20.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/10


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Mejju 2013

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi

(2013/297/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/428/UE (1), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-23 ta’ Lulju 2012, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

(2)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat.

(3)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (2); għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(4)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (3); għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(5)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna(i) bis-setgħa li tipproċedi/jipproċedu, f’isem l-Unjoni, skont l-avviż previst fl-Artikolu 2 tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Ftehim (4).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

S. COVENEY


(1)  ĠU L 199, 26.7.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(3)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.



20.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/10


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi

L-UNJONI EWROPEA,

min-naħa l-waħda, u

L-UKRAINA,

min-naħa l-oħra,

minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,

WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008,

BIX-XEWQA li jkomplu jiffaċilitaw il-kuntatti bejn il-persuni,

FILWAQT LI JGĦARFU l-importanza tal-introduzzjoni ta’ reġim ta’ vvjaġġar ħieles mill-viża għaċ-ċittadini tal-Ukraina fiż-żmien dovut, sakemm ikun hemm fis-seħħ il-kondizzjonijiet għall-mobbiltà ġestita tajjeb u fiż-żgur,

FILWAQT LI JQISU d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viża) (1), li, b’mod partikolari jipprevedi li tingħata motivazzjoni obbligatorja għaċ-ċaħda għall-viża u d-dritt ta’ appell għall-applikanti f’każ ta’ rifjut,

FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, annessi mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għad-Danimarka,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”, hu emendat skont id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu:

(1)

Fit-titolu, il-kelma “Komunità” hi sostitwita bil-kelma “Unjoni”.

(2)

Fl-Artikolu 1(2), jiddaħħal l-ewwel subparagrafu li ġej:

L-Ukraina tista’ ddaħħal mill-ġdid il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini jew ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-Istati Membri kollha u mhux għaċ-ċittadini jew ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ Stati Membri individwali.

(3)

Fl-Artikolu 2(1) u (2), il-kelma “Komunità” hi sostitwita bil-kliem “Unjoni Ewropea”.

(4)

Fl-Artikolu 3 il-punt (e), il-kelma “Komunitarja” hi sostitwita bil-kliem “tal-Unjoni Ewropea”.

(5)

L-Artikolu 4(1) hu emendat kif ġej:

(a)

il-punt (c) hu sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

għal xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri lejn it-territorji tal-Istati Membri f’vetturi reġistrati fl-Ukraina:

talba bil-miktub mill-assoċjazzjoni nazzjonali tat-trasportaturi fl-Ukraina li tipprovdi għal trasport internazzjonali bit-triq, li tistqarr l-għan, it-tul, id-destinazzjoni(jiet) u l-frekwenza tal-vjaġġi;”;

(b)

il-punt (e) hu sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

għall-ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali:

ċertifikat jew dokument ieħor maħruġ minn organizzazzjoni professjonali jew minn min iħaddem lill-applikant, li jixhed li l-persuna konċernata hi ġurnalist kwalifikat u li jistqarr li l-għan tal-vjaġġ hu li jitwettaq xogħol ġurnalistiku jew li jixhed li l-persuna hi membru tal-ekwipaġġ tekniku li qed jakkumpanja l-ġurnalist f’kapaċità professjonali;”;

(c)

il-punt (i) hu sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati u entitajiet muniċipali oħrajn:

talba bil-miktub mill-Kap tal-Amministrazzjoni/mis-Sindku ta’ dawk l-ibliet jew tal-entitajiet muniċipali oħrajn;”;

(d)

il-punt (j) hu sostitwit b’dan li ġej:

“(j)

għal qraba – konjugi, ulied (inklużi dawk adottati), ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u neputijiet – li jżuru ċittadini tal-Ukraina legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini:

talba bil-miktub mill-persuna li tospita;”;

(e)

il-punt (m) hu sostitwit b’dan li ġej:

“(m)

għal żjajjar fuq raġunijiet mediċi u l-persuni meħtieġa li jakkumpanjawhom:

Dokument uffiċjali tal-istituzzjoni medika li jikkonferma l-ħtieġa ta’ kura medika f’dik l-istituzzjoni, il-ħtieġa li wieħed ikun akkumpanjat u evidenza ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex jitħallas it-trattament mediku;”;

(f)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(n)

għar-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jagħmlu vjaġġi għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inklużi fil-qafas ta’ programmi ta’ bdil:

talba bil-miktub maħruġa mill-organizzazzjoni li tospita, konferma li l-persuna qiegħda tirrappreżenta l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u ċ-ċertifikat dwar l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni bħal din mir-Reġistru rilevanti maħruġ minn awtorità tal-Istat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(o)

għall-membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili organizzati fit-territorju tal-Istati Membri:

talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li qed tospita li tikkonferma li l-persuna kkonċernata qed tipparteċipa fl-avveniment;

(p)

għar-rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi:

talba bil-miktub mill-komunità reliġjuża rreġistrata fl-Ukraina, li tispeċifika l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

(q)

għal parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ kooperazzjoni transkonfinali, bħall-programmi tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI):

talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tospita.”.

(6)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafi 1 sa 3, huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi ta’ diversi dħul b’terminu ta’ validità ta’ ħames snin għal dawn il-kategoriji ta’ persuni:

(a)

membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, Qrati Kostituzzjonali u Qrati Supremi, prosekuturi nazzjonali u reġjonali u d-deputati tagħhom, sakemm ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti, fil-qadi ta’ dmirijiethom;

(b)

membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Ukraina, ikollhom jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ bdil, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi:

(c)

konjugi u tfal (inklużi dawk adottati), li jkunu taħt l-età ta’ 21 jew ikunu dipendenti, u li jkunu qed iżuru ċittadini tal-Ukraina li jkunu legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini;

(d)

nies fin-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju li jivvjaġġaw regolarment lejn l-Istati Membri;

(e)

ġurnalisti u ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment hija manifestament limitata għal perjodu iqsar, it-terminu tal-validità tal-viża ta’ diversi dħul hu limitat għal dak il-perjodu, partikolarment meta

fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (a), it-tul ta’ żmien tal-kariga,

fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (b), il-perjodu tal-validità tal-istatus bħala membru permanenti ta’ delegazzjoni uffiċjali,

fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (c), il-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni għal residenza legali ta’ ċittadini tal-Ukraina legalment residenti fl-Unjoni Ewropea,

fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (d), il-perjodu tal-validità tal-istatus bħala rappreżentant tal-organizzazzjoni ta’ negozju jew tal-kuntratt tax-xogħol,

fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (e), il-kuntratt tax-xogħol

ikun inqas minn ħames snin.

2.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi ta’ diversi dħul b’perjodu ta’ validità ta’ sena għal dawn il-kategoriji ta’ ċittadini, jekk kemm-il darba matul is-sena ta’ qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda, ikunu użawha skont il-liġijiet ta’ dħul u residenza fit-territorju tal-Istat li żaru:

(a)

xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri lejn it-territorji tal-Istati Membri f’vetturi reġistrati fl-Ukraina;

(b)

membri tal-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali, li jivvjaġġaw bejn it-territorji tal-Istati Membri;

(c)

persuni li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ bdil, li jivvjaġġaw regolarment lejn l-Istati Membri;

(d)

parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;

(e)

parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati u minn entitajiet muniċipali oħrajn;

(f)

rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ bdil;

(g)

għal parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ kooperazzjoni transkonfinali, bħall-programmi tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI);

(h)

studenti u studenti gradwati li jivvjaġġaw regolarment għall-għanijiet ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ bdil;

(i)

għar-rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi:

(j)

għall-membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili organizzati fit-territorju tal-Istati Membri;

(k)

persuni li jeħtieġu li jżuru regolarment għal raġunijiet mediċi u l-persuni meħtieġa li jakkumpanjawhom.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment hija manifestament limitata għal perjodu iqsar, it-tul ta’ żmien tal-validità tal-viża ta’ diversi dħul hu limitat għal dak il-perjodu.

3.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi ta’ diversi dħul b’perjodu ta’ validità minimu ta’ sentejn u massimu ta’ ħames snin għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jekk kemm-il darba fis-sentejn ta’ qabel ikunu użaw tajjeb il-viżi ta’ diversi dħul għal sena, skont il-liġijiet dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istat li żaru sakemm il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment tkun manifestament limitata għal perjodu iqsar, li f’dan il-każ il-perjodu tal-validità tal-viża ta’ diversi dħul jkun limitat għal dak il-perjodu.”.

(7)

L-Artikolu 6 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 hu sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jitolbu ħlas ta’ EUR 70 għall-ipproċessar ta’ viżi f’każijiet fejn, fuq il-bażi tad-distanza bejn il-post ta’ residenza tal-applikant u l-post fejn tkun ġiet sottomessal-applikazzjoni, l-applikant jitlob li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni fi żmien tlett ijiem mis-sottomissjoni tagħha, u l-konsulat ikun aċċetta li jieħu deċiżjoni fi żmien tlett ijiem.”;

(b)

fil-paragrafu 4,

(i)

il-kliem introduttorji huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 il-ħlasijiet għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-viża jitneħħew għal dawn il-kategoriji ta’ persuni:”;

(ii)

fil-punt (a), jiżdiedu l-kliem li ġejjin:

“jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini”;

(iii)

fil-punt (i), jiżdiedu l-kliem li ġejjin:

“u minn entitajiet muniċipali oħrajn”;

(iv)

fil-punt (j), jiżdiedu l-kliem li ġejjin:

“u ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjhom f’kapaċità professjonali.”;

(v)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(o)

rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi:

(p)

għall-membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili organizzati fit-territorju tal-Istati Membri;

(q)

il-parteċipanti li għandhom 25 sena jew anqas f’seminars, konferenzi, avvenimenti sportivi, kulturali jew edukattivi, organizzati minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ;

(r)

rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jagħmlu vjaġġi għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inklużi fil-qafas ta’ programmi ta’ bdil;

(s)

għal parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ kooperazzjoni transkonfinali, bħall-programmi tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI).”;

(vi)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ewwel subparagrafu japplika wkoll meta l-għan tal-vjaġġ huwa transitu.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Jekk Stat Membru jikkoopera ma’ fornitur tas-servizzi estern bl-iskop ta’ ħruġ ta’ viża, il-fornitur tas-servizzi estern jista’ jitlob ħlas għas-servizz. Dan il-ħlas għandu jkun proporzjonat ma’ kemm ikun nefaq il-fornitur tas-servizzi estern waqt it-twettiq tal-ħidmiet tiegħu, u ma għandux ikun aktar minn EUR 30. L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibbiltà għall-applikanti kollha biex jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament lill-konsulati tagħhom. Jekk l-applikanti jkunu meħtieġa jiksbu appuntament għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, l-appuntament għandu, bħala regola, isseħħ fi żmien ġimagħtejn mid-data ta’ meta jkun intalab l-appuntament.”.

(8)

L-Artikolu 10 hu emendat kif ġej:

(a)

it-titolu hu sostitwit b’dan li ġej:

“Passaporti diplomatiċi u ta’ servizz”;

(b)

fil-paragrafu 2, li jiġi nnumerat mill-ġdid bħala 3, il-kliem “fil-paragrafu 1” huma sostitwiti bil-kliem “fil-paragrafi 1 u 2”;

(c)

għandu jiżdied il-paragrafu 2 ġdid kif gej:

“2.   Ċittadini tal-Ukraina li huma titulari ta’ passaporti bijometriċi validi ta’ servizz jistgħu jidħlu, iħallu jew jivvjaġġaw fit-territorji tal-Istati Membri mingħajr viżi.”.

(9)

L-Artikolu 12(1) hu emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel sentenza, il-kelma “Komunità” hi sostitwita bil-kelma “Unjoni”;

(b)

fit-tieni sentenza, il-kelma “Il-Komunità” hi sostitwita bil-kliem “L-Unjoni Ewropea”, u l-kliem “Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej” huma sostitwiti bil-kliem “Kummissjoni Ewropea.”.

(10)

L-Artikolu 13 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu eżistenti għandu jiġi nnumerat bħala l-paragrafu 1;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ Ftehimiet bilaterali jew ta’ arranġamenti bejn l-Istati Membri individwali u l-Ukraina li jkunu ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u li jipprovdu biex it-titulari ta’ passaporti mhux bijometriċi ta’ servizz ikunu eżenti mill-ħtieġa tal-viża għandhom ikomplu japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri kkonċernati jew tal-Ukraina li jiddenunzjaw jew jissospendu dawn il-ftehimiet bilaterali jew arranġamenti.”.

Artikolu 2

Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-aħħar Parti tinnotifika lill-oħra li l-proċeduri msemmija hawn fuq ikunu tlestew.

Magħmul fi Brussell, fit-23 jum ta’ Lulju fis-sena elfejn u tnax, f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, u bl-Ukrain, u kull wieħed minn dawk it-testi huwa awtentiku bl-istess mod.

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

За Європейське Спiвтовариство

Image

Image

За Украйна

Por Ucrania

Za Ukrajinu

For Ukraine

Für die Ukraine

Ukraina nimel

Για την Ουκρανία

For Ukraine

Pour l'Ukraine

Per l'Ucraina

Ukrainas vārdā

Ukrainos vardu

Ukrajna részéről

Għall-Ukrajna

Voor Oekraïne

W imieniu Ukrainy

Pela Ucrânia

Pentru Ucraina

Za Ukrajinu

Za Ukrajino

Ukrainan puolesta

På Ukrainas vägnar

За Украïнy

Image


(1)  ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.


DIKJARAZZJONI TAL-UNJONI EWROPEA DWAR ID-DOKUMENTI LI GĦANDHOM IKUNU PPREŻENTATI META SSIR L-APPLIKAZZJONI GĦAL VIŻA GĦAL ŻJARA QASIRA

L-Unjoni Ewropea se tistabbilixxi lista armonizzata ta’ dokumenti ta’ appoġġ, skont l-Artikolu 48(1)(a) tal-Kodici dwar il-Viżi, sabiex tiżgura li l-applikanti mill-Ukraina jkunu meħtieġa li jippreżentaw, fil-prinċipju, l-istess dokumenti ta’ appoġġ.


ID-DIKJARAZZJONI TAL-UNJONI EWROPEA DWAR L-IFFAĊILITAR GĦALL-MEMBRI TAL-FAMILJA

L-Unjoni Ewropea tinnota s-suġġeriment tal-Ukraina biex tingħata definizzjoni usa’ tal-kunċett ta’ membri tal-familja li għandhom jibbenefikaw mill-iffaċilitar ta’ viża kif ukoll tinnota l-importanza li l-Ukraina tagħti lis-simplifikazzjoni tal-moviment ta’ din il-kategorija ta’ persuni.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà ta’ għadd estiż ta’ persuni li għandhom konnessjonijiet familjari (b’mod partikolari l-aħwa u wliedhom) ma’ ċittadini tal-Ukraina legalment residenti fit-territorji tal-Istati Membri jew ma’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, l-Unjoni Ewropea tistieden lill-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet eżistenti fil-Kodiċi dwar il-Viżi biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ viżi lil din il-kategorija ta’ persuni, inkluż b’mod partikolari, is-simplifikazzjoni tad-dokumenti ta’ prova mitluba għall-applikanti, l-eżenzjonijiet mit-tariffi tal-ipproċessar u, fejn xieraq, il-ħruġ ta’ viżi ta’ diversi dħul.


ID-DIKJARAZZJONI TAL-UNJONI EWROPEA DWAR L-ARTIKOLU 10 (2) TAL-FTEHIM

L-Unjoni Ewropea tista’ tinvoka sospensjoni parzjali tal-Ftehim u partikolarment l-Artikolu 10(2), skont il-proċedura stipulata permezz tal-Artikolu 14(5) tal-Ftehim, jekk l-implimentazzjoni tal-Artikolu 10(2) tkun abbużata mill-Ukraina jew twassal għal theddida għas-sigurtà pubblika. Jekk l-implimentazzjoni tal-Artikolu 10(2) tkun sospiża, l-Unjoni Ewropea tibda konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kumitat imwaqqaf permezz tal-Ftehim bil-ħsieb li ssolvi l-problemi li jkunu wasslu għas-sospensjoni.


ID-DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ISVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

Il-Partijiet jinnotaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera u l-Liechtenstein, partikolarment bis-saħħa tal-Ftehim tat-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-progress tal-acquis ta’ Schengen.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, ikun mixtieq li l-awtoritajiet tal-Isvizzera u tal-Liechtenstein u tal-Ukraina jikkonkludu, bla dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra b’termini simili għall-Ftehim emendat.