9.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/52


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Novembru 2013

li tiddetermina d-data minn meta s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għandha tibda topera fid-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il reġjun

(2013/642/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/274/UE tal-24 ta’ April 2012 li tiddetermina t-tieni sett ta’ reġjuni għall-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (2), id-disa’ reġjun fejn għandu jibda l-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta lill-VIS għall-applikazzjonijiet jinkludi l-Kazakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, u l-Uzbekistan; l-għaxar reġjun jinkludi l-Brunej, il-Burma/Mjanmar, il-Kambodja, l-Indoneżja, il-Laos, il-Malasja, il-Filippini, Singapor, it-Tajlandja u l-Vjetnam; u l-ħdax-il reġjun jinkludi t-territorju okkupat Palestinjan.

(2)

L-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni li huma għamlu l-arranġamenti tekniċi u ġuridiċi meħtieġa biex jiġbru u jittrażmettu d-dejta li qed issir referenza għaliha fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament VIS lill-VIS għall-applikazzjonijiet kollha f’dawn ir-reġjuni, inklużi l-arranġamenti għall-ġbir u/jew għat-trażmissjoni tad-dejta f’isem Stat Membru ieħor.

(3)

Il-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 48(3) tar-Regolament VIS hija b’hekk issodisfata u għalhekk huwa meħtieġ li tiġi determinata d-data meta l-VIS għanda tibda topera fid-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il reġjun.

(4)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi stipulata data għall-bidu tal-VIS fil-futur qrib, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Minħabba li r-Regolament VIS jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolament VIS fil-liġi nazzjonali tagħha f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Id-Danimarka hija għaldaqstant marbuta bil-liġi internazzjonali biex timplimenta din id-Deċiżjoni.

(6)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit mhuwiex jieħu sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (3); Għaldaqstant ir-Renju Unit mhux marbut biha u lanqas ma huwa soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (4). Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(8)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-diżpożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim milħuq bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(9)

Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(10)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(11)

Fir-rigward ta’ Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod huwa relatat miegħu, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

(12)

Fir-rigward tal-Bulgarija u tar-Rumanija, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod huwa relatat miegħu, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005.

(13)

Fir-rigward tal-Kroazja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod huwa relatat miegħu, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża għandha tibda topera fid-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il reġjun skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/274/UE fl-14 ta’ Novembru 2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tapplika b’mod konformi mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.

(2)  ĠU L 134, 24.5.2012, p. 20.

(3)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(4)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.