12.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/9


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2013

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda

(2013/372/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Wara talba mill-Irlanda, il-Kunsill taha assistenza finanzjarja permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE (2) bħala sostenn għal programm qawwi ta’ riforma ekonomika u finanzjarja bil-għan li tinkiseb il-fiduċja mill-ġdid, li l-ekonomija tkun tista’ tirritorna għal tkabbir sostenibbli, u li tkun salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fl-Irlanda, fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 3(9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u f’kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), għamlet l-għaxar reviżjoni tal-progress tal-awtoritajiet Irlandiżi fl-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula kif ukoll tal-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri maqbula.

(3)

Wara l-qbil politiku milħuq mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, huwa mistenni li l-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) tiġi adottata dalwaqt. F’dan il-kuntest, it-testijiet li jmiss tal-istress fuq il-banek li se jsiru madwar l-UE kollha, li se jsiru taħt l-awspiċi tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), mhux se jsiru fl-2013 kif kien mistenni preċedentement.

(4)

Bi tħejjija għat-test tal-istress tad-dħul fir-rigward tal-SSM, u bil-għan li (i) jkun hemm dijanjostiċi utli qabel ma jintemm il-programm u (ii) kemm jista’ jkun tiġi żgurata konsistenza fid-diversi eżerċizzji ta’ evalwazzjoni, l-Irlanda għandha għalhekk tagħmel sensiela ta’ passi ta’ tħejjija, inkluża valutazzjoni komprensiva preliminari tal-karta tal-bilanċ, qabel tmiem l-2013.

(5)

L-Irlanda rriaffermat l-impenn tagħha li tittrasferixxi, mingħajr dewmien, ir-responsabbiltà għas-settur tal-ilma mill-awtoritajiet lokali lil entità ta’ utilità pubblika nazzjonali u li tintroduċi tariffi tal-ilma għall-unitajiet domestiċi. L-Irlanda wriet progress tajjeb fit-twettiq ta’ riforma fis-settur tal-ilma tagħha, anke permezz tal-promulgazzjoni ta’ leġiżlazzjoni, l-istabbiliment ta’ Irish Water u t-tlestija ta’ passi operattivi għall-proċess ta’ tranżizzjoni. Hemm raġunijiet tekniċi li jiġġustifikaw li l-introduzzjoni tat-tariffi tal-ilma għad-djar tiġi differita sal-2014, mingħajr ma jiġi kompromess il-proċess ta’ riforma inġenerali.

(6)

Fid-dawl ta’ dawk l-iżviluppi u kunsiderazzjonijiet, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE għandha tiġi emendata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3, paragrafu 10, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

tlesti valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ qabel tmiem il-programm, bħala parti mill-ħidma preparatorja lejn test tal-istress li jitmexxa skont il-metodoloġija l-ġdida tal-UE.”;

(2)

il-punt li ġej huwa miżjud:

“(c)

tikkomunika lill-Kummissjoni l-mudell ta’ finanzjament għal Irish Water u tħabbar pjan definittiv ta’ żmien għall-introduzzjoni ta’ tariffi tal-ilma domestiċi fir-raba’ kwart tal-2014.”.

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34.