17.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Lulju 2013

li testendi l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri xierqa fid-Deċiżjoni 2011/492/UE dwar il-Ginea Bissaw u li temenda dik id-Deċiżjoni

(2013/385/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) (“il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”), kif emendat l-aħħar f’Ouagadougou, il-Burkina Faso, fit-22 ta’ Ġunju 2010 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

Waqt li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-KE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE (4), il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Ginea Bissaw skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ngħalqu u ttieħdu miżuri xierqa, kif speċifikat fl-Anness ma’ dik id-Deċiżjoni.

(2)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/387/UE (5), id-Deċiżjoni 2011/492/UE ġiet estiża bi tnax-il xahar, sad-19 ta’ Lulju 2013.

(3)

L-elementi essenzjali ċitati fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE għadhom qed jinkisru u l-kundizzjonijiet attwali fil-Ginea Bissaw ma jiżgurawx ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt.

(4)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2011/492/UE għandha tiġi emendata biex testendi iktar il-perijodu tal-applikazzjoni tal-miżuri xierqa,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/492/UE jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi fid-19 ta’ Lulju 2014.

Hija ser terġa’ tkun eżaminata b’mod regolari, minn tal-anqas kull sitt xhur, preferibbilment fid-dawl ta’ missjonijiet ta’ sorveljanza mwettqa mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni.”

Artikolu 2

L-ittra fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tiġi mgħarrfa lill-awtoritajiet tal-Ginea Bissaw.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. JUKNA


(1)   ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)   ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(3)   ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE tat-18 ta’ Lulju 2011 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Ginea Bissaw skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 203, 6.8.2011, p. 2).

(5)   ĠU L 387, 17.7.2012, p. 1.


ANNESS

Sinjuri,

Wara l-konsultazzjonijiet li saru fi Brussell fid-29 ta’ Marzu 2011 fil-qafas tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, l-Unjoni Ewropea fit-18 ta’ Lulju 2011 iddeċidiet, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE li tadotta miżuri xierqa, inkluża skema ta’ impenji reċiproċi biex gradwalment terġa’ tibda l-kooperazzjoni tal-UE.

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/387/UE tas-16 ta’ Lulju 2012, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE ġiet estiża b’sena, sad-19 ta’ Lulju 2013.

Tnax-il xahar wara dik l-estensjoni, l-Unjoni Ewropea tikkunsidra li ma sar l-ebda progress sinifikanti u għaldaqstant iddeċidiet li testendi l-perijodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/492/UE sad-19 ta’ Lulju 2014.

L-Unjoni Ewropea tixtieq għal darba oħra tenfasizza l-importanza li hi tagħti lill-koperazzjoni futura mal-Ginea Bissaw u tikkonferma r-rieda tagħha li tkompli bid-djalogu u li fil-futur qrib tagħmel progress lejn sitwazzjoni fejn terġa’ ssir possibbli kooperazzjoni sħiħa.

Għoddni dejjem tiegħek,

Għall-Kunsill

C. ASHTON

President

Għall-Kummissjoni

A. PIEBALGS

Kummissarju