7.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 240/21


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/446/PESK

tas-6 ta’ Settembru 2013

li temenda d-Deċiżjoni 2010/452/PESK dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, EUMM Georgia

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/452/PESK (1) li kompliet il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, l-EUMM Georgia (minn hawn ’il quddiem “EUMM Georgia” jew il-“Missjoni”) stabbilita bl-Azzjoni Konġunta 2008/736/PESK tal-15 ta’ Settembru 2008 (2). Id-Deċiżjoni 2010/452/PESK tiskadi fl-14 ta’ Settembru 2013.

(2)

L-EUMM Georgia għandha tiġi estiża għal perijodu ulterjuri ta’ 15-il xahar abbażi tal-mandat attwali tagħha.

(3)

Il-Missjoni ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tmur għall-agħar u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/452/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 6 huwa b’dan emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant tal-Missjoni. Il-Kap tal-Missjoni jista’ jiddelega kompiti ta’ ġestjoni fi kwistjonijiet ta’ persunal u finanzjarji lil membri tal-persunal tal-Missjoni, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa mħassar.

(2)

Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn l-EUMM Georgia u l-membru tal-persunal ikkonċernat.”;

(3)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 13a

Arranġamenti legali

L-EUMM Georgia għandu jkollha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tidħol f’kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li tikseb u tiddisponi minn beni u tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.”;

(4)

L-Artikolu 14 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-Missjoni bejn il-15 ta’ Settembru 2010 u l-14 ta’ Settembru 2011 għandu jkun ta’ EUR 26 600 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-Missjoni bejn il-15 ta’ Settembru 2011 u l-14 ta’ Settembru 2012 għandu jkun ta’ EUR 23 900 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-Missjoni bejn il-15 ta’ Settembru 2012 u l-14 ta’ Settembru 2013 għandu jkun ta’ EUR 20 900 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-Missjoni bejn il-15 ta’ Settembru 2013 u l-14 ta’ Diċembru 2014 għandu jkun ta’ EUR 26 650 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tkun amministrata skont ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi, tal-Istat ospitanti u ta’ pajjiżi ġirien għandu jkollhom permess iressqu offerti għal kuntratti. Soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Missjoni tista’ tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri, ma’ Stati terzi parteċipanti, u ma’ atturi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u binjiet lill-EUMM Georgia.

4.   L-EUMM Georgia għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, il-Missjoni għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni

5.   L-EUMM Georgia għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mit-twettiq tal-mandat li jibda mill-15 ta’ Settembru 2013, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe pretensjoni marbuta ma’ mġiba ħażina serja mill-Kap tal-Missjoni, li għaliha għandu jerfa’ r-responsabbiltà.

6.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-linja tal-kmand kif prevista fl-Artikoli 5, 6 u 9, u l-ħtiġijiet operattivi tal-EUMM Georgia, inklużi l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-iskwadri tagħha.

7.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.”;

(5)

Fl-Artikolu 18, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Hija għandha tiskadi fl-14 ta’ Diċembru 2014.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Hija għandha tapplika mill-15 ta’ Settembru 2013.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Settembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  ĠU L 213, 13.8.2010, p. 43.

(2)  ĠU L 248, 17.9.2008, p. 26.