11.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/84


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ġunju 2013

li tistabbilixxi li ma ttieħdet ebda azzjoni effettiva mill-Belġju b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tat-2 ta' Diċembru 2009

(2013/369/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (1), li kien adottat sabiex jgħin il-korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi tal-amministrazzjoni pubblika.

(3)

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, iddeċieda, fit-2 ta’ Diċembru 2009, skont l-Artikolu 126(6) TFUE, li fil-Belġju kien hemm defiċit eċċessiv (2). Fl-istess jum, kif ukoll abbażi tar-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) TFUE ("Rakkomandazzjon tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009") fejn talab lill-awtoritajiet Belġjani jieħdu azzjoni f'qafas ta’ terminu medju sabiex iġibu d-defiċit taħt it-3 % tal-PDG sal-2012.

(4)

B'mod iktar speċifiku, sabiex id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jitniżżel għal taħt it-3 % tal-PDG b'mod kredibbli u sostenibbli, l-awtoritajiet Belġjani kienu rakkomandati li (a) jimplimentaw miżuri ta' tnaqqis tad-defiċit fl-2010 kif ippjanat fl-abbozz tal-baġit għall-2010 u jsaħħu l-isforz fiskali ppjanat fl-2011 u l-2012; (b) jiżguraw sforz fiskali annwali medju ta' ¾ % tal-PDG matul il-perijodu 2010-2012, li kellu jikkontribwixxi wkoll biex il-proporzjon tad-dejn gross jinġieb lura lejn tnaqqis b'mod li jqarreb il-valur referenzjarju b'pass sodisfaċenti billi jinkiseb livell xieraq ta' bilanċ favorevoli primarju; (c) jispeċifikaw il-miżuri li huma neċessarji għall-ksib ta' korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2012, jekk il-kundizzjonijiet ċikliċi jippermettu u jaċċelleraw it-tnaqqis tad-defiċit jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi jew baġitarji jkunu aħjar minn dawk mistennija meta ħarġu r-rakkomandazzjonijiet dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv (PDE); u (d) isaħħu l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ biex jiżguraw li l-miri fiskali jkunu rrispettati. Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill stabbilixxa data ta' skadenza tat-2 ta' Ġunju 2010 għal azzjoni effettiva biex tittieħed b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

(5)

Skont it-tbassir tal-ħarifa 2009 mis-servizzi tal-Kummissjoni, li kien jifforma l-bażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009, l-ekonomija Belġjana kienet mistennija tikber b'0,6 % fl-2010 u b'1,5 % fl-2011. Is-sena 2012 kienet lil hinn mit-tbassir, iżda taħt l-ipotesi tal-għeluq gradwali tad-distakk negattiv kbir fil-produzzjoni sal-2015, għall-2012 kien mistenni tkabbir ogħla minn dak tal-2011. It-tkabbir fil-PDG fl-2010 kien sostanzjalment ogħla milli mistenni f'dak it-tbassir; fl-2011 kien kemm kemm ogħla t-tbassir ta' 1,5 %, filwaqt li fl-2012 l-ekonomija Belġjana għaddiet minn tnaqqis ta' 0,2 %.

(6)

Fil-15 ta' Ġunju 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2010 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-Belġju ħa azzjoni effettiva dwar il-konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 biex id-defiċit tal-gvern jinġieb taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG u qies li għalhekk ma kien hemm bżonn tal-ebda pass addizzjonali fil-PDE dak iż-żmien.

(7)

Abbażi tat-tbassir tal-ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni, kien hemm evidenza ċara ta' riskji ta' nuqqas ta' konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009, minħabba d-distakk, li għadu sinifikanti, mal-limitu massimu tad-defiċit ta' 3 % tal-PDG qrib l-iskadenza fin-nuqqas ta' baġit tal-2012 u l-fatt li l-isforz fiskali milħuq sa dakinhar kien inqas minn dak rakkomandat. Għalhekk, il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha u saħqet mal-Belġju biex jieħu l-miżuri neċessarji fil-ħin biex jevita li tkompli l-PDE tiegħu. F’Diċembru 2011, il-Gvern Belġjan li kien għadu kif ġie kostitwit qabel fuq abbozz ta’ baġit. Fil-11 ta' Jannar 2012 il-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tax-xenarju makroekonomiku prevalenti dak iż-żmien (tbassir ta’ tkabbir ta’ 0,9 % skont it-tbassir tal-ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni), il-miżuri ta’ konsolidazzjoni fil-baġit u l-iffriżar addizzjonali, id-defiċit kellu jilħaq 2,9 % tal-PDG fl-2012. Għalhekk il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ebda passi oħra fil-PDE rigward il-Belġju ma kienu meħtieġa sa dak il-mument.

(8)

Valutazzjoni ġdida tal-azzjoni meħuda mill-Belġju biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2012 b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009, twassal għal dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

Wara n-notifika ta’ PDE tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tal-2012 u l-validazzjoni tagħha mill-Kummissjoni (Eurostat), id-defiċit tal-2012 spiċċa kien ta' 3,9 % tal-PDG. Dan kien parzjalment minħabba l-ħtieġa urġenti biex jiġi rikapitalizzat il-grupp bankarju Dexia fi tmiem l-2012, li ħalla impatt negattiv ta’ 0,8 % tal-PDG fuq id-defiċit tal-gvern. Madankollu, anke mingħajr din l-operazzjoni l-iskadenza kienet tinqabeż, b'defiċit ta’ 3,2 % tal-PDG li jeskludi l-impatt negattiv ta’ darba ta’ dik l-operazzjoni. Barra minn hekk, il-baġit tal-2012 kellu miżuri sostanzjali ta’ darba li jnaqqsu d-defiċit, stmati għal madwar 0,4 % tal-PDG.

Il-bilanċ primarju tjieb minn defiċit ta’ 1,9 % tal-PDG fl-2009 għal 0,4 % tal-PDG fl-2010, filwaqt li baqa’ ġeneralment stabbli fl-2011. Fl-2012, id-defiċit primarju ddeterjora għal 0,5 % minħabba l-impatt tar-rikapitalizzazzjoni tad-Dexia, li mingħajru l-bilanċ primarju kien juri bilanċ pożittiv ta’ 0,3 % tal-PDG.

L-isforz fiskali annwali medju mill-2010 'l hawn huwa stmat li hu 0,3 % tal-PDG, sew taħt it-¾ % tal-PDG irrakkomandat mill-Kunsill. Hekk ukoll wara korrezzjoni għall-effetti riveduti tat-tkabbir fil-produzzjoni potenzjali u żviluppi fid-dħul, l-isforz fiskali medju aġġustat huwa inqas minn nofs l-isforz rakkomandat. Kalkolu minn isfel għal fuq jistima l-impatt nett kumulattiv ta’ miżuri diskrezzjonarji ta’ natura permanenti għal madwar 2 % tal-PDG tul l-2010-2012. Dan il-kalkolu jinkludi kemm miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit kif ukoll żidiet fl-infiq sa ċertu punt minħabba deċiżjonijiet ta’ politika tal-passat (bħall-adattamenti tal-benefiċċji soċjali għall-benessri, bħas-sussidji ta’ pagi li jogħlew malajr lill-kumpaniji) li parzjalment ipaċu l-isforzi ta’ konsolidazzjoni. Barra minn hekk, l-impatt ta’ dawn it-2 % tal-PDG ta’ miżuri diskrezzjonarji ma kienx biżżejjed biex ipaċi x-xejra dejjem tiżdied b'mod awtonomu fin-nefqa pubblika minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni u fl-istess ħin jinkiseb it-titjib rakkomandat tal-bilanċ strutturali fuq il-perijodu ta' konsolidazzjoni.

Fl-2010, il-Belġju, fil-biċċa l-kbira, implimenta l-miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit kif ippjanat, li wassal għal titjib strutturali ta’ ½ % tal-PDG, li minnu ¼ punt perċentwali kien grazzi għal tnaqqis qawwi fin-nefqa fuq l-imgħax. Id-defiċit nominali niżel minn 5,6 % tal-PDG fl-2009 (li inkluda 0,6 punt perċentwali ta' fatturi negattivi ta’ darba) sa 3,8 % tal-PDG, sostanzjalment inqas mill-mira ta’ 4,8 % tal-PDG ippjanat mill-awtoritajiet Belġjani fil-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Jannar 2010, minħabba r-riżultat makroekonomiku aħjar milli kien mistenni. Fl-2010, il-PDG kiber bi 2,4 %, meta mqabbel ma’ rata ta’ tkabbir ta’ 0,6 % mistenni fi żmien tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009.

Minkejja kundizzjonijiet makroekonomiċi relattivament favorevoli fl-ewwel nofs tal-2011 (tkabbir annwali tal-PDG ta’ 1,8 %), il-bilanċ nominali naqas biss marġinalment dik is-sena, għal 3,7 % tal-PDG, meta mqabbel ma’ mira ta’ 3,6 % tal-PDG fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2011. Il-bilanċ strutturali mar lura b'0,1 % fl-2011. Għalhekk, il-Belġju naqas milli jieħu vantaġġ minn żminijiet ekonomiċi relattivament favorevoli biex inaqqas id-defiċit tiegħu, parzjalment minħabba l-imblokk politiku fil-livell federali bejn l-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2010 u Diċembru 2011.

F’Diċembru 2011, il-Gvern Belġjan li kien għadu kif ġie kostitwit inkluda fil-baġit tal-2012 sensiela ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni li jammontaw, skont il-baġit u l-Programm ta’ Stabbiltà2011-2015, għal madwar 3 % tal-PDG. Ittieħdu miżuri addizzjonali f’Marzu 2012 u f'Ottubru 2012 sabiex jittaffa l-impatt negattiv tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fuq il-baġit. Fl-aħħar tal-2012, il-Gvern Belġjan u dak Franċiż kellhom bżonn iżidu l-kapital tal-grupp bankarju Dexia, sabiex jirremedjaw il-pożizzjoni tal-assi netti negattivi u biex ir-riżoluzzjoni ordinata tal-grupp tkun tista' tibqa' għaddejja. Għall-Belġju, dan kellu impatt negattiv ta' darba fuq id-defiċit ta’ 0,8 % tal-PDG. Barra minn hekk, minkejja mekkaniżmu ta’ monitoraġġ imsaħħaħ, it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku ħalla impatt fuq id-dħul tal-gvern aktar milli kien mistenni, u rriżulta f'defiċit fil-livell federali ta’ 2,7 % tal-PDG eskluż l-impatt tal-operazzjoni tad-Dexia meta mqabbel ma’ mira ta’ 2,4 %. Barra minn hekk, fin-notifika għal PDE f'April 2013, irriżulta li l-livell tal-gvern lokali ma żammx mal-mira tad-defiċit (-0,3 % tal-PDG minflok -0,2 %), li kien biss parzjalment ikkumpensat minn riżultat aħjar milli mistenni mir-reġjuni u l-komunitajiet (-0,1 % tal-PDG minflok -0,2 %). Il-bilanċ tal-baġit strutturali huwa stmat li tjieb b’½ punt perċentwali tal-PDG fl-2012. Miżuri mdaqqsa tal-gvern ġew parzjalment ikkumpensati bi nfiq ogħla fuq l-imgħax, impatt negattiv tal-indiċjar awtomatiku tal-pagi u tal-benefiċċji soċjali marbuta mal-inflazzjoni fl-imgħoddi, u żieda qawwija fl-infiq għall-pensjonijiet.

Id-dejn pubbliku tela’ minn 84,0 % tal-PDG fl-2007 għal 99,6 % tal-PDG fl-2012. Id-dinamika tad-defiċit u tal-PDG jammontaw għal madwar 6,5 punti perċentwali miż-żieda, filwaqt li fatturi eżoġeni jammontaw għal madwar 9 punti perċentwali, l-iktar minħabba l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ fis-settur finanzjarju fil-forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital.

(9)

Il-Belġju ħa xi miżuri biex jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ biex jiżguraw li l-miri fiskali jkunu rispettati, bħat-twaqqif ta’ kumitat ta’ monitoraġġ fl-2010 u monitoraġġ imsaħħaħ tal-eżekuzzjoni tal-baġit fl-2012. Madankollu, ma sar l-ebda progress sinifikanti biex jiġi aġġustat il-qafas fiskali sabiex jiġi żgurat li l-miri baġitarji jkunu vinkolanti fuq livelli federali u sottofederali, u tiżdied it-trasparenza tal-qsim tal-piżijiet u r-responsabbiltà fil-livelli kollha tal-gvern.

(10)

Dan iwassal għall-konklużjoni li r-reazzjoni tal-Belġju għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 kienet insuffiċenti. Il-Belġju ma temmx id-defiċit eċċessiv tiegħu sal-2012. L-isforz fiskali huwa sostanzjalment inqas minn dak li kien ġie rrakkomandat mill-Kunsill, u kien saħansitra kompletament nieqes fl-2011,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Belġju ma ħax azzjoni effikaċi b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

M. NOONAN


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)  ĠU L 125, 21.5.2010, p. 34. Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv tal-Belġju jinsabu f': http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/countries/belgium_en.htm