|
20.9.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 250/40 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-13 ta’ Settembru 2013
dwar l-approvazzjoni ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku għal Ċipru u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/236/UE
(2013/463/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) u (5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 japplika għal Stati Membri li diġà qed jirċievu assistenza finanzjarja, inklużi dawk mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi r-regoli għall-approvazzjoni ta’ programmi ta’ aġġustament makroekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu għajnuna finanzjarja; jeħtieġ li dawk ir-regoli jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. |
|
(3) |
Fuq talba tal-25 ta’ Ġunju 2012 minn Ċipru għal għajnuna finanzjarja mill- MES, fil-25 ta’ April 2013 il-Kunsill iddeċieda permezz tad-Deċiżjoni 2013/236/UE (2) li Ċipru kellu jimplimenta b’mod rigoruż programm ta’ aġġustament makroekonomiku. |
|
(4) |
Fl-24 ta’ April 2013 il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES iddeċieda li jagħti, fil-prinċipju, sostenn ta’ stabbiltà lil Ċipru u approva l-Memorandum ta’ Qbil dwar il-Kundizzjonalità Speċifika tal-Politika Ekonomika (minn hawn’ il quddiem il-“MtQ”) u l-iffirmar tiegħu mill-Kummissjoni f’isem il-MES. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/236/UE, il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BCE) u fejn adatt, mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), għamlet l-ewwel analiżi biex tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma kif ukoll l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom. Bħala konsegwenza ta’ din l-analiżi, sar aġġornament għall-programm ta’ aġġustament makroekonomiku attwali, li jirrifletti l-passi li ħadu l-awtoritajiet Ċiprijotti sat-tieni kwart tal-2013. |
|
(6) |
Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 472/2013 programm ta’ aġġustament makroekonomiku issa għandu jiġi adottat fil-forma ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. Fl-interess taċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali, il-programm għandu jkun adottat mill-ġdid fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013. Is-sustanza tal-programm għandha tibqa’ identika għal dik approvata bid-Deċiżjoni 2013/236/UE, iżda għandhom jiġu inkorporati wkoll ir-riżultati tal-analiżi mwettqa skont l-Artikolu 1(2) ta’ dik id-Deċiżjoni. Fl-istess ħin, id-Deċiżjoni 2013/236/UE għandha tiġi revokata. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-BĊE u mal-FMI, għamlet l-ewwel analiżi biex tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma kif ukoll l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom. Bħala riżultat, il-MtQ ġie aġġornat fl-oqsma tar-riforma tas-settur finanzjarju, il-politika fiskali u r-riformi strutturali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ (i) pjan direzzjonali għar-rilassament gradwali tal-kontrolli tal-kapital, (ii) l-istabbiliment tal-qafas legali għal struttura ġdida ta’ governanza biex timmaniġġja s-sehem tal-Istat fis-settur tal-kreditu għall-koperattivi, (iii) pjan ta’ azzjoni kontra l-ħasil tal-flus, (iv) skema ta’ kumpens għal fondi ta’ providenza u fondi għall-irtirar li kellhom depożiti fis-Cyprus Popular Bank, (v) l-iżgurar li l-fondi nazzjonali neċessarji jibqgħu disponibbli biex ikopru l-kontribuzzjonijiet nazzjonali għal proġetti ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u minn fondi oħra tal-UE, (vi) il-komunikazzjoni tad-dettalji dwar ir-riforma ppjanata tal-assistenza pubblika, u (vii) il-preparazzjoni ta’ proposti politiċi dettaljati għal politiki ta’ attivazzjoni u t-teħid ta’ azzjoni rapida biex jinħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jitjiebu l-prospetti tagħhom li jsibu impjieg. L-implimentazzjoni ta’ riformi komprensivi u ambizzjużi f’oqsma finanzjarji, fiskali u strutturali għandha tissalvagwradja s-sostenibbiltà, fuq perjodu ta’ żmien medju, tad-dejn pubbliku Ċiprijott. |
|
(8) |
Matul l-implimentazzjoni tal-pakkett komprensiv ta’ politika ta’ Ċipru, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza politika addizzjonali kif ukoll assistenza teknika f’oqsma speċifiċi. Stat Membru soġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku li jesperjenzja kapaċità amministrattiva insuffiċjenti għandu jfittex assistenza teknika mill-Kummissjoni, li tista’ tikkostitwixxi, għal dak l-iskop, gruppi ta’ esperti. |
|
(9) |
L-awtoritajiet Ċiprijotti għandhom jfittxu l-opinjonijiet, skont ir-regoli u l-prattika nazzjonali attwali, tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Sabiex ikun iffaċilitat ir-ritorn tal-ekonomija Ċiprijotta lejn perkors ta’ tkabbir sostenibbli u ta’ sostenibbilta fiskali u finanzjarja, Ċipru għandu jimplimenta b’mod rigoruż il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku (il-“programm”), li l-elementi prinċipali tiegħu huma stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.
2. Il-Kummissjoni,f’kollaborazzjoni mal-BĊE, u fejn adatt, mal-FMI, għandha timmonitorja l-progress ta’ Ċipru fl-implimentazzjoni tal-programm. Ċipru għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni u mal-BĊE. B’mod partikolari huwa għandu jipprovdilhom l-informazzjoni kollha li huma jqisu neċessarja għall-monitoraġġ tal-programm. L-awtoritajiet Ċiprijotti għandhom jikkonsultaw ex ante il-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI dwar l-adozzjoni ta’ politiki li mhumiex inklużi f’din id-Deċiżjoni iżda li jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-kisba tal-objettivi tal-programm.
3. Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-BĊE u, fejn xieraq, mal-FMI, għandha teżamina mal-awtoritajiet Ċiprijotti kwalunkwe tibdiliet u aġġornamenti għall-programm li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jittieħed kont kif xieraq, inter alia, kwalunkwe lakuna sinifikanti bejn il-previżjonijiet makroekonomiċi u fiskali u ċ-ċifri reali (inkluż tal-qgħad), effetti konsekwenzjali negattivi kif ukoll xokkijiet makroekonomiċi u finanzjarji.
Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-programm, u bħala għajnuna biex l-iżbilanċi jiġu kkoreġuti b’mod sostenibbli, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza u gwida kontinwa dwar ir-riformi fiskali, strutturali u tas-swieq finanzjarji.
Il-Kummissjoni għandha regolarment tivvaluta l-impatt ekonomiku tal-programm u għandha tirrakkomanda l-korrezzjonijiet neċessarji bil-għan li jissaħħaħ it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, tinkiseb il-konsolidazzjoni fiskali meħtieġa, u jiġu minimizzati impatti soċjali dannużi. Il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku, inkluż l-objettivi tiegħu u d-distribuzzjoni mistennija tal-isforz ta’ aġġustament, għandu jsir pubbliku.
Artikolu 2
1. L-objettivi ġenerali tal-programm għandhom ikunu: li tiġi restawrata s-solidità tal-pożizzjoni tas-settur bankarju Ċiprijott; li jitkompla l-proċess ta’ konsolidazzjoni fiskali li għadu għaddej; u li jiġu implimentati riformi strutturali li jsostnu l-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli u bbilanċjat. Il-programm għandhu jindirizza r-riskji speċifiċi li joriġinaw f’Ċipru għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro u jkollu l-għan li terġa’ tiġi stabbilita malajr sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika solida u sostenibbli u li tiġi restawrata l-kapaċità tiegħu li jiffinanzja lilu nnifsu għal kollox fis-swieq finanzjarji internazzjonali. Il-programm għandu iqis debitament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lil Ċipru skont l-Artikoli 121, 126, 136 u 148 tat-Trattat kif ukoll l-azzjonijiet ta’ Ċipru biex jikkonforma magħhom, filwaqt li jimmira biex iwessa, isaħħaħ u japprofondixxi l-miżuri ta’ politika rikjesti.
2. Ċipru għandu jissokta b’konsolidazzjoni fiskali konsistenti mal-obbligi tiegħu skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv permezz ta’ miżuri permanenti ta’ kwalità għolja filwaqt li jiġi minimizzat l-impatt fuq gruppi vulnerabbli.
3. Sabiex sal-2016 id-defiċit jitnaqqas għal inqas minn 3 % tal-PDG, Ċipru għandu jkun lest li jieħu miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni. B’mod speċifiku, f’każ ta’ prestazzjoni insuffiċjenti minn intrjoti jew minħabba bżonnijiet ta’ nfiq soċjali ogħla minħabba effetti makroekonomiċi negattivi, il-Gvern Ċirpijott għandu jkun lest li jieħu miżuri addizzjonali biex jippreserva l-objettivi tal-programm, inkluż permezz tat-tnaqqis fl-infiq diskrezzjonarju, filwaqt li jimminimizza l-impatt fuq gruppi vulnerabbli. Matul il-perjodu tal-programm, l-introjtu miġbur li jeċċedi l-previżjonijiet fil-programm, inkluż kwalunkwe profitti ta’ natura eċċezzjonali, għandu jitfaddal jew jintuża biex jitnaqqas id-dejn. Min-naħa l-oħra, prestazzjoni aħjar milli mistenni, sal-punt li din titqies permanenti, tista’ tnaqqas il-ħtieġa għal miżuri addizzjonali fis-snin ta’ wara.
4. Ċipru għandu jżomm l-implimentazzjoni tajba ta’ ondi Strutturali u fondi oħra tal-UE, fir-rigward tal-miri baġitarji tal-programm. Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-fondi tal-UE, il-Gvern Ċiprijott għandu jiżgura li l-fondi nazzjonali meħtieġa jibqgħu disponibbli biex ikopru kontribuzzjonijiet nazzjonali, inkluża nefqa mhux eliġibbli, taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u (il-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FAEŻR u l-FES/FEMS) fil-qafas tal-perjodi ta’ programmazzjoni 2007-2013 u 2014-20, filwaqt li jitqies il-finanzjament disponibbli mill-Bank Ewropew tal-Investiment. L-awtoritajiet għandhom jiżguraw li l-kapaċità istituzzjonali għall-implimentazzjoni tal-programmi attwali u futuri tiġi mtejba u li jkunu disponibbli r-riżorsi umani xierqa tal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni u tal-korpi ta’ implimentazzjoni.
5. Bil-għan li tiġi rrestawrata s-solidità tas-settur finanzjarju tiegħu, Ċipru għandu jkompli bir-riforma u r-ristrutturar mill-qiegħ tas-settur bankarju u jsaħħaħ il-banek vijabbli billi jirrestawra l-kapital tagħhom, jindirizza s-sitwazzjoni tal-likwidità tagħhom u jsaħħaħ is-superviżjoni tagħhom. Il-programm għandu jipprevedi l-miżuri u r-riżultati li ġejjin:
|
(a) |
li jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tal-likwidità tas-settur bankarju tiġi mmonitorjata mill-qrib. Restrizzjonijiet temporanji fuq il-moviment ħieles tal-kapital (inter alia, limiti fuq il-ġbid ta’ flus kontanti, fuq il-pagamenti u fuq it-trasferimenti) għandhom jiġu mmonitorjati mill-qrib. L-għan huwa li l-kontrolli jibqgħu fis-seħħ biss sakemm ikunu strettament meħtieġa sabiex jipprevjenu riskji serji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Pjan direzzjonali għar-rilassament gradwali tal-kontrolli ġie ppubblikat, ibbażat fuq tappi importanti u l-progress fl-implimentazzjoni tal-programm u konsistenti mas-sitwazzjoni tal-likwidità tal-banek. Il-pjanijiet fuq perijodu ta’ żmien medju rigward il-finanzjament u l-kapital, tal-banek lokali li jiddependu fuq il-finanzjament mingħand il-banek ċentrali jew li jirċievu għajnuna mill-istat għandhom jirriflettu b’mod realistiku t-tnaqqis antiċipat fl-ingranaġġ finanzjarju fis-settur bankarju, u jnaqqsu d-dipendenza fuq is-self mill-banek ċentrali, filwaqt li jiġu evitati bejgħ taħt emerġenza ta’ assi u kriżi tal-kreditu. Ir-regolamenti dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ likwidità għandhom jiġu aġġornati biex tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva fuq l-istess emittenti fil-futur; |
|
(b) |
li jiġu adottati r-rekwiżiti regolatorji meħtieġa rigward żieda fil-koeffiċjent minimu tal-adegwatezza tal-kapitai ta’ bażi tal-Livell 1 (core Tier 1) għal 9 % sal-aħħar tal-2013; |
|
(c) |
li jittieħdu passi biex jiġi minimizzat il-kost tar-ristrutturar tal-banek li jiġġarrab mill-kontribwenti. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu kummerċjali u koperattivi sottokapitalizzati għandhom jiksbu, sal-ogħla livell possibbli, kapital minn sorsi privati qabel ma jingħataw miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. Kwalunkwe pjan ta’ ristrutturar għandu jiġi formalment approvat taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, qabel tiġi pprovduta xi għajnuna mill-Istat. Banek kummerċjali b’defiċit ta’ kapital jistgħu, jekk miżuri oħrajn ma jkunux biżejjed, jitolbu għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni mill-Istat skont il-proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat; |
|
(d) |
li jiġi żgurat li jinħoloq reġistru ta’ kreditu, li l-qafas regolatorju attwali rigward proċessi ta’ oriġinazzjoni u ġestjoni ta’ self jiġi rivedut u emendat, jekk neċessarju, u li tiġi adottata leġiżlazzjoni li ssaħħaħ il-governanza tal-banek kummerċjali; |
|
(e) |
li tissaħħaħ il-governanza tal-banek, inkluż billi jiġi pprojbit is-self lil membri indipendenti tal-bord jew lil partijiet relatati magħhom; |
|
(f) |
li jiġi massimizzat l-irkupru għal self mhux produttiv, filwaqt li jiġu minimizzati l-inċentivi għal inadempjenza strateġika minn min jissellef. Dan għandu jinkludi t-tnaqqis ta’ limitazzjonijiet fuq il-konfiska ta’ kollateral u l-monitoraġġ u l-ġestjoni korretti ta’ self mhux produttiv; |
|
(g) |
li jiġu kkompletati l-armonizzazzjoni tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet koperattivi ta’ kreditu ma’ dawk tal-banek kummerċjali; |
|
(h) |
li tiġi implimenta l-istrateġija għall-istruttura futura, il-funzjonament u l-vijabbiltà tas-settur tal-istituzzjonijiet kooperattivi ta’ kreditu, kif imfassla mill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI; |
|
(i) |
li jissaħħaħ il-monitoraġġ fuq id-djun tas-settur korporattiv u dak domestiku u li jiġi stabbilit qafas ta’ ristrutturar immirat tad-dejn tas-settur privat sabiex ikun iffaċilitat self ġdid u jitnaqqsu l-limiti fuq il-kreditu; |
|
(j) |
li jkompli jissaħħaħ il-qafas kontra l-ħasil tal-flus u jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ prattika mtejba fir-rigward tad-diliġenza dovuta tal-klijenti u trasparenza tal-entitajiet, f’konformità mal-aħjar prattika; |
|
(k) |
li tiġi ppreżentata leġiżlazzjoni għal superviżjoni obligatorja bbażata fuq livelli ta’ kapitalizzazzjoni; |
|
(l) |
li jiġi integrat l-ittestjar tal-istress fis-superviżjoni regolari ta’ banek mhux fuq il-post; |
|
(m) |
li jiġu introdotti rekwiżiti obbligatorji ta’ divulgazzjoni biex jiġi żgurat li l-banek jikkomunikaw regolarment, lis-swieq, il-progress fir-ristrutturar tal-operazzjonijiet tal-banek; u |
|
(n) |
li jiġi stabbilit il-qafas legali għal struttura ġdida ta’ governanza għall-ġestjoni tas-sehem tal-Istat fis-settur tal-koperattivi ta’ kreditu. |
6. Matul l-2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti għandhom jimplimentaw b’mod rigoruż il-Liġi tal-Baġit 2013 (kif emendata), inklużi l-miżuri permanenti addizzjonali adottati qabel ma jingħata l-ewwel żborż ta’ għajnuna finanzjarja, li għandu jammonta għal mill-inqas EUR 351 miljun (2,1 % tal-PGD). Ċipru jadotta l-miżuri li ġejjin:
|
(a) |
riforma tas-sistema fiskali tiegħu rigward vetturi bil-mutur, abbażi ta’ prinċipji favur l-ambjent u bil-għan li jkun hemm introjti addizzjonali fit-terminu medju; |
|
(b) |
skema ta’ kumpens għal fondi ta’ providenza u tal-irtirar li kellhom depożiti fis-Cyprus Popular Bank, li tiżgura trattament komparabbli ma’ fondi simili fil-Bank of Cyprus, tqis il-likwidità u l-pożizzjoni attwarja ta’ kull fond u timminimizza l-impatt fuq id-defiċit pubbliku. Minħabba n-natura ta’ assistenza soċjali ta’ dawn il-fondi, l-objettiv tad-defiċit pubbliku għall-2013 jista’ jiġi rivedut biex jinkorpora l-impatt baġitarju ta’ din l-iskema; u |
|
(c) |
implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni adottati minn Diċembru 2012. |
7. Il-miżuri li ġejjin għandhom jiġu applikati minn Ċipru mill-1 ta’ Jannar 2014:
|
(a) |
fuq in-naħa tan-nefqa, il-baġit għandu jinkludi: tnaqqis fl-infiq totali għal trasferimenti soċjali permezz ta’ immirar aħjar; tnaqqis ulterjuri fil-pagi u fil-kumpens għall-overtime tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika u s-settur pubbliku f’sens usa’; l-introduzzjoni ta’ tariffa imposta fuq il-kards tat-trasport pubbliku għal studenti u pensjonanti; u miżuri ta’ riforma strutturali fis-settur tal-edukazzjoni biex jitjieb l-użu tar-riżorsi; u |
|
(b) |
fuq in-naħa tal-introjti, il-baġit għall-2014 għandu jinkludi: estensjoni tal-kontribuzzjoni temporanja fuq il-qligħ gross tal-impjegati tas-settur pubbliku u dak privat sal-31 ta’ Diċembru 2016; żidiet fil-VAT; żidiet fid-dazji tas-sisa; u żieda fil-kontribuzzjonijiet għall-Iskema Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali. |
8. Sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, Ċipru għandu jimplimenta riformi strutturali fiskali, li jinkludu, inter alia, l-miżuri u riżultati li ġejjin:
|
(a) |
jekk meħtieġ, aktar riformi tas-sistema ġenerali tal-pensjonijiet u dik tas-settur pubbliku biex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, filwaqt li tiġi indirizzata l-adegwatezza tal-pensjonijiet. Alternattivi għal riforma għandhom jiġu pprovduti minn studju attwarju; |
|
(b) |
jiġi kkontrollat it-tkabbir tan-nefqa fuq is-saħħa sabiex ikunu żgurati mezzi suffiċjenti għall-kura tas-saħħa fundamentali billi tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-istruttura ta’ finanzjament u l-effiċjenza tal-provvista tal-kura tas-saħħa pubblika; tiġi implimentata Sistema Nazzjonali tas-Saħħa, li s-sostenibbiltà finanzjarja tagħha tiġi żgurata filwaqt li tkun tipprovdi kopertura universali; |
|
(c) |
titjib fl-effiċjenza tal-infiq pubbliku u tal-proċess baġitarju permezz ta’ qafas baġitarju effettiv fit-terminu medju bħala parti minn ġestjoni mtejba tal-finanzi pubbliċi, biex b’hekk jikkontribwixxi għall-isforzi ta’ konsolidazzjoni baġitarja filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu żgurati mezzi suffiċjenti għal politiki fundamentali, bħal l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa. Dan il-qafas għandu jkun konformi għal kollox mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (3) u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, iffirmat fi Brussell fit-2 ta’ Marzu 2012; |
|
(d) |
l-adozzjoni ta’ qafas legali u istituzzjonali adegwat għal Sħubiji Pubbliċi Privati mfassla b’mod konformi mal-aħjar prattika; |
|
(e) |
it-tfassil ta’ programm biex tinkiseb sistema ta’ governanza korporattiva solida għal intrapriżi li huma proprjetà tal-Istat u dawk semipubbliċi u l-bidu ta’ pjan ta’ privatizzazzjoni bħala għajnuna biex tittejjeb l-effiċjenza ekonomika u tiġi restawrata s-sostenibbiltà tad-dejn; |
|
(f) |
it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ pjan komprensiv ta’ riforma biex tittejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-ġbir u l-amministrazzjoni tat-taxxi, inklużi miżuri biex jiġġieldu kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u jissalvagwardjaw l-applikazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ liġijiet u standards li jirregolaw il-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-taxxa u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxa; |
|
(g) |
riforma tas-sistema tat-taxxa fuq il-proprjetà immobbli; |
|
(h) |
riforma tal-amministrazzjoni pubblika biex jittejbu l-funzjonament u l-kosteffettività tagħha, b’mod partikolari billi jiġi rivedut id-daqs, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u l-organizzazzjoni funzjonali tas-servizz pubbliku sabiex ikun żgurat l-użu effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi u l-provvista ta’ servizz ta’ kwalità lill-popolazzjoni; |
|
(i) |
riformi tal-istruttura ġenerali u tal-livelli tal-benefiċċji soċjali, bil-għan li jsir użu effiċjenti tar-riżorsi u li jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn l-assistenza soċjali u l-inċentivi biex wieħed jibda jaħdem. Ir-riforma ppjanata tal-assistenza pubblika għandha tiżgura li l-assistenza soċjali sservi bħala sistema ta’ protezzjoni biex jiġi żgurat introjtu minimu għal dawk li mhumiex kapaċi jiksbu livell bażiku ta’ għixien, filwaqt li jiġu salvagwardjati l-inċentivi biex wieħed jibda jaħdem; u |
|
(j) |
isir awditu komprensiv tal-finanzi pubbliċi tiegħu sabiex, inter alia, jiġu evalwati r-raġunijiet li wasslu biex jiġu akkumulati livelli eċċessivi ta’ dejn. |
9. Ċipru għandu jiżgura li s-sospensjoni tal-indiċjar tal-pagi fis-settur pubbliku usa’ jibqa’ fis-seħħ sat-tmiem tal-programm. Kwalunkwe bidla fil-paga minima għandha tkun f’konformità ma’ żviluppi ekonomiċi u fis-suq tax-xogħol, u għandha tkun adottata wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali.
10. Ċipru għandu jipprepara proposti ta’ politika dettaljati fir-rigward tal-indirizzar ta’ nuqqasijiet identifikati fil-politiki ta’ attivazzjoni tiegħu. Ċipru għandu jieħu azzjoni rapida biex joħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jtejjeb il-prospetti tagħhom li jsibu impjieg, f’konformità mal-objettivi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (4). Id-disinn, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri mmirati lejn iż-żgħażagħ għandhom ikunu integrati sewwa fis-sistema usa’ ta’ politiki ta’ attivazzjoni u jkunu koerenti mar-riforma tas-sistema ta’ assistenza soċjali u l-objettivi baġitarji miftiehma.
11. Ċipru għandu jadotta kwalunkwe emenda meħtieġa li fadal għal leġiżlazzjoni speċifika għas-settur sabiex jimplimenta bis-sħiħ id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Ostakli mhux ġustifikati fis-swieq tas-servizzi, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ professjonijiet regolati, għandhom jiġu eliminati. Il-qafas tal-kompetizzjoni għandu jittejjeb billi jissaħħaħ il-funzjonament tal-awtorità kompetenti għall-kompetizzjoni u billi jiġu ssalvagwardjati l-indipendenza u s-setgħat tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali.
12. Ċipru għandu jiżgura li jitnaqqas id-dewmien fil-ħruġ ta’ titoli ta’ proprjetà li għadhom pendenti, jieħdu azzjoni biex iżid il-pass tal-ikklerjar ta’ piżijiet fuq it-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu trasferiti għal xiri ta’ proprjetà immobbli, u jimplimenta skedi ta’ żmien garantiti għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-bini u t-titoli tal-proprjetà.
13. Ċipru għandu jemenda r-regoli dwar il-bejgħ furzat ta’ proprjetà ipotekata u jippermetti l-bejgħ bl-irkant privat fl-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli. Il-pass tal-ipproċessar ta’ każijiet fil-qorti għandu jitħaffef u l-ammont ta’ kawżi pendenti fil-qorti għandu jkun eliminat sa tmiem il-perijodu tal-programm. Ċipru għandu jieħu inizjattivi biex isaħħaħ il-kompetittività tas-settur tat-turiżmu tiegħu, billi jipprovdi pjan ta’ azzjoni konkret li jwassal għall-implimentazzjoni ta’ objettivi kwantifikati identifikati, inter alia fl-Istrateġija tat-Turiżmu għall-2011-2015 riveduta riċentament. Ċipru għandu jirrapporta dwar il-ħtiġijiet tal-konnettività bl-ajru bħala l-bażi għal strateġija aeropolitika.
14. Fis-settur tal-enerġija, Ċipru għandu jimplimenta b’mod sħiħ it-tielet pakkett tal-enerġija, minkejja l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u l-Artikolu 49(1) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Ċipru għandu jikkunsidra jekk għandux jagħmel użu mid-derogi li hemm għad-dispożizzjoni tiegħu f’dawk l-Artikoli. B’mod parrallel, għandu jitfassal pjan ta’ żvilupp komprensiv għar-riorganizzazzjoni tas-settur tal-enerġija Ċiprijott. Dak il-pjan għandu jikkonsisti:
|
(a) |
fi pjan ta’ żvilupp għall-infrastruttura meħtieġa għall-isfruttament tal-gass naturali, filwaqt li jitqiesu l-alternattivi u r-riskji kummerċjali; |
|
(b) |
f’sinteżi komprensiva tas-sistema regolatorja u l-organizzazzjoni tas-suq għas-settur tal-enerġija ristrutturat u l-esportazzjonijiet tal-gass, inkluż qafas tal-bejgħ adatt għall-forniment tal-gass lil hinn mill-kosta immirat biex jiġu massimizzati l-intojti; u |
|
(c) |
fi pjan biex jiġi stabbilit qafas istituzzjonali għall-ġestjoni tar-riżorsi ta’ idrokarburi, inkluż fond tar-riżorsi, li għandu jirċievi u jiġġestixxi d-dħul pubbliku mill-isfruttament tal-gass lil hinn mill-kosta u li jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-aħjar prattiki rikonoxxuti internazzjonalment. |
15. Ċipru għandu jressaq talba lill-Kummissjoni għal assistenza teknika matul il-perjodu tal-programm. It-talba għandha tidentifika u tispeċifika l-oqsma ta’ assistenza teknika jew servizzi ta’ konsulenza li l-awtoritajiet Ċiprijotti iqisu essenzjali għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tiegħu.
Artikolu 3
Id-Deċiżjoni 2013/236/UE hija revokata.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Settembru 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
L. LINKEVIČIUS
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236/UE tal-25 ta’ April 2013 indirizzata lil Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli (ĠU L 141, 28.5.2013, p. 32).
(3) Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41).
(4) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April dwar l-Istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1).
(5) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).
(6) Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).
(7) Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).