24.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/35


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ottubru 2013

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Memorandum ta’ Qbil rivedut mal-Istati Uniti tal-Amerika Rigward l-Importazzjoni taċ-Ċanga ġejja minn Annimali li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea

(2013/523/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fażi 2 tal-Memorandum ta’ Qbil bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kummissjoni Ewropea Rigward l-Importazzjoni taċ-Ċanga ġejja minn Annimali li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Komunitajiet Ewropej (l-“MoU”), adottat bejn l-Istati Uniti u l-Komunità Ewropea fit-13 ta’ Mejju 2009 u approvat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħala ftehim internazzjonali tal-Unjoni, intemmet fl-1 ta’ Awwissu 2013.

(2)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li testendi l-Fażi 2 tal-MoU filwaqt li tibqa’ tfittex riżoluzzjoni tad-disputa tad-WTO, Komunitajiet Ewropej — Miżuri li Jikkonċernaw il-Laħam u Prodotti tal-Laħam (Ormoni).

(3)

Il-Kummissjoni nnegozjat abbozz ta’ emendi għall-MoU għal dan il-għan, f’konformità mal-awtorizzazzjoni ta’ negozjar espressa fih.

(4)

L-MoU rivedut għandu jiġi ffirmat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Memorandum ta’ Qbil rivedut mal-Istati Uniti tal-Amerika Rigward l-Importazzjoni taċ-Ċanga ġejja minn Annimali li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea (l-“MoU rivedut”) huwa b’dan awtorizzat soġġett għall-konklużjoni tal-MoU rivedut imsemmi.

It-test tal-MoU rivedut huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni (1).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw l-MoU rivedut f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  It-test tal-MoU rivedut se jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.