7.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 296/24


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Novembru 2013

li ġġib fi tmiemu l-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi, mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, b’dijametru estern ta’ aktar minn 406,4 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(2013/639/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Billi:

A.   BIDU

(1)

Fis-16 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni Ewropea (il- “Kummissjoni”) tat bidu għal proċediment antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-ħadid jew tal-azzar, b’dijametru estern ta’ aktar minn 406,4 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”) u ppubblikat notifika ta’ bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Il-proċediment inbeda wara li tressaq ilment mill-Kumitat tad-Difiża tal-industrija tal-pajpijiet u tat-tubi mingħajr saldaturi tal-Unjoni Ewropea (“l-ilmentatur”), li jirrappreżenta aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-ħadid jew tal-azzar, b’dijametru estern ta’ aktar minn 406,4 mm. Dan l-ilment kien fih evidenza prima facie ta’ dumping ta’ dan il-prodott u tal-ħsara materjali li tirriżulta minnu, li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu.

(3)

Il-Kummissjoni avżat lill-ilmentatur, produtturi magħrufa oħrajn tal-Unjoni, il-produtturi esportaturi magħrufa fir-RPĊ, il-produtturi possibbli fil-pajjiż analogu, l-importaturi magħrufa, id-distributuri, u partijiet oħrajn magħrufa li huma kkonċernati, u r-rappreżentanti tar-RPĊ dwar il-bidu tal-proċedura. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jispjegaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-avviż ta’ tnedija.

(4)

L-ilmentatur, il-produtturi l-oħra tal-Unjoni, il-produtturi esportaturi fir-RPĊ, l-importaturi u d-distributuri taw il-fehmiet tagħhom. Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw smigħ.

B.   IRTIRAR TAL-ILMENT U TWAQQIF TAL-PROĊEDIMENT

(5)

Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Settembru 2013 lill-Kummissjoni, il-kwerelant irtira l-kwerela tiegħu.

(6)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jintemm meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm dan it-tmiem ma jkunx imur kontra l-interess tal-Unjoni.

(7)

L-investigazzjoni ma żvelat ebda konsiderazzjoni li turi li dan it-tmiem imur kontra l-interess tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċediment preżenti għandu jintemm. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b’dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. Ma wasal l-ebda kumment.

(8)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti pajpijiet u tubi, mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, b’dijametru estern ta’ aktar minn 406,4 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għandu jintemm,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-ħadid jew tal-azzar, ħlief tal-azzar inossidabbli, b’wiċċ ta’ qatgħa tond, ta’ dijametru estern ta’ aktar minn 406,4 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7304 19 90 , 7304 29 90 , 7304 39 98  u 7304 59 99 , huwa mitmum.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU C 45, 16.2.2013, p. 3.