29.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ottubru 2013

li tagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija

(2013/532/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 143 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Ir-Rumanija implimentat programm ta’ riforma sostanzjali sa mill-2009. Taħt żewġ programmi ta’ Bilanċ tal-Pagamenti, ir-Rumanija fil-biċċa l-kbira kkoreġiet l-iżbilanċi makroekonomiċi esterni tagħha. Barra minn hekk, fil-21 ta; Ġunju 2013, il-Kunsill, bid-Deċiżjoni 2013/318/UE (1), ħassar id-Deċiżjoni 2009/590/KE (2) dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Il-konsolidazzjoni fiskali għandha titkompla f’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir bil-għan li jintlaħaq l-objettiv ta’ terminu medju (OTM) fl-2015. Il-Gvern kiseb aċċess sħiħ għal finanzjament ibbażat fuq is-suq u r-rata tal-kambju kienet ġeneralment stabbli minn nofs l-2009.

(2)

L-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja għandha tiġi kkonsolidata billi jiġu segwiti politiki prudenti. Riformi strutturali li nbdew taħt il-programmi preċedenti għandhom jitkomplew u, fejn xieraq, jiġu rinfurzati biex jitnaqqsu l-vulnerabilitajiet u tissaħħaħ il-bażi għal tkabbir futur u biex jingħalaq id-distakk ma' pajjiżi oħra.

(3)

Il-Kunsill se jeżamina fuq bażi regolari l-politiki ekonomiċi implimentati mir-Rumanija, b’mod partikolari fil-kuntest tal-eżamijiet annwali tal-aġġornament tar-Rumanija tal-Programm ta’ Konverġenza u l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma kif ukoll l-eżami regolari tal-progress magħmul mir-Rumanija fil-kuntest tar-rapport ta’ konverġenza.

(4)

Filwaqt li fix-xenarju bażi tal-programm ekonomiku, il-ħtiġijiet totali grossi ta’ finanzjament sa tmiem l-2015 ġew koperti totalment, u l-Gvern qed ikompli jkollu aċċess għal finanzjar ibbażat fuq is-suq, ir-riskji li jirrigwardaw ix-xenarju bażi jappoġġjaw it-talba tar-Rumanija għal għajnuna finanzjarja ta' natura prekawzjonarja b'segwitu tal-għajnuna mogħtija skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/458/KE (3) u 2011/289/UE (4).

(5)

L-awtoritajiet Rumeni talbu għajnuna finanzjarja mill-Unjoni u minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra biex jappoġġjaw is-sostenibbiltà tal-bilanċ tal-pagamenti u biex jiżguraw li r-riżervi tal-valuti internazzjonali jinżammu f’livell prudenti anki fil-każ ta’ żviluppi ekonomiċi avversi.

(6)

Minkejja titjib fil-kont kurrenti tagħha, ir-Rumanija għadha vulnerabbli għal volatilità fir-rata tal-kambju u movimenti volatili tal-kapital internazzjonali. F’każ li x-xenarju jkun wieħed negattiv, ikkaratterizzat minn tnaqqis tal-likwidità abbundanti attwali, jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet fejn l-ispejjeż tal-finanzjament għar-Rumanija jiżdiedu u possibbilment dan jista' jseħħ f'daqqa. Barra minn hekk, żviluppi avversi fiż-żona tal-euro jistgħu jikkawżaw pressjonijiet imġedda fuq is-settur bankarju. Il-vulnerabbiltajiet li baqa' jiġġustifikaw l-għoti ta’ għajnuna reċiproka mill-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Unjoni se tagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tieħu effett fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija inidirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/318/UE tal-21 ta’ Ġunju 2013 li tħassar id-Deċiżjoni 2009/590/KE dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fir-Rumanija (ĠU L 173, 26.6.2013, p. 50).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/590/KE tas-7 ta' Lulju 2009 dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fir-Rumanija (ĠU L 202, 4.8.2009, p. 48).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/458/KE tas- 6 ta' Mejju 2009 li tagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija (ĠU L 150, 13,6.2009, p. 6).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/289/UE tas- 6 ta' Mejju 2009 li tagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija ĠU L 132, 12,5.2011, p. 28.