9.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 267/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Ottubru 2013

li tawtorizza lill-Ġermanja biex iżżomm il-valuri tal-limitu għall-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju wara li, bl-applikazzjoni tal-Ordni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Mejju 2013 (T-198/12R), jidħlu fis-seħħ il-valuri tal-limitu għas-sustanzi kimiċi skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 55 tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli

(notifikata bid-dokument C(2013) 6387)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/492/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 266 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Ordni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Mejju 2013 fil-Każ Nru T-198/12R,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tistipula r-regoli dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, u dwar il-moviment liberu tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 54 ta’ dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonformaw mad-Direttiva 2009/48/KE sal-20 ta’ Jannar 2011, u għandhom japplikawhom mill-20 ta’ Lulju 2011. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 55 ta’ dik id-Direttiva, il-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE dwar il-proprjetajiet kimiċi hija applikabbli mill-20 ta’ Lulju 2013 ’il quddiem. Il-Parti III ta’ dak l-Anness jinkludi l-limiti tal-migrazzjoni għal 19-il element.

(2)

Fl-20 ta’ Jannar 2011, il-Ġermanja, skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE, talbet il-permess tal-Kummissjoni biex tibqa’ żżomm id-dispożizzjonijiet eżistenti stipulati fil-liġi Ġermaniża għall-elementi li ġejjin: iċ-ċomb, l-arseniku, il-merkurju, il-barju u l-antimonju, kif ukoll għan-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli li jiġu rilaxxati mill-materjal tal-ġugarelli, wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE.

(3)

Bid-Deċiżjoni 2012/160/UE (2), il-Kummissjoni laqgħat it-talba tal-Gvern Ġermaniż u approvat li jinżammu d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar in-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli. Fir-rigward tal-valuri tal-limitu għall-arseniku, l-antimonju u l-merkurju — li jikkorrispondu mal-limiti tal-valuri li kienu stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE (3) — il-Kummissjoni ma approvatx li jinżammu d-dispożizzjonijiet nazzjonali Ġermaniżi. Fir-rigward tal-valuri tal-limitu għaċ-ċomb u l-barju – li wkoll jikkorrispondu mal-valuri li ġew stabbiliti bid-Direttiva 88/378/KEE – il-Kummissjoni approvat li jinżammu d-dispożizzjonijiet nazzjonali Ġermaniżi b’mod proviżorju, sakemm jidħlu fis-seħħ il-valuri tal-limitu l-ġodda tal-Unjoni għaċ-ċomb u l-barju jew sal-21 ta’ Lulju 2013, liema data tiġi l-ewwel.

(4)

Fl-14 ta’ Mejju 2012, il-Gvern Ġermaniż beda proċeduri għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Marzu 2012 quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, fit-13 ta’ Frar 2013, il-Gvern Ġermaniż għamel applikazzjoni għal eżenzjoni temporanja fejn talab l-approvazzjoni proviżorja tad-dispożizzjonijiet nazzjonali biex il-valuri tal-limitu għall-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju jinżammu sakemm ikun hemm deċiżjoni tal-Qorti dwar il-każ ewlieni.

(5)

Bl-Ordni tal-15 ta’ Mejju 2013, fil-Każ T-198/12R, il-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba tal-Gvern Ġermaniż għal eżenzjoni temporanja. Il-President wera l-fehma li skont il-paragrafi 4 u 6 tal-Artikolu 114 tat-TFUE, il-Kummissjoni biss hija kompetenti biex tawtorizza l-applikazzjonijiet biex jinżammu l-valuri tal-limitu li jitressqu lilha mill-Istati Membri (4). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġiet ordnata li tawtorizza li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-valuri tal-limitu għall-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju fil-ġugarelli għandhom jinżammu sakemm tinħareġ id-deċiżjoni tal-Qorti dwar il-proċedura ewlenija.

(6)

Fis-26 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni ressqet appell kontra l-Ordni tal-President tal-Qorti Ġenerali (C-426/13P(R)). Skont l-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell ma għandux effett ta’ sospensjoni.

(7)

B’dan, il-Kummissjoni taċċetta l-Ordni tal-15 ta’ Mejju 2013 fil-Każ T-198/12R u, kif mitlub, tawtorizza li d-dispożizzjonijiet innotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-valuri tal-limitu għall-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju għandhom jinżammu. Madankollu, il-Kummissjoni se tkompli bl-azzjoni legali kontra l-miżuri nnotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja quddiem il-Qorti Ġenerali bil-proċedura ewlenija (T-198/12) u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bl-appell kontra l-Ordni tal-15 ta’ Mejju 2013 (C-426/13 P(R)).

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Skont l-Ordni tal-Qorti tal-15 ta’ Mejju 2013 fil-Każ T-198/12R il-Kummissjoni tawtorizza li d-dispożizzjonijiet innotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-valuri tal-limitu għall-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju għandhom jinżammu wara l-20 ta’ Lulju 2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija proviżorja.

Hija valida biss sakemm il-Qorti Ġenerali tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar il-Każ T-198/12, jew sakemm tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-appell tal-Kummissjoni kontra l-Ordni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Mejju 2013 fil-Każ T-198/12 (il-Każ C-426/13 P(R)) skont liema waħda minn dawn tiġi l-ewwel.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/160/UE tal-1 ta’ Marzu 2012 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mill-Gvern Federali tal-Ġermanja li jżommu l-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb, il-barju, l-arseniku, l-antimonju, il-merkurju u n-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli fil-ġugarelli lil hinn mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 80, 20.3.2012, p. 19).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE tat-3 ta’ Mejju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-sigurtà tal-ġugarelli, (ĠU L 187, 16.7.1988, p. 1).

(4)  Il-paragrafu 39 tal-Ordni.