29.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/57


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW

tat-28 ta’ Ġunju 2013

li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

(2013/312/UE)

IL-KUNSILL EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 2(3) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(1) u (2) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji se jiskadu fl-aħħar tal-leġislatura 2009-2014.

(2)

L-Artikolu 19(1) tal-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika se jiskadi fl-aħħar tal-leġislatura 2009-2014.

(3)

Huwa neċessarju li jkun hemm konformità mingħajr dewmien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tal-Protokoll Nru 36 u għalhekk li tiġi adottata d-deċiżjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippromulgaw il-miżuri domestiċi neċessarji fi żmien xieraq biex ikunu organiżżati l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għal-leġislatura 2014-2019.

(4)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-kriterji għall-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, jiġifieri li n-numru tar-rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jisboqx is-seba’ mija u ħamsin, apparti l-President, li r-rappreżentanza għandha tkun proporzjonalment digressiva, b’limitu minimu ta’ sitt membri għal kull Stat Membru, u li l-ebda Stat Membru ma għandu jiġi allokat iktar minn sitta u disgħin siġġu.

(5)

L-Artikolu 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi inter alia li l-funzjonament tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva biċ-ċittadini rappreżentati direttament fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew u l-Istati Membri rappreżentati mill-gvernijiet tagħhom, li huma stess demokratikament responsabbli lejn il-Parlamenti nazzjonali tagħhom jew lejn iċ-ċittadini tagħhom, fil-Kunsill. L-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għalhekk japplika fil-kuntest tal-arranġamenti isitituzzjonali usa’ stabbiliti fit-Trattati, li jinkludu wkoll id-dispożizzjonijiet dwar teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Kunsill,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità digressiva previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

l-allokazzjoni ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew għandha tuża b’mod sħiħ in-numru minimu u dak massimu stabbiliti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea biex ikun rifless kemm jista’ jkun possibbli d-daqs tal-popolazzjonijiet rispettivi tal-Istati Membri;

il-proporzjon bejn il-popolazzjoni u n-numru ta’ siġġijiet ta’ kull Stat Membru qabel ma n-numru deċimali jitqarreb lejn numru sħiħ għandu jvarja skont il-popolazzjoni rispettiva tagħhom b’tali mod li kull Membru tal-Parlament Ewropew minn Stat Membru b’popolazzjoni akbar jirrappreżenta iktar ċittadini minn kull Membru minn Stat Membru b’popolazzjoni iżgħar u, bil-maqlub, iktar ma tkun kbira il-popolazzjoni ta’ Stat Membru, akbar ikun id-dritt tiegħu għal numru akbar ta’ siġġijiet.

Artikolu 2

Il-popolazzjoni totali tal-Istati Membri għandha tiġi kkalkolata mill-Kummissjoni (Eurostat) abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri, skont il-metodu stabbilit permezz ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 3

Skont l-Artikolu 1, in-numru ta’ rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti f’kull Stat Membru huwa b’dan stabbilit kif ġej, għall-leġisatura 2014-2019:

Belġju

21

Bulgarija

17

Repubblika Ċeka

21

Danimarka

13

Ġermanja

96

Estonja

6

Irlanda

11

Ġreċja

21

Spanja

54

Franza

74

Kroazja

11

Italja

73

Ċipru

6

Latvja

8

Litwanja

11

Lussemburgu

6

Ungerija

21

Malta

6

Pajjiżi Baxxi

26

Awstrija

18

Polonja

51

Portugall

21

Rumanija

32

Slovenja

8

Slovakkja

13

Finlandja

13

Svezja

20

Renju Unit

73

Artikolu 4

Din id-deċiżjoni għandha tkun riveduta fi żmien biżżejjed qabel il-bidu tal-leġislatura 2019-2024 abbażi ta’ inizjattiva tal-Parlament Ewropew ippreżentata qabel it-tmiem tal-2016 bil-għan li tiġi stabbilita sistema li fil-ġejjieni tagħmilha possibbli, qabel kull elezzjoni ġdida tal-Parlament Ewropew, li jiġu allokati s-siġġijiet bejn l-Istati Membri b’mod oġġettiv, ġust, dejjiemi u trasparenti, filwaqt li jiġi tradott il-prinċipju ta’ proporzjonalità digressiva kif stabbilit fl-Artikolu 1, b’kont meħud ta’ kwalunkwe bidla fin-numru tagħhom u tal-andamenti demografiċi fil-popolazzjoni tagħhom, kif stabbilit b’mod xieraq u għalhekk b’rispett tal-bilanċ ġenerali tas-sistema istituzzjonali kif stabbilita fit-Trattati.

Artikolu 5

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kunsill Ewropew

Il-President

H. VAN ROMPUY


(1)  Inizjattiva adottata fit-13 ta’ Marzu 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Kunsens tat-12 ta’ Ġunju 2013 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).