29.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/92


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Ġunju 2013

li żżid l-għadd ta' Avukati Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

(2013/336/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 252 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talba tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Jannar 2013,

Billi:

(1)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 252 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li l-Kunsill, b'mod unanimu, jista' jżid l-għadd ta' Avukati Ġenerali fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(2)

Fis-16 ta' Jannar 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet li l-għadd tal-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja jiżdied bi tliet persuni. Din it-talba kienet motivata mix-xewqa li l-Qorti tkun tista' tkompli toħroġ Opinjoni fil-kawżi kollha li jkunu jeħtieġu dan mingħajr ma jiżdied id-dewmien globali fit-trattament tal-kawżi kkonċernati.

(3)

Skont id-Dikjarazzjoni Nru 38 dwar l-Artikolu 252 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jirrigwarda l-għadd ta' Avukati Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta' Lisbona,, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja titlob li l-għadd ta' Avukati Ġenerali jiżdied bi tliet persuni (jiġifieri ħdax minflok tmienja), il-Kunsill, b'mod unanimu, għandu jaqbel dwar din iż-żieda.

(4)

Sabiex twieġeb bl-aħjar mod għall-ħsieb imsemmi fit-tieni premessa u biex toħloq il-kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-aħjar integrazzjoni possibbli tal-Avukati Ġenerali addizzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja pproponiet li Avukat Ġenerali wieħed jibda l-kariga tiegħu fl-1 ta' Lulju 2013, id-data prevista għall-adeżjoni tal-Kroazja, bil-kundizzjoni li l-istrumenti kollha ta' ratifika jkunu ġew depożitati qabel din id-data, u li ż-żewġ Avukati Ġenerali l-oħra jibdew il-kariga tagħhom fis-7 ta' Ottubru 2015, fl-okkażjoni tas-sostituzzjoni parzjali tal-Membri tal-Qorti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għadd ta' Avukati Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jiżdied għal:

disgħa, b'effett mill-1 ta' Lulju 2013;

ħdax, b'effett mis-7 ta' Ottubru 2015.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GILMORE