12.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 243/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta’ Mejju 2013

dwar Għajnuna mill-Istat SA.33618 (12/C) li l-Isvezja qed tippjana li timplimenta għall-Uppsala arena

(notifikata bid-dokument C(2013) 2362)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/452/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) (i)msemmija hawn fuq (1) u wara li ġew ikkunsidrati l-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fis-7 ta’ Diċembru 2011, l-Isvezja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar miżura għal arena ġdida f’Uppsala wara l-fażi ta’ qabel in-notifika. Fis-17 ta' Jannar 2012, il-Kummissjoni bagħtet talba oħra għal tagħrif. L-Isvezja ressqet it-tweġiba tagħha fis-16 ta’ Frar 2012.

(2)

Permezz ta’ ittra datata t-22 ta’ Marzu 2012 il-Kummissjoni infurmat lill-Isvezja bid-deċiżjoni tagħha li tibda proċedura skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-għajnuna.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand parti interessata waħda. Hija għaddiethom lill-Isvezja, li ngħatat l-opportunità li tirreaġġixxi, il-kummenti waslu permezz ta' ittra datata t-3 ta' Awwissu 2012.

(5)

L-Isvezja ssottomettiet ukoll kjarifiki addizzjonali f’Ottubru u Novembru 2012.

(6)

L-Isvezja pprovdiet rinunzja tal-lingwa u taqbel li d-deċiżjoni se tiġi adottata fl-Ingliż bħala l-lingwa awtentika.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

(7)

Il-partijiet involuti fil-proġett tal-Uppsala arena huma l-muniċipalità ta' Uppsala (3) (minn hawn 'il quddiem "il-muniċipalità"), u tliet kumpaniji li għandhom, jew se jkollhom hekk kif jitwaqqfu, sjieda privata, l-Arena Company, il-Property Company u l-Events Compnay.

(8)

L-Arena Company se tmexxi u tikkoordina l-proġett tal-arena sakemm il-Property Company u l-Events Company ikunu ġew iffurmati. L-Arena Company hija l-unika kumpanija li teżisti bħalissa. Hija tappartjeni lill-kumpaniji privati SH Bygg (45 %), Aros Holding (45 %) u l-klabb tal-isports Almtuna IS (10 %).

(9)

Il-Property Company se tibni l-Arena u se tkun is-sid tagħha. L-azzjonisti tal-Property Company se jkunu esklussivament investituri privati. Il-muniċipalità ser tiddefinixxi r-rekwiżiti sabiex jiżguraw illi l-għażla tal-Property Company hija mmaniġġjata b’mod oġġettiv u b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u trasparenti. L-Arena Company se tagħmel suġġerimenti lill-muniċipalità dwar investituri possibbli u eliġibbli, u l-muniċipalità se tkun inkarigata li tapprova u tiddeċiedi liema investituri huma magħżula biex jiffurmaw il-Property Company skont il-kriterji tal-għażla elenkati (4). Il-proġett tal-arena għandu jkollu portal tal-internet bħala mezz ta’ kif tingħata informazzjoni u ssir komunikazzjoni mal-partijiet interessati. Permezz ta’ dan il-portal, il-partijiet interessati se jkollhom l-opportunità li jesprimu interess biex jinvestu fil-Property Company (5). Madankollu, il-muniċipalità mhux se jkollha s-sjieda tal-ebda parti tal-arena u lanqas mhi se jkollha influwenza fuq il-Property Company bħala tali, iżda bħala kumpens għall-għotja tagħha, se tingħata l-għażla li tixtri l-Property Company.

(10)

L-Events Company tkun impriża privata responsabbli mit-tħaddim tal-arena. Is-sid/sidien ma jistax/jistgħux ikun/u l-istess bħal dak/dawk tal-Property Company. L-Events Company se tintgħażel mill-Property Company b’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti mill-muniċipalità biex tiżgura li l-għażla tal-Events Company hija miftuħa, trasparenti u oġġettiva u skont il-kriterji tal-għażla elenkati (6).

(11)

Sabiex tissodisfa l-ħtieġa attwali u futura ta' faċilitajiet għal avvenimenti sportivi u kulturali, il-muniċipalità ssostni li, abbażi tar-riżultat ta’ studju li sar (7), trid tinbena faċilità multifunzjonali tad-daqs tal-arena.

(12)

L-arena se tkun imfassla biex taqdi diversi tipi ta’ sports pereżempju l-ħoki fuq is-silġ, il-baskitbol, floor ball, il-ħendbol u l-isports ekwestri, diversi tipi ta’ avvenimenti kulturali u ta’ divertiment pereżempju kunċerti, produzzjonijiet televiżivi tal-familja u avvenimenti gala u tipi varji ta’ laqgħat pereżempju konferenzi, laqgħat tal-kumpanija, fieri kummerċjali u avvenimenti korporattivi. L-ikbar kamra tal-arena se jkollha kapaċità biex takkomoda 8 500 viżitatur f’avvenimenti sportivi u 10 000 f’avvenimenti oħra (8). L-Arena se jkollha wkoll ġinnasju u ristoranti.

(13)

Bħalissa hemm sitt areni u swali tal-kunċerti f’Uppsala, li erba’ minnhom huma proprjetà tal-muniċipalità u tnejn minnhom huma proprjetà privata. Barra minn hekk, hemm areni oħra kbar f'distanza ta' siegħa sa sagħtejn bit-triq minn Uppsala, inter alia fi Stokkolma. Madankollu, l-Isvezja ssostni li l-kapaċità attwali mhijiex biżżejjed biex tilħaq il-bżonnijiet għal spazju f'arena u ma tippermettix li jiġu ospitati avvenimenti sportivi u kulturali akbar u li mezz alternattiv ta’ espansjoni jkun iktar għali għall-muniċipalità (9).

(14)

Il-preferenza tal-muniċipalità tkun li l-kapaċità l-ġdida tiġi pprovduta permezz ta' proġetti privati, mingħajr intervent pubbliku, iżda dan mhuwiex fattibbli.

2.1.   Il-finanzjament tal-kostruzzjoni tal-arena

(15)

Il-muniċipalità se tkun finanzjarjament involuta f’żewġ modi, l-ewwel permezz ta' għotja diretta għall-bini tal-arena u t-tieni billi tikri l-art li fuqha se tinbena l-arena lill-Property Company.

(16)

Rigward l-għotja, l-ispiża tal-proġett tal-arena hi stmata għal SEK 650 miljun (jew EUR 72 miljun). Il-muniċipalità se tikkontribwixxi b’għotja ta’ SEK 50 miljun (jew EUR 16,5 miljun)u l-bqija se tkun iffinanzjata prinċipalment minn taħlita ta’ kapital privat u self kif ġej: is-sidien privati tal-Property Company se jikkontribwixxu bejn SEK 75 u 100 miljun (jew EUR 8 sa 11-il miljun) u l-Property Company se tieħu self ta’ bejn SEK 400 u 425 miljun (jew EUR 44 u 47 miljun) li għalih il-muniċipalità mhi se tagħti l-ebda garanziji.

(17)

Bi tpattija għall-finanzjament tagħha, il-muniċipalità ser ttingħata l-opzjoni (“l-opzjoni”) li tixtri l-arena. L-opzjoni, li hija trasferibbli, tista' tiġi eżerċitata mis-sitt sena sal-25 sena mid-data li tidħol fis-seħħ. Sabiex jeżerċita din l-opzjoni, id-detentur tal-opzjoni għandu jħallas miżata skont il-kriterji stabbiliti fil-ftehim dwar l-opzjoni. Ġie pprovdut xenarju possibbli fl-10 sena li jindika li miżata bħal din tkun ta’ SEK 47,3 miljun (jew EUR 5 miljuni). Skont l-Isvezja, il-valur preżenti nett tal-opzjoni hu SEK 128 miljun (jew EUR 15-il miljun) f’xenarju pessimistiku (li jfisser li l-valur nett tal-għotja muniċipali hu SEK 22 miljun (jew EUR 2,6 miljun)) (10). Skont l-Isvezja, il-muniċipalità m’għandha l-ebda interess li ssir sid tal-arena u l-valur tal-opzjoni għall-muniċipalità jirrisjedi fil-possibbiltà ta’ bejgħ fil-futur biex jiġu rkuprati l-fondi tal-arena.

(18)

Fir-rigward tal-kiri tal-art, l-arena se tinbena fuq art pubblika, li l-muniċipalità se tikri lill-Property Company għal terminu minimu ta’ 50 sena (11). Il-kera se tkun ta’ SEK 50 000 fis-sena (jew EUR 5 500). Ir-renta hija meqjusa bħala fuq it-termini tas-suq.

2.2   It-Tħaddim u l-Użu tal-arena

(19)

Mat-tlestija tal-kostruzzjoni, l-arena se tkun imħaddma mill-Events Company, li se tikri l-arena mill-Property Company u mbagħad tikriha lil utenti.

(20)

Waħda mill-kundizzjonijiet biex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-arena hija li l-muniċipalità stabbiliet rekwiżiti għall-għażla tal-Events Company. Skont ftehim ta’ kiri bejn il-Property Company u l-Events Company, din tal-aħħar se tiżgura wkoll li l-arena tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali fuq termini tas-suq u taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji.

(21)

Kif iċċarat mill-Isvezja matul il-proċedura, se jkun hemm tliet kategoriji ewlenin ta’ avvenimenti fl-arena: avvenimenti kummerċjali, avvenimenti sponsorjati u avvenimenti organizzati mill-muniċipalità jew oħrajn matul iż-żmien li l-arena tkun mikrija mill-muniċipalità. Bejn wieħed u ieħor 90 % ta’ dawn l-avvenimenti ser ikunu miftuħa għall-pubbliku, għalkemm b'livelli ta' miżati differenti, u mhux anqas minn 95 % ta’ żmien mikri tal-muniċipalità se jintuża għal studenti tal-iskola u sportivi, assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt u sports għad-divertiment għall-pubbliku ġenerali, jiġifieri madwar 60 siegħa fil-ġimgħa. L-arena hija meqjusa bħala multifunzjonali u miftuħa għal kulħadd mingħajr l-ebda użu predominanti minn xi utenti kaptivi (12).

(22)

Sabiex jiżguraw ħin għall-użu tal-arena għall-iskejjel, klabbs sportivi u l-pubbliku ġenerali, kif ukoll avvenimenti tal-muniċipalità, il-muniċipalità se tidħol fi ftehim ta’ kiri mal-Events Company (13). Il-muniċipalità ser tikri 20 % tal-kapaċità totali tal-arena. Il-kirja se tkun għal 25 sena b’kera ta’ SEK 15-il miljun (jew EUR 1,7 miljun) fis-sena. (14) Minbarra l-kera mħallsa mill-muniċipalità, l-arena hija stmata li jkollha dħul ieħor minn kiri ta’ SEK […] (*).

2.3.   Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura

(23)

Fid-deċiżjoni li tiftaħ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni sabet li vantaġġ ekonomiku selettiv ma setax jiġi eskluż fi kwalunkwe livell pereżempju l-kostruzzjoni, it-tħaddim u l-użu u konsegwentement il-proġett jista’ jinvolvi għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-kofinanzjament pubbliku tal-arena, aktarx joħloq distorsjoni, jew għall-anqas jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkollu effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri fejn dan ma jistax jiġi eskluż. Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar jekk il-proġett propost jistax jitqies kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, f’dak l-istadju fuq kull wieħed mit-tliet livelli ta’ għajnuna possibbli (il-kostruzzjoni, it-tħaddim u l-użu) f’konformità ma’ dan ta’ hawn fuq.

3.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(24)

Wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kien il-Green Party biss li ssottometta kummenti, partit tal-oppożizzjoni tal-Kunsill Muniċipali ta' Uppsala li, f’termini ġenerali, esprima d-diżapprovazzjoni għall-proġett li hu jikkunsidra li huwa primarjament għall-benefiċċju ta’ intrapriżi privati.

4.   KUMMENTI MILL-ISVEZJA

(25)

Għall-finijiet tan-notifika, l-Isvezja assumiet il-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat hekk kif tirrikonoxxi li l-kapaċità addizzjonali fl-arena mhix se tiġi pprovduta mill-forzi tas-suq iżda tisħaq li għandha titqies kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. Hi tisħaq li b’mod partikolari dan li ġej għandu jittieħed inkonsiderazzjoni.

(26)

L-arena tissodisfa objettiv definit kif imiss ta’ interess komuni fid-dawl tal-karattru multifunzjonali tagħha u nuqqas ta’ faċilitajiet xierqa u aġġornata attwali għal avvenimenti sportivi u kulturali f’Uppsala. Il-muniċipalità se tkun qed tissodisfa r-responsabbiltà tagħha lill-pubbliku ġenerali billi tagħmel possibbli l-proġett tal-arena (15). Alternattivi disponibbli, investimenti fl-infrastruttura eżistenti tal-Gränby Ice Rink jiswew aktar u xorta ma jkoprux in-nuqqas fil-kapaċità sħiħa.

(27)

Hemm nuqqas fis-suq hekk kif il-kapaċità meħtieġa tal-arena l-ġdida mhux se tiġi pprovduta mingħajr l-għajnuna., Għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni f’xi Stati Membri oħra, is-Settur tal-isport Svediż hu fil-biċċa l-kbira tiegħu mingħajr profitt u dipendenti fuq appoġġ finanzjarju pubbliku.

(28)

Il-kofinanzjament pubbliku ta' 23 % tat-total tal-baġit tal-proġett huwa limitat għal dak li huwa strettament neċessarju u proporzjonat sabiex iwettaq il-proġett billi jkun limitat għad-diskrepanza fil-finanzjamenti jiġifieri fondi li ma jistgħux jinstabu fis-suq. Għalhekk, billi tinvestu fondi “neqsin”, il-muniċipalità tagħmilha possibbli t-twettiq tal-proġett tal-arena peress li l-ebda attur ieħor tas-suq mhu lest li jikkontribwixxi SEK 150 miljun (jew EUR 16,5 miljun). Il-kirja li l-muniċipalità se tħallas għal 20 % tal-kapaċità tal-arena mhux se tipprovdi vantaġġ lill-operatur meta mqabbel ma’ termini tas-suq, u s-sit se jinkera lill-Property Company f’termini komparabbli ma’ dawk ta’ impriżi oħra li jikru art mill-muniċipalità ddedikata għall-faċilitajiet sportivi. L-Isvezja spjegat aktar fil-fond il-ħtieġa ta' arena, jiġifieri li l-kapaċità addizzjonali ma tistax tiġi sodisfatta minn atturi privati jew bl-użu ta’ areni eżistenti f’Uppsala u/jew l-espansjoni tagħhom.

(29)

Biex ikun żgurat aktar li l-għajnuna tkun proporzjonata, il-muniċipalità se tirċievi l-opzjoni, b’valur ta’ xenarju bażi fil-livell ta’ SEK 174 miljun (jew EUR 19,6 miljun) (16). L-opzjoni timpedixxi kwalunkwe kumpens żejjed minħabba li l-muniċipalità tikseb l-opzjoni bi skambju għall-kontribuzzjoni tagħha li tiswa aktar mill-kontribuzzjoni magħmula.

(30)

L-Isvezja ċċarat ukoll l-użu tal-arena u l-ftuħ tagħha għall-pubbliku, jiġifieri, il-ftuħ għall-pubbliku ġenerali għal madwar 90 % taż-żmien disponibbli u l-użu tal-arena se jkun żgurat fuq bażi mhux diskriminatorja mingħajr ma turi l-ebda preferenza għal impriża(i) speċifika/speċifiċi u fuq termini tas-suq.

(31)

L-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri, jekk hemm, huwa limitat minħabba li l-attivitajiet ekonomiċi huma fil-biċċa l-kbira tagħhom lokali. Barra minn hekk, il-faċilitajiet privati fil-muniċipalità għandhom profili differenti u ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jikkompetu għall-istess udjenza bħall-arena.

5.   IL-VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

5.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(32)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, “kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(33)

Sabiex jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, il-proġett notifikat għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: l-ewwel nett, l-għajnuna trid tingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat; it-tieni nett, din trid tagħti vantaġġ ekonomiku lill-impriżi, it-tielet nett, dan il-vantaġġ irid ikun selettiv u jgħawweġ jew jhedded li jgħawweġ il-kompetizzjoni u r-raba’, il-miżura trid taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju.

(34)

Fir-rigward tar-rekwiżit li l-miżura għandha tingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat u tkun attribwibbli lill-Istat, dan il-kriterju huwa manifestament issodisfat f’dan il-każ peress li l-muniċipalità ta’ Uppsala nnifisha se tikkontribwixxi b’għotja diretta, li tħallas il-kera għall-użu tal-arena u tipprovdi l-art fejn se tinbena l-arena. Muniċipalitajiet, bħal Uppsala, huma awtoritajiet pubbliċi u parti mill-Istat u r-riżorsi tagħhom huma b’hekk meqjusa attribwibbli għall-Istat.

(35)

Il-finanzjament għall-muniċipalità tal-kostruzzjoni tal-arena jista’ jikkostitwixxi għajnuna jekk din twassal għal vantaġġ selettiv għal attivitajiet ekonomiċi speċifiċi. F’dan il-kuntest, il-finanzjament tal-kostruzzjoni ta’ infrastruttura għal attivitajiet kummerċjali jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' Leipzig/Halle airport (17), jekk ir-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 107 (1) tat-Trattat huma sodisfatti. Wara l-valutazzjoni tal-Qorti, il-karattru ekonomiku tal-użu aktar tard tal-infrastruttura se jiddetermina n-natura tal-kostruzzjoni. F’dan il-każ, l-arena se tintuża biex tipprovdi servizzi f’suq, għalhekk għal attività ekonomika. Konsegwentement, jeħtieġ li jkun ivvalutat jekk hemmx għajnuna mill-Istat lill-atturi differenti involuti fil-proġett.

Il-Kostruzzjoni tal-arena

(36)

L-Isvezja rrikonoxxiet li l-muniċipalità kienet inizjalment ttamat li investituri privati se jiffinanzjaw it-twettiq tal-arena, iżda mhuwiex fattibbli li twettaq il-proġett mingħajr finanzjament pubbliku. Konsegwentement, SEK 150 miljun f’għotja għall-kostruzzjoni tal-arena tagħti vantaġġ ekonomiku lis-sid, il-Property Company, hekk kif hija meħtieġa għall-kostruzzjoni tal-arena li ma kinetx tinbena fuq termini tas-suq. Peress li l-fondi involuti huma ovvjament riżorsi tal-Istat u d-deċiżjoni li tagħmel l-għotja hija imputabbli lill-muniċipalità, il-kriterji l-oħra kollha ta’ għajnuna mill-Istat huma sodisfatti taħt l-eżami ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-għotja b’hekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lill-Property Company.

(37)

Dwar iċ-ċens fuq is-sit, l-Isvezja tat evidenza ta’ livelli komparabbli tal-kera għal faċilitajiet oħra tal-isports f’Uppsala (18). Għalhekk ma jistax jintwera li t-termini tal-kirja ikun fihom għajnuna addizzjonali għall-Property Company.

It-tħaddim tal-arena

(38)

L-arena se tkun imħaddma mill-Events Company, li se tikri l-arena mill-Property Company. Kemm il-Property Company u l-Events Company se jkunu kumpaniji privati. Matul il-proċedura, l-Isvezja kkjarifikat ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet għall-għażla tal-Property Company u l-Events Company, kif ukoll it-termini primarji u l-kundizzjonijiet tal-ftehim tal-kera bejn il-Property Company u l-Events Company (19). Fir-rigward tal-għażla tal-Property Company, il-muniċipalità se tkun inkarigata li tapprova u tiddeċiedi liema kandidati huma magħżula biex jiffurmaw il-Property Company, madankollu, il-muniċipalità ma għandhiex tkun involuta f’operazzjonijiet kummerċjali tal-Property Company. Il-Property Company se tagħżel l-Events Company, li se tkun impriża privata mhux konnessa mal-Property Company.

(39)

Fir-rigward tal-miżata tal-kera li l-Events Company se tħallas għall-Property Company, l-Isvezja spjegat li din se tkun tikkonsisti minn dawn l-elementi: (i) kera fissa li tikkorrispondi għal kera mħallsa mill-muniċipalità lill-Events Company għall-kera tagħha ta’ 20 % tal-kapaċità tal-arena; (ii) miżata fissa li tikkorrispondi għall-ħlas minn sponser; (iii) kera fissa, ibbażata fuq il-kost attwali li jkopri spejjeż operattivi u d-deprezzar tat-tagħmir; u (iv) kera varjabbli li hija kkalkolata bħala persentaġġ tal-fatturat nett tal-Events Company, b’livell minimu li jrid jiġi miftiehem bejn il-partijiet. Fi kliem ieħor, il-kirja se — 'l minn fuq ċertu minimu li ġej minn dan ta’ hawn fuq — tiġi stabbilita liberament bejn iż-żewġ impriżi privati. L-Isvezja ċċarat ukoll li l-muniċipalità mhux se jkollha d-dritt li tkun direttament involuta fin-negozjati bejn il-Property Company u l-Events Company rigward il-ftehim tal-kera u bl-ebda mod mhi ser tinfluwenza t-termini kummerċjali u l-kundizzjonijiet miftiehma bejn dawk iż-żewġ impriżi indipendenti u privati.

(40)

B’rigward għall-ftehim tal-kera bejn il-muniċipalità u l-Events Company għall-użu ta’ 20 % tat-total tal-kapaċità tal-arena, dan għandu jkun għal 25 sena b’kera ta’ SEK 15-il miljun fis-sena (jew EUR 1,7 miljun). L-Isvezja ddikjarat li: (i) il-muniċipalità se tħallas kera fis-siegħa li hi 40 sa 50 % anqas mill-kera li l-Events Company se tħallas lill-Property Company għall-użu tagħhom tal-arena (ii) id-differenza bejn il-kera li l-muniċipalità tħallas u l-Events Company se tiżdied matul iż-żmien; u (iii) l-Events Company se titlob kirjiet bi prezz tas-suq għal utenti oħra.

(41)

Filwaqt li dawn l-arranġamenti jnaqqsu l-vantaġġ għall-Events Company għall-minimu neċessarju sabiex jiżguraw l-operat tal-infrastruttura, ma jistax jiġi eskluż vantaġġ għall-operatur ta’ din l-arena ġdida fi ħdan is-suq li jħaddem tali faċilitajiet. Madankollu, minħabba li din it-tip ta’ għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern, kif muri aktar 'l isfel, m’hemmx għalfejn issir skoperta definittiva dwar l-eżistenza ta’ għajnuna.

L-użu tal-arena

(42)

Kif imsemmi hawn fuq, l-Events Company hija impriża privata. Rigward l-użu tal-arena, l-Events Company se tiżgura wkoll li l-arena tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali fuq termini tas-suq u taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji. Bejn wieħed u ieħor 90 % ta’ dawn l-avvenimenti ser ikunu miftuħa għall-pubbliku, għalkemm b'livelli ta' miżati differenti, u mhux anqas minn 95 % ta’ żmien mikri tal-muniċipalità se jintuża għal studenti tal-iskola u sportivi, assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt u sports għad-divertiment għall-pubbliku ġenerali, jiġifieri madwar 60 siegħa fil-ġimgħa). Għalhekk, l-arena hi multifunzjonali u miftuħa għal kulħadd mingħajr l-ebda utent professjonali kaptiv.

(43)

F’dan il-każ, il-muniċipalità ser tkun klijent essenzjali u l-arena sa ċertu punt se tintuża minn timijiet lokali tal-ħoki fuq is-silġ u l-baskitbol, li se jkollhom l-arena bħala l-arena ta’ oriġini tagħhom. L-attivitajiet tat-tim tal-ħoki fuq is-silġ, kif ukoll it-timijiet tal-baskitbol, huma fil-biċċa l-kbira fil-livell ta' dilettanti, u l-aħjar tim tal-assoċċjazzjoni tal-ħoki fuq is-silġ jilgħab fit-tieni l-ogħla diviżjoni tal-ħoki fuq is-silġ.

(44)

Il-kiri ta’ arena jista’ jikkostitwixxi għajnuna għall-utenti, jekk l-utenti jistgħu jitqiesu bħala impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-Trattat u jekk il-kera li jħallsu hija inqas mill-kera għall-użu ta’ infrastruttura komparabbli taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Utenti mhux professjonali ma jikkwalifikawx bħala impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-Trattat. L-Isvezja impenjat ruħha li tapplika miżata orjentata lejn is-suq. Madankollu, fin-nuqqas ta’ xi kjarifika dwar kif dik il-miżata tiġi kkalkulata, vantaġġ ma jistax jiġi eskluż kompletament.

L-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri

(45)

Anki jekk il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu fl-arena attwali huma ta' karattru lokali, l-arena se jkollha l-kapaċità li tospita wkoll avvenimenti ta' daqs medju internazzjonali, u għalhekk effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma jistax jiġi eskluż. Għalkemm, skont il-muniċipalità, huwa improbabbli ħafna li aktar minn ftit, jekk ikun hemm, tal-avvenimenti li se jsiru fl-arena ser ikunu ta’ tali interess għal persuni li jgħixu fil-pajjiżi ġirien li huma jkunu lesti li jivvjaġġaw mijiet ta’ kilometri lejn Uppsala sabiex jattendu l-avvenimenti u għalhekk ikun improbabbli li l-avvenimenti li jseħħu fl-arena jkollhom jikkompetu ma’ arenas f’pajjiżi fil-qrib.

(46)

Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-Ordni tagħha dwar il-kumpless Ahoy fl-Olanda, li ma kien hemm l-ebda raġuni għalfejn is-suq kellu jiġi limitat fl-użu ta’ dan it-tip ta’ faċilitajiet għat-territorju ta’ dak l-Istat Membru (20). Bħal fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-għajnuna lill-arena għandha l-potenzjal li taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.2.   Kompatibbiltà

(47)

L-Isvezja sostniet li jekk il-miżura nstabet li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din għandha tiġi ddikjarata kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. Sabiex miżura proposta tinstab kompatibbli mas-suq intern skont din id-deroga, il-Kummissjoni teżamina jekk ssegwix objettiv ta’ politika ta’ interess komuni, kif ukoll jekk hix meħtieġa u proporzjonali u ma tikkawżax distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni.

(48)

Fir-rigward tal-kisba ta’ objettiv tal-politika ta’ interess komuni, huwa nnotat li l-kostruzzjoni ta’ postijiet għall-isport u avvenimenti pubbliċi oħra u l-appoġġ għad-diversi tipi ta’ attivitajiet li jgawdihom il-pubbliku ġenerali tista’ titqies bħala responsabbiltà tal-Istat, b’mod partikolari fid-dawl tad-Dikjarazzjoni ta’ Amsterdam dwar l-isport u l-Artikolu 165 tat-Trattat, “l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija 'l quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej tal-isports, waqt li tieħu inkonsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu ibbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu.”

(49)

Hekk kif l-arena se tiżgura l-aċċess tal-pubbliku ġenerali u l-prattika tal-isport u l-kultura, b’mod partikolari meta wieħed jikkunsidra l-karattru multifunzjonali tal-arena u n-nuqqas ta’ kapaċità u/jew faċilitajiet xierqa u aġġornati għal avvenimenti sportivi u kulturali f’Uppsala, il-muniċipalità se tkun qed tissodisfa r-responsabbiltà tagħha lill-pubbliku ġenerali billi tagħmel il-proġett tal-arena possibbli. Ir-realizzazzjoni tal-arena għalhekk għandha tiġi kkunsidrata bħala li tissodisfa objettivi politiċi ta’ interess komuni.

(50)

Dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura proposta, l-Isvezja wriet il-ħtieġa ta’ kapaċità addizzjonali ta' arena. B’70 % biss tal-ħtieġa ta' faċilitajiet għal sports ewlenin f'Uppsala sodisfatta (21) u bil-popolazzjoni ta' Uppsala li qed tikber b’ammont relattivament għoli, hemm bżonn urġenti u immedjat għal kapaċità addizzjonali ta' arena f’Uppsala. L-Isvezja kompliet tispjega li l-ħtieġa tal-arena ma tistax tiġi sodisfatta kompletament minn atturi privati biss. Raġuni waħda hija l-karatteristika tal-moviment sportiv Svediż, fost l-oħrajn dawk li ma jagħmlux qligħ u oħrajn ibbażati fuq tmexxija fil-volontarjat u x-xogħol, u dipendenti fuq appoġġ finanzjarju pubbliku. L-Isvezja kompliet tispjega li l-areni eżistenti lanqas mhuma xierqa għal ċerti tipi ta’ avvenimenti eċċ pereżempju avvenimenti sportivi u kulturali akbar u li l-faċilitajiet li huma proprjetà privata tipikament jorganizzaw biss tipi ta’ avvenimenti iżgħar. Il-faċilitajiet eżistenti għadda żmienhom u ma jissodisfawx aktar ir-rekwiżiti moderni tal-pubbliku. Il-Gränby Ice Rink inbniet fl-1974, u skont l-Isvezja sabiex din tittejjebskont standards moderni,, tkun meħtieġa bidla tant kbira li fil-prattika jkun ifisser li jkollha tinbena arena ġdida u s-sit fejn tinsab huwa żgħir wisq biex dan ikun possibbli. Eż. il-faċilità Bandy li tinsab ħdejha tkun affetwata u problema oħra bis-sit tkun li mhijiex kapaċi tlaħħaq mat-trasport, l-evakwazzjoni u s-sikurezza tal-viżitaturi u l-plejers, waqt li attivitajiet oħra jkunu għaddejjin f’faċilitajiet oħra fil-qrib.

(51)

Barra minn hekk, bil-bini tal-arena l-ġdida, l-areni eżistenti inkluża l-Gränby Ice Rink se jibqgħu jintużaw. L-arena l-ġdida bil-karattru ta' multiarena tagħha se tintuża kemm għal avvenimenti kbar ta' sports u kulturali li attwalment ma jistgħux iseħħu f'Uppsala, bħala komplement għall-areni eżistenti li se jkomplu jiffunzjonaw l-aktar fl-istess mod li attwalment jaħdmu. Bl-arena l-ġdida, avvenimenti akbar ta' sports li attwalment isiru f'Gränby Ice Rink bħal pereżempju logħob ta' ħoki fuq is-silġ fit-tieni ogħla diviżjoni jistgħu jitressqu għal faċilitajiet aktar xierqa fl-arena l-ġdida b'kapaċità ogħla. Huwa mistenni li madwar 60 % tal-ħoki fuq is-silġ gradwalment se jiġi mċaqlaq minn Gränby Ice Rink fl-arena l-ġdida, li se jillibera madwar 3 045 siegħa fis-sena fil-Gränby Ice Rink għal postijiet għal studenti tal-iskola u għal sports għad-divertiment għall-pubbliku ġenerali.

(52)

M'hemmx alternattivi prattikabbli għall-kostruzzjoni tal-arena l-ġdida. Iż-żamma tal-arena eżistenti ta' Gränby Ice Rink mingħajr kwalunkwe espansjoni tal-kapaċità, mhux ser tkun alternattiva realistika għall-arena peress li ma ssolvix l-ħtieġa għal kapaċità ġdida, u l-espansjoni tal-kapaċità tal-Gränby Ice Rink, ma tissodisfax il-ħtieġa għal faċilitajiet biex jospitaw avvenimenti ikbar. Bl-arena l-ġdida mibnija, l-areni eżistenti inkluża l-Gränby Ice Rink xorta se jeħtieġu tiswijiet u se jkollhom jiġu mgħammra mill-ġdid.

(53)

Konsegwentement, anke jekk areni oħra jeżistu kemm direttament fiż-żoni u fi bliet/pajjiżi fil-qrib, il-Kummissjoni tqis li l-Isvezja wriet li l-ħtieġa ta’ kapaċità addizzjonali f’Uppsala ma tistax tintlaħaq biss bl-użu jew l-espansjoni tal-areni eżistenti f’Uppsala. L-arena l-ġdida se ssir kumplement, bl-iżgurar tal-użu effettiv tal-kapaċità tal-arena f’Uppsala, pjuttost milli bħala sostitut għal areni eżistenti, b’mod partikolari l-Gränby Ice Rink, kif ukoll għadd ta’ avvenimenti sportivi jew kulturali akbar li għalihom attwalment mhemm l-ebda postijiet xierqa f’Uppsala.

(54)

L-Isvezja spjegat ukoll li jekk il-muniċipalità ma kinitx ħadet interess f’dan il-proġett il-partijiet privati kienu jkunu sodisfatti b'arena differenti b’aktar attenzjoni ffokata fuq attivitajiet kummerċjali għad-detriment ta’ attivitajiet sportivi u b’mod ġenerali għall-pubbliku ġenerali. Skont l-Isvezja, diskussjonijiet ma’ banek u investituri privati wrew li mhumiex lesti li jkopru r-riskju finanzjarju kollu li l-proġett jinvolvi. L-ispiża fuq l-investiment totali ta’ SEK 650 miljun (jew EUR 72 miljun) hija ffinanzjata minn tliet partijiet: self, investimenti diretti privati u investiment muniċipali. Sabiex tkun żgurata biżżejjed solidità fil-kumpanija, il-parti ffinanzjata permezz ta’ self ma tistax tkun kbira wisq u l-bqija għandhom jiġu ffinanzjati direttament mill-investituri. Minħabba l-istruttura u r-riskju/il-profitt tal-proġett, l-investituri privati huma biss lesti li jinvestu madwar SEK 75 sa 100 miljun (jew EUR 8 sa 11-il miljun), li jħalli SEK 150 miljun (jew EUR 16,5 miljun) li għandhom jiġu ffinanzjati mill-muniċipalità. Ma’ tali investiment mill-muniċipalità, is-solidità inizjali se tkun 'il fuq minn 35 % u se tibqa' wkoll 'il fuq minn 30 % għall-proġett (22). L-ammont ta’ SEK 150 miljun (jew EUR 16,5 miljun) jikkorrispondi wkoll għal madwar 23 % tal-investiment totali nominali. L-ittri kollha privati ta’ intenzjoni mingħand il-banek u l-investituri privati huma kontinġenti fuq li l-muniċipalità tinvesti SEK 150 miljun (jew EUR 16,5 miljun). Investiment ta’ tali ammont mill-muniċipalità huwa għaldaqstant neċessarju biex jitwettaq il-proġett u biex jinkisbu l-benefiċċji pubbliċi tiegħu. Ġie muri, li l-impenn tal-muniċipalità għall-proġett huwa essenzjali. Il-kofinanzjament pubbliku tal-arena huwa wkoll meħtieġ, peress li mingħajr l-kontribuzzjoni tal-muniċipalità mhux se jkun hemm biżżejjed fondi biex jiġi ffinanzjat il-proġett tal-arena. Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-kontribuzzjoni muniċipali ġiet żgurata wkoll li tkun limitata għal dak strettament meħtieġ.

(55)

Bħala kumpens għall-kontribuzzjoni tagħha, l-opzjoni ta’ xiri tal-arena mill-muniċipalità hija vvalutata f’xenarju pessimistiku għal SEK 128 miljun (jew EUR 15-il miljun), li jfisser li l-valur nett ta’l-kontribuzzjoni tal-kapital muniċipali mhuwiex aktar minn SEK 22 miljun (jew EUR 2,6 miljun) f’xenarju negattiv. Madankollu, il-muniċipalità tistma li l-valur tal-opzjoni kważi ċertament jaqbeż l-ispiża tal-investiment.

(56)

F’kull każ, kemm il-proċedura tal-għażla tal-operatur u l-qbil tagħha mal-Property Company, flimkien mal-bqija tar-raġunijiet ta' hawn fuq, jiżguraw li r-rekwiżiti ta’ neċessità u proporzjonalità jiġu sodisfatti.

(57)

Rigward l-użu tal-muniċipalità tal-arena, 20 % tal-użu totali possibbli tal-arena li jammonta għal 3 285 siegħa fis-sena, l-Isvezja impenjat ruħha li mhux inqas minn 95 % taż-żmien mikri tal-muniċipalità se jintuża għal studenti tal-iskola u sportivi, assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt u ta’ sports għad-divertiment għall-pubbliku ġenerali għal madwar 3 121 siegħa fis-sena, madwar 60 siegħa fil-ġimgħa. Konsegwentement, f’termini ta’ ftuħ għall-pubbliku ġenerali, l-arena l-ġdida mhux biss ser iżżid 3 285 siegħa ta’ kapaċità minħabba l-ftehim għal kera tal-muniċipalità fl-arena l-ġdida, iżda wkoll iżżid iż-żmien disponibbli ta' 3 045 siegħa fis-sena fil-Gränby Ice Rink (ara l-premessa 51).

(58)

Għalhekk, l-arena l-ġdida se tikkomplementa l-areni eżistenti b’kapaċità addizzjonali u żżid it-tipi ta’ avvenimenti, kemm tal-isports u tal-kultura, li jistgħu jsiru f’Uppsala, u b'hekk jibbenefikaw konsiderevolment l-isport amatorjali u l-pubbliku ġenerali f’Uppsala. Għalhekk, l-għajnuna għandha għalhekk titqies bħala li hija mmirata sew u l-kofinanzjament pubbliku tagħha huwa għalhekk ġustifikat

(59)

Barra minn hekk, meta wieħed iqis il-post tal-arena u li l-biċċa l-kbira tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu fl-arena huma ta’ karattru lokali, l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa limitat, għalkemm, kif deskritt hawn fuq, ma jistax jiġi kompletament eskluż.

(60)

Minn dawn ir-raġunijiet, intwera li l-involviment tal-muniċipalità fil-proġett tal-arena huwa kemm meħtieġ, proporzjonali u ma jikkawżax distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni, u li għajnuna eventwali għall-Events Company u l-utenti tista' tkun ukoll kompatibbli mas-suq intern.

(61)

Hekk kif il-proġett għadu fil-fażi 1 sakemm ikun hemm l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, huwa biss wara tali approvazzjoni li l-proġett se jevolvi u l-Property Company u l-Events Company se jiġu ffurmati. Għalhekk, l-Isvezja ħadet l-impenn li:

(i)

l-Ittra ta’ Intenzjoni u s-suppliment mal-Ittra ta’ Intenzjoni bejn il-muniċipalità u l-Arena Company għandhom jiġu implimentati (23);

(ii)

mhux inqas minn 95 % taż-żmien mikri tal-muniċipalità fl-arena għandu jintuża għal studenti tal-iskola u sportivi, l-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' profitt, u sports għad-divertiment għall-pubbliku ġenerali;

(iii)

l-Isvezja għandha tissottometti l-ftehimiet rilevanti li jsiru bħala riżultat tal-Ittra ta’ Intenzjoni lill-Kummissjoni (il-ftehim bejn il-muniċipalità u l-Property Comapany, il-ftehim bejn l-Property Company u l-Events Company u l-ftehim tal-kera bejn il-muniċipalità u l-Events Company); u

(iv)

l-Isvezja għandha tissottometti rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna, b’mod partikolari fir-rigward tal-punt 2 hawn fuq, għall-perjodu sal-aħħar tas-sena 2020 lill-Kummissjoni.

6.   KONKLUŻJONI

(62)

L-għotja tal-muniċipalità għall-kostruzzjoni tal-arena tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lil Property Company, u possibbilment għall-Events Company u l-utenti tal-arena. Il-kofinanzjament pubbliku tal-Uppsala arena wera li hu kemm meħtieġ u proporzjonali sabiex jitwettaq il-proġett u kif ukoll biżżejjed miftuħ għal kulħadd fuq termini mhux diskriminatorji mingħajr ma tintwera l-ebda preferenza għal impriża speċifika/speċifiċi. Ir-riżultat tat-test ta’ bbilanċjar huwa pożittiv.

(63)

Il-Kummissjoni għalhekk jidhrilha li l-proġett tal-arena ta' Uppsala huwa kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

(64)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Isvezja taqbel li d-deċiżjoni se tiġi adottata fl-Ingliż bħala l-lingwa awtentika.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura li l-Isvezja qed tippjana li timplimenta għall-Uppsala arena, li tammonta għal SEK 150 miljun hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-implimentazzjoni tal-miżura li tammonta għal SEK 150 miljun hija awtorizzata skont dan.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lis-Svezja.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 152, 30.5.2012, p. 18.

(2)  Ara n-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(3)  Uppsala hija r-raba’ l-akbar belt fl-Isvezja (li tinsab madwar 70 km fit-Tramuntana ta’ Stokkolma).

(4)  Il-kriterji tal-għażla għall-Property Company huma elenkati fis-Suppliment mal-Ittra ta’ Intenzjoni, imressqa mill-Isvezja fid-29 ta’ Ġunju 2012; a.o. il-kandidat għandu jkollu: esperjenza u għarfien fil-kostruzzjoni u fit-tħaddim ta' faċilità akbar għal finijiet kummerċjali; livell għoli ta’ kompetenza professjonali; stabbiltà u saħħa finanzjarja; impenn biex jippromwovi l-ftuħ tal-arena għall-pubbliku u jaħdem b’mod attiv kontra d-diskriminazzjoni.

(5)  B'analoġija mal-Komunikazzjoni ta’ Interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dritt Komunitarju applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti li mhumiex suġġetti jew li huma parzjalment suġġetti għad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku (ĠU C 179, 1.8.2006, p. 2).

(6)  Il-kriterji tal-għażla għall-Events Company huma elenkati fis-Suppliment mal-Ittra ta’ Intenzjoni, imressqa mill-Isvezja fid-29 ta’ Ġunju 2012; a.o. il-kandidat għandu jkollu: esperjenza u għarfien tas-swieq rilevanti, livell għoli ta’ kompetenza professjonali fix-xena tal-avvenimenti, l-isports u dik kulturali f’Uppsala, pjan ta’ negozju kredibbli għat-tħaddim tal-arena fosthom il-ftuħ għall-pubbliku u jaħdem kontra d-diskriminazzjoni, għall-istabbiltà u s-saħħa finanzjarja u jaqbel ma' taħlita ta' kumpens kummerċjali u livell orjentat lejn ir-riżultati.

(7)  Ġew sottomessi diversi stħarriġiet bħal pereżempju stħarriġ fuq il-ħtiġijiet ta' faċilitajiet għal assoċjazzjonijiet sportivi organizzati f’Uppsala, fejn ir-riżultat tiegħu wera li attwalment madwar 70 % biss tal-ħtiġijiet ta' faċilitajiet għal sports importanti f'Uppsala ġew issodisfatti u b’hekk in-nuqqas ta’ kapaċità ikun jikkorrispondi għal madwar 30 %. Kwestjonarju ieħor fost ir-residenti ta’ Uppsala żvela li 37 % tar-residenti jemmnu li l-muniċipalità għandha tinvesti fi swali, areni u stadji sportivi, it-tieni l-aktar l-investiment meħtieġ wara mogħdijiet għar-rota u għall-mixi, u li l-investimenti f’avvenimenti sportivi huma preferuti b’16 %.

(8)  L-ikbar miż-żewġ naħat tal-Arena se jkollha l-kapaċità li tilqa 2 000 viżitatur għall-isport u 3 500 viżitatur għal kungressi u kunċerti. L-iżgħar miż-żewġ naħat tal-arena se jkollha l-kapaċità li tieħu madwar 1 000 viżitatur f’kwalunkwe avveniment u l-“Kamra tal-Konferenzi” tal-Arena se jkollha spazju għal 10 sa 400 viżitatur.

(9)  Pereżempju il-manutenzjoni biss tal-Gränby Ice Rink mingħajr kwalunkwe espansjoni mhux ser tkun alternattiva realistika, għax ma ssolvix il-ħtieġa għal kapaċità ġdida u l-espansjoni tal-Gränby Ice Rink tkun tinvolvi spejjeż ogħla għall-muniċipalità.

(10)  L-opzjoni hija mfassla b’konsultazzjoni mal-konsulent finanzjarju Copenhagen Economics. F’xenarju ta’ bażi l-opzjoni hi vvalutata fil-livell ta’ SEK 174 miljun (jew EUR 19,6 miljun), jiġifieri SEK 24 miljun aktar minn tal-għotja.

(11)  Il-muniċipalità ma tistax twaqqaf iċ-ċens tas-sit qabel qabel ma jiskadu 50 sena mid-data tal-kirja u minn dakinhar il-quddiem fuq l-iskadenza ta’ perjodi konsekuttivi ta’ 20 sena.

(12)  Minkejja li l-arena se ssir id-domiċilju lokali għal timijiet tal-ħoki fuq is-silġ u tal-baskitbol, ġie spjegat li dawk l-assoċjazzjonijiet mhux se jirregolaw l-użu tal-arena.

(13)  Minbarra l-ftehim ta’ kiri bejn l-Events Company u l-muniċipalità, din tal-aħħar se tidħol ukoll fi ftehim mal-Property Company sabiex, a.o. tiżgura dħul sigur muniċipali u aċċess pubbliku għall-arena f’każ li l-Events Company tispiċċa insolventi jew titlef il-ftehim tal-kiri tagħha mal-Property Company. Il-kirja tal-Property Company f’każijiet bħal dawn se tkompli taħt l-istess kundizzjonijiet.

(14)  Il-kera se tiġi riveduta kull sena, fuq il-bażi tal-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur. Il-muniċipalità se tidħol ukoll fi ftehim separat mal-Property Company biex tiżgura li jibqa' jkollha aċċess għall-arena fuq l-istess termini fil-każ li l-Events Company tagħlaq in-negozju.

(*)  […]: l-informazzjoni fil-parentesi hija koperta mill-obbligu ta' segretezza professjonali

(15)  Skont stħarriġ, fil-preżent hemm nuqqas ta’ 30 % fil-kapaċità għat-tip ta’ avvenimenti sportivi jew kulturali li l-arena kieku takkomoda.

(16)  F’xenarju negattiv l-opzjoni hi vvalutata f'SEK 128 miljun (jew EUR 15-il miljun), li jkun ifisser li l-valur preżenti nett tal-għotja muniċipali huwa SEK 22 miljun (jew EUR 2,6 miljun).

(17)  Is-Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012 fil-Kawża C288/11, Mitteldeutsche Flughafen AG u Flughafen Halle/Leipzig GmbH vs il-Kummissjoni.

(18)  Eżempju ta’ metodu komparattiv tal-ftehim ta' interess fiċ-ċens tas-sit fir-rigward faċilità tat-tennis f'Gränby ġie ipprovdut, li għalih l-kera hija ta' SEK 52 000 fis-sena.

(19)  Ara s-Suppliment tal-Ittra ta’ Intenzjoni datata d-29 ta’ Ġunju 2012.

(20)  Il-Kawża T90/09 Mojo Concerts BV u Amsterdam Music Dome Exploitatie BV vs il-Kummissjoni Ewropea, Ordni tal-Qorti Ġenerali tas-26/01/2012, il-paragrafu 45.

(21)  Abbażi ta' stħarriġ imwettaq, ara wkoll in-nota f’qiegħ il-paġna 7.

(22)  Kalkoli fuq is-solidità fil-Property Company dipendenti fuq l-investiment inizjali mill-muniċipalità minn Copenhagen Economics. L-Isvezja spjegat ukoll li l-banek ġeneralment joqogħdu lura milli jagħtu self ta' fondi għal proġetti b’solidità inqas minn 30 %.

(23)  Kif sottomess lill-Kummissjoni mill-Isvezja bħala l-Appendiċi 6 man-Notifika u kif ssupplimentat bl-Appendiċi 1 għas-sottomissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2012.