passiġġieri) fit-terminal u l-ground handling huma inqas b’madwar […] biss mill-imposti mħallsa f’T1. Id-diverġenza bejn l-iffrankar tal-ispejjeż (madwar […]) u d-differenza fl-imposti mħallsa mil-linji tal-ajru li jużaw iż-żewġ terminali (madwar […]) tirrifletti l-marġini ta’ profitt addizzjonali ġġenerat minn Airpro (madwar […], ara wkoll it-tabella f’paragrafu (20)). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonsidra li d-differenza bejn l-imposti mħallsa minn Ryanair f’T2 u dawk imħallsa f’T1 huma ġġustifikati.

(98)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, Airpro kienet kapaċi tipprevedi d-dħul ġġenerat mill-ftehim ma’ Ryanair. Airpro assumiet li fl-ewwel sena Ryanair se twettaq […] tlugħ u nżul ta’ kuljum b’fattur ta’ tagħbija ta’ […]; mit-tieni sena kien mistenni li Ryanair topera […] tlugħ u nżul ta’ kuljum għall-perjodu ta’ validità tal-ftehim li jifdal, bl-istess fattur ta’ tagħbija bħal dak tal-ewwel sena. Ir-riżultat jieħu kont tad-dħul ajrunawtiku u mhux ajrunawtiku ta’ Airpro (inkluż d-dħul mill-parkeġġ tal-karozzi, eċċ.). L-ispejjeż ta' Airpro fuq il-perjodu ta’ validità tal-ftehim kienu stmati billi ġew ipprojettati l-ispejjeż relatati mal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ prezz baxx fl-ajruport ta’ TMP. Pereżempju, l-ispejjeż tal-persunal kienu mistennija jammontaw għal […] għal kull tlugħ u nżul (u […] meta kkalkulati abbażi tat-tlugħ u l-inżul ta’ kuljum tal-inġenji tal-ajru).

(99)

It-tabella li ġejja tagħti fil-qosor il-kalkoli tad-dħul u tal-ispejjeż relatati mal-ftehim u l-kontribut pożittiv tal-ftehim għall-valur ta’ ekwità ta’ Airpro tul il-perjodu ta’ validità tiegħu. Dawn il-kalkoli huma bbażati fuq il-pjan kummerċjali pprovdut mill-Finlandja u l-assunzjonijiet stipulati hawn fuq. […] (25)

(100)

Il-Kummissjoni tinnota li tul il-perjodu ta’ validità tiegħu l-ftehim ma’ Ryanair kien mistenni li jiġġenera kontribut pożittiv għall-valur ta’ ekwità ta’ Airpro, b’NPV li jammonta għal EUR 0.5 miljun. Barra minn hekk l-attività ġenerali ta’ Airpro u Finavia fl-ajruport ta’ TMP kienet mistennija tkun pożittiva tul il-perjodu ta’ validità tal-ftehim.

(101)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li d-dħul li ġej mill-ftehim ikopri l-ispejjeż kollha ta’ Airpro fl-ajruport ta’ TMP u l-ispejjez kollha ta’ Finavia relatati mal-ftehim. L-approċċ li jkopri l-ispejjeż kollha f’dan il-każ jinkludi l-ispejjeż tal-kapital (jiġifieri l-ispejjeż ta’ deprezzament għall-infrastruttura tal-ajruport) u l-ispejjeż tal-operat (bħal-ispejjeż tal-persunal, l-enerġija, il-materjal, eċċ.). Jinkludi wkoll l-ispejjeż għas-sigurtà u s-sikurezza li jistgħu jirrapreżentaw miżuri li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-politika pubblika li ma jiġux ikkunsidrati bħala attività ekonomika skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Għaldaqstant l-NPV ikkalkulat huwa ssottovalutat u l-kontribut pożittiv tal-ftehim jista’ fil-fatt ikun anki ogħla.

(102)

Il-Kummissjoni tosserva li abbażi tal-pjan kummerċjali ex ante, id-deċiżjoni ta’ Airpro bħala sussidjarja ta’ Finavia, biex tikkonkludi l-ftehim inkwistjoni ma’ Ryanair kienet konformi mal-komportament ta' investitur li jopera f’ekonomija tas-suq. Il-Kummissjoni tkompli tinnota li l-assunzjonijiet tal-pjan kummerċjali ex ante u r-riżultati mistennija tal-ftehim ikomplu jiġu msaħħa bir-riżultati pożittivi reali tal-attività ta’ Airpro fl-ajruport ta’ TMP (ara b’mod partikolari t-tabella f’paragrafu (26)). Barra minn hekk, ir-riżultati finanzjarji reali kkumbinati tal-ajruport ta’ TMP (filwaqt li jitqiesu r-riżultat finanzjarji tal-attività ta’ Airpro u Finavia fl-ajruport ta’ TMP, ara b’mod partikolari t-tabelli fil-paragrafi (24) u (26)) juru li mhux l-operazzjonijiet tat-terminal bi prezz baxx biss saru profittabbli, iżda dawk tal-ajruport kollu kemm hu saru profittabbli.

(103)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-deċiżjoni ta’ Airpro li tagħmel l-imsemmi ftehim ma’ Ryanair hija konformi mat-test tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq u għalhekk ma għandha l-ebda vantaġġ ekonomiku li ma jikkorrispondix mal-kundizzjonijiet tas-suq normali.

(104)

Billi l-kriterji kumulattivi fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE ma jintleħqux, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ftehim tat-3 ta’ April 2003 bejn Airpro u Ryanair huwa nieqes minn kull għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Il-miżuri meħuda minn Finavia Oyj u Airpro Oy li jikkonsistu mill-arranġamenti finanzjarji li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ prezz baxx fl-ajruport ta’ Tampere-Pirkkala, b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ rinnovazzjoni fit-Terminal 2 u l-ftehim ta’ kiri għat-Terminal 2, konklużi bejn Finavia Oyj u Airpro Oy fit-23 ta’ Frar 2003 ma jikkostitwixxux għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Il-ftehim konkluż bejn Airpro Oy u Ryanair Ltd fit-3 ta’ April 2003 ma jikkostitwixxix għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)   ĠU C 244, 18.10.2007, p. 13.

(2)  Mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru rispettivament l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonamnet tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma identiċi fis-sustanza. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom fejn suppost, jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE rispettivament. It-TFUE introduċa wkoll certi tibdiliet fit-terminoloġija, “Komunità” inbidlet għal “Unjoni” u “suq komuni” inbidlet għal “suq intern”. It-terminoloġija tat-TFUE se tintuża tul din id-Deċiżjoni.

(3)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 2.

(4)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(5)  Sal-aħħar tal-2009, Finavia Oyj (dik li qabel kienet magħrufa bħala l-Amministrazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Finlandiża) kienet intrapriża tal-Istat. Fl-1 ta’ Jannar 2010 inbidlet għal kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata bl-Att 877/2009 dwar il-bidla tal-Amministrazzjoni tal-Avvjazzjoni Ċivili f’kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata. Timmaniġġja 25 ajruport fil-Finlandja. Tliet ajruporti Finlandiżi biss mhumiex ġestiti minn Finavia. Minbarra li topera ajruport Finlandiżi, Finavia tipprovdi wkoll servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru fl-ajruporti tagħha stess u hija responsabbli wkoll għas-sorveljanza tal-ispazju tal-ajru Finlandiż. L-operazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli ta’ Finavia huma ġestiti mis-sussidjarja tagħha Lentoasemakiinteistöt Oyj. Din il-kumpanija toffri servizzi ta’ faċilitajiet lil kumpaniji li joperaw fl-ajruport u topera bħala żviluppatur ta’ proġetti tal-kostruzzjoni kif ukoll bħala sid tal-binjiet li jinsabu fl-ajruporti.

(6)  Airpro Oy hija sussidjarja li hija kollha kemm hi ta’Finavia (100 %). Hija tiżviluppa u tipprovdi servizzi tal-ajruport u tal-ivvjaġġar fl-ajruporti ta’ Finavia. Airpro għandha sussidjarja li tipprovdi servizzi ta' ground handling li jisimha RTG Ground Handling Ltd.

(*1)  Sigriet kummerċjali

(7)   ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1.

(8)  Ix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni inkludew sala taċ-check-in, faċilitajiet bħala uffiċċji, faċilitajiet ta’ toilets u faċilitajiet għal passiġġieri li jkunu ħerġin u deħlin, faċilitajiet għall-kontrolli tas-sigurtà fuq il-persuni u għall-bagalji, kafetterija/restorant u r-rinnovazzjoni tal-elettriku, tal-pajpijiet, tas-sistemi ta’ tisħin u air-conditioning kif ukoll modifikazzjonijiet fuq l-infrastruttura ta’ barra t-terminal għan-nies u s-sewwieqa.

(9)  Ir-rata tal-kambju tal-ewro kif ġie deċiż fil-31 ta’ Diċembru 1998: FIM 5.94573.

(10)  Il-fiera kummerċjali ta’ Routes hija fiera annwali għall-bejgħ ta’ rotot tal-ajru, għat-trasportaturi tal-ajru u għall-ajruporti.

(11)  Il-piż massimu ċċertifikat għat-tluq (MTOW) ta’ inġenju tal-ajru huwa l-piż massimu li l-pilota tal-inġenju tal-ajru jista’ bih jipprova jitla’, minħabba limiti strutturali u oħrajn. Fi kliem ieħor l-MTOW huwa l-itqal piż li bih l-inġenju tal-ajru ġie muri li jista' jilħaq ir-rekwiżiti kollha biex ikun ajrunavigabbli.

(12)  Skont il-Finlandja, il-Pubblikazzjoni dwar l-Informazzjoni Ajrunawtika tal-Finlandja hija ppreparata skont l-Anness 15 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Manwal Ajrunawtiku dwar is-Servizzi tal-Informazzjoni (ICAO Doc 8126). It-taqsima ġenerali tal-Pubblikazzjoni dwar l-Informazzjoni Ajrunawtika titratta wkoll l-imposti tat-traffiku tal-ajru ta’ Finavia.

(13)  Dejjem jekk l-MTOW tal-inġenju tal-ajru huwa ta' 69 900 kg.

(14)  Din l-imposta tinġabar mill-Eurocontrol u titħallas lil Finavia.

(15)  Sabiex twettaq il-valutazzjoni tagħha l-Kummissjoni ordnat studju minn Ecorys (“l-espert tal-Kummissjoni”). L-espert tal-Kummissjoni analizza d-dejta finanzjarja u l-assunzjonijiet abbażi tal-pjan kummerċjali għall-istrateġija ta’ prezz baxx ta’ Finavia u Airpro, il-ftehim ta’ kiri bejn Finavia u Airpro għall-operat ta’ T2, u l-ftehim.

(16)  Il-Kawża C-305/89 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1991] Ġabra I-1603, paragrafu 20 (il-kawża “ Alfa Romeo ”); Il-kawża T-296/97 Alitalia vs Il-Kummissjoni [2000] Ġabra II-3871, paragrafu 84.

(17)  Il-kawża T-196/04 Ryanair vs Il-Kummissjoni [2008] Ġabra II-3643, paragrafu 59 (il-kawża “Charleroi”).

(18)  Il-Kawża C-482/99 Franza vs Il-Kummissjoni [2002] Ġabra I-4397, paragrafu 71 (il-kawża “ Stardust Marine ”);

(19)  Il-marġini ta’ profitt (ir-redditu mill-bejgħ) iqabbel il-profitt nett mal-bejgħ (dħul). Dan il-proporzjon juri jekk ir-redditu ta’ impriża minn fuq il-bejgħ huwiex suffiċjenti, għax jiddetermina kemm profitt qed isir għal ewro ta’ fatturat; huwa indikatur tal-profittabbiltà u l-effiċjenza.

(20)  Ara t-Tabella 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Jannar 2010 fil-Kawża dwar l-għajnuna mill-Istat C 12/2008 is-Slovakkja – ftehim bejn Bratislava u Ryanair, ĠU L 27, 1.2.2011, p. 24.

(21)  […]

(22)  L-NPV jindika jekk id-dħul minn proġett partikolari jeċċedix l-ispejjeż (tal-għażla) tal-kapital. Proġett huwa kkunsidrat bħala investiment ekonomikament profittabbli meta jiġġenera NPV pożittiv. Investimenti li jipproduċu anqas dħul mill-ispejjeż (tal-għażla) tal-kapital mhumiex ekonomikament profittabbli. L-ispejjeż (tal-għażla) tal-kapital huma riflessi fir-rata ta’ skont.

(23)   Alfa Romeo, paragrafu 20, Alitalia vs Il-Kummissjoni, paragrafu 84.

(24)   Charleroi, paragrafu 59.

(25)  […]