|
8.10.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 265/8 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-17 ta’ Lulju 2013
dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33412 (12/C) (ex 11/N) li l-Italja qed tippjana li timplimenta għall-iżvilupp ta’ ktajjen ta’ loġistika u l-aġġornament tal-intermodalità
(notifikata bid-dokument C(2013) 4392)
(Il-verżjoni bil-lingwa Taljana biss hija awtentika)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2013/487/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq, u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom (1),
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Permezz ta' notifika elettronika tas-27 ta’ Lulju 2011, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, dwar l-intenzjoni tagħhom li jimmodifikaw skema ta’ għajnuna mmirata li tinkoraġġixxi t-trasferiment ta’ vetturi tqal tal-merkanzija mit-triq għall-baħar. Din in-notifika ġiet irreġistrata bin-numru tal-każ SA.33412. |
|
(2) |
Fl-14 ta’ Settembru 2011, saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u rappreżentanti Taljani. Wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali dwar it-tibdil innotifikat fit-23 ta’ Settembru 2011, fid-9 ta’ Diċembru 2011, fis-7 ta’ Marzu 2012 u fis-16 ta’ Mejju 2012. L-awtoritajiet Taljani pprovdew l-informazzjoni mitluba fid-19 ta’ Ottubru 2011, fid-9 ta’ Novembru 2011, fil-11 ta’ Jannar 2012, fid-19 ta’ Marzu 2012 u fit-12 ta’ Ġunju 2012. |
|
(3) |
B’ittra datata l-25 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni infurmat lill-Italja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE rigward il-modifika tal-iskema għall-iżvilupp ta’ ktajjen ta’ loġistika u l-aġġornament tal-intermodalità. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”) kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. |
|
(5) |
L-Italja ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ permezz ta’ ittra datata d-9 ta’ Awwissu 2012. |
|
(6) |
Permezz ta’ ittri datati l-15, 30 u 31 ta’ Ottubru 2012 il-partijiet interessati ssottomettew il-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ. Il-Kummissjoni għaddiet dawn il-kummenti lill-Italja fid-19 ta’ Diċembru 2012 biex tagħtiha l-opportunità li tirreaġixxi. Il-kummenti tal-Italja waslu permezz ta’ ittra datata s-16 ta’ Jannar 2013. |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURI
2.1. Sfond
|
(7) |
Il-miżura tipprovdi għal modifika tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat immirata li tappoġġja l-bidla modali ta’ vetturi tqal tal-merkanzija mit-triq għall-baħar. Is-sussidji se jingħataw lil kumpaniji tat-trasport bit-triq li jagħmlu użu ta’ rotot marittimi eżistenti jew ġodda minflok dawk tat-trasport bit-triq. |
|
(8) |
L-iskema inizjali ta’ għajnuna kienet awtorizzata mill-Kummissjoni fl-20 ta’ April 2005 għal perjodu ta’ tliet snin bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2009 (minn hawn’ il quddiem “id-Deċiżjoni tal-2005”) (3). |
|
(9) |
Taħt dik l-iskema, il-kumpaniji tat-trasport bit-triq li jirċievu l-għajnuna kienu meħtieġa li jżommu l-istess numru ta’ vjaġġi jew l-istess kwantità ta’ merkanzija ttrasportata matul il-perjodu ssussidjat għal tliet snin oħra wara l-iskadenza tal-iskema (4). |
|
(10) |
Il-premessa 26 tad-deċiżjoni tal-2005 timponi obbligu fuq l-awtoritajiet Taljani li jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni dwar l-evoluzzjoni u l-impatt tal-għajnuna fuq il-politika tat-trasport u l-ambjent. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni rċeviet rapport ta’ implimentazzjoni li jenfasizza t-tendenzi ewlenin tas-suq mill-2007 sal-2009 u li jenfasizza l-ħtieġa għal estensjoni ta’ sentejn tal-iskema inizjali. |
|
(12) |
Ir-rapport enfasizza l-fatt, fost affarijiet oħra, li:
|
2.2. L-għan tal-iskema ta’ għajnuna
|
(13) |
Kif intqal fil-premessa 3, l-għan tal-iskema huwa li tiffaċilita l-qalba modali tat-trasport tal-merkanzija mit-triq għat-trasport marittimu. |
2.3. Bażi legali nazzjonali
|
(14) |
L-iskema ta’ għajnuna hija bbażata fuq:
|
2.4. Baġit
|
(15) |
Il-baġit globali għall-modifika proposta huwa ta’ EUR 60 miljun (EUR 30 miljun għall-2010 u EUR 30 miljun għall-2011). |
2.5. Tul ta’ żmien
|
(16) |
L-awtoritajiet Taljani nnotifikaw il-modifika tal-iskema fil-forma ta’ estensjoni ta’ sentejn (l-2010 u l-2011). L-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-ebda għajnuna ma ġiet imħallsa għat-tħaddim tas-servizzi marittimi fl-2010 u fl-2011 u li l-miżura tkun implimentata biss wara awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni. |
2.6. Il-modifiki fir-reġim tal-għajnuna mill-Istat
|
(17) |
Il-modifiki nnotifikati mill-awtoritajiet Taljani jikkonċernaw:
|
|
(18) |
Waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Italja impenjat ruħha biex tnaqqas l-estensjoni minn sentejn għal sena waħda biss. |
|
(19) |
L-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-ebda miżuri addizzjonali, bħal dawk awtorizzati mid-Deċiżjoni tal-2005, m'hu se jiġu implimentati matul l-estensjoni. |
2.7. Raġunijiet għall-modifika
|
(20) |
L-awtoritajiet Taljani spjegaw li l-kisba tal-għanijiet ippjanati (li jistabilizzaw it-trasferiment modali ġġenerat mill-iskema inizjali u l-iżvilupp ulterjuri ta’ rotot sussidjati) ġiet mhedda bħala riżultat tal-kriżi ekonomika. |
|
(21) |
Waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Italja wkoll impenjat ruħha li testendi l-obbligu li tkompli operazzjoni kummerċjali tas-servizzi tat-trasport, mingħajr għajnuna, b’sena oħra. |
2.8. Akkumulazzjoni
|
(22) |
L-akkumulazzjoni ma’ sussidji reġjonali għall-istess għan hija permessa għal sa 30% tal-ispejjeż totali tat-trasport. |
2.9. Benefiċjarji
|
(23) |
Il-kumpaniji kollha tat-trasport bit-triq tal-Unjoni, inklużi gruppi temporanji jew permanenti u l-assoċjazzjonijiet tal-operaturi tat-trasport li jimbarkaw il-vetturi u t-trejlers tagħhom (kemm jekk akkumpanjati jew le minn sewwieqa) fuq vapuri tal-merkanzija sabiex jużaw ċerti rotot ta’ tbaħħir identifikati b’Digriet tal-Ministru tal-Infrastruttura u t-Trasport, jistgħu jitolbu tali għotjiet taħt l-iskema. |
2.10. Forma tal-għajnuna u l-intensità tal-għajnuna
|
(24) |
L-għajnuna se tieħu l-forma ta’ għotja mhux rimborsabbli, li l-livell tagħha jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ispejjeż esterni tat-trasport marittimu u t-trasport bit-triq. |
|
(25) |
Din id-differenza se tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta’ studju aġġornat minn Friends of the Earth (6). Il-fatturi li ser jitqiesu f’dawn il-kalkoli huma l-gassijiet b'effett serra, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju, il-konġestjoni u l-inċidenti. Dan l-istudju ġie aġġornat fuq il-bażi tar-riżultati tal-ewwel perijodu tal-applikazzjoni tal-iskema Ecobonus. Id-differenza fl-ispejjeż soċjali u ambjentali mġarrba bl-użu tal-Awtostradi tal-baħar minflok bit-trasport bit-triq wasslu għal iffrankar ta’ EUR 411-il miljun. |
|
(26) |
Minn dan l-istudju jirriżulta li vettura tqila mimlija, twila 14-il metru li tivvjaġġaw 100 km bit-triq tiġġenera spejjeż esterni ta’ madwar EUR 212.58, filwaqt li l-ispejjeż esterni ta’ 100 km magħmula bil-baħar huma stmati għal madwar EUR 79.37. Id-differenza hija ta’ EUR 133.21 għal medda ta’ 100 km. Din il-medja se tifforma l-bażi ta’ skontijiet applikabbli għal trasportaturi ta’ merkanzija stradali meta jużaw ir-rotot tat-tbaħħir magħżula. L-ammont se jkun adattat għall-kundizzjonijiet partikulari speċifiċi tas-suq fuq ir-rotot identifikati. |
2.11. Proċedura
|
(27) |
Il-benefiċjarji se jkollhom iwettqu ċertu numru ta’ vjaġġi, li se jiġu ffissati kull sena għal kull rotta magħżula. Il-kumpaniji applikanti jridu jkunu wettqu mill-inqas 80 vjaġġ fis-sena fuq rotta individwali. |
|
(28) |
Żieda ta’ “bonus” se jingħata, minbarra għajnuna bażiku, għal dawk il-kumpaniji li jaqbżu aktar minn 1 600 vjaġġ fis-sena fuq linja partikolari tat-trasport bil-baħar. Madankollu ma jistax jinqabeż massimu ta’ 30 % tal-intensità tal-għajnuna. L-għan ta’ din l-għajnuna żejda huwa li tħeġġeġ lill-kumpaniji li jiffurmaw assoċjazzjonijiet u li tiżdied ir-rata tal-okkupazzjoni ta’ vapuri li jintużaw għat-trasport tal-merkanzija. |
|
(29) |
Il-linji marittimi eliġibbli se jiġu identifikati permezz ta’ digriet ministerjali fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:
|
|
(30) |
Ir-rotot marittimi l-ġodda magħżula se jkunu rotot li bħalissa mhumiex moqdijin b’mod adegwat bil-baħar. |
|
(31) |
L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu impenn mill-benefiċjarji li jżommu l-istess numru ta’ vjaġġi jew it-trasport tal-istess kwantità ta’ merkanzija bħal matul il-perjodu sussidjat matul it-tliet snin wara l-iskadenza tal-iskema. Matul l-investigazzjoni tal-miżura preżenti mill-Kummissjoni l-Italja estendiet dan il-perjodu ta’ tliet snin b’sena. |
|
(32) |
L-għajnuna se tingħata biss bil-kondizzjoni li t-tariffi jinżammu fl-istess livell, skont ir-rata tal-inflazzjoni. |
|
(33) |
L-għajnuna tista’ tingħata b’mod retrospettiv, wara eżami tad-dokumenti rilevanti, fil-limiti tal-fondi disponibbli u allokati għal dan l-iskop partikolari. Jekk l-għajnuna li tingħata teċċedi l-fondi disponibbli għas-sena in kwistjoni, id-daqs tal-kontribuzzjonijiet se jiġi stabbilit permezz ta’ deċiżjoni ministerjali speċjali. |
3. RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI
3.1. L-eżistenza ta’ għajnuna
|
(34) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni bdiet billi tinnota li l-iskema modifikata tat vantaġġ lil trasportaturi ta’ merkanzija stradali u dan kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE f’dan il-livell. |
|
(35) |
Il-Kummissjoni qieset ukoll li t-trasportaturi li jipprovdu trasport bil-baħar lit-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq jistgħu jibbenefikaw ukoll minn vantaġġ indirett bħala riżultat tal-iskema mmodifikata. |
3.2. Kumpatibbiltà tal-għajnuna
|
(36) |
Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-iskema modifikata, il-Kummissjoni l-ewwel osservat li l-iskema inizjali kienet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. |
|
(37) |
Hija nnutat, madankollu, illi l-modifika notifikata tal-iskema dehret li tikser kondizzjoni tad-Deċiżjoni tal-2005 li biha trasportaturi ta’ merkanzija stradali li jibbenefikaw mill-iskema li kienet approvata inizjalment impenjaw ruħhom li jżommu l-istess numru ta’ vjaġġi jew jittrasportaw l-istess kwantità ta’ merkanzija matul il-perjodu sussidjat fit-tliet snin wara l-iskadenza tal-iskema, mingħajr ma jirċievu għajnuna. |
|
(38) |
Il-Kummissjoni nnutat ukoll li, kieku t-trasportaturi li jipprovdu servizzi marittimi lit-trasportaturi bit-triq kellhom jiġu kkunsidrati benefiċjarji indiretti tal-iskema (7), il-Kummissjoni tkun trid teżamina l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna fuq il-bażi tal-punt 10 tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu (“il-Linji Gwida Marittimi”) (8). |
|
(39) |
Peress li f’dan il-każ l-għajnuna mogħtija lit-trasportaturi se tiffinanzja t-tħaddim ta’ rotot eżistenti u testendi lil hinn mill-perjodu tat-tliet snin, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibilità tal-iskema mmodifikata mas-suq intern. |
4. KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI
|
(40) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand tliet assoċjazzjonijiet ta’ operaturi tat-trasport, jiġifieri CETM, ANITA u ċ-Ċentru tal-Promozzjoni tal-Baħar għal Distanzi Qosra. |
|
(41) |
Il-partijiet interessati bażikament appoġġaw il-pożizzjoni meħuda mill-Italja rigward it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u l-impatt globali tagħha fuq attivitajiet ta’ trasport. |
|
(42) |
B’mod partikolari, il-partijiet terzi enfasizzaw l-impatt tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fuq is-settur tat-trasport, li kien tant estensiv, li kompla jaffettwa b'mod negattiv l-żvilupp tal-livell ta' traffiku intermodali kif kien inizjalment previst. |
5. KUMMENTI MILL-ITALJA
|
(43) |
L-osservazzjonijiet tal-Italja dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ huma mqassra hawn taħt. |
|
(44) |
L-ewwel nett, l-Italja argumentat li l-impenn li jinżammu l-livelli tat-traffiku wara l-iskadenza tal-iskema kien mogħti mit-trasportaturi tal-merkanzija stradali f'kuntest tas-suq totalment differenti. Minħabba li l-kobor u t-tul tal-kriżi ma setax jiġi mbassar dak iż-żmien, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li wasslu għall-ħtieġa li l-iskema tiġi nnotifikata kif xieraq. |
|
(45) |
Kien imbassar li l-bidla intermodali tiġi stabilizzata la darba t-traffiku marittimu, f'termini ta' vjaġġi u ta’ tunnellaġġ, ikun żdied b’terz fl-2011 meta mqabbel mal-2007. Din il-mira kienet stmata fuq il-bażi ta’ studju mwettaq minn CETENA u COFIR f’Ġunju 2002 bħala parti mill-“Programm ta’ Riċerka Straordinarju għall-Iżvilupp ta’ Bastimenti tal-Baħar u tax-Xmajjar”. |
|
(46) |
Madankollu, mill-bidu tat-tieni nofs tal-2008 it-tnaqqis fl-ekonomija laqat il-kumpaniji tat-trasport li jipparteċipaw fl-iskema f’nofs l-implimentazzjoni tagħha, u kien diffiċli għalihom biex jistabbilizzaw il-livelli ta’ trasport intermodali milħuq. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tqis it-tnaqqis fin-numru ta’ vjaġġi u tunnellaġġ, iġġenerat minn tnaqqis f’kuntratti u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. |
|
(47) |
It-tieni, b’appoġġ għall-modifika notifikata, l-Italja indikat li l-baġit għall-iskema inizjali kien għadu ma ntużax totalment, li jfisser li l-fondi meħtieġa għall-modifika notifikata xorta kienu fi ħdan il-limiti tal-baġit inizjali. |
|
(48) |
It-tielet, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-fatt li l-ebda ilment ma kien wasal, la fil-livell nazzjonali u lanqas fil-livell tal-Unjoni, minn xi parti interessata. Dan għandu jittieħed bħala indikazzjoni li ma kien hemm ebda distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni. |
|
(49) |
Fl-aħħar nett, l-Italja argumentat li jekk il-benefiċċji potenzjali tal-miżura għall-kumpaniji marittimi kellu jikkwalifika bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 tat-TFUE, dan neċessarjament ifisser li l-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll l-effetti tal-miżura fuq attivitajiet konnessi oħra, bħall-manutenzjoni tal-baċiri, aġenti tat-tbaħħir u l-operaturi tal-portijiet. Skont l-awtoritajiet Taljani, approċċ bħal dan jikser kemm il-prattika kif ukoll il-każistika preċedenti. |
|
(50) |
Sabiex ittaffi t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà mill-estensjoni notifikata, l-Italja kienet impenjat ruħha matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali biex temenda l-miżura notifikata kif ġej: tqassar l-estensjoni minn sentejn għal sena biss u estensjoni konkomitanti ta’ operazzjoni kummerċjali tas-servizzi tat-trasport, mingħajr għajnuna, b’sena addizzjonali. |
6. IL-KUMMENTI TAL-ITALJA DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI
|
(51) |
Permezz tal-ittra datata s-16 ta’ Jannar 2013, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kummenti tal-partijiet interessati fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali. |
|
(52) |
L-awtoritajiet Taljani appoġġjaw il-kummenti mressqa mit-tliet assoċjazzjonijiet tat-trasport imsemmija hawn fuq, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ tfixkil tal-kompetizzjoni u l-kwalifikazzjoni ta’ vantaġġi potenzjali għall-kumpaniji tat-tbaħħir. |
7. VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA
7.1. L-eżistenza ta’ għajnuna
|
(53) |
Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dak it-Trattat, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew il-provvediment ta’ ċertu merkanzija, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. |
|
(54) |
Il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) huma kumulattivi. Għalhekk, sabiex jiġi determinat jekk miżura notifikata tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-kriterji kollha għandhom jiġu ssodisfati. Sabiex jitqies għajnuna mill-Istat, l-appoġġ finanzjarju għandu:
|
|
(55) |
F’dan il-każ, il-finanzjament pubbliku tal-modifika proposta huwa mogħti mill-Istat u permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, hija tiffavorixxi biss ċerti impriżi u għaldaqstant hi selettiva. |
|
(56) |
Il-Kummissjoni tqis li l-emenda proposta tagħti vantaġġ ekonomiku lil dawk li jittrasportaw il-merkanzija bit-triq involuti f’operazzjonijiet ta’ trasport li huma eleġibbli għall-iskema billi teħlishom minn xi parti mill-ispejjeż operattivi tagħhom. |
|
(57) |
Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-iskema kif modifikata, għalkemm immirata direttament lejn it-trasportaturi ta’ merkanzija stradali, mingħajr dubju twassal għal żieda fid-domanda tas-suq għal ċerti servizzi marittimi u għalhekk fid-dħul li jaqilgħu. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-iskema modifikata tagħti vantaġġ ekonomiku lill-kumpaniji marittimi. |
|
(58) |
Fl-aħħar nett, meta għajnuna mogħtijia minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża fir-rigward ta’ impriżi oħra li jikkompetu fil-kummerċ ġewwa l-Unjoni, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala affettwati minn dik l-għajnuna (9). Huwa biżżejjed li r-reċipjent tal-għajnuna jikkompeti ma' impriżi oħra fuq swieq miftuħa għall-kompetizzjoni (10). F’dan il-każ, il-benefiċjarji joperaw f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħra fl-Unjoni. Għalhekk, il-miżura notifikata hija kapaċi tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ fi ħdan is-suq intern. |
|
(59) |
Fid-dawl ta’ dawn is-sejbiet, il-Kummissjoni tqis li l-iskema ta’ għajnuna kif modifikata tinvolvi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE kemm għall-kumpaniji li jittrasportaw bit-triq kif ukoll dawk bil-baħar. |
7.2. Leġittimità tal-għajnuna
|
(60) |
Il-miżura ma tpoġġietx fis-seħħ qabel l-approvazzjoni formali mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tieħu nota tal-fatt li taħt l-iskema estiża l-għajnuna ser titħallas biss wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni. Għalhekk, l-awtoritajiet Taljani ssodisfaw l-obbligu stand-still tagħhom skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE. |
|
(61) |
Fl-istess ħin, peress li l-estensjoni nnotifikata tikkonċerna perjodu ta’ żmien li għadda diġà, il-Kummissjoni ssib li kwalunkwe żieda fid-domanda għal servizzi marittimi bħala riżultat tal-iskema neċessarjament seħħet meta s-servizzi jkunu ġew użati. |
7.3. Kumpatibbiltà tal-għajnuna
|
(62) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-unika modifika għall-iskema preċedenti hija l-estensjoni maż-żmien u b’konsegwenza finanzjament addizzjonali. Ebda miżuri addizzjonali ma se jiġu sussidjati taħt l-estensjoni. L-elementi l-oħra kollha jibqgħu l-istess bħal fl-iskema eżaminata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-20 ta’ April 2005. |
|
(63) |
Waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Italja impenjat ruħha biex tqassar l-estensjoni minn sentejn għal sena waħda biss. Hija impenjat ruħha wkoll li testendi l-obbligu li tkompli operazzjoni kummerċjali tas-servizzi tat-trasport, mingħajr għajnuna, b’sena oħra. |
|
(64) |
Il-punt 10 tal-Linji Gwida Marittimi jiffissa għadd ta’ kriterji għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżura maħsuba biex ittejjeb il-katina intermodali u biex titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq fix-xitwa. Madankollu, hawnhekk il-Kummissjoni temmen li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu evalwati fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dan il-każ (modifikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti diġà approvata direttament skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE) u ċirkostanzi eċċezzjonali li bidlu b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-suq li kienu jeżistu fiż-żmien meta l-iskema ġiet approvata għall-ewwel darba mill-Kummissjoni. |
7.3.1. L-ewwel kundizzjoni: L-għajnuna ma tistax taqbeż tliet snin bħala tul ta’ żmien u l-iskop tagħha huwa għall-finanzjament ta’ servizz marittimu li jgħaqqdu żewġ portijiet li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri
|
(65) |
F’dan il-każ l-Italja wriet b’mod suffiċjenti li l-kriżi ekonomika affettwat b’mod sinfikanti l-operazzjoni tas-servizzi tat-trasport, bir-riżultat li l-benefiċjarji ma setgħux iwettqu l-impenn tagħhom biex ikomplu operazzjoni kummerċjali tas-servizzi inkwistjoni wara l-perjodu ta’ finanzjament inizjali ta’ tliet snin (11). Barra minn hekk, l-Italja kienet impenjat ruħha li ttawwal ir-rekwiżit li jiġu operati dawk is-servizzi kummerċjalment b’sena oħra. Barra minn hekk, l-iskema bla dubju sservi biex tiffinanzja servizzi tat-tbaħħir li jgħaqqdu portijiet tal-Unjoni. |
|
(66) |
Għalhekk, anki jekk il-perijodu kumplessiv tal-iskema kif emendata huwa erba’ snin, il-Kummissjoni tikkunsidra li fiċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dan il-każ huwa ġġustifikat li tali estensjoni limitata titqies bħala konformi mal-kundizzjoni hawn fuq. |
7.3.2. It-tieni kundizzjoni: Is-servizz għandu jkun ta’ natura li jippermetti li trasport (essenzjalment merkanzija) bit-triq isir kompletament jew parzjalment bil-baħar, mingħajr ma t-trasport marittimu jkun żvijjat b’mod li jmur kontra l-interess komuni
|
(67) |
Kif imsemmi hawn fuq, l-iskop ta’ skema ssussidjata huwa li jiġi appoġġjat it-trasport marittimu tal-merkanzija billi jsir kontribut għall-ispejjeż operattivi assoċjati meta tinġarr merkanzija bit-trasport marittimu. |
|
(68) |
Il-Kummissjoni tieħu wkoll f’konsiderazzjoni il-baġit relattivament modest tal-modifika notifikata. |
|
(69) |
Il-Kummissjoni hija għalhekk sodisfatta li l-miżura tgħin biex jintlaħaq objettiv tal-Unjoni u li l-potenzjal tat-tfixkil tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna hija inferjuri mill-benefiċċji usa’ li l-iskema se tipprovdi billi tittrasferixxi traffiku tal-merkanzija mit-toroq għall-ilma, u b’hekk tiġi mħeġġa ċaqliqa modali tal-post lejn sistema tat-trasport aktar sostenibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni hija sodisfatta li l-modifika inkwistjoni tirrigwarda skema ta’ għajnuna li tippermetti li t-trasport bit-triq isir kompletament jew parzjalment bil-baħar u li m’hemm ebda devjazzjoni ta’ trasport marittimu li jkun kuntrarju għall-interess komuni. |
7.3.3. It-tielet kriterju: L-għajnuna trid tkun immirata lejn l-implimentazzjoni ta’ proġett dettaljat b’impatt ambjentali stabbilit minn qabel, tikkonċerna rotta ġdida jew aġġornament fis-servizzi fuq waħda eżistenti, tassoċja diversi sidien tal-bastimenti jekk meħtieġ, u ma jkunx hemm iktar minn proġett wieħed iffinanzjat għal kull linja u l-ebda tiġdid, estensjoni jew ripetizzjoni tal-proġett in kwistjoni
|
(70) |
L-għajnuna ġiet ikkalkolata sabiex tikkumpensa servizzi marittimi għall-ispejjeż esterni mhux imħallsa ta’ servizzi tat-toroq li jikkompetu magħhom. L-ammont ta’ għajnuna li se tingħata skont il-vjaġġ tikkorrispondi għad-differenza tal-ispejjeż esterni ġġenerati mit-trasport marittimu għat-trasport bit-triq, ikkalkulat fuq il-bażi ta’ studju aġġornat magħmul mill-Friends of the Earth. Il-fatturi meqjusa f’dawn il-kalkoli huma gassijiet serra, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju, il-konġestjoni u l-inċidenti. Il-Kummissjoni tinnota li s-sejbiet tal-istudju juru b’mod ċar li dan il-proġett intermodali triq-baħar iwassal għal iffrankar sostanzjali fl-ispejjeż esterni. |
|
(71) |
Il-Kummissjoni tqis li l-livell ta’ għajnuna ppjanata huwa bbażat fuq perjodu ta' analiżi komparattiva tal-ispejjeż esterni taż-żewġ modi ta’ trasport u li hija limitata għall-ammont meħtieġ biex tiffavorixxi l-bidla għas-servizzi marittimi. Għalhekk l-għajnuna hija indirizzata lejn l-implimentazzjoni ta’ proġett dettaljat b’impatt ambjentali stabbilit minn qabel. |
|
(72) |
Rigward il-kundizzjoni li l-proġett għandu jikkonċerna biss rotot ġodda jew l-immodernizzar tas-servizzi eżistenti, il-Kummissjoni tosserva li l-iskema kienet diġà approvata direttament taħt l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Għalhekk, il-valutazzjoni dwar l-estensjoni nnotifikata tal-iskema fid-dawl ta’ din il-kundizzjoni tal-Linji Gwida marittimi mhijiex relevanti billi l-emenda neċessarjament se tapplika għal rotot li diġà ġew iffinanzjati taħt l-iskema eżistenti. |
|
(73) |
Bħal taħt l-iskema inizjali, il-benefiċjarji se jkunu ħielsa li jagħżlu l-aktar linja marittima konvenjenti u l-aktar operatur kompetittiv għal kull waħda mir-rotot magħżula. Dawn id-disposizzjonijiet jiggarantixxu trattament mhux diskriminatorju fost operaturi ta’ trasport marittimu. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li din il-kundizzjoni hija sodisfatta. |
7.3.4. Ir-raba’ kundizzjoni: L-għajnuna trid tkun maħsuba biex tkopri sa 30 % tal-ispejjeż operattivi tas-servizz in kwistjoni
|
(74) |
Is-sussidju mogħti lil proġetti magħżula huwa limitat għal 30 % tal-ispejjeż operattivi. |
7.3.5. Il-ħames kundizzjoni: L-għajnuna għandha tingħata fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti applikati b'mod mhux diskriminatorju lil sidien ta’ bastimenti stabbiliti fil-Komunità. Normalment l-għajnuna trid tingħata għal proġett magħżul mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru permezz ta’ sejħa għall-offerti konformi mar-regoli Komunitarji applikabbli
|
(75) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-kriterji applikati għall-għoti tal-għajnuna huma trasparenti u li s-sidien tal-bastimenti fl-Unjoni huma trattati b’mod li mhuwiex diskriminatorju. |
7.3.6. Is-sitt kundizzjoni: Is-servizz li huwa s-suġġett tal-proġett għandu jkun ta’ tip li huwa kummerċjalment vijabbli wara l-perjodu li matulu jkun eliġibbli għall-finanzjament pubbliku
|
(76) |
Kif imsemmi hawn fuq, it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku żamm lill-kumpaniji tat-trasport milli jistabbilizzaw il-livelli milħuqa ta’ trasport intermodali. Għalhekk, il-proġetti ma setgħux jiksbu l-vijabilità wara tliet snin ta’ għajnuna. Madankollu l-Kummissjoni qieset l-impenn tal-Italja biex ittawwal b’sena oħra l-obbligu tal-benefiċjarji li joperaw dawk is-servizzi kummerċjalment wara erba’ snin ta’ sussidju; Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li din il-kundizzjoni hija sodisfatta. |
7.3.7. Is-seba’ kundizzjoni: L-għajnuna ma tistax tkun akkumulata ma’ kumpens minn servizz pubbliku (obbligi jew kuntratti)
|
(77) |
Kif imsemmi hawn fuq, l-għajnuna ma tistax tkun akkumulata ma’ kumpens minn servizz pubbliku. |
8. KONKLUŻJONI
|
(78) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-modifika tal-iskema permezz ta’ estensjoni ta’ sena hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-miżura li l-Italja qed tippjana li timplimenta abbażi tal-Artikolu 2(250) tal-Liġi Nru 191 tat-23 ta’ Diċembru 2009 u d-Digriet tal-Ministeru Taljan tal-Infrastruttura u t-Trasport tal-31 ta’ Jannar 2011 għall-iżvilupp ta’ ktajjen ta’ loġistika u l-aġġornament tal-intermodalità hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
L-implimentazzjoni tal-miżura hija awtorizzata skont dan.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2013.
Għall-Kummissjoni
Joaquín ALMUNIA
Viċi President
(1) ĠU C 301, 5.10.2012, p. 49.
(2) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
(3) Għajnuna mill-Istat Nru 496/2003, ĠU C 79, 1.4.2006, p. 26.
(4) Ara l-premessi 7, 21, 28 u 29 tad-deċiżjoni tal-2005.
(5) Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-vjaġġi huma minn u lejn Spanja.
(6) Lombard P.L. and Malocchi A., Navigation and environment – a comparison with the external costs of other transport modes, Milan Franco Angeli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li hemm metodi oħra ta' kalkolu tal-ispejjeż esterni għall-modi differenti tat-trasport, b’mod partikolari dak użat mill-Kummissjoni għal proġetti Marco Polo: ftp://ftp.jrc.es/pub/EURdoc/JRC81002.pdf
(7) Ara l-premessa 33.
(9) Ara, b’mod partikolari, il-Kawża 730/79 Philip Morris v il-Kummissjoni [1980] ECR 2671, paragrafu 11; Kawża C-53/00 Ferring [2001] Ġabra I-9067, il-paragrafu 21; Kawża C-372/97 l-Italja v il-Kummissjoni, [2004] Ġabra I-3679, il-paragrafu 44.
(10) Kawża T-214/95 Het Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni [1998] Ġabra II-717.
(11) Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tinnota diskrepanza bejn il-Linji Gwida Marittimi u l-linji gwida Komunitarji dwar Għajnuna mill-Istat għal impriżi ferrovjarji (ĠU C 184, 22.7.2008, p. 13) li fihom, għal skemi simili li jippromwovu l-bidla intermodali mit-trasport bit-triq għat-trasport bil-ferrovija, ebda limitu ta’ tliet snin korrispondenti ma huwa preskritt. Għalhekk, meta tirrevedi l-Linji Gwida Marittimi, il-Kummissjoni ser tispeċifika li taħt ċerti ċirkostanzi, l-għajnuna mill-Istat għat-trasport bil-baħar għal distanzi qosra jista' jkun dikjarat bħala kompatibbli għal perjodu ta’ aktar minn tliet snin.