20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 222/12


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Awwissu 2013

b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżura ta’ projbizzjoni adottata mill-awtoritajiet Svediżi fir-rigward ta’ lampa fluworexxenti “GW 80 455” (ATEX-SE-01-2012)

(notifikata bid-dokument C(2013) 5315)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/438/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplussivi (1) (id-Direttiva ATEX), u partikolarment l-Artikolu 7 tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 94/9/KE jgħid li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżguraw li t-tagħmir, is-sistemi ta’ protezzjoni u l-mezzi li għalihom tapplika din id-Direttiva, jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jitħaddmu biss jekk, meta installati kif imiss u mantenuti u użati għall-għan maħsub tagħhom, ma jipperikolawx is-saħħa u s-sikurezza ta’ persuni u, fejn hu l-każ, ta’ annimali domestiċi jew proprjetà.

(2)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/9/KE jistipula li meta Stat Membru jaċċerta li tagħmir, sistemi protettivi jew mezzi li juru l-marka ta’ konformità KE u li jkunu użati skont l-għan li għalih ikunu maħsuba jistgħu jipperikolaw is-sikurezza tan-nies u, fejn hu l-każ, ta’ annimali domestiċi jew ta’ proprjetà, huwa għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha sabiex jirtira mis-suq tagħmir jew sistemi protettivi ta’ dan it-tip, jipprojbixxi t-tqegħid tagħhom fis-suq, it-tħaddim jew l-użu tagħhom, jew jirrestrinġi l-moviment liberu tagħhom. L-Istat Membru għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura ta’ dan it-tip, filwaqt li jindika r-raġuni għad-deċiżjoni tiegħu.

(3)

Fit-2 ta’ Ottubru 2012, l-awtoritajiet tal-Isvezja nnotifikaw formalment lill-Kummissjoni Ewropea dwar miżura ta’ projbizzjoni li ttieħdet fid-19 ta’ Settembru 2012, fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ lampa fluworexxenti tal-marka u t-tip “GW 80 455”, manifatturata minn Gewiss S.P.A., Via A. Volta 1, 24069 Cenate Sotto (Bérgamo), l-Italja.

(4)

L-awtoritajiet Svediżi indikaw li l-miżura tagħhom kienet imsejsa fuq in-nuqqas ta’ konformità tal-prodott mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/9/KE u stabbiliti fl-Anness II, partikolarment fil-punti 1.0.5 (L-immarkar) u 1.0.6 (Istruzzjonijiet), fir-rigward tal-applikazzjoni ħażina jew nuqassijiet tal-istandard armonizzat EN 60079-0:2006 — Apparat elettriku għall-Atmosferi Esplussivi tal-Gass — Parti 0: Rekwiżiti ġenerali (IEC 60079-0:2004, modifikat), li jissemma fid-Dikjarazzjoni ta’ Konformità tal-KE tal-manifattur.

(5)

L-awtoritajiet Svediżi ppreżentaw ir-rapport tat-test dwar l-eżami ta’ protezzjoni mill-isplużjoni tal-lampa, bid-data tat-3 ta’ April 2012. Skont l-awtoritajiet Svediżi, il-lista ta’ devjazzjonijiet tinkludi:

Kritika serja:

L-istruzzjonijiet dwar l-użu [is-sottoklawżola 30.1 tal-EN 60079-0:2006]: l-immarkar “Periklu ta’ skariku elettrostatiku potenzjali — Ara l-istruzzjonijiet” jirreferi għall-istruzzjonijiet għal informazzjoni addizzjonali. Din l-informazzjoni ma tidhirx fl-istruzzjonijiet.

Kritika:

L-immarkar [is-sottoklawżola 29.1 tal-EN 60079-0:2006] — Jekk il-lampa titwaħħal direttament ma’ saqaf, ikun diffiċli li wieħed jara parti mill-immarkar ta’ fuq it-tikketta (il-kodiċi Ex u t-temperatura ambjentali fuq in-naħa ta’ fuq tat-tikketta).

L-immarkar [is-sottoklawżola 29.2 z1) tal-EN 60079-0:2006] — Il-grupp tal-isplużjoni (II, IIA, IIB jew IIC) mhux indikat fil-kodiċi Ex.

L-immarkar [is-sottoklawżola 29.1 tal-EN 60079-0:2006] — L-indirizz tal-manifattur mhux indikat

L-istruzzjonijiet dwar l-użu [is-sottoklawżola 30.1 tal-EN 60079-0:2006] – L-istruzzjonijiet mhumiex bl-Isvediż (jidhru f’ħames lingwi oħra, li jinkludu t-Taljan, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż).

L-istruzzjonijiet dwar l-użu [is-sottoklawżola 30.1 tal-EN 60079-0:2006] – L-informazzjoni dwar l-immarkar għandha tiġi rrikapitolata fl-istruzzjonijiet. Parti minn din l-informazzjoni ma tidhirx fl-istruzzjonijiet.

(a)

It-test ta’ twissija fl-immarkar (jew test korrispondenti li jiddeskrivi t-twissijiet) mhux indikat fl-istruzzjonijiet.

(b)

Il-klassi tat-temperatura “T3” (għall-gass) u t-temperatura massima “T78 °C” (għat-trab) tal-lampa ma jidhrux fl-istruzzjonijiet.

(c)

Il-grupp tal-isplużjoni (II, IIA, IIB jew IIC), li għandu jiġi inkluż fil-kodiċi Ex skont is-sottoklawżola 29.2(e) tal-EN 60079-0:2006, ma jidherx fl-istruzzjonijiet.

(6)

Fis-6 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni kitbet lill-manifattur, Gewiss S.p.A, u stednitu biex jikkomunika l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Svediżi.

(7)

Fil-11 ta’ Jannar 2013, Gewiss S.p.A. irrisponda, u ta tweġibiet speċifiċi u analiżi teknika għal kull waħda mid-devjazzjonijiet indikati mill-awtoritajiet Svediżi:

Fir-rigward tal-“kritika serja” dwar l-istruzzjonijiet dwar l-użu, il-manifattur indika li l-immarkar u l-istruzzjonijiet saru skont il-valutazzjoni tar-riskji tal-prodott għall-gassijiet u t-trab, sabiex ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi tal-istandard armonizzat rilevanti. B’mod partikolari, l-informazzjoni dwar “periklu ta’ skariku elettrostatiku potenzjali” tidher fuq il-prodott stess f’sens ta’ interpretazzjoni ġenerali tat-terminu “istruzzjonijiet”, u din tiddiferixxi mill-interpretazzjoni tal-awtoritajiet Svediżi li jirreferu għall-“istruzzjonijiet dwar l-użu”.

Fir-rigward tal-“kritika”, il-manifattur indika li d-devjazzjonijiet mhumiex tassew kritiċi, peress li dawn huma marbuta ma’ differenzi possibbli fl-interpretazzjoni tal-klawżoli rilevanti tal-istandard.

(8)

Fit-tweġiba tiegħu, il-manifattur enfasizza li l-istruzzjonijiet dwar l-użu u l-immarkar tal-prodott ġew imtejba u mmodifikati skont l-aktar verżjonijiet riċenti tal-istandards armonizzati applikabbli (2009, 2010 and 2012). Fil-fatt, il-prodott li kien ibbażat fuq il-verżjoni tal-2006 tal-istandard armonizzat EN 60079-0 ma għadux jinstab fis-suq tal-UE. Kopji tal-immarkar il-ġdid, tal-istruzzjonijiet il-ġodda u tad-Dikjarazzjoni ta’ Konformità l-ġdida tal-prodott ingħataw fit-tweġiba; b’mod partikolari, issal-istruzzjonijiet dwar l-użu huma disponibbli bl-Isvediż ukoll.

(9)

Wara t-tweġiba tal-manifattur, l-awtoritajiet Svediżi ma ppreżentaw ebda dokumentazzjoni oħra.

(10)

Fid-dawl tad-dokumentazzjoni disponibbli, u tal-kummenti tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tqis li l-lampa fluworexxenti tal-marka u t-tip “GW 80 455”, fil-konfigurazzjoni tagħha kif analizzata mill-awtoritajiet Svediżi b’referenza għall-istandard armonizzat EN 60079-0:2006, naqset milli tikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/9/KE u stabbiliti fl-Anness II, partikolarment fil-punti 1.0.5 (L-immarkar) u 1.0.6 (Istruzzjonijiet). Dawn in-nuqqasijiet fil-konformità u dawk tekniċi rilevanti wasslu għal riskji serji għall-utenti minħabba li jikkonċernaw rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza, stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 94/9/KE, li ma kinux ġew issodisfati mill-prodott, meta jitqies li:

għall-“kritika serja”, ir-referenza għal “istruzzjonijiet” għandha tiġi interpretata bħala l-“istruzzjonijiet dwar l-użu”, skont il-punt 1.0.6(a) tal-Anness II, u mhux b’mod ġenerali bħala istruzzjoni fi kwalunkwe forma,

għall-“kritika”, l-elementi neqsin fl-immarkar u fl-istruzzjonijiet ġew osservati mhux fir-rigward ta’ interpretazzjonijiet differenti tal-istandard, iżda direttament fir-rigward tal-preskrizzjonijiet speċifiċi tal-punti 1.0.5 u 1.0.6(a) u (b) tal-Anness II,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet tal-Isvezja li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ lampa fluworexxenti tal-marka u t-tip “GW 80 455”, li qabel kienet tiġi manifatturata minn Gewiss S.P.A kienet tirreferi għall-edizzjoni tal-2006 tal-istandard EN 60079-0 li issa ma għadhiex tintuża, hija ġustifikata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 100, 19.4.1994, p. 1.