13.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 302/53


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Novembru 2013

li tapprova pjan ta’ tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa f’azjenda li żżomm il-papri kuluverti fil-Portugall u ċerti dispożizzjonijiet dwar il-movimenti tagħhom u l-prodotti tagħhom

(notifikata bid-dokument C(2013) 7310)

(It-test bil-Portugiż biss huwa awtentiku)

(2013/651/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tilqim kontra l-influwenza avjarja huwa pprojbit fit-territorju tagħhom, ħlief fejn jitwettaq tilqim ta’ emerġenza jew tilqim preventiv skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsimiet rilevanti tal-Kapitolu IX ta’ dik id-Direttiva.

(2)

It-Taqsima 3 tal-Kapitolu IX tad-Direttiva 2005/94/KE tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu tilqim tat-tjur preventiv bħala miżura fit-tul biex jikkontrollaw din il-marda meta, huma jqisu fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, li ċerti partijiet tat-territorju tagħhom, tipi ta’ trobbija tat-tjur jew ċerti categoriji ta’ tjur miżmuma fil-magħluq huma esposti għar-riskju tal-influwenza avjarja.

(3)

L-Artikolu 52(1)(c) jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-vaċċini li għandhom jkunu użati għat-tilqim tat-tjur jew tal-għasafar oħra miżmuma fil-magħluq kontra l-influwenza avjarja għandhom jkunu awtorizzat skont id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(4)

Wara li kien hemm tifqigħat tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fl-2007 u fl-2008 f’xi rziezet fil-Portugall ċentrali u tal-punent, u b’mod partikolari f’azjendi fejn jitrabbew it-tjur maħsubin għall-istokkjar mill-ġdid ta’ tjur għall-kaċċa, twettaq pjan ta’ emerġenza għat-tilqim skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/285/KE (4) u l-marda ġiet eradikata.

(5)

Iżda skont ir-riżultati ta’ valutazzjoni tar-riskju, il-papri tal-kuluverti ta’ valur għoli miżmuma għat-trobbija f’azjenda f’Vila Nova da Barquinha fir-reġjun ta’ Lisboa e Vale do Tejo, Ribatejo Norte, għadhom esposti għar-riskju potenzjali li jiġu infettati bl-influwenza avjarja, minħabba l-possibbiltà ta’ kuntatt indirett ma’ għasafar slavaġ.

(6)

Għalhekk il-Portugall ppreżenta lill-Kummissjoni pjan għall-approvazzjoni għal tilqima ta’ prevenzjoni kontra l-influwenza avjarja bħala miżura għal terminu ta’ żmien twil sal-31 ta’ Lulju 2009. Dak il-pjan ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/838/KE (5). Ġew approvati aktar pjanijiet ta’ tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa mressqa mill-Portugall bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/189/UE (6) u bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/110/UE (7).

(7)

Il-pjan għat-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa approvat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/110/UE ġie implimentat mill-Portugall sal-31 ta’ Lulju 2013. Kif previst fl-Artikolu 8 ta’ dik id-Deċiżjoni, il-Portugall ressaq rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dak il-pjan lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali. Dan ir-rapport wera li ċ-ċirkolazzjoni tal-virus rnexxilha tiġi evitata fil-qatgħat ta’ kuluverti imlaqqma kif ukoll f’azjendi tat-tjur li jinsabu fiż-żona tal-inħawi.

(8)

Fis-26 ta’ Awwissu 2013, il-Portugall issottometta pjan ġdid għat-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Dak il-pjan għandu jiġi applikat sal-31 ta’ Diċembru 2014 (“il-pjan għat-tilqim preventiv”).

(9)

Opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà Alimentari fl-2005 (8), il-2007 (9) u l-2008 (10) kkonfermaw li t-tilqim preventiv huwa għodda siewja biex jikkomplementa l-miżuri ta’ kontroll għall-influwenza avjarja.

(10)

Barra minn hekk, biex tinstab ċirkolazzjoni passiva potenzjali tal-virus tal-marda Newcastle f’għasafar imlaqqma, is-sorveljanza u t-testjar tal-laboratorju f’azjenda fejn hemm il-papri kuluverti mlaqqma u l-għasafar sentinelli mhux imlaqqma għandhom isiru kif stipulat fil-pjan ta’ tilqim preventiv inkluż l-identifikazzjoni individwali ta’ dak it-tjur.

(11)

Huwa xieraq ukoll li jiġu introdotti ċerti restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-papri kuluverti mlaqqma, il-bajd għat-tifqis tagħhom u l-papri kuluverti li jitnisslu minn dawn it-tjur skont il-pjan preventiv ta’ tilqim. Minħabba n-numru żgħir ta’ papri kuluverti li hemm f’azjenda fejn se jitwettaq it-tilqim preventiv, kif ukoll għal raġunijiet ta’ loġistika u traċċabbiltà, il-papri kuluverti li jkunu ngħataw it-tilqima ma għandhomx jinħarġu mill-azjenda, iżda jridu jinqatlu meta jispiċċa ċ-ċiklu riproduttiv tagħhom b’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 (11) u jintremew b’mod sigur skont ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (12).

(12)

Il-Portugall ħa miżuri addizzjonali skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/605/KE (13) għall-kummerċ fit-tjur maħsub għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa.

(13)

Biex jitnaqqas l-impatt ekonomiku fuq l-azjenda kkonċernatagħandhom jiġu stipulati ċerti derogi mir-restrizzjonijiet ta’ moviment għall-papri kuluverti li jitnisslu minn papri kuluverti imlaqqma, sakemm dawn il-movimenti ma jżidux ir-riskju tat-tixrid tal-marda u sakemm titwettaq sorveljanza uffiċjali u jkun hemm konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tas-saħħa tal-annimali għall-kummerċ fl-Unjoni.

(14)

Meta wieħed iqis il-qagħda epidemjoloġika fir-rigward tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-Portugall, ir-riskju assoċjat mat-tip ta’ azjenda kkonċernata u tal-ambitu limitat tal-pjan ta’ tilqim preventiv, il-pjan għandu jiġi approvat u jiġi implimentat sal-31 ta’ Diċembru 2014.

(15)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistipula ċerti miżuri li se jiġu applikati fil-Portugall f’ażjenda waħda fil-muniċipalità ta’ Vila Nova da Barquinha, fir-reġjun ta’ Lisboa e Vale do Tejo, Ribatejo Norte, fejn it-tilqim preventiv ta’ papri kuluverti (Anas platyrhynchos) maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa (‘papri kuluverti’) isir f’azjenda li tinsab esposta għar-riskju tal-introduzzjoni tal-virus tal-influwenza avjarja.

Dawk il-miżuri jinkludu:

(a)

ċerti restrizzjonijiet fuq il-moviment ġewwa l-Portugall u l-bgħit mill-Portugall tal-papri kuluverti mlaqqma, il-bajd għat-tifqis tagħhom u l-papri kuluverti li jitnisslu minnhom;

(b)

ir-rimi ta’ papri kuluverti mlaqqma.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika bla ħsara għall-miżuri ta’ ħarsien li se jittieħdu mill-Portugall skont id-Direttiva 2005/94/KE u d-Deċiżjoni 2006/605/KE.

Artikolu 2

L-approvazzjoni tal-pjan ta’ tilqim preventiv

1.   Il-pjan għat-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-Portugall, kif imressaq mill-Portugall lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Awwissu 2013, ikun approvat sal-31 ta’ Diċembru 2014 (“il-pjan ta’ tilqim preventiv”).

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-pjan ta’ tilqim ta’ prevenzjoni fuq il-websajt tagħha.

Artikolu 3

Il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-pjan tat-tilqim preventiv

1.   Il-Portugall għandu jiżgura li l-pjan ta’ tilqim preventiv jiġi implimentat b’vaċċin monovalenti inattivat li fih is-sottotip H5 tal-influwenza avjarja awtorizzat skont id-Direttiva 2001/82/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004.

2.   Il-Portugall għandu jiżgura li l-pjan ta’ tilqim preventiv jiġi implimentat kif innotifikat.

Artikolu 4

L-immarkar u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment, it-tqassim u r-rimi ta’ papri kuluverti mlaqqma

Il-Portugall għandu jiżgura li l-papri kuluverti mlaqqma miżmuma fl-azjenda imsemmija fl-Artikolu 1(1):

(a)

ikunu mmarkati individwalment;

(b)

ma jittiħdux f’azjendi oħra tat-tjur fil-Portugall;

(c)

jinħarġu mill-Portugall.

Wara li jintemm il-perjodu reproduttiv tagħhom, dawn il-papri kuluverti għandhom jinqatlu fl-azjenda imsemmi fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-Deċiżjoni b’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009, u l-karkassi tagħhom għandhom jintremew b’mod sikur skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 142/2011.

Artikolu 5

Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment u t-tqassim ta’ bajd tat-tifqis tal-papri kuluverti li joriġinaw mill-azjenda imsemmi fl-Artikolu 1(1)

Il-Portugall għandu jiżgura li l-bajd tat-tifqis ġej mill-papri kuluverti li joriġinaw mill-azjenda imsemmija fl-Artikolu 1(1):

(a)

jiġu ttrasportati biss f’mafqas fil-Portugall:

(b)

ma jintbgħatux mill-Portugall.

Artikolu 6

Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment u l-bgħit ta’ papri kuluverti li jitnisslu minn papri kuluverti mlaqqma

1.   Il-Portugall għandu jiżgura li l-papri kuluverti li jitnisslu minn papri kuluverti ġenituri mlaqqma jinħarġu mill-azjenda imsemmija fl-Artikolu 1(1) biex jintbagħtu f’azjenda li tinsab f’żona madwar dik l-azjenda biss wara t-tifqis.

Dik iż-żona għandha tiġi stabbilita u identifikata mill-Portugall, kif stipulat fil-pjan ta’ tilqim preventiv.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-papri kuluverti li joħorġu minn papri kuluverti ġenituri mlaqqma u sakemm dawn ikollhom aktar minn erba’ xhur jistgħu:

(a)

jinħelsu f’ambjent selvaġġ fil-Portugall; jew

(b)

jintbagħtu ’l barra mill-Portugall, sakemm:

(i)

ir-riżultati tat-testijiet ta’ sorveljanza u tal-laboratorju kif stipulat fil-pjan ta’ tilqim preventiv, ikunu favorevoli;

(ii)

il-kundizzjonijiet għat-tqassim tat-tjur maħsuba għall-istokkjar mil-ġdid ta’ tjur tal-kaċċa stipulati fid-Deċiżjoni 2006/605/KE jkunu ssodisfati.

Artikolu 7

Iċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa għall-kummerċ fl-Unjoni ta’ papri kuluverti mnissla minn papri kuluverti mlaqqma

Il-Portugall għandu jiżgura li ċ-ċertifikati tas-saħħa għall-kummerċ intra-Unjoni tat-tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa, li jakkumpanjaw il-papri kuluverti mibgħutha skont l-Artikolu 6(2)(b), ikunu jinkludu s-sentenza li ġejja:

“Il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali f’din il-kunsinna jikkonformaw mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/651/UE (*1).

(*1)   ĠU L 302, 13.11.2013, p. 53.” "

Artikolu 8

Rapporti

Il-Portugall għandu jressaq rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ tilqim preventiv fi żmien xahar mid-data tan-notifikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u jressaq rapport kull sitt xhur fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

Artikolu 9

Applikabilità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2014.

Artikolu 10

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Portugall.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(2)  Id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/285/KE tad-19 ta’ Marzu 2008 dwar it-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-papri mallard fil-Portugall u ċerti miżuri li jirrestrinġu l-movimenti ta’ dawn it-tjur u tal-prodotti tagħhom (ĠU L 92, 3.4.2008, p. 37).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/838/KE tat-3 ta’ Novembru 2008 dwar it-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-papri mallard fil-Portugall u ċerti miżuri li jirrestrinġu l-movimenti ta’ dawn it-tjur u tal-prodotti tagħhom (ĠU L 299, 8.11.2008, p. 40).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/189/UE tad-29 ta’ Marzu 2010 dwar it-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-papri mallard fil-Portugall u ċerti miżuri li jirrestrinġu l-movimenti ta’ dawn it-tjur u tal-prodotti tagħhom (ĠU L 83, 30.3.2010, p. 62).

(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/110/UE tal-10 ta’ Frar 2012 dwar it-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-papri kuluverti fil-Portugall u ċerti miżuri li jirrestrinġu l-movimenti ta’ dawn it-tjur u tal-prodotti tagħhom (ĠU L 50, 23.2.2012, p. 46).

(8)  Scientific Opinion on Animal health and welfare aspects of Avian Influenza (The EFSA Journal (2005) 266, 1-21).

(9)  Scientific Opinion on Vaccination against avian influenza of H5 and H7 subtypes in domestic poultry and captive birds (The EFSA Journal (2007) 489).

(10)  Scientific Opinion on Animal health and welfare aspects of avian influenza and the risks of its introduction into the EU poultry holdings (The EFSA Journal (2008) 715, 1-161).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009 tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1).

(12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/605/KE tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ kummerċ intrakomunitarju tat-tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvista ta’ annimali tal-kaċċa (ĠU L 246, 8.9.2006, p. 12).