23.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 281/14


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Ottubru 2013

li temenda Parti 1 tal-Anness E tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE dwar il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-annimali minn azjendi

(notifikata bid-dokument C(2013) 6719)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/518/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/65/KEE jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jrid ikun hemm konformità magħhom sabiex il-klieb, il-qtates u l-inmsa jkunu oġġett ta’ kummerċ fl-Unjoni. Dan jistipula, inter alia, li dawn l-annimali għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 u, fejn applikabbli, fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (2).

(2)

L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 jistipula inter alia li dawn l-annimali jridu jkunu akkumpanjati minn dokument ta’ identifikazzjoni fil-format ta’ passaport skont il-mudell li se jiġi adottat mill-Kummissjoni. Il-mudell għal dak il-passaport huwa stabbilit fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 ta’ 28 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dokumenti ta’ identifikazzjoni mudell għall-moviment mhux kummerċjali ta’ klieb, qtates u inmsa, it-twaqqif ta’ listi ta’ territorji u pajjiżi terzi u r-rekwiżiti ta’ format, ta’ tqassim tal-paġna u ta’ lingwa tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma’ ċerti kondizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(3)

L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 jistipula li l-Istati Membri jistgħu taħt ċerti kondizzjonijiet jawtorizzaw il-moviment mhux kummerċjali fit-territorju tagħhom minn Stati Membri oħra ta’ klieb, qtates u inmsa ta’ età żgħira li ma jkunux ġew vaċċinati kontra l-idrofobija, jew li huma vaċċinati iżda jkunu għadhom ma kisbux immunità protettiva kontra din il-marda. Meta jawtorizzaw moviment bħal dan, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-pubbliku permezz ta’ paġni tal-Internet li magħhom tkun marbuta l-paġna tal-Internet tal-Kummissjoni li tista’ tintuża għal finijiet ta’ kummerċ.

(4)

Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/65/KEE jistipula li l-klieb, il-qtates u l-inmsa għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa li jikkorrispondi għall-mudell fil-Parti 1 tal-Anness E tagħha.

(5)

Wara r-revoka tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (4) bir-Regolament (UE) Nru 576/2013, jeħtieġ li jiġi emendat il-mudell ta’ dak iċ-ċertifikat ta’ saħħa sabiex ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jinbidlu bir-referenzi għar-Regolament (UE) Nru 576/2013.

(6)

Iċ-ċertifikat tas-saħħa stipulat fil-Parti 1 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE jqis ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 388/2010 tas-6 ta’ Mejju 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-numru massimu ta’ annimali domestiċi ta’ ċerti speċji li jistgħu jkunu s-suġġetti ta’ moviment mhux kummerċjali (5) li jistipula li r-rekwiżiti u l-verifiki stipulati fid-Direttiva 92/65/KEE japplikaw għal meta iktar minn ħames annimali domestiċi jinġarru minn Stat Membru għall-ieħor jew minn pajjiż terz elenkat fit-Taqsima 2 tal-Parti B tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 998/2003.

(7)

Ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 388/2010 ġew riveduti u inklużi fir-Regolament (UE) Nru 576/2013. Ir-referenzi għar-Regolament (UE) Nru 388/2010 fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stipulat fil-Parti 1 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE għandhom għalhekk jitħassru.

(8)

Id-Direttiva 92/65/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(9)

Sabiex jiġi evitat kull tip ta’ taqlib fil-kummerċ, l-użu ta’ ċertifikati tas-saħħa maħruġa skont il-Parti 1 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE, qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, għandu jiġi awtorizzat matul perjodu tranżitorju suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

(10)

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 576/2013.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Parti 1 tal-Anness E tad-Deċiżjoni 92/65/KEE tinbidel bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Għal perjodu tranżitorju sad-29 ta’ April 2015, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-kummerċ fil-klieb, il-qtates u l-inmsa minn aġenziji akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa maħruġ mhux aktar tard mit-28 ta’ Diċembru 2014 skont il-mudell stipulat fil-Parti 1 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE fil-verżjoni tagħha ta’ qabel l-emendi introdotti b’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-29 ta’ Diċembru 2014.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(2)  ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.

(3)  ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109.

(4)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.

(5)  ĠU L 114, 7.5.2010, p. 3.


ANNESS

Parti 1 —   Ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ fl-annimali minn azjendi (ungulati, tjur vaċċinati kontra l-influwenza tat-tjur, lagomorfi, klieb, qtates u inmsa) 92/65 EI

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni