7.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/5


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Awwissu 2013

dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-virus tad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn ċerti pajjiżi terzi jew partijiet tat-territorju ta’ pajjiżi terzi li fihom il-preżenza ta’ dik il-marda hija konfermata u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/78/UE

(notifikata bid-dokument C(2013) 4951)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/426/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa infezzjoni ta’ virus li jittieħed ħafna u fatali tal-ħnieżer domestiċi u l-qżieqes selvaġġi, li għandha l-potenzjal tinfirex malajr, l-aktar minn prodotti miksuba minn annimali infettati u oġġetti mhux ħajjin kontaminati.

(2)

Sa mill-2007 meta l-preżenza tad-deni Afrika tal-ħnieżer kienet konfermata fil-Ġeorġja, ir-Russja ilha tirrapporta għadd numeruż ta’ tifqigħ ta’ dik il-marda fil-ħnieżer u l-qżieqeż selvaġġi madwar il-parti Ewropea tat-territorju tagħha. Wara li ġiet irrapportata tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fir-reġjun ta’ Leningrad fir-Russja, li jmiss mal-Estonja u l-Finlandja, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/78/UE tat-3 ta’ Frar 2011 dwar ċerti miżuri biex jipprevjenu t-trażmissjoni tal-virus tad-deni Afrikan tal-ħnieżer mir-Russja lejn l-Unjoni (2), li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni ta’ dik il-marda fl-Unjoni.

(3)

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE tas-26 ta’ April 2004 li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni lejn u t-transitu matul il-Komunità għal ċerti annimali ungulati ħajjin, u temenda d-Direttivi 90/426/KEE u 92/65/KEE u tħassar id-Direttiva 72/462/KEE (3) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (4), l-importazzjonijiet tal-ħnieżer u l-prodotti tal-majjal minn pajjiżi terzi jew partijiet tat-territorju ta’ pajjiżi terzi fejn il-preżenza tad-deni Afrikan tal-ħnieżer hija konfermata, mhumiex awtorizzati.

(4)

Il-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2011/78/UE jiżguraw li l-vetturi li jkunu ttrasportaw il-ħnieżer u li jidħlu fl-Unjoni minn żoni infettati jitnaddfu u jiġu diżinfettati sew. Dawk il-miżuri jikkunsidraw ir-riskju li l-marda tinfirex b’konsiderazzjoni tal-modi ta’ trażmissjoni u s-sopravivenza tal-virus fl-ambjent.

(5)

F’Ġunju 2013, il-Belarus irrapportat l-konferma ta’ tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer domestiċi fir-reġjun ta’ Grodno, viċin tal-fruntiera mal-Litwanja u l-Polonja. Peress li dak ir-reġjun jinsab viċi ħafna tal-Unjoni, hemm riskju kbir tal-introduzzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fit-territorju tal-Unjoni. Il-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2011/78/UE għandhom għalhekk japplikaw ukoll fir-rigward ta’ vetturi li jidħlu fl-Unjoni mill-Belarus.

(6)

B’mod partikolari, jixraq li jkun żgurat li l-vetturi kollha li jkunu ttrasportaw annimali ħajjin u għalf u li jidħlu fl-Unjoni minn żoni infettati jitnaddfu u jiġu diżinfettati sew, u li dan it-tindif u d-diżinfezzjoni jiġu dokumentati sew.

(7)

It-trasportatur għandu jiżgura li għal kull tip ta’ vettura użata għall-ġarr tal-annimali jew għalf jinżamm reġistru bl-informazzjoni dwar it-tindif u d-diżinfezzjoni, għall-perjodu minimu ta’ tliet snin.

(8)

Għall-finijiet ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni ċara u konsistenti, id-Deċiżjoni 2011/78/KE għandha titħassar u tinbidel b’din id-Deċiżjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, “vettura tal-bhejjem” tfisser kwalunkwe vettura li ntużat għall-ġarr ta’ annimali ħajjin jew għall-ġarr ta’ għalf lejn impriżi tal-annimali.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur jew is-sewwieq ta’ vettura tal-bhejjem malli jasal minn pajjiżi terzi jew minn partijiet tat-territorju tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I, fil-punt tad-dħul fl-Unjoni jipprovdi informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li turi li l-bhejjem jew il-kompartament tal-ġarr, fejn applikabbli l-kaxxa tat-trakk, ir-rampa tat-tagħbija, it-tagħmir li jkun miss mal-annimali, ir-roti u l-kabina tas-sewwieq u l-ħwejjeġ u l-bwiez protettivi użati matul il-ħatt tnaddfu u ġew diżinfettati wara l-aħħar ħatt tal-annimali jew l-għalf.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi inkluża f’dikjarazzjoni mimlija skont il-mudell stipulat fl-Anness II jew fi kwalunkwe format ekwivalenti li jinkludi tal-inqas l-informazzjoni stipulata f’dak il-mudell.

3.   L-oriġinal tad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandu jinżamm mill-awtorità kompetenti għal perjodu ta’ tliet snin.

Artikolu 3

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-punt tad-dħul fl-Unjoni għandha tivverifika l-vetturi tal-bhejjem li jidħlu fl-Unjoni mill-pajjiżi terzi jew mill-partijiet tat-territorju tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I, sabiex tiddetermina jekk tnadfux u ġewx diżinfettati b’mod sodisfaċenti.

2.   Fejn il-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 juri li t-tindif u d-diżinfezzjoni twettqu b’mod sodisfaċenti jew fejn l-awtoritajiet kompetenti flimkien mal-miżuri pprovduti fil-paragrafu 1 ordnaw, organizzaw u wettqu diżinfezzjoni addizzjonali ta’ vetturi tal-bhejjem li tnaddfu qabel ma ġew użati għall-ġarr tal-annimali, l-awtorità kompetenti għandha tiddikjara dak il-fatt billi toħroġ ċertifikat skont il-mudell stabbilit fl-Anness III.

3.   Fejn il-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 juru li t-tindif u d-diżinfezzjoni tal-vettura tal-bhejjem ma twettqux b’mod sodisfaċenti, l-awtorità kompetenti għandha tieħu waħda mill-miżuri li ġejjin:

(a)

tordna li l-vettura tal-bhejjem titnaddaf u tiġi diżinfettata kif suppost f’post innominat mill-awtorità kompetenti, viċin kemm jista’ jkun tal-punt tad-dħul fit-territorju tal-Unjoni fl-Istat Membru konċernat u toħroġ iċ-ċertifikat msemmi fil-paragrafu 2;

(b)

fejn ma jkunx hemm faċilità adattata għat-tindif u d-diżinfezzjoni fil-viċinat tal-punt tad-dħul jew hemm riskju li l-prodotti residwi tal-annimali jiġu rilaxxati mill-vettura tal-bhejjem mhux imnaddfa, jirrifjutaw id-dħul fl-Unjoni tal-vettura tal-bhejjem li ma tkunx tnadfet u ġiet diżinfettata b’mod sodisfaċenti.

4.   L-oriġinal taċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jinżamm mill-operatur jew is-sewwieq tal-vettura tal-bhejjem għal perjodu ta’ tliet snin. Kopja ta’ dak iċ-ċertifikat għandha tinżamm mill-awtorità kompetenti għal perjodu ta’ tliet snin.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni 2011/78/UE titħassar.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(2)   ĠU L 30, 4.2.2011, p. 40.

(3)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321.

(4)   ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.


ANNESS I

LISTA TA’ PAJJIŻI TERZI U PARTIJIET TAT-TERRITORJU TA’ PAJJIŻI TERZI FEJN IL-PREŻENZA TAD-DENI AFRIKAN TAL-ĦNIEŻER HIJA KONFERMATA

 

Il-Belarus

 

Ir-Russja


ANNESS II

DIKJARAZZJONI MUDELL LI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA MILL-OPERATUR/SEWWIEQ TAL-VETTURA TAL-BHEJJEM LI TKUN DIEĦLA FL-UNJONI MINN PAJJIŻI TERZI JEW PARTIJIET TAT-TERRITORJI TA’ PAJJIŻI TERZI FEJN IL-PREŻENZA TAD-DENI AFRIKAN TAL-ĦNIEŻER HIJA KONFERMATA

Jien, l-operatur/is-sewwieq tal-vettura tal-bhejjem … niddikjara li:

(daħħal in-numru tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni)

il-ħatt l-aktar riċenti tal-annimali u l-għalf sar fi:

Pajjiż, reġjun, post

Data

(jj.xx.ss)

Ħin

(ss:mm)

 

 

 

 

wara l-ħatt, il-vettura għall-ġarr tal-bhejjem tnaddfet u ġiet diżinfettata. It-tindif u d-diżinfezzjoni inkludew il-bhejjem jew il-kompartament tat-tagħbija, [il-kaxxa tat-trakk] (ħassar jekk mhux applikabbli), ir-rampa tat-tagħbija, it-tagħmir li jkun miss mal-annimali, ir-roti u l-kabina tas-sewwieq u l-ħwejjew ul-bwiez protettivi użati matul il-ħatt.

It-tindif u d-diżinfezzjoni twettqu fi:

Pajjiż, reġjun, post

Data

(jj.xx.ss)

Ħin

(ss:mm)

 

 

 

 

id-diżinfettant intuża skont il-konċentrazzjonijiet rakkomandati mill-manifattur (biex tindika s-sustanza u l-konċentrazzjoni tagħha):

it-tagħbija li jmiss tal-annimali se sseħħ fi:

Pajjiż, reġjun, post

Data

(jj.xx.ss)

Ħin

(ss:mm)

 

 

 

 

Data

Post

Firma tal-operatur/tas-sewwieq

 

 

 

Isem l-operatur/is-sewwieq tal-vettura għall-ġarr tal-bhejjem u l-indirizz kummerċjali (f’ittri kbar)


ANNESS III

ĊERTIFIKAT TAT-TINDIF U D-DIŻINFEZZJONI GĦAL VETTURI TAL-BHEJJEM LI JKUNU DEĦLIN FL-UNJONI MINN PAJJIŻI TERZI JEW PARTIJIET TAT-TERRITORJI TA’ PAJJIŻI TERZI FEJN IL-PREŻENZA TAD-DENI AFRIKAN TAL-ĦNIEŻER HIJA KONFERMATA

Jien, hawn taħt iffirmat niċċertifika uffiċjalment li spezzjonajt:

1.

il-vettura/i tal-bhejjem bin-numru/i ta’ reġistrazzjoni … llum u permezz ta’ kontroll viżiv sibt lill-bhejjem jew il-kompartament tat-tagħbija, [il-kaxxa tat-trakk] (1), ir-rampa tat-tagħbija, it-tagħmir li jkun miss mal-annimali, ir-roti u l-kabina tas-sewwieq u l-ħwejjeġ u l-bwiez protettivi użati matul il-ħatt, imnaddfa b’mod sodisfaċenti.

(daħħal in-numru/i tal-pjanċa/i ta’ reġistrazzjoni

2.

l-informazzjoni mressqa fil-forma ta’ dikjarazzjoni kif stipulat fl-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/426/UE jew fi kwalunkwe forma ekwivalenti oħra li tkopri l-punti stipulati fl-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/426/UE.

Data

Ħin

Post

Awtorità kompetenti

Firma tal-uffiċjal (*1)

 

 

 

 

 

Timbru:

Isem f’ittri kbar:


(1)  Ħassar jekk mhux applikabbli.

(*1)  Il-kulur tat-timbru u l-firma għandhom ikunu differenti minn dak użat għall-istampar.