12.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/10


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2013

li tapprova l-aġġornament tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tal-Irlanda

(2013/373/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 japplika għal Stati Membri li diġà qed jirċievu assistenza finanzjarja, inklużi dawk mill-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabilizzazzjoni finanzjarja (EFSM) u/jew mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), fil-waqt tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi regoli għall-approvazzjoni ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu din l-għajnuna finanzjarja, li jeħtieġu li jkunu artikolati mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (2) meta l-Istat Membru kkonċernat jirċievi l-assistenza kemm mill-EFSM kif ukoll minn sorsi oħra.

(3)

L-Irlanda ġiet mogħtija assistenza finanzjarja kemm mill-EFSM permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE tas-7 ta’ Diċembru 2010 dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda (3) kif ukoll mill-EFSF.

(4)

Għal raġunijiet ta’ konsistenza, l-approvazzjoni tal-aġġornament tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku għall-Irlanda taħt ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 għandha ssir b’referenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 3(9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u f’kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), għamlet l-għaxar reviżjoni tal-progress tal-awtoritajiet Irlandiżi fl-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula kif ukoll tal-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri maqbula. Bħala konsegwenza ta’ din ir-reviżjoni, jinħtieġ li jsiru xi tibdiliet fil-programm eżistenti ta’ aġġustament makroekonomiku.

(6)

Dawk il-bidliet jinsabu fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/372/UE (4) li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri speċifikati fl-Artikolu 3(10) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE li għandhom jittieħdu mill-Irlanda matul l-2013 bħala parti mill-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tagħha huma b’dan approvati.

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 118, 12,5.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34.

(4)  Ara paġna 9 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.