17.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 220/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Lulju 2013

li tawtorizza lil ċerti Stati Membri jirratifikaw, jew jaċċedu għall-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għad-Danni Nukleari tal-21 ta' Mejju 1963, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, u biex jagħmlu dikjarazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli interni rilevanti tal-liġi tal-Unjoni

(2013/434/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(2) flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 218 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

L-Unjoni qed taħdem lejn l-istabbiliment ta' qasam ġudizzjarju komuni bbażat fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji.

(2)

Il-Protokoll tat-12 ta’ Settembru 1997 (minn hawn 'il quddiem il-"Protokoll tal-1997") li jemenda l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għad-Danni Nukleari tal-21 ta’ Mejju 1963 (minn hawn ’il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Vjenna") kien innegozjat bil-ħsieb li jitjieb il-kumpens għall-vittmi ta’ danni kkawżati minn inċidenti nukleari. Għaldaqstant huwa mixtieq illi d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-1997 jiġu applikati fl-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Vjenna.

(3)

L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva rigward l-Artikoli XI u XII tal-Konvenzjoni ta' Vjenna kif emendata bil-Protokoll tal-1997 safejn dawk id-dispożizzjonijiet jaffettwaw ir-regoli stabbiliti fir-Regoalment tal-Kunsill (KE) Nru 44/2011 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (1), ir-Regolament (KE) Nru 44/2011 li għandu jiġi sostitwit mill-10 ta' Jannar 2015 bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (2). L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom għal materji koperti mill-Protokoll tal-1997 li ma jaffettwawx lil-liġi tal-Unjoni. Minħabba l-oġġett u l-għan tal-Protokoll tal-1997, l-aċċettazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni ma tistax tiġi ddiżassoċjata mid-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

(4)

Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna u l-Protokoll tal-1997 mhumiex miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet reġjonali għal integrazzjoni ekonomika. Konsegwentement, l-Unjoni mhix f 'pożizzjoni li ssir parti kontraenti għall-Protokoll tal-1997.

(5)

L-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Vjenna u li ma rratifikawx il-Protokoll tal-1997 qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni għandhom għaldaqstant jiġu awtorizzati jirratifikaw, jew jaċċedu għall-Protokoll tal-1997 fl-interess tal-Unjoni.

(6)

Tnax mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Belġju, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Pariġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili fil-Qasam tal-Enerġija Nukleari tad-29 ta' Lulju 1960, kif emendata mill-Protokoll tat-28 ta' Jannar 1964 u l-Protokoll tas-16 ta' Novembru 1982 (minn hawn 'il quddiem "il-Konvenzjoni ta' Pariġi"). Il-Konvenzjoni ta' Pariġi tistabbilixxi sistema ta' kumpens għall-vittmi għal danni kkawżati minn inċidenti nukleari bbażata fuq prinċipji simili għal dawk tal-Konvenzjoni ta' Vjenna. Il-Protokoll tat-12 ta' Frar 2004 (minn hawn 'il quddiem "il-Protokoll tal-2004") li jemenda l-Konvenzjoni ta' Pariġi jtejjeb il-kumpens għad-dannu kkważat minn inċidenti nukleari. Permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/294/KE (3) u 2007/727/KE (4), l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Pariġi kienu awtorizzati jirratifikaw, jew jaċċedu għall-Protokoll tal-2004 fl-interess ta' dik li kienet il-Komunità. Għalhekk, huwa ġġustifikat b'mod oġġettiv li d-Deċiżjoni ma għandhiex tiġi indirizzata lil dawk l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Pariġi u mhux għall-Konvenzjoni ta' Vjenna.

(7)

Barra minn hekk, ħamsa mill-Istati Membri tal-Unjoni, jiġifieri l-Irlanda, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta u l-Awstrija, la huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna u lanqas għall-Konvenzjoni ta' Pariġi. Minħabba li l-Protokoll tal-1997 jemenda l-Konvenzjoni ta’ Vjenna u li r-Regolament (KE) Nru 44/2001 jawtorizza lill-Istati Membri li huma marbuta b'din il-Konvenzjoni jkomplu japplikaw ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni previsti fiha, huwa oġġettivament ġustifikat li din id-deċiżjoni tiġi indirizzata biss lil dawk l-Istati Membri li huma partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Vjenna. Għalhekk, l-Irlanda, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta u l-Awstrija, għandhom ikomplu jibbażaw ruħhom fuq ir-regoli li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 u japplikawhom fil-qasam kopert mill-Konvenzjoni ta' Vjenna u mill-Protokoll tal-1997 li jemenda l-Konvenzjoni.

(8)

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-1997 ser jiġu applikati biss, fir-rigward tal-Unjoni, minn dawk l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Vjenna fil-ħin tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

(9)

Ir-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi stabbiliti fl-Artikolu XII tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, kif emendata permezz tal-Artikolu 14 tal-Protokoll tal-1997, ma għandhomx jieħdu preċedenza fuq ir-regoli li jmexxu l-proċedura għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi stabbilita permezz tar-Regolament (KE) Nru 44/2001. Għaldaqstant, l-Istati Membri li huma awtorizzati jirratifikaw, jew jaċċedu għall-Protokoll tal-1997 permezz ta' din id-Deċiżjoni għandhom jagħmlu d-dikjrazzjoni prevista f'din id-Deċiżjoni bil-għan li jiżguraw l-applikazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Unjoni.

(10)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda, li għalihom japplika l-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(11)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja biex jirratifikaw, jew jaċċedu għall-Protokoll tat-12 ta' Settembru 1997 li jemenda l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għad-Danni Nukleari tal-21 ta' Mejju 1963, fl-interess tal-Unjoni.

It-test tal-Protokoll tal-1997 huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja biex jagħmlu d-dikjarazzjoni li ġejja:

"Sentenzi dwar materji koperti mill-Protokoll tat-12 ta' Settembru 1997 li jemenda l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għad-Danni Nukleari tal-21 ta' Mejju 1964, meta mogħtija minn qorti ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li huwa Parti Kontraenti għal dak il-Protokoll, għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwibbli fi [isem tal-Istat Membru li qed jagħmel id-dikjarazzjoni] f'konformità mar-regoli rilevanti tal-Unjoni Ewropea dwar is-suġġett."

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Slovakka f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. JUKNA


(1)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 97, 1.4.2004, p. 53.

(4)  ĠU L 294, 13.11.2007, p. 23.