26.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ April 2013

dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni li jkun magħruf bħala l-Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa, l-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa u t-Tassazzjoni Doppja

2013/C 120/07

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2012 (1), il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa. Il-Komunikazzjoni kienet akkumpanjata minn żewġ Rakkomandazzjonijiet, waħda dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa (2) u oħra dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ taxxa (3). Dawn l-oqsma llum huma ta’ importanza partikolari, kif enfasizzat ukoll mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ April 2012 dwar it-talba għal modi konkreti biex jiġu miġġielda l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa (4).

(2)

Skont ir-Rakkomandazzjoni dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, l-Istati Membri għandhom jadottaw regola ġenerali kontra l-abbużi li taħtha dawn ikunu jinjoraw arranġamenti artifiċjali mwettqa essenzjalment għall-finijiet ta’ evitar tat-taxxa u, minflok, japplikaw ir-regoli tagħhom tat-taxxa b’referenza għas-sustanza ekonomika attwali. Ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex fil-konvenzjonijiet tagħhom dwar it-tassazzjoni doppja jinkludu dispożizzjoni maħsuba biex tevita forma speċifika ta’ sitwazzjoni fejn it-taxxa ma titħallas imkien.

(3)

Ir-Rakkomandazzjoni dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi fuq governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa tipprovdi l-kriterji li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jilħqux dawk l-istandards minimi. Telenka wkoll sensiela ta’ azzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jieħdu fir-rigward ta’ tali pajjiżi terzi u favur pajjiżi terzi li jikkonformaw ma’ dawk l-istandards jew huma impenjati li jagħmlu dan.

(4)

Huwa importanti li dawn ir-Rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati bl-aktar mod estensiv b’mod li jibbenefika mill-esperjenza, il-kompetenza esperta u l-fehmiet rilevanti kollha. Barra minn hekk, dawn l-elementi għandhom jiffavorixxu wkoll ir-rapport li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tippubblika, sa tmiem l-2015, dwar l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq. Dan għandu jiffavorixxi ulterjurment ukoll il-ħidma mill-Kummissjoni fil-qasam ikkonċernat.

(5)

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-tassazzjoni doppja fis-suq uniku (5), il-Kummissjoni kkonkludiet li se teżamina l-benefiċċji potenzjali li twaqqaf Forum tal-UE dwar it-tassazzjoni doppja, jiġifieri grupp ta’ esperti li jiddiskuti l-problemi li jikkonċernaw dan is-suġġett. Fid-dawl tal-importanza tagħhom għat-tħaddim tas-suq intern, jidher li dawk il-problemi għandhom jiġu diskussi regolarment fi grupp ta’ esperti. Barra minn hekk, it-tweġibiet mill-Konsultazzjoni Pubblika tal-Kummissjoni dwar eżempji fattwali u modi possibbli biex tiġi indirizzata sitwazzjoni fejn taxxa ma titħallas imkien enfasizzaw li, mil-lat prattiku, taxxa li ma titħallas imkien u t-tassazzjoni doppja huma spiss marbuta u għaldaqstant ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod separat. Billi sitwazzjoni fejn it-taxxa ma titħallas imkien fiha nnifisha tippreżenta rabta mal-ippjanar aggressiv tat-taxxa, wieħed mis-suġġetti msemmija hawn fuq, huwa xieraq li tiġi indirizzata t-tassazzjoni doppja fl-istess grupp ta’ esperti, jiġifieri fil-Pjattaforma attwali.

(6)

Il-Pjattaforma għandha tippermetti djalogu f’dawn l-oqsma li fihom isir skambju tal-esperjenza u l-kompetenzi u jinstemgħu l-fehmiet tal-partijiet interessati kollha.

(7)

Il-Pjattaforma għandha tkun ippreseduta mill-Kummissjoni u tikkonsisti minn rappreżentanti tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-negozji jew is-soċjetà ċivili jew lill-prattikanti fil-qasam tat-taxxa.

(8)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni minn membri tal-Pjattaforma.

(9)

Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (6),

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Il-grupp ta’ esperti msejjaħ il-“Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa, l-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa u t-Tassazzjoni Doppja”, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Pjattaforma”, huwa b’dan stabbilit.

Artikolu 2

Kompiti

Il-kompiti tal-Pjattaforma jkunu:

(a)

li tħeġġeġ diskussjoni bejn in-negozju, is-soċjetà ċivili u l-esperti tal-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa dwar il-kwistjonijiet fil-qasam ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u t-tassazzjoni doppja. It-terminu governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa jkopri t-trasparenza, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta fit-tassazzjoni;

(b)

li tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti dwar l-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet f’dawn l-oqsma u li jintgħażlu l-mezzi u strumenti xierqa biex jinkiseb progress f’dawn l-oqsma;

(c)

li tikkontribwixxi l-aħjar applikazzjoni u implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq, billi jiġu identifikati kwistjonijiet tekniċi u prattiċi potenzjalment rilevanti f’dan il-qasam, kif ukoll soluzzjonijiet possibbli;

(d)

li tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti għall-preparazzjoni tar-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet tagħha dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu pajjiżi terzi biex japplikaw l-istandards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet ta’ taxxa u dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa;

(e)

li tiddiskuti indikazzjonijiet prattiċi pprovduti mill-awtoritajiet tat-taxxa, kif ukoll in-negozji, is-soċjetà ċivili u prattikanti tat-taxxa, u telabora dwar modi possibbli biex jindirizzaw b’mod aktar effiċjenti l-problemi tat-tassazzjoni doppja attwali li jaffettwaw il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-Pjattaforma dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta ma’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u t-tassazzjoni doppja.

Artikolu 4

Sħubija – Ħatra

1.   Il-Pjattaforma tkun magħmula minn mhux aktar minn 45 membru.

2.   Il-membri tal-Pjattaforma jkunu:

(a)

l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri;

(b)

sa 15-il organizzazzjoni tan-negozji, is-soċjetà ċivili u l-prattikanti tat-taxxa.

3.   L-awtoritajiet tat-taxxa ta’ kull Stat Membru għandhom jinnominaw rappreżentant wieħed minn fost l-uffiċjali li jittrattaw it-tassazzjoni transfruntiera b’enfasi fuq il-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

4.   Wara sejħa għall-applikazzjonijiet, id-Direttur Ġenerali responsabbli mit-Tassazzjoni u mill-Unjoni Doganali għandu jaħtar lill-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 b’kompetenzi fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 u li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet.

5.   Meta jkunu qed iwieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jinnominaw rappreżentant u supplent wieħed biex jieħu post rappreżentant li jkun assenti jew indispost. Id-Direttur Ġenerali responsabbli mit-Tassazzjoni u mill-Unjoni Doganali jista’ joġġezzjona għan-nomina ta’ rappreżentant jew supplent minn organizzazzjoni abbażi li dan ma jkunx jissodisfa l-profil mitlub fis-sejħa għall-applikazzjonijiet. F’dawn il-każijiet, l-organizzazzjoni kkonċernata tintalab tinnomina rappreżentant jew supplent ieħor.

6.   Is-sostituti jiġu nnominati bl-istess kundizzjonijiet bħall-membri; is-supplenti jidħlu awtomatikament minflok kwalunkwe membru li jkun assenti jew indispost.

7.   L-organizzazzjonijiet jinħatru għal tliet snin, dment li ma jiġux sostitwiti jew esklużi skont il-paragrafu 9. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded wara li jkunu wieġbu għal sejħa oħra għall-applikazzjonijiet.

8.   L-organizzazzjonijiet li jitqiesu xierqa għas-sħubija, iżda li ma jinħatrux, jistgħu jitqiegħdu fuq lista ta’ riżerva li tinżamm għal tliet snin, li l-Kummissjoni tuża biex taħtar is-sostituti.

9.   L-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu (2) jew ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu jiġu ssostitwiti jew esklużi għall-bqija tal-mandat tagħhom fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

meta l-organizzazzjoni jew ir-rappreżentant tagħha ma jkunux għadhom kapaċi jikkontribwixxu b'mod effettiv għad-deliberazzjonijiet tal-Pjattaforma;

(b)

meta l-organizzazzjoni jew ir-rappreżentant tagħha ma jkunux jikkonformaw mal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(c)

meta l-organizzazzjoni jew ir-rappreżentant tagħha jirriżenjaw;

(d)

meta jkun tajjeb sabiex tinżamm rappreżentanza bbilanċjata tal-oqsma rilevanti tal-kompetenzi u dawk tal-interessi.

Bil-ħsieb li jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet msemmija fl-ewwel subparagrafu, id-Direttur Ġenerali responsabbli mit-Tassazzjoni u mill-Unjoni Doganali jista’, kif xieraq, jaħtar organizzazzjoni bħala sostitut mil-lista tar-riżerva msemmija fil-paragrafu 8 jew jitlob lil organizzazzjoni biex tinnomina rappreżentant ieħor jew supplent ieħor.

10.   L-ismijiet tal-organizzazzjonijiet u tar-rappreżentanti tagħhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi esperti tal-Kummissjoni u entitajiet simili oħrajn, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Reġistru”, kif ukoll fuq websajt apposta.

11.   Id-dejta personali għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Operazzjoni

1.   Il-Pjattaforma għandha tkun ippreseduta mid-Direttur Ġenerali responsabbli mit-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali jew ir-rappreżentant tiegħu.

2.   Bi qbil mas-Sedja, il-Pjattaforma tista’ tistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi tat-termini ta’ referenza ddefiniti mill-Pjattaforma. Dawn is-sottogruppi għandhom jiġu xolti malli jwettqu l-mandat tagħhom.

3.   Is-Sedja tista’, fuq bażi ad hoc, tistieden esperti minn barra l-Pjattforma li jkollhom kompetenza speċifika f’suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-Pjattaforma jew tas-sottogrupp. Barra minn hekk, is-Sedja tista' tistieden bħala osservaturi lil individwi jew organizzazzjonijiet, kif iddefinit fir-Regola 8(3) tar-regoli orizzontali dwar il-gruppi esperti (7), u lill-pajjiżi kandidati. Jistgħu jiġu mistiedna bħala osservaturi, b'mod partikolari, rappreżentanti tal-pajjiżi kandidati biex jissieħbu fl-UE u dawk ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

4.   Il-membri u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u osservaturi mistiedna, għandhom jikkonformaw mal-obbligu tas-segretezza professjonali stabbilit fit-Trattati u fir-regoli l-oħra rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll mar-regoli dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni kklassifikata tal-UE, li huma stabbiliti fl-Anness tar-regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni (8). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

5.   Bħala prinċipju, il-laqgħat tal-Pjattaforma u tas-sottogruppi tagħha jsiru f’binjiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tipprovdi s-servizzi segretarjali. Servizzi oħra tal-Kummissjoni b’interess fil-proċedimenti jistgħu jkunu involuti u jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Pjattaforma u s-sottogruppi tagħha.

6.   Il-Pjattaforma għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti.

7.   Il-Kummissjoni tippubblika d-dokumenti kollha dwar l-attivitajiet imwettqa mill-Pjattaforma (bħall-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti) jew fir-Reġistru jew permezz ta’ ħolqa mir-Reġistru għal sit elettroniku apposta. Dokument ma jiġix ippubblikat meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (9).

Artikolu 6

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Pjattaforma ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

2.   L-ispejjeż għall-ivvjaġġar u, fejn xieraq, l-ispejjeż għas-sussistenza li jkunu ġġarrbu mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Pjattaforma għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

3.   Dawk l-ispejjeż jiġu rimborżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 7

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni tapplika għal tliet snin.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2012) 722.

(2)  C(2012) 8806 finali.

(3)  C(2012) 8805 finali.

(4)  P7_TA(2012)0030.

(5)  COM(2011) 712 finali.

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(7)  Komunikazzjoni mingħand il-President lill-Kummissjoni: – Qafas għall-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni: regoli orizzontali u reġistru pubbliku, C(2010) 7649 finali.

(8)  ĠU L 308, 8.12.2000, p. 26.

(9)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43. Dawn l-eċċezzjonijiet huma maħsubin sabiex jipproteġu s-sigurtà pubblika, l-affarijiet militari, ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, il-privatezza u l-integrità tal-individwu, l-interessi kummerċjali, il-proċeduri fil-qorti u l-pariri legali, l-ispezzjonijiet/l-investigazzjonijiet/l-awditjar u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjoni.