18.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Lulju 2013

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE—Serbja li tikkonċerna Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE—Serbja li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

(2013/489/UE, Euratom)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(8) u l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-approvazzjoni tal-Kunsill mogħtija skont l-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidraw d-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2013/490/UE, Euratom tat-22 ta’ Lulju 2013 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa, u r-Repubblika tas-Serbja min-naħa l-oħra, (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 119 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), jistabbilixxi Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(2)

L-Artikolu 120 tal-Ftehim jistipula li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

(3)

L-Artikolu 122 tal-Ftehim jistipula li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun megħjun minn Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(4)

L-Artikolu 122 tal-Ftehim jistipula li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, jiddetermina d-dmirijiet tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jiddelega kwalunkwe setgħa minn dawk li għandu lill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

(5)

L-Artikolu 124 tal-Ftehim jistipula li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf xi kumitati jew korpi speċjali oħra li jistgħu jassistuh fit-twettiq tad-dmirijietu; Dan jipprevedi wkoll li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, jiddetermina l-konfigurazzjoni u d-dmirijiet ta’ tali kumitati u korpi, u kif jiffunzjonaw,

(6)

Id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili kif ukoll bejn l-awtoritajiet reġjonali u dawk lokali fl-Unjoni Ewropea u dawk fis-Serbja jistgħu jagħtu kontribut kbir għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet tagħhom u għall-integrazzjoni tal-Ewropa,

(7)

Huwa xieraq li tali kooperazzjoni tkun organizzata billi jitwaqqfu żewġ Kumitati Konsultattivi Konġunti,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE – Serbja li tikkonċerna Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE – Serbja li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON

Għall-Kummissjoni, F’isem il-President,

C. MALMSTRÖM

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ara paġna 14 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 1

TAL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI UE – SERBJA

ta’ …

li biha jaddotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu

IL-KUNSILL TA’ STABILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa, u r-Repubblika tas-Serbja (minn issa ‘l quddiem “is-Serbja”), min-naħa l-oħra (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikoli 119,120, 122 u 124 tiegħu,

Billi dak il-Ftehim daħal fis-seħħ fi …,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun ippresedut b’mod li jalterna għal perijodi ta’ 12-il xahar bejn il-President tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u r-rappreżentant tal-Gvern tas-Serbja. L-ewwel perijodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiltaqa’ darba fis-sena fuq livell ministerjali. Sessjonijiet speċjali tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jsiru bit-talba ta’ wieħed mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, kull sessjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ssir fil-post fejn is-soltu jsiru laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’data li jaqblu dwarha ż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jissejħu b’mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bi qbil mal-President.

Artikolu 3

Rappreżentanza

Il-membri tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, f’każ li ma jkunux jistgħu jattendu, jistgħu jiġu rrappreżentati. Jekk membru jixtieq li jiġi rrappreżentat b’dan il-mod, huwa għandu jinnotifika lill-President dwar l-isem tar-rappreżentant tiegħu qabel il-laqgħa li fiha se jiġi rrapreżentat b’dan il-mod. Ir-rappreżentant ta’ membru tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jeżerċita d-drittijiet kollha ta’ dak il-membru.

Artikolu 4

Delegazzjonijiet

Il-membri tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jattendu fil-kumpanija ta’ uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-President ikun infurmat dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni prevista għal kull Parti. Rappreżentant tal-Bank Ewropew tal-Investiment jattendi l-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bħala osservatur, meta fuq l-aġenda jidhru ħwejjeġ li jirrigwardaw lill-Bank. Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jistieden persuni li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.

Artikolu 5

Segretarjat

Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tal-Missjoni tas-Serbja għall-Unjoni Ewropea flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 6

Korrispondenza

Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tintbagħat lill-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-indirizz tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Iż-żewġ Segretarji jiżguraw li l-korrispondenza tiġi mgħoddija lill-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u, fejn xieraq, tkun imqassma lil membri l-oħra tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-korrispondenza hekk imqassma tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, lir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri u lill-Missjoni tas-Serbja għall-Unjoni Ewropea.

Il-komunikazzjonijiet mill-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jintbagħtu miż-żewġ Segretarji lid-destinatarji u jitqassmu, fejn xieraq, lill-membri l-oħra tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kif indikat fit-tieni paragrafu.

Artikolu 7

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma jkunux pubbliċi.

Artikolu 8

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President, għal kull laqgħa jfassal aġenda proviżorja. Din tiġi mgħoddija mis-Segretarji tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda provviżorja tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex dawn jiżdiedu fl-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel tinbeda l-laqgħa, għalkemm l-ebda punt m’għandu jitniżżel fl-aġenda provviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta’ sostenn lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. L-aġenda tiġi adottata mill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Il-President jista’, bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġiet ta’ każ partikolari.

Artikolu 9

Minuti

L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa jitħejja miż-żewġ Segretarji. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta’ kull punt fuq l-aġenda:

id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

id-dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun talab li jiddaħħlu,

id-deċiżjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom u l-konklużjonijiet adottati.

L-abbozz tal-minuti jiġi ppreżentat lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Meta approvati, il-minuti jiġu ffirmati mill-President u ż-żewġ Segretarji. Il-minuti jiġu ffajljati fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li se jservu ta’ depożitorju għad-dokumenti tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Kopja ċċertifikata tiġi mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 10

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet bi qbil bejn il-Partijiet. Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, skont l-Artikolu 121 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, rispettivament jingħataw it-titli “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” segwiti b’numru ta’ serje, bid-data ta’ meta ġew addottati u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jiġu mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 ta’ hawn fuq. Kull Parti tista’ tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 11

Lingwi

Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkunu l-lingwi uffiċjali taż-żewġ Partijiet. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jsejjes id-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla f’dawk il-lingwi.

Artikolu 12

Spejjeż

Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll is-Serbja, kull wieħed iħallas għall-ispejjeż li jagħmel biex jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-spejjeż ta’ vjaġġar u ta’ sussistenza, kif ukoll tal-ispejjeż ta’ posta u ta’ telekomunikazzjoni. In-nefqa relatata ma’ servizzi ta’ interpretazzjoni fil-laqgħat, ta’ traduzzjoni u ta’ riproduzzjoni tad-dokumenti jitħallsu mill-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tan-nefqa relatata mas-servizzi ta’ interpretazzjoni jew traduzzjoni għal jew mill-lingwa Serba, li jitħallsu mis-Serbja. Infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat jitħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 13

Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

1.   B’dan ġie stabbilit Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni sabiex jgħin lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-qadi ta’ dmirijietu. Dan jiġi ffurmat minn rappreżentanti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea min-naħa, u rappreżentanti tal-Gvern tas-Serbja min-naħa l-oħra, normalment fil-livell ta’ impjegati taċ-ċivil f’kariga għolja.

2.   Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fejn meħtieġ u, inġenerali, jiżgura l-kontinwità fir-relazzjoni ta’ assoċjazzjoni kif ukoll it-tħaddim xieraq tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Iqis kwalunkwe kwistjoni li tiġi referuta lilu mill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ fl-andament tat-twettiq ta’ kuljum tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

3.   F’każijiet fejn il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jirriferi għal obbligu li jikkonsulta jew il-possibilità ta’ konsultazzjoni, din it-tip ta’ konsultazzjoni tista’ sseħħ fi ħdan il-Kumitat ta’ Stabbilizzazjoni u Assoċjazzjoni. Il-konsultazzjoni tista’ tissokta fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

4.   Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huma annessi ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 14

Kumitat Konsultattiv Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u minn imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili mis-Serbja

1.   B’dan huwa stabbilit Kumitat Konsultattiv Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u ta’ msieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra fis-soċjetà ċivili tas-Serbja sabiex jgħin lill-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni sabiex jippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn is-sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, fl-Unjoni Ewropea u fis-Serbja. It-tali djalogu u kooperazzjoni jinkludu l-aspetti relevanti kollha tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u s-Serbja, hekk kif dawn jitfaċċaw fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. It-tali djalogu u kooperazzjoni b’mod partikolari jiffukaw biex:

(a)

iħejju msieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja għall-ħidma fil-qafas tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea li se sseħħ fil-ġejjieni;

(b)

iħejju msieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew wara l-adeżjoni tas-Serbja;

(c)

isir skambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku, partikolarment dwar il-qagħda attwali tal-proċess ta’ adeżjoni kif ukoll dwar it-tħejjija tal-partijiet soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja għal dan il-proċess;

(d)

jinkoraġġixxu skambji ta’ esperjenza, prattiki tajbin u djalogu strutturat bejn a) l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja u b) l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri, fosthom permezz ta’ netwerking f’oqsma speċifiċi fejn il-kuntatti diretti u l-kooperazzjoni jistgħu jkunu l-aktar mezz effettiv biex tinstab soluzzjoni għal problemi partikolari;

(e)

jiddiskutu kull kwistjoni oħra rilevanti proposta minn kwalunkwe naħa, li tista’ titfaċċa fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u fil-qafas tal-Istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni.

2.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun magħmul minn disa’ rappreżentanti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u disa’ rappreżentanti minn imsieħba soċjali u minn organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt jista’ wkoll jistieden osservaturi.

3.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jwettaq il-kompiti tiegħu abbażi ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew, b’rabta mal-promozzjoni tad-djalogu bejn ċrieki ekonomiċi u soċjali, fuq inizjattiva tiegħu stess.

4.   Il-membri għandhom jintgħażlu biex jiġi żgurat li l-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 ikun xbieha kemm jista’ jkun perfetta tad-diversi msieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, kemm fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll fis-Serbja. Il-ħatriet uffiċjali tal-membri Serbi jsiru mill-gvern tas-Serbja abbażi ta’ proposti mill-imsieħba soċjali u minn organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili. Dawn il-proposti jissejsu fuq proċeduri ta’ għażla inklużivi u trasparenti fost l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili.

5.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun kopresedut minn membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew flimkien ma’ rappreżentant minn fost l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja.

6.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

7.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fuq naħa waħda, u l-Gvern Serb, fuq in-naħa l-oħra, iħallsu kull wieħed għall-ispejjeż li jintefqu b’rabta mal-parteċipazzjoni tad-delegati tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt u tal-gruppi ta’ ħidma tiegħu fir-rigward tal-persunal, tal-ispejjeż ta’ vjaġġar u ta’ sussistenza.

8.   L-arranġamenti dettaljati dwar l-ispejjeż tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għandhom jiġu stipulati fir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1. Spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat jitħallsu mill-parti li tospita l-laqgħat.

Artikolu 15

Kumitat Konsultattiv Konġunt kompost minn membri tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea u awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi

1.   B’dan qiegħed jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi, bil-kompitu li jassisti l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bil-għan li jkun hemm promozzjoni tad-djalogu u tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u dawk fis-Serbja. It-tali djalogu u kooperazzjoni b’mod partikolari jiffukaw biex:

(a)

iħejju lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi għall-ħidma fil-qafas tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea li se sseħħ fil-ġejjieni;

(b)

iħejju lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi għall-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-Kumitat tar-Reġjuni wara l-adeżjoni tas-Serbja;

(c)

isir skambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet attwali ta’ interess reċiproku, b’mod partikolari dwar il-qagħda attwali tal-proċess ta’ adeżjoni u dawk l-oqsma tal-politika fejn it-Trattati jipprevedu li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi kkonsultat, kif ukoll it-tħejjija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi għal dawn il-politiki;

(d)

jinkoraġġixxu djalogu strutturat multilaterali bejn a) l-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi u b) l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri, fosthom permezz ta’ netwerking f’oqsma speċifiċi fejn il-kuntatti diretti u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri jistgħu jkunu l-aktar mod effettiv li jindirizza s-suġġetti speċifiċi ta’ interess reċiproku;

(e)

jipprovdu skambju ta’ informazzjoni regolari dwar il-kooperazzjoni interreġjonali bejn awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri;

(f)

jinkoraġġixxu l-iskambju tal-esperjenzi u tal-għarfien fl-oqsma ta’ politika fejn it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi kkonsultat, i) mill-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi u ii) mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri, f’kompetenzi u tekniki partikolari li jirrigwardaw it-tħejjija ta’ pjanijiet jew strateġiji ta’ żvilupp lokali u reġjonali kif ukoll l-aktar użu effiċjenti tal-Fondi Strutturali u dawk ta’ qabel l-adeżjoni;

(g)

jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà fl-aspetti kollha tal-ħajja fuq livell lokali u reġjonali;

(h)

jiddiskutu kull kwistjoni oħra rilevanti proposta minn kwalunkwe naħa, li tista’ titfaċċa fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u fil-qafas tal-Istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni.

2.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun magħmul, fuq naħa, minn seba’ rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni, u fuq in-naħa l-oħra minn seba’ rappreżentanti eletti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tas-Serbja. L-istess għadd ta’ membri sostituti jiġu maħtura.

3.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu abbażi ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew, b’rabta mal-promozzjoni tad-djalogu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fuq inizjattiva tiegħu stess.

4.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

5.   Il-membri għandhom jintgħażlu b’tali mod li jiġi żgurat li l-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 jkun xbieha perfetta tad-diversi livelli ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali kemm fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll fis-Serbja. Il-ħatriet uffiċjali tal-membri Serbi jsiru mill-gvern tas-Serbja abbażi ta’ proposti minn organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Serbja. Dawn il-proposti jissejsu fuq proċeduri ta’ għażla inklużivi u trasparenti fost ir-rappreżentanti b’mandati elettorali fuq livell lokali jew reġjonali.

6.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

7.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ikkopresedut minn membru tal-Kumitat tar-Reġjuni u minn rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tas-Serbja.

8.   Il-Kumitat tar-Reġjuni, fuq naħa waħda, u l-Gvern tas-Serbja, fuq in-naħa l-oħra, iħallsu għall-ispejjeż li jintefqu b’rabta mal-parteċipazzjoni tad-delegati u tal-persunal ta’ appoġġ tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż ta’ vjaġġar u ta’ sussistenza.

9.   L-arranġamenti dettaljati dwar l-ispejjeż tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għandhom jiġu stipulati fir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1. Spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat jitħallsu mill-parti li tospita l-laqgħat.

Magħmul fi

Għall-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Il-President

ANNESS għad-DEĊIŻJONI Nru 1

TAL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI UE – SERBJA TA’

Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kumitat ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun ippresedut b’mod li jalterna għal perijodi ta’ 12-il xahar minn rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u minn rappreżentant tal-Gvern tas-Serbja. L-ewwel perijodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiltaqa’ skont kif jitolbu ċ-ċirkostanzi, bil-ftehim taż-żewġ Partijiet. Kull laqgħa tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ssir fi żmien u f’post miftiehma miż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jissejħu mill-President.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-President ikun infurmat dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni prevista għal kull Parti.

Artikolu 4

Segretarjat

Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea flimkien ma’ uffiċjal tal-Gvern tas-Serbja, flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-komunikazzjonijiet kollha lil, u mingħand, il-President tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, previsti f’din id-Deċiżjoni jiġu mgħoddija lis-Segretarji tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjażżjoni, kif ukoll lis-Segretarji u l-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 5

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma jkunux pubbliċi.

Artikolu 6

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President, għal kull laqgħa jfassal aġenda proviżorja. Din tiġi mgħoddija mis-Segretarji tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda provviżorja tkun tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex jiżdiedu fuq l-aġenda sa mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm l-ebda punt ma jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta’ sostenn lis-Segretarji sa mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jistieden esperti li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. Fil-bidu ta’ kull laqgħa, l-aġenda tiġi adottata mill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Il-President jista’, bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġiet ta’ każ partikolari.

Artikolu 7

Minuti

Għal kull laqgħa jittieħdu l-minuti, u jkunu msejsa fuq is-sommarju tal-konklużjonijiet mill-President, li l-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun wasal għalihom. Meta jiġu approvati mill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-minuti jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarji, u jiġu ffajljati miż-żewġ Partijiet. Kopja tal-minuti tiġi mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jingħata s-setgħa mill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 122 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni sabiex jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet, dawk l-atti jkunu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni”, segwiti b’numru ta’ serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet isiru bi qbil bejn il-Partijiet. Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji, u jiġu mgħoddija lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan l-Anness. Kull Parti tista’ tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 9

Spejjeż

Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll is-Serbja, kull wieħed iħallsu għall-ispejjeż li jagħmlu biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-spejjeż ta’ vjaġġar u ta’ sussistenza, kif ukoll tal-ispejjeż ta’ posta u ta’ telekomunikazzjoni. In-nefqa relatata ma’ servizzi ta’ interpretazzjoni fil-laqgħat, ta’ traduzzjoni u ta’ riproduzzjoni tad-dokumenti jitħallsu mill-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tan-nefqa relatata mas-servizzi ta’ interpretazzjoni jew traduzzjoni għal jew mill-lingwa Serba, li jitħallsu mis-Serbja. Infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat jitħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 10

Is-Sottokumitati u l-gruppi speċjali

Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jistabbilixxi sottokumitati jew gruppi speċjali sabiex jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u jagħmlulu rapport wara kull laqgħa li jagħmlu. Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jtemm kwalukwe sottokumitat jew grupp eżistenti, jistipula jew ibiddel it-termini ta’ referenza tagħhom jew jistabbilixxi sottokumitati jew gruppi oħra sabiex jgħinuh fil-qadi ta’ dmirijietu. Dawn is-sottokumitati u gruppi ma għandhom ikollhom l-ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.


ANNESS

għall-informazzjoni tal-Kunsill biss

ABBOZZ

DEĊIŻJONI NRU 1/2013

TAL-KUMITAT TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI UE – SERBJA

ta’ jum xahar 2013

li joħloq sottokumitati u grupp speċjali

IL-KUMITAT TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa u r-Repubblika tas-Serbja min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 123 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-regoli ta’ proċedura tiegħu, u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Is-sottokumitati u l-gruppi speċjali mniżżla fl-Anness I huma hawnhekk maħluqa. It-termini ta’ referenza tagħhom huma stipulati fl-Anness II.

Magħmul fi …., fil-jum ta’ xahar 2013.

Għall-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Il-President

ANNESS I

FTEHIM TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI UE –SERBJA

L-Istruttura tas-Sottokumitati Multidixxiplinari

Titolu

Kwistjonijiet

L-Artikolu tal-FSA

1.

Kummerċ, Industrija, Dwana u Tassazzjoni

Moviment Liberu tal-Merkanzija

Art. 18

Prodotti Industrijali

Art. 19-23

Kwistjonijiet kummerċjali

Art. 34-48

Standardizzazzjoni, metroloġija, akkreditazzjoni, ċertifikazzjoni, analiżi tal-konformità u sorveljanza tas-suq

Art. 77

Kooperazzjoni Industrijali

Art. 94

SMEs

Art. 95

Turiżmu

Art. 96

Dwana

Art. 99

Tassazzjoni

Art. 100

Regoli ta’ oriġini

Protokoll 3

Assistenza amministrattiva fi kwistjonijiet doganali

Protokoll 6

2.

L-Agrikoltura u s-Sajd

Prodotti agrikoli sensu lato

Art. 24, 26(1) (4), 27(1), 31, 32 and 35

Prodotti agrikoli sensu stricto

Art. 26(2)(3) and 27(2)

Prodotti tas-Sajd

Art. 29 and 30

Prodotti agrikoli pproċessati

Art. 25, Protokoll 1

 

Inbid

Art. 28 and Protokoll 2

Il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti agrikoli u prodotti tas-sajd, u għall-prodotti tal-ikel li mhumiex inbid u spirti

Art. 33

Is-settur agrikolu u agroindustrijali, materji veterinarji u fitosanitarji

Art. 97

Kooperazzjoni fis-sajd

Art. 98

Sikurezza tal-ikel

 

3.

Is-Suq Intern u l-Kompetizzjoni

Dritt ta’ stabbiliment

Art. 52-58

Provvista ta’ servizzi

Art. 59-61

Mistoqsijiet oħrajn relatati mat-Titolu V tal-FSA

Art. 65-71

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-infurzar tal-liġi

Art. 72

Kompetizzjoni

Art. 73-74, Protokoll 5

Il-proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali

Art. 75

Akkwist pubbliku

Art. 76

Servizzi bankarji, tal-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji oħra

Art. 91

Ħarsien il-konsumatur

Art. 78

Saħħa pubblika

 

4.

Kwistjonijiet u statistiċi ekonomiċi u finanzjarji

Ċaqliq ta’ kapital u pagamenti

Art. 62-64

Politika Ekonomika

Art. 89

Kooperazzjoni fl-istatistika

Art. 90

Promozzjoni u protezzjoni tal-Investiment

Art. 93

Kooperazzjoni finanzjarja

Art. 115-118

L-awditjar u l-kontroll finanzjarju

Art. 92

5.

Ġustizzja, libertà u sigurtà

Il-Ġudikatura u d-drittijiet fundamentali

 

Kooperazzjoni ġuridika u bejn il-pulizija

 

Stat tad-dritt

Art. 80

Protezzjoni tad-dejta

Art. 81

Il-viżi, l-kontroll tal-fruntieri, l-ażil u l-migrazzjoni

Art. 82

Immigrazzjoni illegali u riammissjoni

Art. 83

Ħasil il-flus

Art. 84

Drogi

Art. 85

Il-Ġlieda kontra t-terroriżmu

Art. 87

Kriminalità u attivitajiet illegali oħrajn

Art. 86

6.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-politika soċjali

Moviment tal-ħaddiema

Art. 49-51

Kundizzjonijiet tax-xogħol u opportunitajiet indaqs

Art. 79

Kooperazzjoni Soċjali

Art. 101

L-edukazzjoni u t-taħriġ

Art. 102

Kooperazzjoni Kulturali

Art. 103

 

L-informazzjoni u l-komunikazzjoni

Art. 107

Kooperazzjoni fil-qasam awdjoviżiv

Art. 104

In-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika

Art. 106

Is-soċjetà tal-informazzjoni

Art. 105

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

Art. 112

7.

Trasport, enerġija, ambjent, azzjoni klimatika u żvilupp reġjunali

 (1)

Trasport

Art. 52, 55, 61, 108 and Protokoll 4

Enerġija

Art. 109

Sikurezza nukleari

Art. 110

Ambjent

Art. 111

Azzjoni klimatika

Art. 109 and 111

Żvilupp reġjonali u lokali

Art. 113


L-istruttura tal-Grupp speċjali

Titolu

Kwistjonijiet

L-Artikolu tal-FSA

Grupp speċjali għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika

Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika

Titolu VI L-approssimazzjoni legali, u l-infurzar tal-liġi, Art. 72 u Titolu VII, Il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, Art. 80, Art. 114

ANNESS II

IT-TERMINI TA’ REFERENZA TAS-SOTTOKUMITATI U TAL-GRUPP SPEĊJALI UE - IS-SERBJA

Il-konfigurazzjoni u l-President

Is-sottokumitati u l-grupp speċjali għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika (il-grupp speċjali għar-RAP) jkunu magħmulin minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u rappreżentanti tal-gvern tas-Serbja. Huma jkunu kkopreseduti flimkien miż-żewġ partijiet. L-Istati Membri jkunu infurmati u jiġu mistiedna għal-laqgħat tas-sottokumitati u tal-grupp speċjali għar-RAP.

Segretarjat

Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-gvern tas-Serbja flimkien iservu bħala segretarji ta’ kull sottokumitat u tal-grupp speċjali għar-RAP.

Il-komunikazzjonijiet kollha dwar is-sottokumitati jkunu mressqa lis-segretarji tas-sottokumitat rilevanti u tal-grupp speċjali għar-RAP.

Laqgħat

Is-sottokumitati u l-grupp speċjali għar-Rap jiltaqgħu kull meta jkun hemm bżonn, bi qbil bejn iż-żewġ partijiet. Kull laqgħa ta’ sottokumitat jew tal-grupp speċjali għar-RAP tinżamm f’ħin u post li jaqblu dwarhom iż-żewġ partijiet.

Jekk iż-żewġ Partijiet jiftiehmu, is-sottokumitati u l-grupp speċjali għar-RAP jistgħu jistiednu esperti fil-laqgħat tagħhom biex jipprovdu l-informazzjoni speċifika mitluba.

Suġġetti

Is-sottokumitati jiddiskutu kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-oqsma tal-FSA mniżżla fl-istruttura tas-sottokumitat multidixxiplinarju. Il-progress rigward l-allinjament, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-kwistjonijiet ewlenin relatati mal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-IPA relevanti jiġu vvalutati fis-suġġetti kollha. Is-sottokumitati jeżaminaw kull problema li tista’ titfaċċa fl-oqsma relevanti tagħhom u jissuġġerixxu l-passi possibbli li għandhom jittieħdu.

Il-grupp speċjali għar-RAP jiddiskuti kwistjonijiet relatati mar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u jissuġġerixxi l-passi li jistgħu jittieħdu.

Minuti

Għal kull laqgħa jittieħdu l-minuti u wara jkun hemm qbil dwarhom. Kopja tal-minuti tiġi mgħoddija mis-segretarju tas-sottokumitat jew tal-grupp speċjali għar-RAP, lis-Segretarju tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tas-sottokumitati u tal-grupp speċjali għar-RAP ma jkunux pubbliċi.


(1)  Sabiex jiġi implimentat ir-raba’ Protokoll tal-FSA, dan is-sottokumitat jaġixxi bħala s-sottokumitat speċjali imsemmi fl-Artikolu 21 ta’ dan il-Protokoll.