11.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/87


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ġunju 2013

li tavża lill-Belġju biex jieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huwa meqjus neċessarju biex jagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

(2013/370/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Fit-2 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill iddeċieda (1), skont l-Artikolu 126(6) TFUE, li fil-Belġju kien hemm defiċit eċċessiv. Fit-2 ta' Diċembru 2009, u wkoll fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni ("Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009") biex dan jiġi kkoreġut sal-2012, skont l-Artikolu 126(7) TFUE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2). Sabiex id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jitniżżel għal taħt it-3 % tal-PDG b'mod kredibbli u sostenibbli, l-awtoritajiet Belġjani kienu rakkomandati li: (a) jimplimentaw miżuri ta' tnaqqis tad-defiċit fl-2010 kif ippjanat fl-abbozz tal-baġit għall-2010 u jsaħħu l-isforz fiskali ppjanat fl-2011 u l-2012; (b) jiżguraw sforz fiskali annwali medju ta' ¾ % tal-PDG matul il-perijodu 2010-2012, li kellu jikkontribwixxi wkoll biex il-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern jinġieb lura lejn tnaqqis b'mod li jqarreb il-valur referenzjarju b'pass sodisfaċenti billi jinkiseb livell xieraq ta' bilanċ favorevoli primarju; (c) jispeċifikaw il-miżuri li huma neċessarji għall-ksib ta' korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2012, jekk il-kundizzjonijiet ċikliċi jippermettu u jaċċelleraw it-tnaqqis tad-defiċit jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi jew baġitarji jkunu aħjar minn dawk mistennija meta ħarġu r-rakkomandazzjonijiet tal-PDE; u (d) isaħħu l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ biex jiżguraw li l-miri fiskali jkunu rispettati. Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill stabbilixxa data ta' skadenza tat-2 ta' Ġunju 2010 biex tittieħed azzjoni effettiva b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

(4)

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 126(8) TFUE, fil-21 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill iddeċieda li l-Belġju ma kienx ħa azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2009 fil-perijodu stipulat fiha.

(5)

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, jekk data effettiva skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 tindika li defiċit eċċessiv ma ġiex ikkoreġut minn Stat Membru li jipparteċipa fil-limiti taż-żmien speċifikati f'rakkomandazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 126(7) TFUE, il-Kunsill għandu immedjatament jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 126(9) TFUE, jiġifieri, jinnotifika lill-Istat Membru biex jieħu miżuri, f'limitu ta' żmien speċifikat, għat-tnaqqis tad-defiċit li jkun ikkunsidrat meħtieġ mill-Kunsill sabiex is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata.

(6)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, jipprevedi li l-PDG reali jibqa' l-istess fl-2013 bid-domanda domestika tkompli t-tnaqqis mibdi fl-2012. Filwaqt li l-konsum domestiku probabbli li se jistaġna, l-investiment mistenni jonqos minħabba nuqqas ta’ fiduċja fil-livelli kollha tal-ekonomija, settur dipress tal-kostruzzjoni, kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar stretti u industrija b'kapaċità żejda ampja. Kemm il-konsum privat u kemm l-investiment huma mistennija jaqbdu ritmu tajjeb biss mill-2014 meta d-domanda domestika ssir l-ixprun ewlieni wara rata ta’ tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,2 %. Fl-isfond ta’ din id-domanda domestika iktar qawwija, iż-żieda fl-importazzjoni hija mistennija tlaħħaq maż-żieda fl-esportazzjoni. Dan jillimita aktar gwadanji mill-esportazzjonijiet netti fl-2014, għall-kuntrarju tal-2013 meta ż-żieda fid-domanda barranija netta pożittiva mistennija tipprevjeni lill-PDG milli jiċkien.

(7)

Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mistenni jonqos għal 2,9 % tal-PDG fl-2013. Il-baġit inizjali tal-2013 kellu fil-mira defiċit nominali ta’ 2,15 % tal-PDG. Madankollu, mill-abbozzar tal-baġit, il-previżjonijiet uffiċjali ta' tkabbir li jsostnu l-baġit (+ 0,7 %, skont it-tbassir tal-ħarifa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni) kienu sostanzjalment riveduti 'l isfel, għal 0,2 % fil-Programm ta’ Stabbiltà 2012-2016 u 0,0 % f'dak it-tbassir tar-rebbiegħa. Għalhekk, il-Gvern abbanduna l-mira ta' defiċit nominali u bidilhom b’impenn li jtejjeb il-bilanċ strutturali b’1,0 % tal-PDG. F’Marzu 2013, il-Gvern ħa miżuri addizzjonali li jammontaw għal 0,2 % tal-PDG minbarra madwar 0,75 % tal-PDG ta’ miżuri meħuda fil-baġit 2013 inizjali, li tqiesu fit-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Dan it-tbassir jipprevedi titjib strutturali ta’ ¾ % tal-PDG fl-2013, inkluża kontribuzzjoni ta' ¼ punt perċentwali minn inqas infiq fuq l-imgħaxijiet.

(8)

F’politika li ma tinbidilx, it-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi li d-defiċit jerġa' jogħla 'l fuq mill-valur referenzjarju fl-2014, għal 3,1 % tal-PDG, minkejja t-tkabbir previst ogħla mill-potenzjal. Din iż-żieda ġdida ġejja minħabba x-xejra dejjem tiżdied b'mod awtonomu fit-trasferimenti soċjali u l-fatt li l-baġit 2013 inkluda wkoll madwar 0,4 % tal-PDG ta’ dħul ta’ darba u temporanju, bħal amnestija fiskali, il-bejgħ ta’ liċenzji tat-telecom u dividend eċċezzjonalment għoli mill-Bank Nazzjonali tal-Belġju.

(9)

Id-dejn pubbliku tela’ minn 84 % tal-PDG fl-2007 għal kważi 100 % tal-PDG fl-2012. Id-dinamika tad-defiċit u tal-PDG jammontaw għal madwar 6,5 punti perċentwali miż-żieda, filwaqt li fatturi eżoġeni jammontaw għal madwar 9 punti perċentwali, l-iktar minħabba l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ fis-settur finanzjarju fil-forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, mistenni jiżdied għal 'il fuq minn 102 % tal-PDG fl-2014. Il-Gvern biħsiebu jbigħ assi finanzjarji biex iżomm id-dejn taħt il-100 % tal-PDG fl-2013. F'dan il-kuntest, il-Gvern ħabbar reċentement il-bejgħ ta' Royal Park Investment (l-entità ad hoc maħluqa fil-kuntest tal-operazzjoni ta' salvataġġ tal-Fortis) li jnaqqas il-livell tad-dejn għal 0,2 % tal-PDG.

(10)

Ir-Rapport ta' Sostenibilità Fiskali tal-Kummissjoni Ewropea 2012 juri li l-Belġju ma jidhirx li qed jiffaċċja riskju ta' kriżi fiskali fit-terminu qasir. Madankollu, ir-riskji ta' sostenibilità fiskali huma għoljin f'perspettiva fit-terminu medju għal dak twil. L-impatt baġitarju fit-tul tat-tixjiħ fil-Belġju huwa ferm ogħla mill-medja fl-UE, l-iktar b'riżultat ta' żieda relattivament għolja fl-infiq fuq il-pensjonijiet bħala proporzjon tal-PDG tul id-deċenji li ġejjin. Għalkemm ir-riforma fil-pensjonijiet ta' Diċembru 2011 kienet pass pożittiv importanti, jidher li hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali biex tiġi rritornata s-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

(11)

Il-miżuri meħuda fil-baġit 2013 inizjali u l-kontroll tal-baġit ta' Marzu 2013 bħalissa huma mistennija li jniżżlu d-defiċit għal taħt it-3 % tal-PDG fl-2013. Madankollu, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-marġni ta' sigurtà kontra l-ksur tal-valur referenzjarju skont it-Trattat huwa dejjaq ħafna. Barra minn hekk, il-korrezzjoni għadha mhix sostenibbli.

(12)

Fl-isfond ta' inċertezzi kbar rigward l-iżviluppi ekonomiċi u baġitarji, il-mira baġitarja irrakkomandata għall-aħħar sena tal-perijodu ta' korrezzjoni għandha tkun stabbilita f'livell kjarament taħt il-valur referenzjarju, sabiex ikun garantit li l-korrezzjoni tinkiseb b'mod effikaċi u dejjiemi u qabel l-iskadenza mitluba.

(13)

Għalhekk, tnaqqis ulterjuri tad-defiċit tal-2013 għal 2,7 % tal-PDG huwa ġustifikat, li huwa konsistenti ma' titjib strutturali ta' 1 % tal-PDG fl-2013. Għal dan l-għan, huma meqjusa li huma meħtieġa miżuri addizzjonali ta' ¼ % tal-PDG, anke fid-dawl ta' effetti negattivi possibbli tat-tieni rawnd.

(14)

Il-Belġju ħa impenn fil-Programm ta' Stabbiltà 2012-2016 tiegħu li jikseb baġit ibbilanċjat f'termini strutturali fl-2015, qabel ma jilħaq l-objettiv baġitarju ta' terminu medju tiegħu ta' bilanċ favorevoli ta' 0,75 % tal-PDG f'terminu strutturali fl-2016. Wara l-preżentazzjoni tal-Programm ta' Stabbiltà 2012-2016, f'ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fit-28 ta' Mejju 2013, l-awtoritajiet Belġjani impenjaw ruħhom li jkollhom mira ta' sforz fiskali ogħla ta' ¾ % tal-PDG fl-2014. Ukoll fid-dawl tal-livell għoli ta' dejn, dan huwa sforz xieraq u se jikkonforma mal-punt ta' riferiment għat-tnaqqis tad-dejn.Wara l-2016, il-Belġju għandu jkompli jagħmel progress suffiċjenti lejn l-objettiv tat-terminu medju tiegħu inkluż li jilħaq il-punt ta' riferiment tal-infiq, u lejn il-konformità mal-punt ta' riferiment għat-tnaqqis tad-dejn.

(15)

Barra minn hekk, il-Belġju għandu jsaħħaħ is-sostenibilità fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet u tas-sigurtà soċjali. F'dan ir-rigward, hemm bżonn ta' sforzi addizzjonali biex jingħalaq id-distakk bejn l-etajiet ta' rtirar effettivi u dawk statutorji, filwaqt li miżuri li jorbtu l-età ta' rtirar statutorja mal-iżviluppi fl-istennija tal-għomor jippermettu s-salvagwardjar tas-sostenibilità tas-sistema tal-pensjonijiet fit-tul.

(16)

Barra minn hekk, il-Belġju għandu jadotta arranġamenti ta' koordinament espliċiti biex jiżgura li l-miri baġitarji jkunu vinkolanti fil-livell federali u fil-livelli sottofederali f'perspettiva ta' ppjanar fit-terminu medju, inkluż permezz tal-adozzjoni fil-pront ta' regola dwar bilanċ jew bilanċ pożittiv fil-baġit tal-amministrazzjoni pubblika li tikkonforma mar-rekwiżiti tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

(17)

Finalment, biex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija ta' konsolidazzjoni fiskali, se jkun importanti wkoll li l-konsolidazzjoni fiskali tkun sostnuta minn riformi strutturali komprensivi, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lill-Belġju fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u b'mod partikolari dawk relatati mal-Proċedura ta' Żbilanċi Makroekonomiċi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Belġju għandu jġib fi tmiem il-qagħda ta' defiċit eċċessiv preżenti sal-2013.

2.   Il-Belġju għandu jnaqqas id-defiċit nominali għal 2,7 % tal-PDG fl-2013. Dan it-titjib nominali huwa konsistenti ma' titjib fil-bilanċ strutturali ta' 1 % tal-PDG fl-2013, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni.

3.   Il-Belġju għandu jadotta u jimpliment bis-sħiħ il-miżuri ta' konsolidazzjoni kollha inkorporati fil-baġit 2013 kif ukoll miżuri addizzjonali ta' natura strutturali biex jinkiseb sforz strutturali rakkomandat għall-2013.

4.   Il-Belġju għandu jkun lest jadotta miżuri ulterjuri jekk jimmaterjalizzaw riskji għall-pjanijiet baġitarji. Miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarji għandhom jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir.

Artikolu 2

1.   Il-Belġju għandu jippreżenta rapport lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Settembru 2013, li jiddeskrivi l-miżuri meħuda għall-konformità ma' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-rapport bil-ħsieb li tivvaluta l-progress magħmul lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

2.   Il-Belġju għandu jibgħat rapporti kull tliet xhur lill-Kummissjoni, li fihom jeżamina l-progress li jkun sar fil-konformità ma' din id-Deċiżjoni.

3.   Il-Belġju għandu jibgħat rapport sal-31 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni intiża tal-ewwel rakkomandazzjoni maħruġa taħt is-Semestru Ewropew rigward l-adozzjoni ta' arranġamenti ta' koordinament espliċiti biex ikun żgurat li l-miri baġitarji jkunu vinkolanti fil-livell federali u f'dawk sottofederali f'perspettiva ta' ppjanar fit-terminu medju.

4.   Il-Belġju għandu jippreżenta miżuri strutturali għall-2014 li jiżguraw korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv u progress xieraq lejn l-objettiv tiegħu ta' terminu medju.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

M. NOONAN


(1)   ĠU L 125, 21.5.2010, p. 34. Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv tal-Belġju jinsabu f':

http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/countries/belgium_en.htm

(2)   ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.