26.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/54


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/320/PESK

tal-24 ta’ Ġunju 2013

b'appoġġ għas-sigurtà fiżika u l-attivitajiet relatati mal-ġestjoni tal-ħażniet biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu fl-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom fil-Libja u r-reġjun tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 26(2) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Wara r-rivolta popolari fil-Libja fi Frar 2011 u l-konflitt armat li rriżulta, il-Libja trid taffronta l-volum massiv ta' ħażniet ta' armi konvenzjonali u munizzjon, inklużi numri kbar ta' oġġetti li ma jistgħux jintużaw u li huma perikolużi. Il-firxa bla kontroll ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u munizzjon żiedet l-insigurtà fil-Libja, fil-pajjiżi ġirien tagħha u fir-reġjun usa', waqt li tħarrxu l-konflitti u ddgħajjef il-bini tal-paċi wara l-konflitt u, b'hekk inħolqot theddida serja għall-paċi u s-sigurtà.

(2)

B'segwitu għall-appoġġ tagħha lill-poplu Libjan matul u wara l-konflitt, l-Unjoni hija kommessa li tikkoopera aktar mal-Libja dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, inklużi kwistjonijiet ta' sigurtà, u li tappoġġa l-proċess ta' transizzjoni għad-demokrazija, il-paċi u s-sigurtà sostenibbli.

(3)

Fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Dik l-Istrateġija tirrikonoxxi li l-abbundanza tal-ħażniet tas-SALW u l-munizzjon jagħmlu l-kisba ta' tali armi faċli bl-istess mod miċ-ċivili, il-kriminali, it-terroristi u l-kombattenti u tisħaq dwar il-ħtieġa li titwettaq azzjoni preventiva biex jiġu ttrattati l-provvista illegali ta' armi konvenzjonali u d-domanda għalihom. Barra minn hekk tidentifika lill-Afrika bħala l-kontinent l-aktar affettwat mill-impatt tal-konflitti interni aggravati mill-influss destabbilizzanti ta' SALW.

(4)

Fit-23 ta' Mejju 2012, il-Libja, is-Sudan, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, iċ-Ċad, u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta' Khartoum "Dwar il-Kontroll ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fil-Pajjiżi Ġirien kollka tal-Punent tas-Sudan." F'dik id-Dikjarazzjoni, il-Libja u l-firmatarji l-oħrajn impenjaw ruħhom, fost l-oħrajn, biex isaħħu l-kapaċitajiet u l-istituzzjonijiet nazzjonali sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji komprensivi ta' kontroll ta' SALW, Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali u interventi, inklużi s-sigurtà fiżika u l-ġestjoni tal-ħażniet ("PSSM") tas-SALW u l-munizzjon miżmumin mill-Istat, skont l-istandards internazzjonali.

(5)

Id-Dikjarazzjoni ta' Khartoum tappella lill-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali biex jipprovdu appoġġ tekniku u finanzjarju f'koordinazzjoni mal-komunità internazzjonali biex jiġu implimentati l-eżiti tal-konferenza li saret f'Khartoum fit-22 u t-23 ta' Mejju 2012 u l-attivitajiet u l-inizjattivi sussegwenti kollha biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-SALW f'kull pajjiż.

(6)

Fit-18 ta' Ġunju 2004, il-Libja rratifikat il-Protokoll kontra l-Manifattura u t-Traffikar Illeċiti ta' Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali.

(7)

L-Aġenzija Ġermaniża għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, Deutsche Gesellschaft für internationale Zusammenarbeit (GIZ) GmbH ("GIZ"), qiegħda fil-proċess li tistabbilixxi proġett dwar il-kontroll ta' armi konvenzjonali fil-Libja. Fit-2 ta' Mejju 2012, il-GIZ u ċ-Ċentru għall-Ġlieda kontra l-Mini fil-Libja, bħala parti mill-Ministeru tad-Difiża, qablu dwar deskrizzjoni tal-programm dwar il-Ġlieda kontra l-Mini u l-Kontroll tal-Armi Konvenzjonali. Il-"Programm dwar il-Kontroll tal-Armi Konvenzjonali fil-Libja" (il-"Programm") globali jikkonsisti minn żewġ moduli speċifiċi u huwa kkofinanzjat mill-Unjoni u mill-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Affarijiet Barranin.

(8)

Huwa neċessarju li tiġi żgurata mill-aktar possibbli l-appartenenza Libjana fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-PSSM, f'konformità mal-prinċipji ċentrali tal-appartenenza nazzjonali u l-għoti effettiv ta' setgħat lis-sħab lokali. Għaldaqstant, il-Programm ifittex li jinvolvi partijiet interessati Libjani rilevanti, inklużi, kif adatt, il-Ministeru tal-Intern, il-Ministeru tad-Difiża, il-Forzi Armati u atturi rilevanti oħrajn, fl-attivitajiet tal-PSSM. Il-GIZ ser tipprovdi appoġġ operattiv u parir tekniku lis-sħab ewlenin tal-Programm.

(9)

Il-Programm jirrikonoxxi d-dinamika attwali fil-Libja u l-ħtieġa li l-partijiet interessati u s-sħab nazzjonali potenzjali kollha jiġu involuti mill-bidu. Dan għandu l-għan li jiżviluppa sħubijiet ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi internazzjonali speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-mini u kwistjonijiet ta' PSSM li diġà pprovaw il-kapaċitajiet operattivi tagħhom fil-Libja. Dan jagħmel ukoll enfasi fuq it-trawwim tal-kooperazzjoni reġjonali mal-pajjiżi ġirien. L-Unjoni tqis li l-għajnuna finanzjarja lill-GIZ tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskju relatat mat-tixrid illeċitu potenzjali ta' armi konvenzjonali u munizzjon fil-Libja u mil-Libja u r-reġjun usa',

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tistinka lejn il-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà fil-Libja u r-reġjun usa' permezz ta' miżuri ta' appoġġ immirati lejn l-iżgurar tas-sigurtà fiżika tajba u l-ġestjoni tajba tal-ħażniet tal-arsenali tal-armi Libjani mill-istituzzjonijiet tal-istat Libjani sabiex jitnaqqsu r-riskji maħluqin għall-paċi u s-sigurtà bit-tixrid illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' SALW u l-munizzjon tagħhom, inkluż it-trawwim tal-multilateraliżmu eċċessiv fil-livell reġjonali f'dan il-kuntest.

2.   L-attivitajiet li għandhom ikunu appoġġati mill-Unjoni għandu jkollhom l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

li jgħinu lill-istituzzjonijiet tal-istat Libjani fl-iżvilupp ta' strateġija nazzjonali u proċeduri operattivi standard għall-PSSM;

li jappoġġaw lill-istituzzjonijiet tal-istat Libjani fl-istabbiliment ta' qafas ta' taħriġ dwar kwistjonijiet tal-PSSM;

li jappoġġaw ir-riabilitazzjoni u l-ġestjoni tas-sigurtà ta' żoni ta’ ħżin tal-munizzjon skont standards nazzjonali;

li jipprovdu unitajiet temporanji tal-ħżin għal armi konvenzjonali u ħażniet tal-munizzjon;

li jappoġġaw ir-rilokazzjoni taż-żoni ta’ ħżin tal-munizzjon li huma bbażati f'żoni popolati;

li jwettqu studju ta' fattibbiltà dwar għażliet għat-tnaqqis tal-ħażniet disponibbli tal-munizzjon permezz tar-riċiklaġġ;

li jrawmu l-kooperazzjoni reġjonali mal-pajjiżi ġirien dwar kwistjonijiet tal-PSSM;

li jistabbilixxu sistema reżiljenti ta’ ġestjoni tar-riskji biex jiġi żgurat it-twettiq tal-programm f'ambjent ta' implimentazzjoni li qed jinbidel b'mod rapidu.

3.   Sabiex jinkiseb l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha timmira li tappoġġa lill-istituzzjonijiet tal-istat Libjani fir-riabilitazzjoni ta' faċilitajiet ta' ħżin tal-munizzjon mingħajr sigurtà li ġarrbu ħsarat matul il-konflitt, u fl-iżgurar tas-sigurtà fiżika tajba u l-ġestjoni tajba tal-ħażniet tal-arsenali. Il-proġett għandu jiġi implimentat wara l-prinċipju ta' appartenenza nazzjonali bl-għan tas-sostenibbiltà fit-tul. Għaldaqstant, l-attivitajiet kollha għandhom jiġu kkoordinati mal-istituzzjonijiet tal-istat Libjani rispettivi u partijiet interessati rilevanti oħrajn. Barra minn hekk, il-proġett għandu jsegwi l-approċċ "tagħmilx ħsara" fil-kuntest tas-sensittività tal-konflitt.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ("RGħ") għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mid-Deutsche Gesellschaft für Internationale Zusammenarbeit (GIZ) GmbH ("GIZ").

3.   Il-GIZ għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan l-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-GIZ.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 5 000 000. Il-baġit stmat totali tal-proġett globali għandu jkun EUR 6 600 000, li għandu jiġi pprovdut permezz ta' kofinanzjament mal-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Affarijiet Barranin.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun ġestit skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni adatta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dan l-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-GIZ. Il-ftehim għandu jistipula li l-GIZ għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mill-GIZ. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett kif msemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiġi rieżaminata u riveduta fid-dawl tas-sitwazzjoni politika fil-Libja mhux aktar tard minn 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3).

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 60 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3), sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor bħala riżultat tar-rieżami mwettaq skont il-paragrafu 2. Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jiġi konkluż l-ebda ftehim matul dak il-perijodu.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


ANNESS

Programm dwar il-Kontroll tal-Armi Konvenzjonali fil-Libja

1.   SFOND U LOĠIKA

1.1   Sfond

Matul ir-rivoluzzjoni Libjana fl-2011, ir-reġim ta' Gaddafi tilef il-kontroll fuq partijiet kbar tal-ħażna tal-armi konvenzjonali tiegħu. Bħala riżultat, is-siti tal-ħażna tal-armi kienu aċċessibbli għal ġellieda tal-oppożizzjoni, ċittadini u suldati wkoll. Sa minn tmiem il-ġlied, il-kontroll ċentrali fuq il-ħażna tal-armi ma ġiex stabbilit għalkollox mill-ġdid u l-firxa u t-traffikar tal-armi qed jaffettwaw il-konflitti f'reġjuni tal-viċinat. Barra minn hekk, l-armi konvenzjonali sabu ruħhom fi djar ta' ċivili, li wasslu għal pussess privat mifrux ta' armi konvenzjonali fis-soċjetà Libjana. Barra dan, il-fdalijiet esplożivi tal-gwerra ("ERW") jikkontaminaw iż-żoni madwar żoni tal-ħżin tal-armi u l-munizzjon, art agrikola u spazji pubbliċi.

Skont l-istituzzjonijiet tal-gvern Libjan, hemm ħtieġa urġenti għal kontroll aktar imsaħħaħ u ċentrali tal-armi konvenzjonali u l-munizzjon fil-Libja kollha. Sabiex jipprovdu dan il-kontroll b'mod effettiv l-istituzzjonijiet tal-gvern Libjani identifikaw ħtieġa għal trasferiment ta' għarfien, tagħmir u kapaċitajiet tekniċi. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Libjani li jaħdmu f'dan il-qasam huma neqsin mill-mezzi finanzjarji u jeħtieġ li jtejbu l-kapaċitajiet tekniċi tagħhom. Bi tweġiba għal dawn l-isfidi, idDeutsche Gesellschaft für internationale Zusammenarbeit (GIZ) GmbH ("GIZ") u t-tmexxija taċ-Ċentru għall-Ġlieda kontra l-Mini fil-Libja ("LMAC"), taħt il-patroċinju tal-Ministeru tad-Difiża Libjan, laħqu qbil dwar programm ta' appoġġ fil-qasam tal-kontroll tal-armi konvenzjonali, inklużi s-sigurtà fiżika u l-ġestjoni tal-ħażniet ("PSSM").

Abbażi ta' proposta ta' proġett ippreżentata mill-GIZ, f'Ottubru 2012 lill-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Affarijiet Barranin (l-"FFO"), ikkummissjoni lill-GIZ biex timplimenta l-Programm dwar il-Kontroll tal-Armi Konvenzjonali fil-Libja (il-"Programm"). It-tul taż-żmien tal-proġett huwa 5 snin (60 xahar), maqsumin f'4 fażijiet. Il-baġit stmat totali tal-proġett huwa EUR 6 600 000 pprovdut permezz ta' kofinanzjament konġunt minn żewġ donaturi, l-FFO u l-Unjoni. Il-kontribuzzjoni tal-FFO hija ta' EUR 1 600 000 u l-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea hija sa EUR 5 000 000. Ir-responsabbiltà tal-ġestjoni għall-implimentazzjoni ser tkun tal-GIZ.

L-implimentazzjoni tal-attivitajiet bdiet fl-1 ta' Novembru 2012 u ser tintemm fil-31 ta' Ottubru 2017. L-Uffiċċju Federali tal-Affarijiet Barranin ser ikopri l-ispejjeż tal-modulu tal-iżvilupp tal-kapaċità kif ukoll kwalunkwe spejjeż tal-modulu tal-PSSM meqjus ineliġibbli mill-Unjoni.

L-appoġġ lill-imsieħba Libjani ser jingħata fil-forma ta' trasferiment ta' għarfien minn esperti fuq perijodu twil u fuq perijodu qasir li jorganizzaw u jmexxu taħriġ speċjalizzat, provvista ta' materjal u tagħmir u xi kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-implimentazzjoni ta' miżuri permezz tal-istituzzjonijiet tal-gvern u aġenziji speċjalizzati, inklużi għotjiet.

L-arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn il-GIZ u l-Uffiċċju Federali tal-Affarijiet Barranin huma ddettaljati fi ftehim qafas iffirmat mill-GIZ u l-Uffiċċju Federali tal-Affarijiet Barranin fl-2005.

L-arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn il-GIZ u l-Kummissjoni ser ikunu ddettaljati fi ftehim mill-GIZ u l-Kummissjoni.

1.2   Loġika għall-appoġġ, il-viżibbiltà u s-sostenibbiltà tal-PESK

Il-firxa bla kontroll tal-armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom fil-Libja wara l-avvenimenti li seħħew fi Frar 2011 żiedet l-insigurtà fil-Libja, fil-pajjiżi tal-viċinat tagħha u fir-reġjun usa', waqt li tħarrxu l-konflitti u ddgħajjef il-bini tal-paċi wara l-konflitt, u b'hekk inħolqot theddida serja għall-paċi u s-sigurtà. Barra minn hekk, l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom tidentifika l-Afrika bħala l-kontinent l-aktar affettwat mill-impatt tal-konflitti interni aggravati mill-influss destabbilizzanti tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir ("SALW"). L-appoġġ tal-Unjoni għall-Programm jfittex li jwieġeb għal dawk it-theddidiet. Huwa jiżgura wkoll li s-sigurtà u l-iżvilupp tal-politika tagħha jkunu konsistenti. B'segwitu għall-appoġġ tal-Unjoni lill-poplu Libjan matul u wara l-konflitt, b'mod partikolari l-appoġġ mill-komponent għal perijodu qasir tal-Istrument għall-Istabbiltà lill-Kunsill Daniż tar-Refuġjati, id-DanishChurchAid u l-Grupp Konsultattiv tal-Mini għall-approvazzjoni tal-UXO, u l-għarfien miżjud tar-riskji tas-SALW u tal-ERW fost il-popolazzjoni ċivili, l-Unjoni hija impenjata li tikkoopera aktar mal-Libja dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, inklużi kwistjonijiet ta' sigurtà.

Sabiex jiġu sfruttati bis-sħiħ il-mezzi disponibbli għall-Unjoni, fl-Unjoni u fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha, l-Unjoni ser tappoġġa l-Programm permezz ta' kofinanzjament konġunt biex tagħti l-appoġġ tagħha b'mod effettiv billi tikkondividi l-kapaċità u s-sistemi tekniċi u ta' ġestjoni, u biex tinkoraġġixxi l-użu ta' proċeduri komuni ta' sorveljanza, evalwazzjoni u kontabbiltà.

Bħala waħda mill-organizzazzjonijiet ewlenin fis-servizzi ta' kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli, il-GIZ għandha esperjenza twila fl-iżgurar tal-viżibbiltà proprja flimkien ma' dik tas-sħab tagħha. Għal dak l-għan, il-GIZ għandha d-dipartiment tal-komunikazzjoni korporattiva tagħha proprju b'għodod tal-komunikazzjoni esterni speċjalizzati għad-dispożizzjoni tagħha. B'hekk, il-viżibbiltà tal-Unjoni ser tkun żgurata bi branding u pubbliċità adatti, li jenfasizzaw ir-rwol tagħha, jiżguraw it-trasparenza tal-azzjonijiet tal-Unjoni u s-sensibilizzazzjoni ta' udjenzi speċifiċi jew ġenerali tar-raġunijiet għall-Programm kif ukoll l-appoġġ tal-Unjoni għall-Programm u r-riżultati ta' dan l-appoġġ. Il-pubbliċità tista' tieħu l-forma ta' pubblikazzjonijiet u rapporti, avvenimenti, ritratti, dokumentazzjoni bil-videos, eċċ. Il-materjali prodotti mill-proġett ser juru b'mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni skont il-linji gwida tal-Unjoni għall-użu u r-riproduzzjoni preċiżi tal-bandiera.

Il-proġett għandu l-għan li jikseb is-sostenibbiltà tal-miżuri previsti permezz tal-istruttura partikolari u l-approċċ fuq diversi livelli tiegħu. Huwa ddiżinjat bħala proġett fuq perijodu medju ta' ħames snin, li permezz tiegħu l-operazzjonijiet ta' emerġenza fuq perijodu qasir jiġu rrikonċiljati ma' proġetti fuq perijodu twil għat-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli. Mill-bidu nett, is-sħab Libjani ser ikunu involuti fid-disinn tal-proġett filwaqt li jiżguraw l-appartenenza nazzjonali sa fejn possibbli u permezz ta' fażi ta' handover ta' sitt xhur fl-aħħar, huma ser ikunu pprerarati jassumu r-responsabbiltà kollha wara ħames snin. Barra minn hekk, il-GIZ ser taħdem f'livelli differenti, filwaqt li tikkollabora mal-istituzzjonijiet tal-istat, mal-organizzazzjonijiet nongovernattivi u mas-soċjetà ċivili kif ukoll ma' donaturi internazzjonali. Sabiex tkun żgurata l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett f'pajjiż volatili bħal-Libja, il-proġett huwa mgħammar b'komponent tal-ġestjoni tar-riskji. Is-sostenibbiltà tal-miżuri lil hinn mit-tul taż-żmien tal-proġett hija speċifikament imrawma bl-integrazzjoni tal-iżvilupp tal-kapaċità tal-bniedem, l-iżvilupp istituzzjonali u l-elementi tan-netwerking reġjonali fid-disinn tal-proġett. Dan ifisser li l-kapaċitajiet ser jiżdiedu biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-Istat Libjani jistgħu jieħdu l-inizjattivi relatati neċessarji kif ikun meħtieġ fil-futur.

2.   OBJETTIVI

2.1   Objettiv ġenerali

Il-"Programm " jfittex li jappoġġa l-istituzzjonijiet tal-istat Libjani biex jeżerċitaw kontroll nazzjonali effettiv fuq l-armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, biex inaqqsu r-riskju tal-firxa illeċita ta' armi konvenzjonali u tal-munizzjon tagħhom, u biex jiġġestixxu konsegwenzi relatati mas-sigurtà tal-konflitt armat Libjan. B'mod partikolari, il-proġett ifittex li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-istat Libjani u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi fil-qasam tal-kontroll tal-armi konvenzjonali u l-munizzjon. Il-proġett ser ifittex li jrawwem ukoll il-kooperazzjoni reġjonali.

2.2   Objettivi speċifiċi

(i)

li jiġu appoġġati l-istituzzjonijiet tal-istat Libjani bil-kompitu li jissorveljaw u jikkoordinaw fil-qasam tal-kontroll tal-armi konvenzjonali u l-azzjoni kontra l-mini (LMAC) biex jissodisfaw il-kompiti tagħhom;

(ii)

li jissaħħu l-organizzazzjonijiet nongovernattivi Libjani, attivi fil-qasam tal-kontroll tal-armi konvenzjonali u l-azzjoni kontra l-mini, fil-promozzjoni, is-sensibilizzazzjoni kif ukoll il-kompiti tekniċi tagħhom;

(iii)

li jiġu appoġġati l-istituzzjonijiet tal-istat Libjani bil-kompitu li jikkoordinaw u jissorveljaw fil-qasam tal-PSSM għall-iżvilupp, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-PSSM;

(iv)

li tiġi direttament appoġġata l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-ġestjoni tal-ħażniet inklużi r-rilokazzjoni tas-siti tal-ħżin lil hinn miż-żoni popolati, ir-riabilitazzjoni ta' siti tal-ħżin tal-munizzjon għal standards nazzjonali u l-provvista u l-istallazzjoni ta' unitajiet temporanji tal-ħżin tal-munizzjon;

(v)

li jitrawmu l-kooperazzjoni reġjonali, il-kondiviżjoni tal-għarfien u t-tagħlim bejn il-pari dwar il-PSSM u l-firxa tal-akkumulazzjoni illeċita tal-armi konvenzjonali.

3.   MODULI TAL-PROĠETT U RIŻULTATI MISTENNIJIN

Dan il-proġett huwa magħmul minn żewġ moduli speċifiċi:

3.1

L-iżvilupp tal-kapaċità (iffinanzjat mill- FFO); u

3.2

PSSM (iffinanzjati mill-Unjoni)

3.1   L-iżvilupp tal-kapaċità (iffinanzjat mill-FFO)

Dan il-modulu għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet tal-istat Libjani bil-kompitu li jissorveljaw u jikkoordinaw fil-qasam tal-kontroll tal-armi konvenzjonali u l-azzjoni kontra l-mini kif ukoll l-organizzazzjonijiet nongovernattivi Libjani involuti fil-kontroll tal-armi u l-azzjoni tal-mini. Dan jinkludi l-promozzjoni tal-iżvilupp organizzattiv, filwaqt li tittejjeb il-ġestjoni finanzjarja u l-ġestjoni tal-kwalità kif ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet tekniċi.

F'konformità mal-objettivi ġenerali tal-programm, dan il-modulu jpoġġi l-prinċipju tal-appartenenza nazzjonali fl-azzjoni u għandu l-għan li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet u l-kapaċitajiet Libjani bil-mira tas-sostenibbiltà fuq perijodu twil. Il-fokus tal-iżvilupp tal-kapaċità ser ikun doppju. Ser tingħata attenzjoni primarja lill-awtorità nazzjonali għall-azzjoni kontra l-mini fil-Libja, il-LMAC bħala parti mill-Ministeru tad-Difiża. It-tieni fokus ser ikun fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Libjani involuti f'attivitajiet ta' approvazzjoni u s-sensibilizzazzjoni.

Riżultat 1: Il-ħtiġijiet għat-taħriġ u t-tagħmir tal-LMAC, l-istituzzjoni Libjana nazzjonali maħtura mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Libjanbiex ikollha l-kompitu li tissorvelja u tikkoordina fil-qasam tal-kontroll tal-armi konvenzjonali u l-azzjoni kontra l-mini ser jiġu identifikati u kkwalifikati. L-istrateġiji għat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali fil-qasam tal-iżvilupp organizzattiv u l-ġestjoni finanzjarja u tal-kwalità, fost l-oħrajn, ser jiġu żviluppati mil-LMAC.

Attività 1

:

L-abbozzar u l-analiżi ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet dwar il-kapaċitajiet istituzzjonali;

Attività 2

:

L-iżvilupp ta' pjan ta' negozju u sistema ta' ġestjoni tal-kwalità;

Attività 3

:

L-istabbiliment ta' programm qafas għall-edukazzjoni u t-taħriġ għall-persunal tal-faċilitajiet tal-armi u ta' ħżin tal-munizzjon;

Attività 4

:

L-appoġġ għall-installazzjoni tal-uffiċċji ta' koordinazzjoni tal-istituzzjoni msieħba (LMAC).

Eżitu:

It-twettiq u d-dokumentazzjoni ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet istituzzjonali tal-LMAC sa tmiem it-18-il xahar tal-proġett;

L-iżvilupp mill-istituzzjoni rispettiva (LMAC) ta' pjan ta' negozju u proċess ta' ġestjoni tal-kwalità sa tmiem it-tletin xahar tal-proġett;

It-tgħammir b'mod adegwat tal-istituzzjoni rispettiva (LMAC) sat-tletin xahar tal-proġett;

L-iżviupp tal-qafas tat-taħriġ b'kollaborazzjoni mal-istituzzjoni msieħba (LMAC).

Eżitu/i ieħor/oħrajn ta' dawn l-attivitajiet ser jiġi/u speċifikat/i sa tmiem is-sitt xahar tal-proġett b'kooperazzjoni mal-LMAC. B'kont meħud tal-ħatra reċenti tal-istituzzjoni msieħba mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Libjan, l-indikaturi rilevanti ser jiġu speċifikati mill-aktar fis possibbli.

Riżultat 2: Il-ħtieġijiet għat-taħriġ u t-tagħmir tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi Libjani li jaħdmu fil-qasam tal-kontroll tal-armi konvenzjonali u l-azzjoni kontra l-mini ser jiġu identifikati u kkwalifikati. Il-kapaċitajiet ta' dawn l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, b'mod partikolari fil-ġestjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-ħiliet tekniċi, ser jissaħħu.

Attività 1

:

Taħriġ fil-ġestjoni u fil-ġestjoni finanzjarja;

Attività 2

:

Miżuri tekniċi ta' taħriġ fil-qasam tal-azzjoni kontra l-mini.

Eżitu:

L-implimentazzjoni ta' tliet organizzazzjonijiet nongovernattivi kull sena fl-2013, l-2014 u l-2015.

3.2   PSSM (iffinanzjati mill-Unjoni)

Attività 1

:

Żvilupp ta' strateġija nazzjonali u proċeduri operattivi standard għall-PSSM;

Attività 2

:

L-istabbiliment ta' qafas ta' taħriġ dwar kwistjonijiet tal-PSSM;

Attività 3

:

Ir-riabilitazzjoni u l-ġestjoni tas-sigurtà ta' żoni ta’ ħżin tal-munizzjon;

Attività 4

:

Il-provvista ta' unitajiet temporanji tal-ħżin;

Attività 5

:

Rilokazzjoni taż-żoni ta’ ħżin tal-munizzjon;

Attività 6

:

Opzjonijiet għar-riċiklaġġ tal-ħażniet tal-munizzjon;

Attività 7

:

Il-kooperazzjoni reġjonali dwar kwistjonijiet tal-PSSM;

Attività 8

:

L-istabbiliment ta' sistema reżiljenti ta’ ġestjoni tar-riskji.

3.2.1   Żvilupp ta' strateġija nazzjonali u proċeduri operattivi standard għall-PSSM

Objettivi:

Din l-attività ser issaħħaħ il-koordinazzjoni fost l-istituzzjonijiet Libjani involuti fil-ġestjoni tal-ħażniet u tirriżulta fi kwalità għolja tal-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-ġestjoni tal-ħażniet, u b'hekk tiżdied is-sikurezza u s-sigurtà tal-armi konvenzjonali u l-ħażniet tal-munizzjon. L-istituzzjonijiet tal-istat Libjani bil-kompitu li jikkoordinaw u jissorveljaw fil-qasam tal-PSSM ser ikunu jistgħu jiżviluppaw, jikkoordinaw u jimplimentaw il-miżuri tal-PSSM.

Deskrizzjoni:

Ir-riċerka u r-rieżami tal-istrateġiji nazzjonali eżistenti u l-proċeduri operattivi standard ("SOPs") f'oqsma relatati mal-PSSM u l-ġenerazzjoni tal-lezzjonijiet meħudin għall-iżvilupp ta' strateġija nazzjonali ġdida u SOPs riveduti;

Id-disseminazzjoni u d-diskussjoni tal-lezzjonijiet meħudin u d-deskrizzjonijiet wesgħin ta' strateġija nazzjonali fi proċess ta' konsultazzjoni parteċipattiv mal-partijiet interessati rilevanti kollha inklużi, pereżempju, il-Ministeru tal-Affarijiet Interni, il-Ministeru tad-Difiża, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, il-Forzi Armati Libjani, l-Għassa Nazzjonali u l-NGOs nazzjonali;

L-għoti ta' appoġġ organizzattiv u kompetenza teknika lill-awtorità Libjana responsabbli għall-abbozzar tal-istrateġija nazzjonali u l-iżvilupp tas-SOPs;

L-appoġġ lil istituzzjoni nazzjonali responsabbli għall-faċilitazzjoni ta' rieżami ta' strateġija u l-proċess ta' bini tal-kunsens mal-partijiet interessati rilevanti għall-finalizzazzjoni tal-istrateġija nazzjonali u tas-SOPs dwar il-PSSM.

Eżitu:

L-abbozzar ta' strateġija nazzjonali li tkopri l-PSSM;

L-abbozzar ta' SOPs għall-PSSM.

3.2.2   L-istabbiliment ta' qafas ta' taħriġ dwar kwistjonijiet tal-PSSM

Objettivi:

L-attività ser tirriżulta f'taħriġ imtejjeb għal dawk li jaħżnu l-armi u l-faċilitajiet ta' ħżin tal-munizzjon u, b'hekk, tikkontribwixxi għal sigurtà mtejba f'dawk is-siti.

Deskrizzjoni:

Ir-rieżami tal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet tat-taħriġ eżistenti f'oqsma relatati mal-PSSM u l-ġenerazzjoni tal-lezzjonijiet meħudin għall-iżvilupp ta' qafas ta' taħriġ ġdid;

It-tmexxija ta' stħarriġ ta' entitjaiet imsieħba u istituzzjonijiet ta' taħriġ eżistenti u ppjanati għall-korsijiet ta' taħriġ tal-PSSM;

Il-faċilitazzjoni ta' proċess ta' konsultazzjoni ta' partijiet interessati bil-għan tal-ġenerazzjoni ta' deskrizzjoni wiesgħa u objettivi ewlenin għal qafas ta' taħriġ nazzjonali futur dwar il-PSSM;

Il-faċilitazzjoni tal-proċess ta' abbozzar għal qafas ta' taħriġ minn grupp ta' esperti li jinkludi esperti Libjani u internazzjonali. Il-qafas ta' taħriġ għandu jinkludi definizzjoni tal-grupp fil-mira, strateġija biex jintlaħaq u jingħażel il-grupp fil-mira, l-abbozzar ta' kurrikulu ta' taħriġ, definizzjoni ta' metodi ta' taħriġ, limitu ta' żmien, kunċett għall-persunal, kalkolu tal-ispejjeż kif ukoll l-abbozzar ta' dokumentazzjoni u sistema ta' evalwazzjoni.

Eżitu:

L-implimentazzjoni ta' workshops għall-proċess ta' konsultazzjoni tal-partijiet interessati u tal-proċess ta' abbozzar;

L-iżvilupp tal-qafas ta' taħriġ.

3.2.3   Ir-riabilitazzjoni u l-ġestjoni tas-sigurtà ta' żoni ta’ ħżin tal-munizzjon

Objettivi:

Tnaqqis b'mod sinifikanti tar-riskju ta' serq, sakkeġġ u aċċess mhux awtorizzat għal armi konvenzjonali u siti ta' ħżin tal-munizzjon.

Deskrizzjoni:

Ir-rieżami ta' stħarriġ eżistenti tż-żoni ta' ħżin tal-munizzjoni ("ASAs") kif ukoll rapporti komunitarji dwar armi mhux assigurati u munizzjon mormi f'żoni popolati u l-abbozzar ta' rapport bid-dettalji tar-riżultati tar-rieżami;

Il-faċilitazzjoni tal-proċess ta' prijoritizzazzjoni mwettaq mill-istituzzjonijiet Libjani rilevanti għall-għażla tal-ASAs biex jiġi riabilitat bħala proġett pilota;

L-ikkummissjonar ta’ studju tekniku ta' fattibbiltà u gruppi ta' stħarriġ tal-kostruzzjoni għall-ġenerazzjoni tal-għażliet ta' riabilitazzjoni kosteffiċjenti;

Il-faċilitazzjoni tal-bini tal-kunsens dwar liema ASAs għandhom jiġu riabilitati. Il-kriterji tal-għażla li ġejjin ser jiġu inklużi fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet: prijoritajiet nazzjonali, theddid tas-sigurtà għall-popolazzjoni lokali, għoti tal-aċċess mill-atturi rispettivi tas-sigurtà (kunsilli militari, eċċ.), restrizzjonijiet operattivi u finanzjarji u preferenzi komunitarji.

Il-faċilitazzjoni tal-esternalizzazzjoni ta' stħarriġ tekniku u żvilupp tat-termini ta' referenza u l-faċilitazzjoni tal-proċedura tal-ikkuntrattar għal proġetti rispettivi ta' riabilitazzjoni;

Il-faċilitazzjoni tal-valutazzjoni konġunta tal-monitoraġġ u l-kwalità;

Il-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta' kunċett ta' sikurezza u sigutà għall-ASA pilota;

L-għoti ta' tagħmir ta' sigurtà għall-ASAs pilota;

L-għoti ta' taħriġ lill-persunal prospettiv tas-siti tal-ħżin.

Eżitu:

Ir-riabilitazzjoni ta' numru fiss ta' faċilitajiet ta' ħżin tal-munizzjon (numru għandu jiġi determinat fi tmiem l-ewwel fażi).

3.2.4   Il-provvista ta' unitajiet temporanji tal-ħżin

Objettivi:

Din l-attività ser tirriżulta f'kontroll aħjar tal-arsenali tal-armi konvenzjonali Libjani magħżulin, filwaqt li tnaqqas ir-riskju ta' serq u ttejjeb il-protezzjoni taċ-ċittadini minn splużjonijiet bla kontroll.

Deskrizzjoni:

L-ikkummissjunar ta' stħarriġ ta' siti potenzjali għal unitajiet temporanji tal-ħżin u studju tal-fattibbiltà dwar l-għażliet kosteffiċjenti għall-implimentazzjoni tal-unitajiet temporanji tal-ħżin. Ir-riżultati tal-istħarriġ ser ikunu dettaljati f'rapport dwar fejn għandhom jitqiegħdu l-unitajiet temporanji tal-ħżin u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom;

Il-faċilitazzjoni tal-bini tal-kunsens dwar fejn għandhom jinbnew l-unitajiet temporanji tal-ħżin. Il-kriterji tal-għażla li ġejjin ser jiġu inklużi fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet: prijoritajiet nazzjonali, theddid tas-sigurtà għall-popolazzjoni lokali, għoti tal-aċċess mill-atturi rispettivi tas-sigurtà (kunsilli militari, eċċ.), restrizzjonijiet operattivi u finanzjarji u preferenzi komunitarji.

Il-faċilitazzjoni tal-esternalizzazzjoni ta' stħarriġ tekniku u żvilupp tat-termini ta' referenza u l-faċilitazzjoni tal-proċedura tal-ikkuntrattar għal proġetti rispettivi ta' riabilitazzjoni;

Il-faċilitazzjoni tal-valutazzjoni konġunta tal-monitoraġġ u l-kwalità;

Il-faċilitazzjoni tal-iżvilupp tal-kunċett ta' sigurtà u sikurezza għal kull unità temporanja tal-ħżin;

L-għoti ta' tagħmir ta' sigurtà għall-unitajiet temporanji tal-ħżin magħżulin;

L-għoti ta' taħriġ lill-persunal prospettiv fl-unitajiet ta' ħżin.

Eżitu:

L-istabbiliment ta' numru fiss ta' faċilitajiet ta' ħżin tal-munizzjoni temporanji li ġew stabbiliti (in-numru għandu jiġi determinat fi tmiem l-ewwel fażi).

3.2.5.   Rilokazzjoni taż-żoni ta’ ħżin tal-munizzjon

Objettivi:

L-implimentazzjoni ta' din l-attività ser tirriżulta f'sigurtà mtejba taż-żoni tal-ħżin u f'sitwazzjoni ta' sigurtà mtejba fil-viċinati popolati.

Deskrizzjoni:

L-ikkummissjunar ta' stħarriġ ta' siti fil-Libja kollha li jeħtieġu r-rilokazzjoni;

L-ikkummissjunar ta' studju tal-fattibbiltà u rapport assoċjat dwar l-għażliet kosteffiċjenti għat-trasport/rilokazzjoni u dwar l-għażliet għal siti fejn jiġu rilokati l-ASAs;

Il-faċilitazzjoni tal-bini tal-kunsens dwar l-għażla tal-ASAs għar-rilokazzjoni. Il-kriterji tal-għażla li ġejjin ser jiġu inklużi fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet: prijoritajiet nazzjonali, theddid tas-sigurtà għall-popolazzjoni lokali, għoti tal-aċċess mill-atturi rispettivi tas-sigurtà (kunsilli militari, eċċ.), restrizzjonijiet operattivi u finanzjarji u preferenzi komunitarji.

Il-faċilitazzjoni tal-esternalizzazzjoni ta' stħarriġ tekniku u żvilupp tat-termini ta' referenza u l-faċilitazzjoni tal-proċedura tal-ikkuntrattar għal proġetti rispettivi ta' rilokazzjoni/trasport;

Il-faċilitazzjoni tal-valutazzjoni konġunta tal-monitoraġġ u l-kwalità;

Eżitu:

Ir-rilokazzjoni ta' numru fiss ta' faċilitajiet ta' ħżin tal-munizzjon (in-numru għandu jiġi determinat fi tmiem l-ewwel fażi).

3.2.6   Għażliet għar-riċiklaġġ tal-ħażniet tal-munizzjon

Objettiv:

It-tlestija ta' studju ta' fattibbiltà dwar għażliet għat-tnaqqis tal-ħażniet disponibbli tal-munizzjon permezz tar-riċiklaġġ u l-ħolqien li jirriżulta ta' inċentiv għall-qerda tal-armi konvenzjonali.

Deskrizzjoni:

L-abbozzar ta' termini ta' referenza flimkien mal-awtoritajiet rispettivi Libjani;

Il-faċilitazzjoni ta' proċess ta' offerti u selezzjoni internazzjonali;

L-ikkummissjunar tal-istudju ta' fattibbiltà;

Il-faċilitazzjoni tal-kontroll konġunt tal-kwalità tal-istudju tal-fattibbiltà;

Id-disseminazzjoni tar-riżultati ta' studju lill-partijiet interessati rispettivi Libjani;

Il-faċilitazzjoni tat-traduzzjoni u l-istampar tal-istudju.

Eżitu:

Ir-rapport tal-istudju ta' fattibbiltà dwar alternattivi għat-tnaqqis tal-ħażniet disponibbli tal-munizzjon permezz tar-riċiklaġġ;

Workshop għad-disseminazzjoni.

3.2.7   Il-kooperazzjoni reġjonali dwar kwistjonijiet tal-PSSM

Objettiv:

L-attività ser issaħħaħ l-interazzjoni u l-koordinazzjoni reġjonali, u b'hekk iżżid il-kompetenzi u l-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet rilevanti tal-istat u organizzazjonijiet mhux governattivi involuti fil-kontroll tal-armi konvenzjonali, it-trażżin tal-proliferazzjoni u l-ġestjoni tal-ħażniet fir-reġjun.

Deskrizzjoni:

L-appoġġ biex jiġu organizzati sa żewġ konferenzi reġjonali ta' jumejn bħala fora għad-djalogi reġjonali, l-informazzjoni, il-kondiviżjoni tal-għarfien u t-tagħlim bejn il-pari b'approċċ fuq tliet binarji: i) parteċipanti bi profil għoli mill-istituzzjonijiet tal-istat; ii) implimentaturi tekniċi fiż-żona tal-ġestjoni tal-ħażniet; u iii) organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-organizzazzjoni ta' numru ta' preżentazzjonijiet u workshops;

Il-faċilitazzjoni tal-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet dwar suġġetti ta' preżentazzjonijiet u workshops;

Il-faċilitazzjoni tal-identifikazzjoni tal-parteċipanti potenzjali kif ukoll bħala kelliema b'għajnuna mill-Unjoni, l-imsieħba Libjani u l-pajjiżi ġirien;

Il-faċilitazzjoni tal-iżvilupp tat-termini ta' referenza u tal-proċedura tal-ikkuntrattar ta' kumpannija għall-ġestjoni tal-konferenzi, il-komunikazzjoni pubblika u d-dokumentazzjoni.

Eżitu:

Sa żewġ konferenzi ta' jumejn f'limitu ta' żmien ta' sentejn u nofs b'mhux aktar minn 45 parteċipant.

3.2.8   L-istabbiliment ta' sistema reżiljenti ta’ ġestjoni tar-riskji

Objettiv:

Biex titrawwem l-implimentazzjoni b'suċċess u sensittiva għall-konflitt tal-attivitajiet tal-proġett f'ambjent ta' riskju ta' sfida, inklużi s-sigurtà pubblika fraġli, gruppi armati multipli u sitwazzjoni ta' theddida għas-sigurtà volatili.

Deskrizzjoni:

L-iżvilupp ta' linji gwida tal-proġett għall-ipprogrammar sensittiv għall-konflitt f'konformità mal-approċċ li ma ssir l-ebda ħsara li jirreferi għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett b'mod li jnaqqas l-effetti negattivi mhux intiżi;

It-twettiq ta' analiżi ta' riskju u theddid u l-iżvilupp ta' kunċett ta' sigurtà inklużi poċeduri ta' operattivi standard għall-programm sabiex tiġi massimizzata s-sigurtà tal-persunal u tal-assi tal-proġett;

Il-monitoraġġ kostanti fil-post tar-riskji u t-theddid u servizzi ta' konsulenza prattika tar-riskji lill-persunal u l-operazzjonijiet tal-proġett;

It-tagħmir ta' sigurtà għall-protezzjoni tal-persunal tal-proġett u tal-assi tal-proġett;

L-iżvilupp ta' għodda flessibbli tal-ġestjoni tal-proġett biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-proġett fil-każ ta' ambjent ta' sigurtà deterjoranti, speċifikament il-kapaċitajiet tal-ġestjoni remoti.

Eżitu:

Il-kunċett ta' sigurtà għall-proġett attwat;

L-iżvilupp ta' linji gwida għall-ipprogrammar sensittiv għall-konflitt;

Il-konsulent stabbilit tal-ġestjoni tar-riskji.

4.   IMPLIMENTAZZJONI

4.1   Struttura ġenerali

Abbażi ta' proposta ta' proġett ippreżentata mill-GIZ lill-FFO, f'Ottubru 2012 il-GIZ ġiet ikkummissjonata mill-FFO biex timplimenta l-modulu tal-iżvilupp tal-kapaċità tal-Programm dwar il-Kontroll tal-Armi Konvenzjonali fil-Libja. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet bdiet fl-1 ta' Novembru 2012 u ser tintemm fil-31 ta' Ottubru 2017. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni ser testendi dan il-proġett billi tappoġġa modulu addizjonali dwar il-PSSM. Il-modulu tal-PSSM ser jiġi implimentat flimkien mal-modulu tal-iżvilupp tal-kapaċità bl-attivitajiet li jibdew fl-2013 u jkomplu sa Ottubru 2017.

Il-GIZ ser timplimenta ż-żewġ modului li jirrigwardaw l-iżvilupp tal-kapaċità u l-PSSM permezz tal-forniment ta' esperti għall-perijodu fit-tul u fil-qosor kif ukoll f'kooperazzjoni mal-imsieħba internazzjonali u nazzjonali, parzjalment permezz ta' arranġamenti sottokontrattwali.

L-imsieħeb prinċipali tal-GIZ għall-modulu tal-iżvilupp tal-kapaċità huwa l-LMAC. F'note verbale lill-Ambaxxata Ġermaniża fi Tripli bid-data tas-17 ta' Diċembru 2012, il-Ministeru Libjan tal-Affarijiet Barranin ikkonferma lil-LMAC bħala l-istituzzjoni nazzjonali Libjana responsabbli għas-sorveljanza u l-koordinazzjoni fil-qasam tal-kontroll ta' armi konvenzjonali u l-azzjoni kontra l-mini u laqa' l-Programm li għandu jiġi implimentat mill-GIZ.

Il-GIZ ġiet magħżula bħala l-aġenzija implimentattiva għal dan il-proġett minħabba l-għarfien espert u l-esperjenza speċifiċi tagħha fid-dinja kollha kif ukoll il-preżentazzjoni tagħha lill-Grupp ta' Ħidma CODUN dwar il-missjoni ta' valutazzjoni tal-GIZ lejn il-Libja u r-rakkomandazzjonijiet u l-istrateġija ssuġġerita tagħha għall-azzjoni, b'mod partikolari, l-iżġurar tal-partċipazzjoni u l-appartenenza tal-partijiet interessati rilevanti kollha u l-enfasi fuq l-impatt sostenibbli.

4.2   Imsieħba

L-attivitajiet tal-Programm fil-Libja għaż-żewġ moduli ser jiġu implimentati f'kollaborazzjoni mal-imsieħba internazzjonali. Hemm diversi msieħba li l-GIZ ser tikkoopera magħhom u li diġà tikkolaabora magħhom: il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) tappoġġa lill-aġenziji Libjani, inter alia, permezz tal-għoti ta' konsulenza strateġika u teknoloġika fil-qasam tas-sigurtà u l-kontroll ta' armi. L-UNSMIL ingħatat il-mandat skont ir-Riżoluzzjoni 2040 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-12 ta' Marzu 2012 fl-oqsma tal-ġlieda konra l-mini, il-ġestjoni ta' munizzjon u l-ġestjoni ta' armi. Il-GIZ qed tikkoopera ma' donaturi oħra fil-qasam tal-kontroll ta' armi u l-azzjoni kontra l-mini fil-Libja, b'mod partikolari l-Istati Uniti u r-Renju Unit.

Filwaqt li r-responabbiltà inġenerali tal-ġestjoni tal-programm ser tibqa' mal-GIZ, il-programm ser ukoll joħloq sħubiji ma' NGOs internazzjonali speċjalizzati fil-PSSM u l-azzjoni kontra l-mini u jipprovdi aktar għarfien espert speċjalizzat fiż-żewġ modului rispettivi u jimplimenta attivitajiet ta' awtorizzazzjoni fuq il-post. Minħabba l-approċċ moduluari tal-programm, il-Programm ser jimpenja diversi NGOs, li ser jintgħażlu abbażi tal-presenza reġjonali, il-punti qawwija u dgħajfa u l-esperjenza preċedenti u l-kapaċitajiet operattivi tagħhom fil-Libja.

4.3   Ġestjoni ta' Azzjoni

Tfassil ta' Programm: Approċċ ta' Pjattaforma Moduluari

Il-programm hu mfassal sabiex modului speċifiċi jistgħu jinżiedu jew jitneħħew matul il-programm sabiex ikun jista' jadatta għall-ambjenti dejjem jinbidlu f'manjiera flessibbli u sensittiva għal kunflitti. L-istruttura tippermetti li donaturi differenti jiffinanzjaw partijiet tal-Programm u li kull kontribuzzjoni tad-donatur tkun viżibbli. Fl-aħħar nett, il-programm jinkludi struttura li tipprovdi kapaċità għal ġestjoni affidabbli tar-riskju u ġestjoni soda tal-proġett. Għaldaqstant, il-GIZ toħloq pjattaforma tal-proġett li tiżgura l-ġestjoni tal-programm u li timplimenta ż-żewġ modului tal-proġett.

Strateġija tal-Programm: Erba' Fażijiet f'Ħames Snin

Il-programm hu mfassal biex jagħlaq il-lakuna bejn l-operazzjonijiet ta' emerġenza li qed jispiċċaw fil-Libja u l-istrateġiji u l-programmi ta' żvilupp nazzjonali li huma mistennija li jiġu mnedija u implimentati mill-gvern Libjan fis-snin li ġejjin.

Għalhekk huwa gggwidat minn strateġija ta' perijodu medju ta' ħames snin li teċċedi t-tul taċ-ċikli tipiċi għall-ippjanar ta' emerġenza. Il-modulu ta' Żvilupp ta' Kapaċità, b'mod partikolari, ser jeħtieġ iż-żmien u sħubija affidabbli bejn il-Programm u l-imsieħba nazzjonali biex iwasslu riżultari tanġibbli u jiżguraw li, sa tmiem l-Fażi 4, l-appartenenza nazzjonali tkun tal-istess livell tal-kapaċitajiet nazzjonali.

L-approċċ ta' erba' fażijiet jiżgura li l-modului tal-Programm jistgħu jiġu adattati matul il-Programm, minħabba l-ħtiġijiet differenti min-naħa tal-imsieħeb jew tibdil fir-realtajiet ta' finanzjament. Jippermetti wkoll li l-Programm jinkludi modului addizzjonali fil-Fażi 3, jekk il-kondizzjonijiet sa dak iż-żmien ikunu aktar favorevoli għal dawk l-oqsma ta' impenn milli huma fil-preżent.

Arranġamenti tad-donaturi:

Il-Programm hu proġett b'ħafna donaturi kofinanzjat mill-Unjoni u l-FFO.

L-FFO ser jissorvelja regolament il-proġett kollu implimentat mill-GIZ, inkluzi kemm il-komponent tal-iżvilupp ta' kapaċità kif ukoll il-komponent dwar il-PSSM permezz tal-proċeduri stabbiliti tal-FFO.

Tul ta' żmien u fażijiet tal-programm:

Image