13.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 217/36


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Awwissu 2013

li testendi l-validità tad-Deċiżjoni 2012/96/UE

(2013/428/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE”), kif rivedut l-aħħar f’Ouagadougou, il-Burkina Faso, fit-22 ta’ Ġunju 2010 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

Waqt li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunisll, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2002/148/KE (4) ngħalqu l-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u ttieħdu miżuri xierqa li jillimitaw il-kooperazzjoni maż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim AKP-KE (minn hawn “il-miżuri xierqa”), kif speċifikat fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni. Minn dak iż-żmien dawk il-miżuri ġew adattati u l-perijodu tal-applikazzjoni tagħhom ġie estiż kull sena.

(2)

Bħala sinjal tal-impenn kontinwu tal-Unjoni favur il-proċess politiku skont il-Ftehim Politiku Globali, fis-7 ta’ Awwissu 2012 il-Kunsill iddeċieda, permezz tad-Deċiżjoni 2012/470/UE (5), li jestendi l-validità tad-Deċiżjoni 2012/96/UE (6), u li jissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa għal perijodu ta’ 12-il xahar.

(3)

Il-Kunsill għandu jirrevedi dawk il-miżuri xierqa wara li jkunu saru elezzjonijiet paċifiċi, trasparenti u kredibbli fiż-Żimbabwe skont il-Ftehim Politiku Globali. Il-validità tad-Deċiżjoni 2012/96/UE għandha għalhekk tiġi estiża, filwaqt li s-sospensjoni tal-miżuri xierqa għandha tinżamm.

(4)

L-Unjoni Ewropea tista’ tiddeċiedi li tirrevedi din id-Deċiżjoni f’kull ħin,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-validità tad-Deċiżjoni 2012/96/UE u tal-miżuri xierqa tagħha huma b’dan estiżi sal-20 ta’ Frar 2014. L-applikazzjoni tal-miżuri xierqa għandha tibqa’ sospiża.

Il-miżuri xierqa għandhom jinżammu taħt reviżjoni kostanti u jiġu applikati mill-ġdid jekk is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe tiddeterjora b’mod serju.

Dawn il-miżuri għandhom fi kwalunkwe każ jiġu riveduti sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Għandha tiġi ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)   ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)   ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(3)   ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/148/KE tat-18 ta’ Frar 2002 li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet maż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim tas-Sħubija tal-ACP-KE (ĠU L 50, 21.2.2002, p. 64).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/470/UE tas-7 ta’ Awwissu 2012 li testendi l-validità tad-Deċiżjoni 2012/96/UE u tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/148/KE (ĠU L 213, 10.8.2012, p. 13).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/96/UE tas-17 ta’ Frar 2012 adattament u estensjoni tal-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri xierqa stabbiliti għall-ewwel darba mid-Deċiżjoni 2002/148/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet maż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija l-ACP-KE (ĠU L 47, 18.2.2012, p. 47).