18.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 166/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta' Lulju 2012

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.23839 (C 44/2007) ta' Franza favur l-impriża FagorBrandt

(notifikata bid-dokument C(2012) 5043)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/283/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2), l-ewwel subparagrafu tiegħu (1),

wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont dawn l-Artikoli (2), u wara li ġew ikkunsidrati dawn il-kummenti,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

B’ittra ddatata s-6 ta’ Awwissu 2007, Franza nnotifikat lill-Kummissjoni b’għajnuna għar-ristrutturar favur il-grupp FagorBrandt.

(2)

Permezz ta’ ittra ddatata l-10 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni infurmat lil Franza bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem it-“TFUE”) fir-rigward ta’ din l-għajnuna.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura (minn hawn ’il quddiem “id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura”) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-għajnuna inkwistjoni.

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet ta’ tliet partijiet interessati, li huma żewġ kompetituri u l-benefiċjarju tal-għajnuna. Electrolux issottomettiet xi osservazzjonijiet b’ittra ddatata l-14 ta’ Diċembru 2007. Wara laqgħa mas-servizzi tal-Kummissjoni fl-20 ta’ Frar 2008, din l-impriża ssottomettiet xi osservazzjonijiet oħra b’ittra ddatata s-26 ta’ Frar 2008 u tat-12 ta’ Marzu 2008. Kompetitur li jixtieq jibqa’ anonimu ssottometta xi osservazzjonijiet b’ittra ddatata s-17 ta’ Diċembru 2007 (4). FagorBrandt issottometta xi osservazzjonijiet b’ittra ddatata s-17 ta’ Diċembru 2007. Il-Kummissjoni tat dawn l-osservazzjonijiet lil Franza bl-ittri ddatati l-15 ta’ Jannar 2008 u t-13 ta’ Marzu 2008 filwaqt li tatha l-possibbiltà li tikkumenta dwarhom u rċeviet il-kummenti tagħha rispettivament b’ittra ddatata l-15 ta’ Frar 2008 u b’dokument sottomess waqt il-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2008 (ara l-premessa (5)).

(5)

B’ittra ddatata t-13 ta’ Novembru 2007, Franza tat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura. Fit-18 ta’ Marzu 2008, saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi u FagorBrandt. Wara din il-laqgħa, l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew xi informazzjoni b’ittri ddatati l-24 ta’ April 2008 u s-7 ta’ Mejju 2008. Saret laqgħa oħra bejn l-istess partijiet fit-12 ta’ Ġunju 2008. Wara din il-laqgħa, l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew xi informazzjoni b’ittra ddatata d-9 ta’ Lulju 2008. Fil-15 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni talbet għal informazzjoni addizzjonali, li ġiet ipprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi fis-16 ta’ Lulju 2008.

(6)

Fil-21 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni pożittiva taħt ċerti kundizzjonijiet dwar l-għajnuna għar-ristrutturar ta’ EUR 31 miljun mogħtija lil FagorBrandt (5) (minn hawn ‘il quddiem “id-deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2008”).

(7)

Din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Qorti fl-14 ta’ Frar 2012 (6) (minn hawn ‘il quddiem “is-sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Frar 2012”) minħabba żewġ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni: minn naħa waħda, miżura kompensatorja tqieset bħala mhux valida u, min-naħa l-oħra, kien hemm nuqqas ta’ analiżi tal-effett kumulattiv fuq il-kompetizzjoni ta’ għajnuna qadima mhux kompatibbli mogħtija mill-awtoritajiet Taljani (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-għajnuna Taljana”) li kienet għadha ma ġietx irkuprata, mal-għajnuna approvata.

(8)

B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni jkollha tieħu deċiżjoni finali ġdida. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti (7), il-Kummissjoni ma tistax ma tqisx l-informazzjoni li kellha dak iż-żmien, jiġifieri fil-21 ta' Ottubru 2008 (ara t-Taqsima “6.2.2. Qafas taż-żmien tal-analiżi”).

2.   DESKRIZZJONI

(9)

L-għajnuna inkwistjoni hija għajnuna għar-ristrutturar. L-ammont previst tal-għajnuna huwa ta’ EUR 31 miljun. Din l-għotja ġejja mill-Ministeru Franċiż tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tax-Xogħol. Il-benefiċjarju tal-għajnuna huwa FagorBrandt S.A., li għandu bosta sussidjarji li fi ħdanhom isiru l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni.

(10)

L-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li, bir-riżorsi disponibbli, u fin-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat, FagorBrandt S.A. ma jkunx kapaċi jħabbat wiċċu mad-diffikultajiet li jinsab fihom. Skont Franza, l-għotja diretta ta’ EUR 31 miljun tippermetti li jitħallsu nofs il-ħlasijiet tar-ristrutturar (8).

(11)

Il-grupp FagorBrandt (minn hawn ’il quddiem “FagorBrandt”) huwa indirettament il-proprjetà tal-kumpanija Fagor Electrodomésticos S. Coop (minn hawn ’il quddiem “Fagor”), kooperattiva taħt il-liġi Spanjola. Il-kapital ta’ din il-kumpanija kooperattiva huwa mqassam bejn madwar 3 500 membru (impjegati-assoċjati), u l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jkun fil-pussess ta’ aktar minn 25 % tal-kapital tal-kooperattiva.

(12)

Fagor stess hija parti minn grupp ta’ kooperattivi bl-isem ta’ Mondragón Corporación Cooperativa (minn hawn ’il quddiem “MCC”), li fi ħdanha kull kooperattiva żżomm l-awtonomija ġuridika u finanzjarja tagħha. Fagor tappartjeni għad-diviżjoni “Domestika” tal-grupp settorjali “Industrija” tal-MCC.

(13)

FagorBrandt kellha fatturat ta’ EUR 903 miljun fl-2007. Hija preżenti fl-oqsma kollha tal-apparat domestiku kbir, u b’hekk ikopri tliet gruppi kbar ta’ prodotti: il-ħasil (magni tal-ħasil tal-platti, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ, magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ), it-tkessiħ (friġġijiet, chest freezers u friżers wieqfa) u t-tisjir (fran tradizzjonali, majkrowejvs, kukers, hobs, hoods).

3.   RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA

(14)

Fid-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-ħames raġunijiet li ġejjin: riskju ta’ evażjoni tal-projbizzjoni ta’ għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturar lill-impriżi ġodda; riskju ta’ evażjoni tal-obbligu ta’ rimborż tal-għajnuna inkompatibbli; dubju dwar ir-ritorn tal-impriża għall-vijabilità fit-tul; insuffiċjenza tal-miżuri kompensatorji; dubju dwar il-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ, u b’mod partikolari dwar il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju.

3.1.   Riskju ta’ evażjoni tal-projbizzjoni ta’ għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturar lill-impriżi ġodda;

(15)

Peress li FagorBrandt twaqqfet f’Jannar 2002, huwa kien, skont il-punt 12 tal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (minn hawn ’il quddiem “il-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar”) (9) impriża ġdida sa Jannar 2005, jiġifieri tliet snin wara li twaqqfet. Dan ifisser li kemm fil-mument meta l-impriża ibbenefikat mill-eżenzjoni fiskali li kienet prevista fl-Artikolu 44f tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa (minn hawn ’l quddiem imsejħa “l-għajnuna 44f”), kif ukoll fil-mument meta, f’Diċembru 2003, il-Kummissjoni ddikjarat li din l-għajnuna kienet inkompatibbli u ordnat l-irkupru tagħha (10), FagorBrandt kienet impriża ġdida. Skont il-punt 12 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, ma kinitx eliġibbli għal għajnuna għar-ristrutturar. Għaldaqstant, il-fatt li meta l-impriża ma baqgħetx impriża ġdida u għalhekk saret eliġibbli biex tirċievi għajnuniet għar-ristrutturar, Franza kienet għadha ma rkupratx l-għajnuna li kienet iddikjarata bħala inkompatibbli f’Diċembru 2003 jista’ jitqies bħala evażjoni tal-projbizzjoni prevista fil-punt 12 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar.

3.2.   Riskju ta’ evażjoni tal-obbligu ta’ rimborż tal-għajnuna inkompatibbli

(16)

Wara li osservat li deher li l-biċċa l-kbira tal-għajnuna nnotifikata kellha tintuża biex tiffinanzja r-rimborż tal-għajnuna 44f, il-Kummissjoni iddubitat jekk din l-għajnuna nnotifikata tikkostitwix evażjoni tal-obbligu ta’ rimborż ta’ din l-għajnuna inkompatibbli u jekk tneħħix is-sustanza u l-effett utli tal-irkupru ta’ din l-għajnuna.

3.3.   Dubji dwar il-vijabilità fit-tul tal-impriża

(17)

Fir-rigward tar-ritorn tal-impriża għall-vijabilità fit-tul, il-Kummissjoni esprimiet żewġ dubji. Minn naħa, wara li osservat li l-fatturat mistenni għall-2007 żdied b’madwar 20 % meta mqabbel ma’ dak tas-sena ta’ qabel, il-Kummissjoni staqsiet fuq liema elementi kien ibbażat dan it-tbassir. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni nnutat li l-pjan għar-ristrutturar ma kienx jindika kif FagorBrandt kienet se tagħmel biex tiffaċċja r-rimborż tal-għajnuna inkompatibbli li ngħatat lis-sussidjarja Taljana tagħha.

3.4.   Insuffiċjenza tal-miżuri kompensatorji

(18)

Il-Kummissjoni esprimiet ukoll xi dubji jekk in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-miżuri kompensatorji addizzjonali flimkien ma’ dawk li diġà ttieħdu fil-qafas tal-pjan għar-ristrutturar kienx aċċettabbli. Il-Kummissjoni fakkret li:

(i)

il-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar (il-punti 38 sa 41) jobbligaw lill-benefiċjarji li jissodisfaw il-kriterju ta’ “impriża kbira” li jimplimentaw xi miżuri kompensatorji;

(ii)

minn naħa, mingħajr l-għajnuna, FagorBrandt toħroġ mis-suq u, min-naħa l-oħra, il-kompetituri ta’ FagorBrandt huma, fil-maġġoranza tagħhom, Ewropej. B’konsegwenza ta’ dan it-tluq ta’ FagorBrandt ikun jippermetti lill-kompetituri Ewropej iżidu l-bejgħ u l-produzzjoni tagħhom għal ammonti sinifikattivi;

(iii)

jidher li l-miżuri kollha diġà implimentati, fuq il-bażi tal-punt 40 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, ma jistgħux jitqiesu bħala miżuri kompensatorji;

(iv)

fl-aħħar nett, il-Kummissjoni enfasizzat li l-linji gwida li kienu fis-seħħ meta ġew investigati l-każijiet Bull (11) u Euromoteurs (12), li kienu invokati minn Franza, ma kinux jobbligaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri kompensatorji. Hija indikat ukoll differenzi oħra ewlenin bejn dawn il-każijiet u l-każ preżenti.

3.5.   Dubji dwar il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju

(19)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-punti 43 u 44 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar ġewx sodisfatti. Minn naħa, l-awtoritajiet Franċiżi ma inkludewx ir-rimborż tal-għajnuna 44f fl-ispejjeż għar-ristrutturar u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Franċiżi ma spjegawx minn fejn kienu ġejjin ċerti ammonti mniżżlin bħala “sforz proprju tal-benefiċjarju”.

4.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

4.1.   Osservazzjonijiet tal-impriża Electrolux

(20)

Electrolux tindika li sabiex tiffaċċja l-isfidi tal-kompetizzjoni dinjija, hija implimentat xi pjanijiet għar-ristrutturar kbar u għaljin ħafna. Sabiex tibqa’ kompetittiva, l-impriża kienet obbligata tieħu miżuri drastiċi bħall-għeluq ta’ tmien fabbriki fl-Ewropa tal-Punent, il-produzzjoni tagħhom tressqet prinċipalment lejn fabbriki oħra li jeżistu fl-Ewropa u lejn fabbriki ġodda fil-Polonja u fl-Ungerija. Il-maġġoranza tal-impriżi tas-settur “apparat domestiku kbir” għamlu operazzjonijiet għar-ristrutturar simili. B’konsegwenza ta’ dan, din l-impriża tilmenta dwar il-fatt li FagorBrandt tista’ tieħu sussidju biex tiffaċċja sitwazzjoni li l-bqija tas-settur għandu jaffronta mingħajr ma jirċievi għajnuna simili. L-għajnuna tikkostitwixxi distorsjoni tal-kompetizzjoni b’dannu għal impriżi oħra.

4.2.   Osservazzjonijiet tat-tieni kompetitur

(21)

L-ewwel nett, dan il-kompetitur, li jixtieq jibqa’ anonimu, iqis li l-għajnuna ppjanifikata mhux se tippermetti li l-impriża terġa’ tistabbilixxi l-vijabilità fit-tul. Huwa jqis li riorganizzazzjoni industrijali sostanzjali hija meħtieġa biex tiżgura s-sopravivenza tal-impriża. Madankollu, dan il-kompetitur iqis li FagorBrandt mhux se jkollha mezzi biex tiffinanzja l-investimenti meħtieġa. L-għajnuna lanqas ma hi se tippermetti li FagorBrandt tilħaq id-daqs meħtieġ biex ittejjeb il-pożizzjoni tagħha fin-negozjati fir-rigward tad-distributuri kbar li jippreferu l-fornituri li għandhom preżenza aktar importanti importanti fl-Unjoni Ewropea.

(22)

It-tieni nett, il-kompetitur iqis li l-għajnuna mhijiex limitata għall-minimu meħtieġ għaliex FagorBrandt tista’ tikseb il-finanzjamenti meħtieġa għar-ristrutturar tagħha mill-azzjonist tagħha u mill-kooperattiva (jiġifieri l-MCC, li jagħmel parti minnha l-bank Caja Laboral) li lilha jappartjeni dan tal-aħħar.

(23)

It-tielet nett, il-kompetitur iqis li l-għajnuna x’aktarx taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Minn naħa, il-maġġoranza tal-impriżi tas-settur jipproduċu fl-Ewropa u għalhekk jistgħu jitqiesu bħala Ewropej. Il-kompetituri Ażjatiċi u Torok huma preżenti b’mod sinifikanti biss fuq ċerti prodotti. Min-naħa l-oħra, FagorBrandt hijaa l-ħames l-akbar attur fuq il-livell Ewropew u għandha pożizzjoni b’saħħitha fis-swieq Franċiżi, Spanjoli u Pollakki. B’konsegwenza ta’ dan, il-kompetitur iqis li, fin-nuqqas ta’ miżuri kompensatorji, l-għajnuna ma tkunx tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mill-Kummissjoni.

(24)

Ir-raba’ nett, l-għotja fil-passat ta’ għajnuniet illegali minn Franza u l-Italja jwasslu għal żewġ konklużjonijiet: minn naħa, id-diffikultajiet ta’ FagorBrandt huma rikorrenti, u dan jitfa’ dubju fuq il-vijabilità tagħha; min-naħa l-oħra, l-għajnuna nnotifikata probabbilment tintuża għar-rimborż tal-għajnuniet illegali, u b’hekk tkun qiegħda ssir evażjoni tar-rimborż.

4.3.   Osservazzjonijiet ta’ FagorBrandt

(25)

L-osservazzjonijiet ta’ FagorBrandt huma simili għall-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi, li huma miġbura fil-qosor hawn taħt.

5.   KUMMENTI TA’ FRANZA

5.1.   Kummenti ta’ Franza dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura

(26)

Fir-rigward ta’ evażjoni possibbli tal-projbizzjoni tal-għotjiet ta’ għajnuniet għar-ristrutturar għall-impriżi ġodda, l-awtoritajiet Franċiżi ma jikkuntestawx il-fatt li FagorBrandt għandha tiġi kkunsidrata bħala “impriża ġdida” matul it-tliet snin mit-twaqqif tagħha b’mod konformi mal-punt 12 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. Madankollu, huma josservaw li l-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ għajnuna għar-ristrutturar għall-benefiċċju ta’ FagorBrandt bdiet tiġi kkunsidrata biss fl-2006 wara d-diffikultajiet li ħabbtet wiċċha magħhom mill-2004 u minħabba d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha mill-2005, jiġifieri matul il-ħames sena tal-eżistenza tagħha. Fi kliem ieħor, l-impriża ma kellhiex raġunijiet biex titlob għal għajnuna għar-ristrutturar qabel ma kienet f’sitwazzjoni li tiġġustifika din l-għajnuna, jiġifieri fl-2006. B’konsegwenza ta’ dan, ma hemm l-ebda kwistjoni dwar evażjoni possibbli tar-Regolament tat-“tliet snin”.

(27)

Fir-rigward tal-possibbiltà li l-għajnuna nnotifikata tneħħi l-effett utli tal-obbligu ta’ rimborż, Franza tfakkar li l-impriża mhijiex f’diffikultà biss minħabba r-rimborż tal-għajnuna. Id-diffikultajiet finanzjarji fil-fatt bdew fl-2004 u s-sitwazzjoni marret ħafna għall-agħar fl-2005 u l-2006. Kif ikkonkludiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, l-impriża hija tassew f’diffikultà skont il-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. Minn dan Franza tikkonkludi li l-impriża hija, skont dan, eliġibbli għal għajnuna għar-ristrutturar jekk il-kundizzjonijiet l-oħra għal għajnuna bħal din jkunu sodisfatti wkoll. Ma hemm l-ebda kwistjoni jekk l-impriża jirnexxiliex tasal sas-sena 2007 jew l-2008 jekk ma jkollhiex tħallas lura l-għajnuna, għaliex ir-rimborż tal-għajnuna huwa obbligatorju, u dan ħareġ mid-deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni dwar l-iskema tal-Artikolu 44f fl-2003. Għalhekk hija tassew l-akkumulazzjoni tad-diffikultajiet finanzjarji li tiġġustifika t-talba għall-għajnuna, diffikultajiet li ġejjin mill-ispejjeż għar-ristrutturar diġà mħallsa mill-impriża, min-nuqqas ta’ finalizzazzjoni tar-ristrutturar u wkoll mill-ispejjeż kollha l-oħra li l-impriża għandha tqis, u dan jinkludi r-rimborż tal-għajnuna.

(28)

Rigward ir-ritorn għall-vijabilità fit-tul u ż-żewġ dubji relatati li jissemmew fid-deċiżjoni tal-ftuħ, l-awtoritajiet Franċiżi josservaw l-elementi li ġejjin. Fir-rigward tat-tbassir dwar iż-żieda b’20 % tal-fatturat tal-2007 meta mqabbel mas-sena finanzjarja 2006, dan jista’ jiġi spjegat prinċipalment mill-modifikazzjoni tal-medda tal-attivitajiet ta’ FagorBrandt li saret fl-2006. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ konsiderazzjoni tar-rimborż tal-għajnuna illegali mogħtija lis-sussidjarja Taljana (allokata fil-qafas tat-teħid ta’ kontroll tal-attivitajiet tal-apparati domestiċi ta’ Ocean Spa minn Brandt Italia), l-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li dan ir-rimborż ma għandux jaffettwa l-vijabilità tal-impriża, meta jitqies li l-ammont li fl-aħħar għandu jitħallas minn Brandt Italia għandu jkun inqas minn EUR 200 000, peress li l-bilanċ huwa mħallas mill-bejjiegħ tal-attivitajiet inkwistjoni.

(29)

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ miżuri kompensatorji, Franza tirrepeti li l-impriża kienet diġà biegħet il-kumpanija Brandt Components fl-2004 (is-sit ta’ Nevers). Min-naħa l-oħra, il-kumpanija naqset il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha billi waqfet il-produzzjoni ta’ chest freezers u ta’ majkrowejvs għalihom waħidhom. L-awtoritajiet Franċiżi jfakkru wkoll li l-għajnuna wasslet għal distorsjoni żgħira ħafna, u dan inaqqas il-ħtieġa ta’ miżuri kompensatorji. Fil-fatt, FagorBrandt għandha anqas minn [0-5] % (*) tas-sehem tas-suq fil-livell Ewropew, li huwa ammont żgħir ħafna meta mqabbel mal-kompetituri ewlenin tagħha. L-awtoritajiet Franċiżi jqisu wkoll li l-preżenza tal-impriża fis-suq tippermetti li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ oligopolju. Matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Franċiżi pproponew li jimplimentaw xi miżuri kompensatorji addizzjonali.

(30)

Fir-rigward tad-dubji tal-Kummissjoni dwar il-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu u l-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju, l-awtoritajiet Franċiżi josservaw l-elementi li ġejjin. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ konsiderazzjoni tar-rimborż tal-għajnuna fl-ispejjeż għar-ristrutturar, huma jindikaw li r-rimborż ta’ għajnuna inkompatibbli ma jistax ikun, a priori, ikkwalifikat bħala spejjeż għar-ristrutturar. Fir-rigward tal-“isforz proprju tal-benefiċjarju” kif imsemmi fin-notifika, l-awtoritajiet Franċiżi jispjegaw li dan kien self mill-bank.

5.2.   Kummenti ta’ Franza dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati

(31)

Fir-rigward tal-kummenti ta’ Electrolux, Franza tenfasizza li l-miżuri għar-ristrutturar li ttieħdu minn Electrolux u minn kompetituri oħra ma kellhomx l-iskop li jirranġaw is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli iżda li jsaħħu pożizzjoni fis-suq tal-apparat domestiku kbir. Għaldaqstant, Franza tqis li s-sitwazzjonijiet ta’ FagorBrandt u l-kompetituri tagħha, li barra minn hekk għandhom mezzi finanzjarji ħafna akbar minħabba li huma ta’ daqs akbar, ma humiex komparabbli.

(32)

Fir-rigward tal-kummenti dwar il-vijabilità fit-tul ta’ FagorBrandt mill-impriża li talbet li tibqa’ anonima, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw, l-ewwel nett, li FagorBrandt ħadet xi miżuri li għall-ewwel kellhom l-iskop li “jwaqqfu t-telf u jsaħħu l-marġini ta’ qligħ sabiex tkun tista’, fl-aħħar, tilħaq pożizzjoni aħjar fis-suq, b’mod partikolari bl-iżvilupp ta’ […]”.

(33)

Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-għajnuna mhijiex limitata għall-minimu għaliex FagorBrandt tista’ ssib finanzjament mill-azzjonisti tagħha, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li l-MCC mhijiex kumpanija holding iżda moviment kooperattiv. F’dan il-moviment kooperattiv, kull kooperattiva inkluża Fagor jew il-bank Caja Laboral hija indipendenti u tiddependi fuq id-deċiżjonijiet tal-ħaddiema-kooperaturi proprji tagħha, li huma l-proprjetarji. Għalhekk, FagorBrandt tista’ biss tiddependi fuq l-appoġġ finanzjarju ta’ Fagor, li hija limitata għall-kapaċitajiet attwali ta’ din tal-aħħar. L-akkwist ta’ FagorBrandt naqqas il-marġini ta’ manuvrar ta’ Fagor fil-fondi u Fagor illum ma tistax tapprova finanzjamenti aktar għoljin minn ċertu livell.

(34)

It-tielet nett, b’risposta għall-effetti negattivi preżunti fuq il-kompetizzjoni, l-awtoritajiet Franċiżi nnutaw xi kontradizzjonijiet fl-osservazzjonijiet tal-parti interessata li talbet li tibqa’ anonima. Minn naħa din tal-aħħar tafferma li l-għajnuna tista’ taffettwa l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq Ewropew. Min-naħa l-oħra, hija tafferma li FagorBrandt għandha daqs żgħir wisq meta mqabbel mal-impriżi ewlenin, u dan ipoġġi l-vijabilità tagħha fil-periklu. Barra minn hekk, fir-rigward tan-nuqqas ta’ miżuri kompensatorji, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li huma diġà implimentaw xi miżuri kompensatorji validi u li qegħdin jipproponu li jimplimentaw oħrajn ġodda.

(35)

Ir-raba’ nett, b’risposta għall-affermazzjonijiet ibbażati fuq l-għotjiet fil-passat ta’ għajnuniet illegali minn Franza u l-Italja, Franza tfakkar li dawn l-għajnuniet illegali ma kinux qegħdin jimmiraw għal programm ta’ ristrutturar tal-impriża iżda sistema bl-iskop li tiffavorixxi ż-żamma tax-xogħol fit-territorju. Barra minn hekk, Franza tenfasizza, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta fis-17 ta’ Diċembru 2007 lill-Kummissjoni minn FagorBrandt, li ma hemm l-ebda relazzjoni reali bejn l-ammont tal-għajnuna allokata (madwar EUR 20 miljun ta’ għajnuna netta wara t-taxxa) u l-ammont tal-għajnuna inkompatibbli (madwar EUR 27,3 miljun wara l-kalkolu tal-imgħax). Barra minn hekk, l-ispejjeż għar-ristrutturar ġew evalwati għal EUR 62,5 miljun u għalhekk huma ħafna aktar mill-ammont mitlub tal-għajnuna għar-ristrutturar. Fl-aħħar nett, huma jfakkru fin-natura funġibbli tal-infiq.

(36)

Fir-rigward tal-kummenti li ssottomettiet FagorBrandt lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li huma jaqblu mal-elementi ta’ kjarifika, aktar u aktar minħabba li dawn ġew ippreżentati bħala suppliment għall-osservazzjonijiet tagħhom stess.

6.   EVALWAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

6.1.   Eżistenza ta’ għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(37)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Hija tieħu l-forma ta’ għotja mill-gvern Franċiż u b’konsegwenza ta’ dan hija ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat u attribwibbli għall-Istat. Il-miżura tindirizza b’mod uniku lil FagorBrandt u għalhekk hija selettiva. L-għotja tiffavorixxi lil FagorBrandt billi ttiha riżorsi addizzjonali u tevitaha milli twaqqaf l-attivitajiet tagħha. Għalhekk, din il-miżura thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn il-produtturi ta’apparat domestiku kbir. Fl-aħħar nett, is-suq tal-apparat domestiku kbir huwa kkaratterizzat minn kummerċ importanti bejn l-Istati Membri. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura nnotifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Franza ma tikkontestax din il-konklużjoni.

6.2.   Bażi ġuridika tal-evalwazzjoni

6.2.1.   Bażi ġuridika tal-kompatibilità tal-għajnuna

(38)

L-Artikolu 107(2 u 3) tat-TFUE jipprevedi xi derogi għall-inkompatibilità ġenerali prevista fil-paragrafu 1 tal-istess Artikolu. Id-derogi previsti fl-Artikolu 107(2) tat-TFUE mhumiex applikabbli b’mod ċar f’dan il-każ.

(39)

Fir-rigward tad-derogi previsti fl-Artikolu 107(3) tat-TFUE, il-Kummissjoni tosserva li peress li l-għan tal-għajnuna mhuwiex reġjonali u d-deroga tal-punt b) tal-paragrafu inkwistjoni mhijiex applikabbli b’mod ċar, tapplika biss id-deroga stabbilita fil-punt c). Dan jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-għajnuniet mill-Istat li għandhom l-iskop li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi, meta dawn ma jbiddlux il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni. F’dan il-kuntest, huwa ċar li l-għajnuniet ingħataw bl-iskop li tiġi rrestawrata l-vijabilità fit-tul ta’ impriża f’diffikultà. Il-Kummissjoni wriet kif tevalwa l-kompatibilità ta’ għajnuniet bħal dawn fil-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. Għalhekk huma dawn tal-aħħar li se jintużaw bħala bażi ġuridika għall-evalwazzjoni. Il-Kummissjoni tqis li ma jista’ japplika ebda qafas Komunitarju ieħor għall-każ preżenti. Barra minn hekk, Franza ma invokat l-ebda deroga oħra tat-TFUE. Barra minn hekk, l-ebda parti interessata ma kkritikat l-għażla ta’ din il-bażi ġuridika, li diġà tħabbret fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura.

6.2.2.   Qafas taż-żmien tal-analiżi

(40)

Sabiex tkun konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti (13), il-Kummissjoni trid, wara li tirrevoka waħda mid-deċiżjonijiet tagħha, tibbaża l-analiżi l-ġdida tagħha b’mod esklużiv fuq l-informazzjoni li kellha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni rrevokata, li f’dan il-każ huwa l-21 ta’ Ottubru 2008.

(41)

Għaldaqstant, l-avvenimenti sussegwenti li setgħu ġraw mill-21 ta’ Ottubru 2008 ma għandhomx jitqiesu. It-tibdil jew l-evoluzzjonijiet tas-suq jew li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna jridu jiġu esklużi mill-analiżi. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tqisx il-perjodu tat-twettiq tal-pjan ta’ ristrutturar lil hinn minn Ottubru 2008 (14).

(42)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma għandiex l-obbligu li tibda l-investigazzjoni tal-każ mill-bidu, u lanqas li tlestih permezz ta’ għarfien tekniku espert ġdid (15). L-annullament ta’ att li jtemm proċedura amministrattiva li tiġbor fiha fażijiet differenti ma jagħtix neċessarjament lok għall-annullament tal-proċedura kollha. F’każijiet bħal dawn meta, minkejja l-fatt li jittieħdu miżuri ta’ investigazzjoni li jippermettu analiżi eżawrjenti tal-kompatibilità tal-għajnuna l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni ma tkunx kompluta u għalhekk tikkawża l-illegalità tad-deċiżjoni, il-proċedura maħsuba biex tibdel din id-deċiżjoni tista’ ssir abbażi tal-miżuri ta’ investigazzjoni li jkunu diġà twettqu (16).

(43)

Barra minn hekk, ġaladarba l-Kummissjoni jkollha tibbaża l-analiżi ġdida tagħha b’mod esklużiv fuq informazzjoni li hi kellha f’Ottubru 2008, informazzjoni li l-awtoritajiet Franċiżi u FagorBrandt diġà ħadu pożizzjoni dwarha, ma hemmx bżonn li jerġgħu jiġu kkonsultati (17). Fl-aħħar nett, id-dritt li partijiet terzi kkonċernati jesponu l-osservazzjonijiet tagħhom ġie żgurat permezz tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura fil-Ġurnal Uffiċjali (18) u l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 659/1999 ma timponi li dawn għandhom jingħataw din il-possibbiltà mill-ġdid meta l-operazzjoni inizjali tkun ġiet emendata matul l-investigazzjoni (19).

(44)

Għaldaqstant, id-deċiżjoni preżenti hija bbażata biss fuq l-elementi disponibbli fid-data tal-21 ta’ Ottubru 2008.

6.3.   Eliġibilità tal-impriża għall-għajnuniet għar-ristrutturar

(45)

Sabiex tibbenefika minn għajnuniet għar-ristrutturar, l-impriża għandha, l-ewwel nett, tkun tista’ titqies bħala impriża f’diffikultà, kif stabbilit fit-Taqsima 2.1 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar.

(46)

Fil-punt 24 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li l-impriża dehret f’diffikultà skont il-punt 11 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. Fil-punt 27 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat ukoll li, b’mod konformi mal-punt 13 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, id-diffikultajiet tal-impriża kienu saru serji wisq biex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati mill-azzjonist Spanjol tagħha. Għall-kuntrarju ta’ din l-evalwazzjoni preliminari, il-kompetitur li talab li jibqa’ anonimu jqis li FagorBrandt setgħet tikseb l-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex tiffaċċja d-diffikultajiet tagħha minn Fagor u MCC. Għaldaqstant, għandu jiġi analizzat jekk l-evalwazzjoni preliminari li saret fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura għandhiex tiġi emendata. Il-Kummissjoni tosserva li l-kompetitur jibbaża l-affermazzjoni tiegħu fuq artiklu li deher fl-istampa (20) li donnu jindika li Fagor tista’ faċilment tiġġenera fondi mis-swieq finanzjarji. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li dan l-artiklu ġie ppubblikat f’April 2005 u li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Fagor marret ħafna għall-agħar wara din id-data. L-awtoritajiet Franċiżi jfakkru f’dan ir-rigward li d-djun finanzjarji ta’ Fagor (eskluża l-konsolidazzjoni tad-djun ta’ FagorBrandt) ittriplaw fl-2005, b’mod partikolari wara l-akkwist tat-titoli ta’ FagorBrandt u wara investimenti industrijali kbar minn Fagor. Barra minn hekk, Fagor investiet EUR 26,9 miljun ta’ kapital f’FagorBrandt fl-2006. Dawn l-elementi kollha kważi ħlew il-kapaċità tal-kooperattiva li tħallas id-dejn, li għandha proporzjonijiet ta’ dejn li qabżu sew il-limiti li ġeneralment huma awtorizzati.

(47)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi spjegaw li Fagor, l-uniku azzjonarju tal-grupp FagorBrandt, hija kooperattiva ta’ ħaddiema-assoċjati taħt il-liġi Spanjola. Il-kapital tagħha jinqasam bejn madwar 3 500 membru li huma esklużivament impjegati-assoċjati, u l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jkun fil-pussess ta’ aktar minn 25 % tal-kapital tal-kooperattiva.

(48)

Minħabba din il-forma ġuridika, Fagor ma tistax timxi għal żidiet fil-kapital miftuħa għal abbonati terzi. Il-kooperattiva tista żżid il-kapital tagħha biss billi ddur għall-membri tagħha stess, li għandhom kapaċitajiet finanzjarji limitati għat-tfaddil personali tagħhom. L-unika possibilità li għandha biex tiffinanzja l-iżvilupp tagħha hi li tissellef mill-banek jew li toħroġ bonds.

(49)

MCC hija kombinament ta’ kooperattivi li Fagor tagħmel parti minnhom. Fi ħdan dan il-kombinament, kull kooperattiva żżomm l-awtonomija ġuridika u finanzjarja tagħha. Fi kliem ieħor, ma hemm l-ebda relazzjoni finanzjarja bejn Fagor u MCC. Għalhekk, MCC mhijiex kumpanija holding iżda moviment kooperattiv. Kull kooperattiva inkluża f’dan il-kombinament, bħal Fagor jew il-bank Caja Laboral, hija indipendenti u tiddependi fuq deċiżjonijiet mill-ħaddiema-kooperaturi proprji tagħha, li huma l-proprjetarji. Għalhekk, ir-relazzjonijiet bejn MCC u l-membri tagħha ma jistgħux jitqiesu bħal dawk bejn grupp finanzjarju tradizzjonali.

(50)

B’konsegwenza ta’ dan, minħabba l-foma ġuridika tagħha, MCC ma setgħetx issib fondi bħal kumpanija pubblika, u ma tistax titqies bħala kumpanija prinċipali fis-sens tal-punt 13 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. Għalhekk, FagorBrandt kellha tiddependi biss fuq l-appoġġ tal-kumpanija prinċipali tagħħa, Fagor, fil-limiti tal-kapaċitajiet tagħha li tikkontribwixxi.

(51)

Il-Kummissjoni għalhekk tqis li mhux meħtieġ li tiġi riveduta l-evalwazzjoni li saret fid-deċiżjoni tal-ftuħ dwar l-eliġibilità tal-impriża fuq il-bażi tal-punti 11 u 13 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar.

(52)

Fir-rigward tal-eliġibilità tal-impriża abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 2.1 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, id-deċiżjoni tal-ftuħ twassal għal dubju wieħed biss, li huwa l-evażjoni possibbli tal-projbizzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturar għall-impriżi ġodda (ara t-Taqsima 3 “Raġunijiet li wasslu għall-ftuħ tal-proċedura”).

(53)

Il-Kummissjoni analizzat is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża, li hija spjegata fit-Tabella Nru 1 hawn taħt. Jidher b’mod ċar li, matul l-ewwel tliet snin ta’ eżistenza tagħha, l-impriża, minkejja li kienet ħallset lura l-għajnuna 44f, ma kinitx tissodisfa l-kriterji previsti fil-punti 10 u 11 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar sabiex titqies f’diffikultà: fir-rigward tal-punt 10 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, jidher li, minkejja li l-impriża kienet ħallset lura l-għajnuna ta’ EUR 22,5 miljun mill-2004 (jiġifieri fix-xhur wara d-Deċiżjoni finali negattiva tal-Kummissjoni), hija kienet għadha ma tilfitx nofs il-fondi proprji tagħha fl-2004. Fir-rigward tal-punt 11 tal-linji gwida għar-ristrutturar, minkejja li l-impriża kienet ħallset lura l-għajnuna ta’ EUR 22,5 miljun mill-2004, hija kellha biss sena waħda li fiha sar telf (2004), u dan mhuwiex biżżejjed sabiex titqies f’diffikultà abbażi ta’ dan il-punt. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-diffikultajiet finanzjarji tal-grupp FagorBrandt marru għall-agħar mis-sena 2005, b’mod li l-impriża setgħet titqies bħala impriża f’diffikultà skont il-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar (jiġifieri impriża li, “fin-nuqqas ta’ intervent estern mill-awtoritajiet pubbliċi” timxi “lejn mewta ekonomika kważi ċerta fuq żmien qasir jew medju”) mingħajr dubju mis-sena ta’ wara (filwaqt li jitqies l-obbligu li titħallas lura l-għajnuna 44f) u ċertament fl-2007.

Tabella 1

miljun EUR

2002

2003

2004

2005

2006

2007

Fatturat

847,1

857,6

813,2

743,6

779,7

903,0

Marġini gross

205,2

215,1

207,0

180,6

171,6

190,4

Qligħ nett

15,5

13,8

(3,6)

(13,4)

(18,2)

(5,7)

Fondi proprji

69,8

83,4

79,8

70,6

79,4

73,6

(54)

Il-Kummissjoni nnutat ukoll li, matul l-ewwel semestru tas-sena 2005, il-grupp Fagor ħa d-deċiżjoni li jixtri 90 % tal-ishma tal-impriża bi prezz ta’ EUR [150-200] miljun. Dan juri li s-suq ma kienx iqis li l-impriża kienet f’diffikultà skont il-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, jiġifieri impriża li, fin-nuqqas ta’ intervent estern tal-awtoritajiet pubbliċi, qiegħda timxi lejn mewta ekonomika kważi ċerta fuq żmien qasir jew medju.

(55)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tqis li l-impriża, li twaqqfet f’Jannar 2002, ma setgħetx titqies f’diffikultà matul l-ewwel tliet snin tal-eżistenza tagħha, anke jekk kienet ħallset lura l-għajnuna 44f minnufih. Għaldaqstant, hija tqis li l-fatt li f’Jannar 2005 Franza kienet għadha ma rkupratx l-għajnuniet 44f – jiġifieri tliet snin wara t-twaqqif ta’ FagorBrandt – ma kellux l-effett li jżomm impriża ħajja b’mod artifiċjali, li, fin-nuqqas ta’ dan, kienet toħroġ mis-suq. Hija tqis ukoll li matul dan il-perjodu, l-impriża ma kellhiex raġuni biex titlob għajnuna għar-ristrutturar. Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li f’Jannar 2005 Franza kienet għadha ma rkupratx l-għajnuniet 44f ma jikkostitwix evażjoni tal-projbizzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturar favur l-impriżi ġodda skont il-punt 12 tal-linji gwida għar-ristrutturar.

(56)

B’konklużjoni, id-dubji dwar l-eliġibilità tal-impriża twarrbu u l-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet previsti fit-Taqsima 2.1 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar huma sodisfatti.

6.4.   Dispożizzjonijiet fir-rigward tal-għajnuniet illegali u inkompatibbli

6.4.1.   L-għajnuna mogħtija minn Franza

(57)

Fuq il-bażi tal-punt 23 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar u mill-fatt li l-għajnuna nnotifikata tidher li fil-biċċa l-kbira tagħha tintuża biex tiffinanzja r-rimborż tal-għajnuna 44f, fil-punt 30 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura l-Kummissjoni indikat li kellha dubji jekk l-għajnuna nnotifikata kinitx tikkostitwixxi evażjoni mill-obbligu ta’ rimborż u tneħħix is-sustanza u l-effett utli ta’ dan tal-aħħar.

(58)

Fl-evalwazzjoni tagħha ta’ din il-kwistjoni, il-Kummissjoni qieset l-elementi li ġejjin.

(59)

L-ewwel nett, skont ġurisprudenza kostanti, ir-rimborż ta’ għajnuniet inkompatibbli bl-imgħax jippermetti li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel ma ngħatat l-għotja tal-għajnuna u għalhekk tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li din tikkawża. Għaldaqstant, f’dan il-każ, ir-rimborż tal-għajnuna 44f bl-imgħax – li l-ħlas tal-għajnuna l-ġdida hija subordinata għalih – għandu jerġa’ jistabbilixxi s-sitwazzjoni li kien hemm qabel l-għotja tagħha.

(60)

It-tieni nett, l-impriża hija eliġibbli għal għajnuniet għar-ristrutturar. Fil-fatt, l-ewwel nett, id-diffikultajiet finanzjarji tal-impriża mhumiex ġejjin prinċipalment mir-rimborż tal-għajnuna inkompatibbli. Dawn ġejjin minn sorsi oħra, li huma l-kawża tat-telf li sar mill-2004 (ara t-Tabella 1). Ir-rimborż fil-futur tal-għajnuna inkompatibbli jiggrava biss dawn id-diffikultajiet sa’ punt fejn l-impriża ma tkunx tista’ tiffaċċjahom aktar mingħajr l-għajnuna mill-Istat. It-tieni nett, ġie implimentat pjan għar-ristrutturar tal-attivitajiet li l-ispiża tiegħu kienet ta’ EUR 62,5 miljun. Dan juri li r-ristrutturar operattiv meħtieġ sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-profitabilità tal-attivitajiet jikkawża spejjeż kbar ħafna, akbar mir-rimborż tal-għajnuna 44f li hija ta’ EUR 22,5 miljun, bl-imgħaxijiet mhux inklużi. Dawn l-elementi juru li FagorBrandt hija impriża f’diffikultà li l-eżistenza tagħha tinsab fil-periklu. Għalhekk tista’, bħal kull impriża f’sitwazzjoni bħal din, tibbenefika minn għajnuniet għar-ristrutturar jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra previsti mill-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar.

(61)

It-tielet nett, fid-Deċiżjoni tagħha tal-1991 dwar il-każ Deggendorf (21), li josserva li l-“għajnuniet allokati b’mod illegali li Deggendorf ilha tirrifjuta li tħallas lura mill-1986 u l-għajnuniet ġodda (…) għandhom bħala effett akkumulat li jagħtu lil din il-kumpanija vantaġġ eċċessiv u indebitu li jbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess komuni”, il-Kummissjoni kkunsidrat l-għajnuniet ġodda huma kompatibbli bil-kundizzjoni li “l-awtoritajiet (…) huma obbligati li jwaqqfu l-ħlas tal-għajnuniet lill-kumpanija Deggendorf (…)sakemm ikunu għadhom ma pproċedewx għall-irkupru tal-għajnuniet inkompatibbli (…)”. Fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Mejju 1997 (22), il-Qorti tal-Ġustizzja approvat l-approċċ adottat mill-Kummissjoni. Minn dak iż-żmien, il-Kummissjoni adottat bosta deċiżjonijiet li fihom tuża l-istess approċċ, jiġifieri tikkunsidra li għajnuna ġdida hija kompatibbli filwaqt li tobbliga t-twaqqif tal-ħlas tagħha sakemm titħallas lura l-għajnuna illegali (23). Il-Kummissjoni tosserva li f’dan il-każ, sakemm l-għajnuna ġdida tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, ma jidher li hemm l-ebda element li jopponi l-applikazzjoni tal-approċċ meħud fil-każ Deggendorf, jiġifieri li l-għajnuna ġdida titqies kompatibbli bil-kundizzjoni li l-ħlas tagħha jkun sospiż sal-irkupru tal-għajnuna 44f.

(62)

Fuq il-bażi tal-konsiderazzjonijiet imsemmijin qabel, id-dubji tal-Kummissjoni twarrbu.

(63)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tixtieq tippreċiża dan li ġej. Il-punt 23 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar jobbliga lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-investigazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturar, li “tikkunsidra, l-ewwel nett, l-effett akkumulat tal-għajnuna li ngħatat qabel u tal-għajnuna l-ġdida, it-tieni nett, il-fatt li l-għajnuna li ngħatat qabel ma tħallsitx lura.” Kif ġie indikat fin-nota nru 2 tal-punt 23 tal-linji gwdida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, din id-dispożizzjoni tibbaża fuq il-każistika Deggendorf (24). Fil-każ preżenti, Franza impenjat ruħha li tirkupra l-għajnuna 44f qabel ma tipproċedi għall-ħlas tal-għajnuna l-ġdida. Fid-Deċiżjoni preżenti, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, skont il-każistika Deggendorf, li tbiddel dan l-impenn f’kundizzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna nnotifikata. B’hekk hija tkun qiegħda tiżgura li ma jkunx hemm akkumulazzjoni tal-għajnuna ta’ qabel mal-għajnuna l-ġdida u li l-għajnuna ta’ qabel titħallas lura.

6.4.2.   L-għajnuna Taljana illegali

(64)

Fil-21 ta’ Ottubru 2008, Brandt Italia, il-kumpanija sussidjarja Taljana ta’ Fagor Brandt, baqgħet responsabbli minn parti mill-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani. Din l-għajnuna ġiet iddikjarata inkompatibbli mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tat-30 ta’ Marzu 2004 (25).

(65)

F’dan il-każ, kif diġà ntqal fil-premessa (61), il-każistika Deggendorf (26) tikkonferma li l-Kummissjoni ma tmurx lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha meta timponi l-irkupru tal-għajnuna li ngħatat qabel bħala kundizzjoni preċedenti għall-ħlas tal-għajnuna l-ġdida. Jekk il-Kummissjoni tikkundizzjona l-għotja tal-għajnuna prevista għall-irkupru preċedenti tal-għajnuna jew għajnuniet li ngħatat/w qabel, hija mhijiex obbligata li tgħaddi għal eżami tal-effett kumulattiv ta’ dawn l-għajnuniet fuq il-kompetizzjoni, liema kundizzjoni tippermetti li jiġi evitat li l-vantaġġ mogħti mill-għajnuna prevista jiżdied ma dak mogħti mill-għajnuniet li ngħataw qabel (27).

(66)

B’hekk, fil-qafas tal-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, il-Kummissjoni privileġġat l-irkupru tal-għajnuniet inkompatibbli qabel il-ħlas ta’ għajnuniet ġodda (28) minflok ma privileġġat l-applikazzjoni tal-punt 23 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar li jippermetti li jitqies l-effett kumulattiv tal-għajnuna illegali flimkien mal-għajnuna l-ġdida.

(67)

Madankollu, minħabba ċ-ċirkustanzi partikulari tal-każ preżenti, il-Kummissjoni beħsiebha tapplika l-punt 23 tal-linji gwida. Fil-fatt, f’dan il-każ il-Kummissjoni trid tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament tad-deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ Ottubru 2008 mill-Qorti. F’dan il-qafas, il-Kummissjoni ma tistax tqis elementi ta’ informazzjoni li hi ma kellhiex meta ħadet l-ewwel deċiżjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tqis impenji ġodda mill-Istati Membri u lanqas modalitajiet ta’ rkupru ta’ għajnuniet illegali li setgħu seħħew wara dik id-data.

(68)

Għaldaqstant, kif stabbilit fis-sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Frar 2012 (29), il-Kummissjoni trid teżamina l-effett kumulattiv tal-għajnuna Taljana fuq il-kompetizzjoni flimkien mal-għajnuna nnotifikata għar-ristrutturar.

(69)

Madankollu, jeħtieġ li jiġi determinat minn qabel kemm hu l-ammont tal-għajnuna Taljana li kellu jitqies fil-21 ta’ Ottubru 2008.

Determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna Taljana

(70)

FagorBrandt tqis li r-rimborż tal-għajnuna Taljana minn Brandt Italia għandu jkun probabbilment inqas minn EUR 200 000.

(71)

Fil-fatt, fl-2003, permezz tas-sussidjarja tagħha Brandt Italia, FagorBrandt xtrat il-fabbrika ta’ Verolanuova u l-assi tagħha mill-kumpanija Ocean, li kienet falliet. Il-prezz li Brandt Italia offriet għall-assi kkonċernati għola għal EUR 10 miljun.

(72)

L-amministraturi ġudizzjarji tal-kumpanija Ocean qiesu dan l-ammont bħala insuffiċjenti, u l-awtoritajiet Taljani xtaqu jestendu d-dispożizzjonijiet li ġejjin mir-reġimi ta’ “Mobilita” u ta’ “Cassa Integrazione” għal dawn l-operazzjonijiet ta’ rkupru, liema dispożizzjonijiet ġew iddikjarati kumpatibbli mal-liġi Ewropea applikabbli. Dawn ippjanaw b’mod notevoli li l-impriżi li jimpjegaw ħaddiema qiegħda jkunu jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni ta’ kontribuzzjonijiet soċjali. L-għan tal-estenzjoni ta’ dawn il-miżuri kien li l-benefiċċju għax-xerrej iżid b’mod korrispondenti l-prezz tal-bejgħ tal-assi kkonċernati.

(73)

Huwa għalhekk li l-awtoritajiet Taljani għaddew digriet tal-liġi fl-14 ta’Frar 2003 li kien jipprevedi li x-xerrej tal-assi kollha ta’ kumpanija li tkun falliet li tkun tħaddem aktar minn 1 000 impjegat jibbenifika minn eżenzjonijiet soċjali u minn kontribuzzjonijiet addizzjonali għal kull impjegat li jżomm. L-operazzjoni ta’ akkwist tal-attivitajiet ta’ apparat domestiku ta’ Océan SpA minn Brandt Italia fis-7 ta’ Marzu 2003 kienet eliġibbli għal dan ir-reġim li tqiegħed fis-seħħ minħabba dan id-digriet tal-liġi. Għalhekk, l-ammont ta’ dawn l-eżenzjonijiet, li huma stmati għal EUR 8,5 miljun, żied il-prezz tal-akkwist propost minn Brandt Italia, li tela’ għal EUR 18,5-il miljun.

(74)

Fid-deċiżjoni tagħha tat-30 ta' Marzu 2004 (30), il-Kummissjoni qieset li d-digriet tal-liġi tal-14 ta' Frar 2003, li ġie kkonvertit f’liġi fis-17 ta’ April 2003, kien jikkostitwixxi reġim ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli. Malli Brandt Italia ġiet mgħarrfa b’din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fil-5 ta’ Lulju 2004 hija kisbet is-sekwestru tal-aħħar parti tal-ħlas tal-prezz tal-bejgħ (EUR 5,7 miljuni) mill-Qorti tal-Kummerċ ta’ Brescia u avviċinat lill-korpi tal-proċedura ta’ Ocean bil-għan li tirkupra l-ammont imħallas b’mod eċċessiv. Fil-fatt, Brandt Italia kienet qieset li l-Istat Taljan kellu jirkupra l-għajnuna illegali mill-benefiċjarju reali.

(75)

Għalhekk, anke jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni għar-reġim ikkundannat mill-Kummissjoni kien Brandt Italia (kumpanija li effettivament ibbenefikat mill-eżenzjonijiet), FagorBrandt qieset li l-benefiċċju finali ta' din l-għajnuna ġie ttrasferit kważi kollu lill-kredituri rrikonoxxuti mill-amministraturi ġudizzjarji tal-kumpanija Ocean permezz ta’ żieda fil-prezz tal-bejgħ tal-assi (żieda fil-prezz ta’ EUR 8,5 miljuni, meta mqabbla ma’ EUR 8 624 283 ta’ eżenzjonijiet effettivament mogħtija). B’konsegwenza ta’ dan, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-bilanċ ta’ Brandt Italia/ FagorBrandt ikun ta’ EUR 124 283, ammont li miegħu jrid jiżdied l-imgħax.

(76)

Madankollu, l-awtoritajiet Taljani pprovdew informazzjoni lill-Kummissjoni li tikkontradixxi dan ir-raġunament.

(77)

Fit-13 ta’ Mejju 2008, l-awtoritajiet Taljani bagħtu żewġ sentenzi mill-Qorti ta’ Brescia lill-Kummissjoni. Dawn jikkonċernaw tilwima bejn l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali (INSS) u Brandt Italia dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna, jiġifieri eżenzjonijiet mill-kontribuzzjonijiet soċjali, li minnhom ibbenifikat Brandt Italia.

(78)

L-ewwel sentenza tal-1 ta’ Frar 2008 tissospendi l-ordni ta’ rkupru maħruġ mill-INSS kontra Brandt Italia fit-18 ta’ Diċembru 2007. L-INSS appellat din is-sentenza. Fit-29 ta’ April 2008, Il-Qorti tal-Appell annullat is-sospensjoni tal-ordni ta’ rkupru.

(79)

It-tielet sentenza ddatata t-8 ta’ Lulju 2008, mibgħuta lill-Kummissjoni fl-20 ta’ Ottubru 2008, sostanzjalment taqbel mal-INSS u timponi li Brandt Italia tħallas lura l-għajnuna kollha. Din is-sentenza ġiet notifikata lil Brandt Italia fil-15 ta’ Settembru 2008.

(80)

Għalhekk, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi, fid-dawl ta' din l-informazzjoni, l-ammont ta' għajnuna li għandha tintradd lura minn Brandt Italia/FagorBrandt, li setgħet tiġi stmata b’mod raġonevoli fil-21 ta’ Ottubru 2008. B’hekk, il-Kummissjoni tosserva li s-sentenza tal-Qorti ta’ Brescia tat-8 ta’ Lulju 2008 tordna li Brandt Italia trodd lura EUR 8 890 878,02.

(81)

Madankollu, il-Kummisjoni tqis li minn dan l-ammont irid jitnaqqas l-ammont issekwestrat ta’ EUR 5,7 miljun. Fil-fatt, Brandt Italia ma użatx din is-somma miżmuma bħala prekawzjoni mill-5 ta’ Lulju 2004 meta nqatgħet is-sentenza tal-Qorti tal-Kummerċ ta’ Brescia. Din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Marzu 2004 u huwa għalhekk li din is-somma nżammet f’każ ta’ bżonn ta' rkupru. Għaldaqstant, fil-21 ta’ Ottubru 2008, wieħed seta’ jimmaġina li din is-somma setgħet tintuża biex tħallas lura parti mill-għajnuna inkwistjoni. Din il-konklużjoni hija appoġġjata mill-fatt li:

id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2004 tippreċiża fil-premessa (18) tagħha li kemm ix-xerrejja tal-impriżi f’diffikultà kif ukoll l-impriżi f’diffikultà jistgħu jibbenefikaw mir-reġim ta’ għajnuna kkundannata. Fi kliem ieħor, wieħed seta’ jimmaġina li parti mill-irkupru jew inqas kienet se taqa’ taħt ir-responsabilità tal-kumpanija Ocean;

is-sentenza tal-Qorti ta' Brescia tat-8 ta' Lulju 2008 issemmi l-eżistenza ta' din is-somma miżmuma f'kont issekwestrat u huwa meqjus “evidenti” li din is-somma setgħet isservi biex tħallas lura parzjalment lill-INSS.

(82)

B’konsegwenza ta’ dan, meta wieħed iqis l-elementi esposti fil-premessi (76) sa (81), il-Kummissjoni tqis li l-ammont definittiv tal-għajnuna Taljana li għandu jitqies għall-finijiet tal-analiżi preżenti jitla’ għal EUR 3 190 878,02, li magħhom irid jiżdied l-imgħax sal-21 ta’ Ottubru 2008.

(83)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-imgħaxijiet, fil-fatt il-Kummissjoni tqis li d-data li għandha titqies biex jiġi ddeterminat l-ammont tagħhom mhix dik tal-irkupru effettiv tal-għajnuna iżda dik tad-deċiżjoni li ġiet annullata għaliex, f’dan il-każ, il-Kumissjoni tanalizza l-kompatibilità tal-għajnuna Franċiża fil-21 ta’ Ottunru 2008. Madankollu, fil-21 ta’ Ottubru 2008, l-għajnuna Franċiża żdiedet mal-għajnuna Taljana, flimkien mal-imgħaxijiet sa dik id-data. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tqis l-akkumulazzjoni ta’ dawn l-elementi u ma żżidx l-imgħaxijiet sad-data tal-irkupru effettiv.

(84)

Barra minn hekk, il-vantaġġ ikkostitwit mill-imgħaxijiet bejn il-21 ta’ Ottubru 2008 u d-data tal-irkupru effettiv jinżamm mill-irkupru stess li, naturalment, ikollu jinkludihom.

Eżami tal-effett kumulattiv tal-għajnuna għar-ristrutturar tal-għajnuna Taljana

(85)

B’konsegwenza ta’ dan, FagorBrandt żammet somma ta’ EUR 3 190 878,02 (li magħhom iridu jiżdiedu l-imgħaxijiet) flimkien mal-EUR 31 miljun f’għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi. Dan il-vantaġġ għandu impatt fuq il-kompetizzjoni: l-impriża kellha likwidità addizzjonali li kieku hi ma kienx ikollha f’kundizzjonijiet normali tas-suq (jiġifieri fin-nuqqas tal-għajnuna Taljana inkompatibbli).

(86)

B’mod konformi mal-punt 23 tal-linji gwida għar-restawr u s-sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni beħsiebha teżamina l-effett kumulattiv tal-għajnuna Taljana u l-għanjuna għar-ristrutturar fil-qafas tal-analiżi tal-kompatibilità ta’ din tal-aħħar.

(87)

Dan l-eżami tal-effett kumulattiv iwassal lill-Kummissjoni għal kontroll doppju. Minn naħa waħda, il-Kummissjoni trid tivverifika li l-miżuri kompensatorji (ara l-premessa (89) u l-premessi sussegwenti, b’mod partikolari (118) u l-premessi sussegwenti) jippermettu preċiżament li jikkumpensaw għall-ħsara fil-kompetizzjoni bil-pussess minn FagorBrandt tal-likwidità addizzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni beħsiebha tiżgura li l-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju tkun eżentata minn għajnuna (ara l-premessa (154) u l-premessi sussegwenti). Fil-fatt, wieħed ma jistax jeskludi li fil-kontribuzzjoni proprja prevista mill-impriża hemm is-somma inkwistjoni.

(88)

Waqt dan il-kontroll doppju, il-Kummissjoni tista’ timponi kundizzjonijiet ġodda lill-Istat Membru kkonċernat, indipendentament mid-dispożizzjonijiet eventwali tiegħu (f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax tqis jekk dawn sarux wara l-21 ta Ottubru 2008). Kif inhu kkonfermat fil-punt 46 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, “il-Kummissjoni tista' timponi l-kundizzjonijiet u l-obbligazzjonijiet li hi tħoss li huma meħtieġa sabiex il-kompetizzjoni ma toħloqx distorsjoni fil-miżura li tmur kontra l-interess komuni, f’każ fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jimpenjax ruħu li jadotta dawn id-dispożizzjonijiet”.

6.5.   Prevenzjoni ta’ kull distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni

6.5.1.   Analiżi tal-ħtieġa ta’ miżuri kompensatorji

(89)

Il-punt 38 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar jipprevedi li, sabiex l-għajnuniet għar-ristrutturar ikunu jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni, għandhom jittieħdu xi miżuri kompensatorji biex itaffu l-effetti negattivi tal-għajnuniet fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ. Jekk ma jsirx dan, l-għajnuniet għandhom jiġu kkunsidrati bħala “kontra l-interess komuni” u jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni. Din il-kundizzjoni bosta drabi tirriżulta f’limitazzjoni tal-preżenza li l-impriża jista’ jkollha fuq is-suq jew swieq tagħha wara l-perjodu għar-ristrutturar.

(90)

Fin-notifika tagħha, Franza affermat li jidher li mhumiex meħtieġa miżuri kompensatorji f’dan il-każ, b’mod partikolari għaliex l-għajnuna m’għandhiex effetti ta’ distorsjoni eċċessivi. Fil-punti 37, 38 u 40 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni spjegat b’mod konċiż għaliex irrifjutat din l-affermazzjoni.

(91)

Fil-premessi li ġejjin, il-Kummissjoni tispjega aktar fid-dettall għaliex hija tqis li l-għajnuna twassal għal distorsjoni u għaliex l-implimentazzjoni ta’ miżuri kompensatorji hija meħtieġa, kontra l-affermazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi.

(92)

Kif diġà ntqal, FagorBrandt hija preżenti fis-settur tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni mad-distributuri (b’oppożizzjoni għad-distribuzzjoni u l-bejgħ lill-individwi) ta’ apparat domestiku kbir. Rigward id-dimensjoni ġeografika tas-suq tal-apparat domestiku kbir, il-Kummissjoni qieset fil-passat li din kienet għallinqas fuq l-iskala tal-Unjoni Ewropea, minħabba, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ ostakoli għad-dħul, l-armonizzazzjoni teknika u l-ispejjeż ta’ trasport relattivament baxxi (31). L-informazzjoni pprovduta minn FagorBrandt u miż-żewġ kompetituri li taw xi kummenti tikkonferma li s-suq huwa fuq skala tal-Unjoni.

(93)

Il-Kummissjoni tqis li għajnuna għar-ristrutturar toħloq awtomatikament distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tfixkel il-ħruġ tal-benefiċjarju mis-suq u billi twaqqaf b’hekk l-iżvilupp tal-impriżi kompetituri. Għalhekk hija tmur kontra l-irtirar tal-impriżi l-inqas effikaċi, li “huwa fatt normali ta’ kif jaħdem is-suq”, kif jindika l-paragrafu 4 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. L-għajnuna nnotifikata favur FagorBrandt għalhekk twassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni msemmija qabel. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-elementi li ġejjin għandhom it-tendenza li jillimitaw id-daqs ta’ din id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-ewwel nett, fis-suq Ewropew tal-apparat domestiku kbir, FagorBrandt għandha parti mis-suq ta’ ammont massimu ta’ [0-5] % (32). It-tieni nett, hemm erba’ kompetituri f’dan is-suq b’ishma fis-suq ta’ 10 % jew aktar (Indesit, Whirlpool, BSH u Electrolux) (33). Barra minn hekk, il-kompetitur li talab li jibqa’ anonimu jirrikonoxxi li FagorBrandt huwa attur relativament żgħir fis-suq Ewropew (ara hawn fuq id-dubji espressi minn dan il-kompetitur dwar ir-ritorn għall-vijabilità tal-impriża u relatati mad-daqs żgħir tagħha), li l-ishma tiegħu fis-suq qegħdin jonqsu (34). It-tielet nett, l-ammont ta’ għajnuna huwa limitat meta mqabbel mal-fatturat Ewropew ta’ FagorBrandt (l-għajnuna tirrappreżenta inqas minn 4 % tal-fatturat tal-2007), u aktar u aktar meta mqabbel ma’ dak tal-erba’ atturi ewlenin tas-suq li għandhom fatturat aktar għoli minn dak ta’ FagorBrandt (35).

(94)

Filwaqt li l-premessa preċedenti tanalizza d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna, għandu jiġi analizzat ukoll id-daqs tal-“effetti sfavorevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ” bejn l-Istati Membri, kif indikat fil-punt 38 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar li jirrifletti l-Artikolu 107 (3) (c) tat-TFUE. Kif diġà ġie osservat fil-punt 38 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, l-għajnuna toħloq distorsjoni fil-post tal-attivitajiet ekonomiċi bejn l-Istati Membri, u b’konsegwenza ta’ dan anke fil-kummerċ ta’ bejniethom. FagorBrandt hija impriża li l-parti l-kbira tal-attivitajiet tal-produzzjoni u tal-impjegati tagħha jinsabu fi Franza ([80-100] % tal-volumi prodotti mill-impriża huma prodotti fi Franza). Mingħajr l-għajnuna tal-Istat Franċiż, FagorBrandt malajr toħroġ mis-suq. Madankollu, il-prodotti ffabbrikati fis-siti ta’ produzzjoni ta’ FagorBrandt huma f’kompetizzjoni prinċipalment ma’ prodotti li jipproduċu l-kompetituri fl-Istati Membri l-oħra (36). Għaldaqstant, l-għejba ta’ FagorBrandt kienet tippermetti lill-kompetituri Ewropej iżidu ħafna l-bejgħ tagħhom u għalhekk anke l-produzzjoni tagħhom. L-għajnuna għandha l-effett li żżomm attivitajiet ta’ produzzjoni fi Franza li kieku parti minnhom kienu jmorru lejn Stati Membri oħra. Għalhekk hija għandha effett sfavorevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ, billi tnaqqas il-possibbiltajiet ta’ esportazzjoni tal-kompetituri li qegħdin fi Stati Membri oħra lejn Franza (37). L-għajnuna tnaqqas ukoll il-possibbiltajiet ta’ bejgħ lejn il-pajjiżi fejn FagorBrandt se tkompli tesporta l-prodotti tagħha. Meta jitqies l-ammont ta’ bejgħ ta’ FagorBrandt u n-numru ta’ postijiet tax-xogħol rispettiv, dawn l-effetti sfavorevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ mhumiex negliġibbli.

(95)

Fuq il-bażi tal-analiżi preċedenti, il-Kummissjoni tqis li huma meħtieġa miżuri kompensatorji reali (jiġifieri mhux negliġibbli) iżda xorta waħda ta’ ambitu limitat.

6.5.2.   Analiżi tal-miżuri li diġà ġew implimentati

(96)

Fil-punt 39 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni esprimiet xi dubji dwar jekk il-miżuri nnotifikati mill-awtoritajiet Franċiżi jistgħux jitqiesu bħala miżuri kompensatorji, peress li l-punt 40 tal-linji gwida għar-ristrutturar jindika li “t-tpaċija tal-kontijiet u l-waqfien ta’ attivitajiet b’telf li xorta ser ikunu meħtieġa biex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabilità mhux ser jiġu kkunsidrati bħala tnaqqis tal-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kontropartijiet.” Jidher li l-miżuri kollha deskritti mill-awtoritajiet Franċiżi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-esklużjoni. Fil-qafas tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, Franza tenniet li hija kkunsidrat li l-waqfien tal-produzzjoni taċ-chest freezers u tal-majkrowejvs għalihom waħidhom, u anke l-bejgħ ta’ Brandt Components, jikkostitwixxu tliet miżuri kompensatorji validi. Għaldaqstant il-Kummissjoni bdiet analiżi dettaljata ta’ dawn il-miżuri u waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin.

(97)

Fir-rigward tal-għeluq tal-fabbrika għall-produzzjoni taċ-chest freezers fl-2005 (is-sit ta’ Lesquin) Franza indikat, fin-notifika tagħha tas-6 ta’ Awwissu 2007, li dan is-sit “li kien jiffabbrika chest freezers u kantini tal-inbejjed għall-grupp FagorBrandt kollu, kien laħaq daqs … li ma ppermettilux aktar ikopri la l-ispejjeż li jvarjaw u lanqas l-ispejjeż fissi tiegħu u kien iġġenera EUR 5,8 miljun telf ta’ produzzjoni fl-2004.” Għalhekk m’hemm ebda dubju li fil-każ inkwistjoni dan huwa għeluq ta’ attività b’defiċit li huwa meħtieġ sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabilità (38) u b’applikazzjoni tal-punt 40 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, ma jistax jitqies bħala miżura kompensatorja.

(98)

Fir-rigward tal-waqfien ta’ produzzjoni ta’ majkrowejvs għalihom waħidhom fis-sit ta’ Azenay, dan kien ukoll għeluq ta’ attività b’defiċit meħtieġ sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabilità, u li l-awtoritajiet Franċiżi fil-fatt irrikonoxxew b’mod espliċitu fl-osservazzjonijiet tagħhom (39). In-nuqqas ta’ profitabilità ta’ din l-attività mhijiex sorpriża peress li l-majkrowejvs għalihom waħidhom huma wieħed mis-segmenti tas-suq fejn daħlu l-aktar il-prodotti li ġejjin mill-pajjiżi rħas (40). Barra minn hekk, il-fabbrika ta’ Azenay kienet tilfet xi kuntratti kbar ta’ produzzjoni ta’ majkrowejvs għal gruppi oħra (41). B’konklużjoni, fuq il-bażi tal-punt 40 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, din il-miżura għalhekk ma tistax titqies bħala miżura kompensatorja.

(99)

Għall-kuntrarju ta’ dan, f’Marzu 2004, l-impriża ċediet is-sussidjarja tagħha Brandt Components (il-fabbrika ta’ Nevers) lill-grupp Awstrijak ATB għal ammont ta’ EUR 3 miljun. Għaldaqstant din mhix tpaċija tal-kontijiet (42) u lanqas waqfien tal-attività. Għalhekk din il-miżura mhijiex eskluża mid-dispożizzjoni msemmija qabel tal-punt 40 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. L-attività ċeduta f’Marzu 2004 (43) kellha fatturat ta’ EUR 35,4 miljun fl-2003 – ekwivalenti għal 4 % tal-fatturat tal-impriża fl-2003 – u kienet tħaddem 306 impjegat – ekwivalenti għal 6 % tal-ħaddiema tal-impriża. Hija kienet involuta fit-tfassil, fl-iżvilupp, fil-produzzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-muturi tal-elettriku għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ. Għalhekk din iċ-ċessjoni wasslet għat-tnaqqis tal-preżenza tal-impriża fis-suq tal-komponenti tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ.

(100)

Madankollu, din l-aħħar miżura ma tistax tinżamm bħala miżura kompensatorja valida. Fil-fatt, il-bejgħ ta’ Brandt Components twettaq madwar tliet snin u nofs qabel in-notifika tal-għajnuna eżaminata. Min-naħa l-oħra, din il-miżura ma tnaqqasx il-preżenza ta’ FagorBrandt fis-suq tal-apparat domestiku kbir (44), li huwa s-suq ewlieni li fih se tibqa’ preżenti FagorBrandt. B’konsegwenza ta’ dan, din il-miżura ma kellhiex l-għan li tnaqqas id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni ġġenerati mill-għoti tal-għajnuna prevista, u ma setax ikollha dan l-effett.

6.5.3.   Miżuri kompensatorji proposti mill-awtoritajiet Franċiżi

(101)

Bħala risposta għad-dubji mqajma fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura dwar is-suffiċjenza tal-miżuri kompensatorji nnotifikati, l-awtoritajiet Franċiżi jipproponu l-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-“tkessiħ” u tal-prodotti tat-“tisjir” Vedette għal ħames snin. Barra minn hekk, huma jipproponu l-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-magni tal-ħasil tal-platti Vedette, jew iċ-ċessjoni tal-marka […].

(102)

Kif kien indikat qabel, FagorBrandt tagħmel [50-80] % tal-bejgħ tagħha fis-suq Franċiż, fejn fl-2006 l-impriża kellha sehem mis-suq ta’ [10-20] % fil-valur u ta’ [10-20] % fl-ammont. Dan ifisser li kieku FagorBrandt waqqfet l-attivitajiet tagħha, kienu jibbenefikaw minn dan b’mod partikolari l-kompetituri tagħha fis-suq Franċiż billi jżidu l-bejgħ tagħhom. Għalhekk huma dawn l-impriżi li huma affettwati l-aktar mis-sopravivenza ta’ FagorBrandt permezz tal-għajnuna. Min-naħa l-oħra, il-bejgħ ta’ FagorBrandt fis-suq Taljan huwa limitat ħafna. Bħala miżura kompensatorja, il-Kummissjoni għalhekk tippreferi l-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-magni tal-ħasil tal-platti taħt il-marka Vedette milli ċ-ċessjoni tal-marka […], peress li l-prodotti tal-marka Vedette (45) huma kkummerċjalizzati esklużivament fis-suq Franċiż filwaqt li l-prodotti […] jinbiegħu prinċipalment […].

(103)

Għalhekk għandu jiġi analizzat id-daqs ta’ dawn il-miżuri kompensatorji addizzjonali, sabiex jiġi stabbilit jekk humiex biżżejjed.

Il-prodotti tat-tkessiħ

(104)

Il-bejgħ tal-prodotti tat-tkessiħ (friġġijiet u friżers) tal-marka Vedette kien jirrappreżenta, fl-2007, EUR [10-20] miljun, jiġifieri [0-5] % tal-fatturat tal-grupp FagorBrandt.

(105)

Il-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tkessiħ għal perjodu ta’ ħames snin se jippermetti lill-kompetituri preżenti fis-suq Franċiż li jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-prodotti tat-tkessiħ. Skont l-istudju GfK tal-2007, il-kompetituri ewlenin ta’ FagorBrandt – li għandhom sehem mis-suq għall-valur ta’ […] % - fis-suq tal-friġġijiet fi Franza huma Whirlpool ([…] %), Indesit ([…] %) u Electrolux ([…] %). Fis-suq tal-friżers, il-kompetituri ewlenin ta’ FagorBrandt ([…] %) huma Whirlpool ([…] %), Liebherr ([…] %) u Electrolux ([…] %).

Il-prodotti tat-tisjir

(106)

Il-bejgħ ta’ prodotti tat-tisjir tal-marka Vedette kien jirrappreżenta, fl-2007, EUR [5-10] miljun, jiġifieri [0-5] % tal-fatturat tal-grupp FagorBrandt.

(107)

B’konsegwenza ta’ dan, il-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tisjir għal perjodu ta’ ħames snin se jippermetti lill-kompetituri li jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tal-kukers. Skont l-istudju GfK tal-2007, il-kompetituri ewlenin ta’ FagorBrandt (li għandhom sehem mis-suq għall-valur ta’ […] %) fis-suq tal-kukers fi Franza huma Indesit ([…] %), Electrolux ([…] %) u Candy ([…] %).

Il-magni tal-ħasil tal-platti

(108)

Il-bejgħ tal-magni tal-ħasil tal-platti tal-marka Vedette kienu jirrappreżentaw, fl-2007, EUR [5-10] miljun, jiġifieri [0-5] % tal-fatturat tal-grupp FagorBrandt.

(109)

Skont l-istudju GfK tal-2007, il-kompetituri ewlenin ta’ FagorBrandt (li għandhom sehem mis-suq għall-valur ta’ […] %) fis-suq tal-magni tal-ħasil tal-platti fi Franza huma BSH ([…] %), Whirlpool ([…] %) u Electrolux ([…] %). B’konsegwenza ta’ dan, il-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-magni tal-ħasil tal-platti taħt il-marka Vedette se jippermetti lill-kompetituri li jżidu l-preżenza tagħhom fis-suq.

Konklużjoni

(110)

Fil-qosor, il-prodotti Vedette li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom se titwaqqaf jirrappreżentaw [0-5] % tal-fatturat tal-grupp (46). L-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li dan se jkun jeħtieġ aġġustamenti sinifikattivi fi ħdan l-impriża […].

6.5.4.   Konklużjoni dwar il-miżuri kompensatorji proposti mill-awtoritajiet Franċiżi u l-impożizzjoni ta’ miżura kompensatorja addizzjonali mill-Kummissjoni

(111)

Il-miżuri kompensatorji proposti huma l-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni għal perjodu ta’ ħames snin ta’ ċerti prodotti (tat-tisjir, tat-tkessiħ u tal-ħasil tal-platti) tal-marka Vedette (47) u ċ-ċessjoni ta’ Brandt Components. Dan huwa tnaqqis tal-preżenza fis-suq reali (jiġifieri mhux negliġibbli) iżda ta’ daqs limitat.

(112)

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-miżura kompensatorja proposta mill-awtoritajiet Franċiżi fuq il-marka Vedette hija l-unika miżura kompensatorja valida u li mhijiex suffiċjenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi, bħala kundizzjoni ta’ kompatibilità, l-estensjoni tal-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-marka Vedette bi tliet snin oħra. Fil-fatt, peress li l-projbizzjoni proposta kienet ta’ ħames snin, din se tiġi estiża bi tliet snin għal total ta’ tmien snin.

(113)

Skont l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni fil-21 ta’ Ottubru 2008, l-impatt ta’ din il-miżura kompensatorja (“MK”) f’termini ta’ telf ta’ fatturat tista titqies b’żewġ modi kif jidher fit-Tabella 2 hawn taħt (48).

Tabella 2

EUR Miljuni

2009

2010

2011

2012

2013

2014

2015

2016

Fatturat ta’ FagorBrandt

[900-1 200 ]

[900-1 200 ]

[900-1 200 ]

[900-1 200 ]

[900-1 200 ]

[900-1 200 ]

[900-1 200 ]

[900-1 200 ]

Impatt tal-MK, stima għolja

– [40-60]

– [40-60]

– [40-60]

– [40-60]

– [40-60]

– [40-60]

– [40-60]

– [40-60]

Impatt tal-MK, stima baxxa

– [55-75]

– [55-75]

– [55-75]

– [55-75]

– [55-75]

– [55-75]

– [55-75]

– [55-75]

(114)

Iċ-ċifri tat-Tabella 2 tas-snin 2009 sa 2012 huma ċ-ċifri mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi u FagorBrandt fir-rigward tal-impatt tal-miżura kompensatorja li jipproponu huma (dwar dan l-impatt ara wkoll il-premessa (143) u l-premessi sussegwenti.

(115)

L-ewwel mod kif jiġi kkalkulat l-impatt tal-miżura kompensatorja addizzjonali imposta mill-Kummissjoni huwa billi jiġi mmultiplikat bi 3 it-telf ta’ profitt tal-aħħar sena evalwata mill-awtoritajiet Franċiżi (jiġifieri l-2012). F’xenarju ottimist għall-impriża, dan l-impatt huwa għalhekk ta’ 3 × [40-60] miljun, jew EUR [120-180] miljun.

(116)

It-tieni mod kif jista’ jiġi kkalkulat l-impatt tal-miżura kompensatorja addizzjonali huwa billi jiġu kkalkulati ċ-ċifri mill-2013 sal-2016 billi tiġi applikata żieda lineari ta’ [1,5-3] % fuq iċ-ċifri tal-2012 fl-estensjoni taż-żieda fil-fatturat li hija stmata għal [1,5-3] % mill-impriża bejn l-2009 u l-2012. Minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-premessa (125) u l-–premessi sussegwenti, din l-ipoteżi taż-żieda tal-fatturat hija fil-fatt meqjusa bħala raġonevoli fid-dawl tal-istrateġija tal-grupp u l-perspettivi tas-suq. Minn dan il-lat, il-miżura kompensatorja se ċċaħħad lil FagorBrandt, f’xenarju ottimist għall-impriża, minn fatturat ta’ EUR [120-180] miljun.

(117)

Għalhekk, jidher li l-miżura kompensatorja proposta hija xierqa u biżżejjed biex tnaqqas waħidha b'mod proporzjonat l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li rriżultaw mill-għotja tal-għajnuna inkwistjoni: f’xenarju ottimist, dan iċaħħad lill-impriża minn fatturat bejn EUR [120-180] miljun fil-perjodu 2014-2016. Dan il-fatturat mhux miksub se jippermetti lill-kompetituri li jżidu l-bejgħ tagħhom. Din il-miżura kompensatorja se tikkomplika aktar ukoll għall-impriża l-introduzzjoni mill-ġdid tal-prodotti Vedette kkonċernati wara 8 snin ta’ assenza (attwalment il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ Vedette biss huma kkumerċjalizzati). Fil-fatt anke jekk il-marka ma tgħebx għalkollox, l-ispejjeż biex tirritorna huma proporzjonati mas-snin ta’ assenza mis-suq. Aktar ma l-marka ddum assenti mis-suq, aktar se tonqos il-fama tagħha.

(118)

Barra minn hekk, irid jiġi vverifikat ukoll jekk din il-miżura kompensatorja ġdida tippermettix li jiġi kkumpensat ukoll il-vantaġġ kompetittiv maħruġ mill-effett kumulattiv tal-għajnuna Taljana u l-għajnuna għar-ristrutturar. Fil-fatt, wieħed jista’ jqis li, fil-21 ta’ Ottubru 2008, FagorBrandt kellha somma ta’ EUR 3 190 878,02 (jew madwar EUR 4 miljun bl-imgħax) li hi ma kellhiex tibbenefika minnha. Dan il-vantaġġ għandu impatt fuq il-kompetizzjoni: l-impriża kellha likwidità addizzjonali. Madankollu, il-miżura kompensatorja addizzjonali tikkumpensa għal din il-ħsara fil-kompetizzjoni.

(119)

It-Tabella 3 hawn taħt turi t-telf nett (jew il-likwidità ħielsa negattiva) marbuta mal-miżura kompensatorja. Iċ-ċifri għas-snin 2009-2012 huma ċ-ċifri nnotifikati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Franċiżi. Iċ-ċifri għas-snin 2013-2016 huma kkalkulati billi ċ-ċifri tas-sena 2012 jiżdiedu b’[1,5-3] % kull sena (49).

Tabella 3

EUR Miljuni

2009

2010

2011

2012

2013

2014

2015

2016

Riżultat finali mingħajr MK

[0-5]

[5-10]

[10-15]

[10-15]

[15-20]

[15-20]

[15-20]

[15-20]

Impatt tal-MK, stima għolja

– [10-15]

– [5-10]

– [5-10]

– [5-10]

– [5-10]

– [5-10]

– [5-10]

– [5-10]

Impatt tal-MK, stima baxxa

– [15-20]

– [5-10]

– [5-10]

– [5-10]

– [5-10]

– [5-10]

– [5-10]

– [5-10]

(120)

Għaldaqstant jidher li f’xenarju ottimist (għall-impriża), tliet snin addizzjonali jċaħħdu lil FagorBrandt mil-likwidità għal ammont bejn EUR [10-20] miljun (jekk wieħed jimmultipla bi 3 ċ-ċifra tal-2012) u EUR [10-20] miljun (jekk wieħed iżid iċ-ċifri kkalkulati). Fi kliem ieħor, l-impożizzjoni ta’ din il-miżura kompensatorja ġdida tpatti bil-kbir għall-vantaġġ ta’ likwidità ta’ madwar EUR 4 miljun.

(121)

Fl-aħħar nett, il-fatt li l-miżuri kompensatorji huma estiżi lil hinn minn tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar (li hu ffissat għall-31 ta’ Diċembru 2012) ma jagħmilhomx inadegwati. Fil-fatt, jekk il-miżuri kompensatorji jitħallsu fir-rigward tal-għotja ta’ għajnuna għar-ristrutturar, dawn ma jkunux parti mill-proċess ta’ ristrutturar innifsu iżda jirrappreżentaw kumpens mogħti lill-kompetituri tal-impriża megħjuna fid-dawl li tissewwa l-ħsara għall-kompetizzjoni li dawn setgħu soffrew. Għalhekk, l-effett tagħhom u l-ħtieġa tagħhom mhumiex diskussi minħabba l-fatt li dawn jiġu estiżi fuq perjodu li jmur lil hinn mill-perjodu għar-ristrutturar, għaldaqstant dawn tpoġġew fis-seħħ minħabba operazzjoni ta’ ristrutturar iffaċilitata minn għajnuna mill-Istat u għaldaqstant huma għandhom l-għan u l-effett li jsewwu l-ħsara li tirriżulta minn din l-għajnuna.

(122)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li dawn il-miżuri jippermettu li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni eċċessivi skont il-punti 38 sa 40 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar.

6.6.   Ritorn għall-vijabilità tal-impriża

6.6.1.   Pjan ta’ ristrutturar, prospetti tas-suq u kredibbiltà tat-tbassir inklużi fil-pjan għar-ristrutturar

(123)

Il-pjan għar-ristrutturar ta’ FagorBrandt, li diġà beda, essenzjalment jipprevedi:

li jiġi ffukat mill-ġdid u li jkun hemm żvilupp iffukat fuq […];

razzjonalizzazzjoni tal-politika tal-bejgħ u […];

it-twaqqif ta’ attivitajiet u l-għeluq ta’ siti (50);

it-tnaqqis ta’ impjegati (51);

miżuri bl-iskop li jsaħħu s-sostenibbiltà tal-impriża (52).

(124)

Wara l-eżami, il-Kummissjoni kkonfermat dak li kienet ħabbret fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, jiġifieri li hi tqis li dan il-pjan jikkonforma mal-eżiġenzi previsti fil-punti 35 sa 37 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. Fi kliem ieħor, il-pjan għar-ristrutturar jidher li jippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabilità tal-impriża fit-tul.

(125)

Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq turi l-analiżi u l-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-prospetti tas-suq u l-kredibbiltà tal-previżjonijiet li jidhru fil-pjan ta’ ristrutturar.

(126)

Il-Kummissjoni evalwat il-previżjonijiet li rriżultaw mill-pjan għar-ristrutturar, b’mod partikolari l-prospetti ta’ tkabbir. Il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li fid-deċiżjoni preżenti tqieset biss l-informazzjoni disponibbli f’Ottubru 2008

(127)

Skont is-CECED (53), l-iżvilupp fis-suq Ewropew f’termini ta’ volum bejn l-2005 u l-2007 juri żieda moderata fl-Ewropa tal-Punent (madwar 2 % kull sena) u stabbli fl-Ewropa tal-Lvant (madwar 7 % kull sena). Madankollu, din l-aħħar rata ta’ żieda hija aleatorja, għaliex tiddependi fuq il-varjazzjonijiet tal-ekonomija, fejn żieda b’2 ċifri u nuqqas b’2 ċifri wkoll jistgħu jalternaw wara xulxin.

(128)

Jekk, fuq perjodu ta’ żmien twil, tista’ ssir konverġenza tal-imġiba tax-xiri tal-Ewropa tal-Lvant mal-Ewropa tal-Punent, is-saħħa tax-xiri dgħajfa fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant twassal għal konċentrazzjoni tad-domanda fuq il-prodotti essenzjali (magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ jew friġġijiet) u ta’ kwalità baxxa. Madankollu, huwa f’dawn is-swieq li daħlu l-kompetituri Torok u Asjatiċi.

(129)

Is-swieq li għandhom potenzjal għal FagorBrandt għalhekk huma fl-Ewropa tal-Punent, għaliex huma akbar f’termini ta’ valur, iżda wkoll f’termini ta’ volum, u jikkonċentraw inqas fuq il-prodotti rħas, li bihom FagorBrandt ma jistax aktar ikun kompetittiv u li huma r-raġuni tat-tkabbir kbir fl-Ewropa tal-Lvant.

(130)

B’mod aktar partikolari, is-suq ta’ referenza ta’ FagorBrandt huwa s-suq Franċiż fejn il-grupp jagħmel [50-80] % tal-bejgħ tiegħu, jipproduċi [80-100] % tal-ammonti tiegħu u jħaddem [80-100] % tal-impjegati tal-grupp. Skont il-GIFAM (54), fi Franza, is-suq tal-apparat domestiku kbir żdied fl-2007, b’1 % meta mqabbel mal-2006, kemm fil-volum kif ukoll fil-valur. B’mod aktar speċifiku, is-suq tal-apparat […] li fuqu tixtieq tikkonċentra FagorBrandt żdied b’[…] % meta mqabbel mal-2006 filwaqt li għall-apparat […], il-bejgħ naqas b’[…] %.

(131)

L-iżviluppi għal kull tip ta’ prodott juru li s-swieq li għandhom potenzjal li qegħdin jiżviluppaw fl-Ewropa u b’mod partikolari fi Franza huma essenzjalment dawk tal-prodotti […]. It-tkabbir tal-prodotti […] huwa sinifikanti, filwaqt li s-settur tat-tkessiħ huwa kważi wieqaf kif turi t-tabella li ġejja meħuda mill-istudju GIFAM:

Tabella 4

Image

(132)

B’konsegwenza ta’ dan, l-għażla ta’ FagorBrandt, minn naħa, li tikkonċentra b’mod partikolari fuq […] u, min-naħa l-oħra, li tiżviluppa […], tidher koerenti mal-iżvilupp tas-segmenti u prodotti differenti.

(133)

Il-Kummissjoni, wara li analizzat l-elementi fundamentali l-oħra tal-pjan għar-ristrutturar li għandhom l-iskop li jiġġustifikaw ir-rilevanza tal-previżjonijiet fir-rigward tal-profitabilità operattiva ta’ FagorBrandt fiż-żmien, tqis li dawn il-previżjoijiet huma realistiċi.

Tabella 5

EUR Miljuni

2009

2010

2011

2012

Fatturat ta’ FagorBrandt

[900-1 200 ]

[900-1 200 ]

[900-1 200 ]

[900-1 200 ]

Riżultat finali

[0-5]

[5-10]

[10-15]

[10-15]

(134)

Għaldaqstant, il-bqija tal-analiżi se tillimita ruħha għaż-żewġ dubji preċiżi dwar in-natura realistika u suffiċjenti tal-pjan għar-ristrutturar li tqajmu fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura.

(135)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni talbet spjegazzjonijiet dwar iż-żieda mistennija ta’ 20 % tal-fatturat fl-2007. L-awtoritajiet Franċiżi spjegaw li l-medda ta’ attività ta’ FagorBrandt tbiddlet fl-2006 bit-trasferiment tad-distribuzzjoni tal-marka Fagor minn Fagor għal FagorBrandt fis-swieq Brittaniċi u Franċiżi, u mbagħad tal-attivitajiet Franċiżi kollha ta’ Fagor (55). Il-fatturat ta’ dawn l-attivitajiet ġie stmat għal EUR [50-100] miljun għall-2007 u ġie inkluż fil-fatturat ta’ FagorBrandt għas-sena 2007. Fuq medda kostanti, iż-żieda prevista tal-fatturat kienet biss ta’ [5-10] %. Minn dak iż-żmien, Franza kkomunikat l-fatturat li sar realment fl-2007 lill-Kummissjoni. Dan kien EUR 903 miljun mqabbel ma’ EUR 779,7 miljun fl-2006, jiġifieri żieda ta’ madwar 16 % minn sena għall-oħra.

(136)

It-tieni nett, il-Kummissjoni osservat li l-pjan għar-ristrutturar ma kienx jindika kif FagorBrandt kienet se tagħmel biex tiffaċċja r-rimborż tal-għajnuna inkompatibbli li ngħatat mis-sussidjarja Taljana tagħha u li għalhekk b’dan il-mod inħoloq riskju għar-ritorn għall-vijabilità tal-impriża. L-awtoritajiet Franċizi ppreċiżaw li r-rimborż tal-għajnuna Taljana minn Brandt Italia għandu jkun probabbilment inqas minn EUR 200 000 (ara l-premessa (70) u l-premessi sussegwenti). Madankollu, kif il-Kummissjoni diġà indikat (ara l-premessa (76) u l-premessi sussegwenti), l-ammont tal-għajnuna Taljana li għandu jitqies għall-finijiet tad-deċiżjoni preżenti jitla’ għal EUR 3 190 878,02, li magħhom irid jiżdied l-imgħax sal-21 ta’ Ottubru 2008. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li r-rimborż ta’ din is-somma ma jqajjimx dubju dwar ir-ritorn għall-vijabilita tal-impriża, għaldaqstant FagorBrandt hija mistennija li żżid il-kontribuzzjoni proprja tagħha għal ammont ekwivalenti għal EUR 3 190 878,02 u l-imgħax (f’dan ir-rigward ara l-premessa (149) u l-premessi sussegwenti).

(137)

Fuq il-bażi tal-konsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dubji dwar ir-ritorn għall-vijabilità li tqajmu fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura huma mwarrba.

6.6.2.   Dubji dwar ir-ritorn għall-vijabilità mqajmin minn parti interessata

(138)

Kif ġie indikat qabel, il-kompetitur li talab li jibqa’ anonimu jikkontesta l-fatt li r-ristrutturar jista’ jerġa’ jistabbilixxi l-vijabilità tal-impriża fit-tul. L-ewwel nett, huwa jqis li l-impriża kellha ċċaqlaq parti mill-produzzjoni tagħha lejn iż-żoni ta’ produzzjoni rħas, fejn tkun tista’ tibbenefika minn ekonomiji ta’ skala. It-tieni nett, l-impriża mhux se tkun tista’ tiffaċċja l-investimenti meħtieġa sabiex ittejjeb il-prodotti tagħha f’industrija li kull sena tirrikjedi investimenti kbar fl-għodda industrijali, it-tfassil, ir-riċerka u l-iżvilupp. Fl-aħħar nett, huwa jenfasizza li l-impriża għadha żgħira wisq meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Fil-premessi li ġejjin, il-Kummissjoni se tagħmel mezz li tivverifika jekk dawn l-osservazzjonijiet tal-kompetitur li talab li jibqa’ anonimu jqajmux dubju dwar il-konklużjonijiet dwar ir-ritorn għall-vijabilità.

(139)

Fir-rigward tal-ħtieġa li ċċaqlaq parti mill-produzzjoni f’pajjiżi irħas, il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Franċiżi rrispondew b’mod preċiż għal dan il-punt. Huma jfakkru li l-iżvilupp immirat minn FagorBrandt (prodotti b’valur miżjud għoli u innovattivi), kif ukoll dak ta’ xi wħud mill-kompetituri strettament Ewropej tagħha, ma jaqbilx ma’ sistematizzazzjoni tal-produzzjoni tagħhom fil-pajjiżi rħas. […] Għall-impriżi ewlenin, l-istabbiliment ta’ unitajiet ta’ produzzjoni fil-pajjiżi rħas huwa wkoll pass għar-rieda li jiġi żviluppat il-bejgħ hemmhekk.

(140)

Fir-rigward tal-affermazzjonijiet tal-kompetitur li talab li jibqa’ anonimu dwar l-impossibbiltà għal FagorBrandt li tiffaċċja l-investimenti kbar meħtieġa sabiex tibqa’ kompetittiva u dwar id-daqs żgħir wisq tal-impriża meta mqabbla mal-impriżi ewlenin, il-Kummissjoni tosserva li hija stess indikat fil-punt 8 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura li dawn l-elementi kkontribwixxew għad-diffikultajiet tal-impriża. Madankollu hija tosserva li l-pjan għar-ristrutturar jidher li jilqa’ dawn l-isfidi. Fil-fatt, l-impriża beħsiebha tikkonċentra fuq […]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li ċerti impriżi fis-settur, minkejja d-daqs żgħir tagħhom meta mqabbla mal-impriżi l-kbar u l-produzzjoni kbira tagħhom fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent, jirnexxielhom jibqgħu kompetittivi billi jikkonċentraw fuq ċerti prodotti u segmenti (dawn huma atturi li sabu settur komdu għalihom bħal Miele, Smeg, Liebherr, Teka, jew fabbrikanti żgħar ta’ daqs nazzjonali bħal Candy u Gorenje). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-integrazzjoni aktar u aktar avvanzata ta’ FagorBrandt fil-grupp Fagor tikkontribwixxi wkoll biex jiġu solvuti dawn il-problemi relatati mad-daqs. Fil-qosor, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-punti msemmija mill-kompetitur huma sfidi għal FagorBrandt iżda temmen li l-pjan għar-ristrutturar huwa ta’ tali natura li tiffaċċjahom u għandha probabilità suffiċjenti ta’ ritorn għall-vijabilità.

(141)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tqis li l-kummenti li saru mill-kompetitur li talab li jibqa’ anonimu ma jitfgħux dubju fuq l-evalwazzjoni li minnha ħareġ li l-pjan għar-ristrutturar jippermetti li terġa’ tiġi stabbilita l-vijabilità ta’ FagorBrandt fit-tul.

6.6.3.   Effett tal-miżuri kompensatorji addizzjonali fuq ir-ritorn għall-vijabilità

(142)

Fl-aħħar nett, dejjem fir-rigward tar-ritorn għall-vijabilità fit-tul, il-Kummissjoni, kif previst fl-aħħar sentenza tal-punt 38 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, trid tivverifika jekk il-miżuri kompensatorji previsti jpoġġux fil-periklu l-vijabilità tal-impriża. Kif diġà ġie analizzat, l-awtoritajiet Franċiżi pproponew miżuri kompensatorji li ma kinux inklużi fil-previżjonijiet finanzjarji mehmuża man-notifika. Peress li l-Kummissjoni dehrilha li dawn il-miżuri kienu meħtieġa, dawn għandhom għaldaqstant ikunu implimentati. Fir-rigward ta’ dawn il-miżuri – il-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tkessiħ, tat-tisjir u tal-ħasil tal-platti tal-marka Vedette għal perjodu ta’ ħames snin – li jwasslu għal deterjorazzjoni fir-riżultati finanzjarji tal-impriża, għandu jiġi żgurat li l-impriża tista’ tiflaħ għalihom.

(143)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, it-Tabelli 6 u 7 li ġejjin jindikaw ir-riżultati finanzjarji tal-impriża, filwaqt li jqisu l-implimentazzjoni tal-miżuri kompensatorji proposti mill-awtoritajiet Franċiżi. It-Tabella 6 tiddeskrivi xenarju ottimist u t-Tabella 7 xenarju pessimist.

Tabella 6

Waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tkessiħ, tat-tisjir u tal-ħasil tal-platti tal-marka Vedette (EUR Miljuni)

Xenarju ottimist

2007

2008

2009

2010

2011

2012

Fatturat

903,0

[900-1 000 ]

[900-1 000 ]

[900-1 000 ]

[900-1 000 ]

[900-1 000 ]

Marġini gross

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Introjtu operatorju qabel l-elementi mhux rikorrenti

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Introjtu operatorju (EBIT)

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Qligħ qabel it-taxxa

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Qligħ nett

– [5-10]

– [5-10]

– [5-10]

[0-5]

[5-10]

[5-10]

Likwidità Ħielsa

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Likwidità Ħielsa akkumulata

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Tabella 7

Waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tkessiħ, tat-tisjir u tal-ħasil tal-platti tal-marka Vedette (EUR Miljuni)

Xenarju pessimist

2007

2008

2009

2010

2011

2012

Fatturat

903,0

[900-1 000 ]

[900-1 000 ]

[900-1 000 ]

[900-1 000 ]

[900-1 000 ]

Marġini gross

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Introjtu operatorju qabel l-elementi mhux rikorrenti

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Introjtu operatorju (EBIT)

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Qligħ qabel it-taxxa

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Qligħ nett

– [5-10]

– [5-10]

– [10-15]

[0-5]

[0-5]

[5-10]

Likwidità Ħielsa

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Likwidità Ħielsa akkumulata

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

(144)

It-Tabelli 6 u 7 huma bbażati fuq l-ipoteżijiet li ġejjin dwar it-telf fil-fatturat li se jwassal għall-irtirar ta’ bosta familji ta’ prodotti kkummerċjalizzati taħt il-marka Vedette. Irtirar bħal dan jista’ jwassal għall-effetti li ġejjin:

a)

tnaqqis tal-bejgħ fil-familja tal-prodotti tal-marka Vedette li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija sospiża;

b)

tnaqqis tal-bejgħ fil-familji l-oħra ta’ prodotti kkummerċjalizzati taħt il-marka Vedette (56) (l-effett negattiv tal-marka fuq il-prodotti tal-marka Vedette);

c)

tnaqqis tal-bejgħ tal-marki l-oħra (l-effett ta’ portafoll negattiv fuq il-marki kollha tal-grupp FagorBrandt).

(145)

Ix-xenarju ottimist jikkunsidra biss l-effetti a) u b) tal-premessa (144) u t-telf relatat mal-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott jirrappreżenta telf ta’ [70-90] % tal-fatturat tal-familja ta’ prodotti mwaqqfa (l-[10-30] % li jifdal jiġu rkuprati minn FagorBrandt permezz taż-żieda fil-bejgħ ta’ prodotti identiċi mibjugħa taħt marki oħra li mhumiex Vedette) u ta’ [20-30] % tal-fatturat ta’ prodotti oħra kkummerċjalizzati taħt il-marka Vedette. Ix-xenarju pessimist iqis l-effett imsemmi fil-punt c) tal-premessa (144) billi jissupponi rata ta’ telf ta’ [110-130] % għall-familja ta’ prodotti mwaqqfa (it-telf jista’ mhux biss jaffettwa 100 % tal-fatturat tal-familja ta' prodotti mwaqqfa iżda jista’ wkoll jaffettwa prodotti u marki oħra mill-familja li titwaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni tagħha) u ta’ [20-40] % għall-prodotti l-oħra kkumerċjalizzati taħt il-marka Vedette. L-awtoritajiet Franċiżi jispjegaw li ipoteżi pessimista bħal din tikkorrispondi għal esperjenza magħrufa mill-impriża: fl-2003 hija kienet iddeċidiet li tabbanduna l-kummerċjalizzazzjoni tal-majkrowejvs taħt il-marka Vedette fi Franza sabiex tikkonċentra biss fuq il-marka Brandt li kienet tibbenefika minn forza ta’ bejgħ speċifika. Dan it-twaqqif kellu effett sekondarju negattiv ħafna, għaliex mhux biss il-fatturat kollu magħmul taħt il-marka Vedette intilef iżda t-telf laħaq ukoll lill-marka Brandt (telf totali fuq dawn iż-żewġ marki ta’ […] apparati f’sentejn fuq bejgħ inizjali ta’ […] unitajiet, fosthom […] taħt il-marka Vedette, jiġifieri telf ta’ [120-140] % tal-ammonti abbandunati) (57).

(146)

Fuq il-bażi tal-analiżi tal-istatistiċi inklużi fiż-żewġ tabelli preċedenti u informazzjoni oħra pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi, il-Kummissjoni tosserva li l-miżuri kompensatorji magħżula se jdgħajfu l-impriża, għaliex se jwasslu għal deterjorazzjoni tal-qligħ tal-impriża mill-2009, is-sena li fiha ġew implimentati. Madankollu, l-impriża jerġa’ jkollha qligħ nett pożittiv mill-2010, li jiżdied fis-snin ta’ wara. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri kompensatorji proposti mill-awtoritajiet Franċiżi, anke jekk idgħajfu l-impriża, mhux se jimpedixxu r-ritorn għall-vijabilità.

(147)

L-impożizzjoni ta’ miżura kompensatorja addizzjonali mill-Kummissjoni, jiġifieri l-ħtieġa li l-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati tal-marka Vedette, ma tqajjimx dubju dwar din il-konklużjoni.

(148)

Fil-fatt, kif jirriżulta mit-Tabella 3 li tippreżenta l-impatt tal-miżura kompensatorja addizzjonali fuq ir-riżultat finali tal-impriża, dan tal-aħħar jibqa’ pożittiv fis-snin 2014 sa 2016, u jkun hemm żieda stamata ta’ [1,5-3] %. Għaldaqstant, wieħed jasal għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-miżura kompensatorja imposta mill-Kummissjoni: għalkemm din iddgħajjef lill-impriża, mhix se ċċaħħadha milli tirritorna għall-vijabilità.

6.7.   Limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu: kontribuzzjoni reali, eżenta minn għajnuna

(149)

Sabiex l-għajnuna tkun tista’ tiġi awtorizzata, jeħtieġ li, b’applikazzjoni tal-punti 43 sa 45 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jkunu limitati strettament għall-minimu meħtieġ sabiex jippermettu li jsir ir-ristrutturar skont id-disponibilitajiet finanzjarji tal-impriża, tal-azzjonisti tagħha jew tal-grupp li hija parti minnu. Il-benefiċjarji tal-għajnuna jridu jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-pjan għar-ristrutturar mir-riżorsi proprji tagħhom, inkluż bil-bejgħ ta’ assi li mhumiex indispensabbli għas-sopravivenza tal-impriża, jew minn finanzjament estern miksub bil-kundizzjonijiet tas-suq.

(150)

Kif huwa indikat fil-punt 43 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, l-ispejjeż għar-ristrutturar, bħal ma huma deskritti fin-notifika tal-awtoritajiet Franċiżi, jitilgħu għal EUR 62,5 miljun. L-impriża beħsieba tikkontribwixxi għal EUR 31,5 miljun u tirċievi għajnuna ta' EUR 31 miljun.

 

EUR Miljuni

%

Spejjeż għar-ristrutturar

62,5

100  %

Iffinanzjati minn:

Sforz proprju tal-benefiċjarju

4,6

7,4  %

Provvista tal-azzjonist

26,9

43  %

Għajnuna mill-Istat

31

49,6  %

(151)

Fil-punt 44 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tqajjem żewġ dubji dwar din l-informazzjoni. Minn naħa, il-Kummissjoni titlob lill-awtoritajiet Franċiżi biex jiġġustifikaw għaliex ma inkludewx ir-rimborż tal-għajnuna 44f fl-ispejjeż għar-ristrutturar. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni titlob spjegazzjoni tan-natura tal-isforz proprju tal-benefiċjarju.

(152)

L-awtoritajiet Franċiżi taw risposta għat-tieni dubju u indikaw li l-isforz proprju tal-benefiċjarju huwa self mill-bank li tneħħa minn FagorBrandt minn fuq is-suq. Huma jispeċifikaw li fl-2006 l-impriża ħadet xi self mill-bank għal ammont ta’ EUR [20-40] miljun li sar EUR [20-40] miljun fl-2007 (58). Dan is-self ġie żgurat minn […]. Il-Kummissjoni tosserva li dan huwa “finanzjament estern miksub bil-kundizzjonijiet tas-suq” bħal ma huwa stabbilit fil-punt 43 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar u għalhekk huwa kontribuzzjoni valida.

(153)

Fir-rigward tal-ewwel dubju li tqajjem mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li r-rimborż ta’ għajnuna inkompatibbli ma jistax ikun, a priori, ikkwalifikat bħala spiża għar-ristrutturar (u lanqas bħala sforz proprju tal-impriża benefiċjarja skont il-punti 43 u 44 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar). Huwa għal din ir-raġuni li ma għaddewx l-għajnuna 44f mal-ispejjeż għar-ristrutturar. Madankollu, huma jindikaw li, ovvjament, dan ir-rimborż, ikkalkulat għal madwar EUR [25-30] miljun (inklużi l-imgħaxijiet), huwa integrat fil-pjan kummerċjali mehmuż man-notifika bħal kull spiża finanzjarja oħra normali. Il-Kummissjoni taħseb li huwa indispensabbli li r-rimborż jitqies fil-pjan kummerċjali, li huwa l-każ hawnhekk (59).

(154)

Madankollu, ta’ min iqis ukoll li fil-21 ta’ Ottubru 2008 l-għajnuna Taljana riċevuta minn Brandt Italia telgħet għal EUR 3 190 878,02, ammont li miegħu wieħed għandu jżid l-imgħax. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jeskludi li fil-kontribuzzjoni proprja prevista mill-impriża hemm is-somma inkwistjoni. B’konsegwenza ta’ dan, il-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju taqa’ taħt il-50 % mitluba mill-punt 44 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar.

(155)

Għaldaqstant, sabiex jiġi żgurat li l-kontribuzzjoni proprja tal-impriża tkun eżenti mill-għajnuna u tirappreżenta mill-inqas 50 % tal-ispejjeż tar-ristrutturar, il-Kummissjoni timponi bħala kundizzjoni għad-deċiżjoni pożittiva preżenti żieda fil-kontribuzzjoni proprja li tikkorrispondi għall-ammont tal-għajnuna Taljana, jiġifieri EUR 3 190 878,02, ammont li wieħed irid iżid miegħu l-imgħax sal-21 ta’ Ottubru 2008.

(156)

B’mod konkret, il-kontribuzzjoni proprja għall-ispejjeż tar-ristrutturar proposti minn FagorBrandt trid tiżdied b’dan l-ammont (b’self, permezz tal-azzjonisti je b’mezzi oħra) qabel tmiem il-perjodu tar-ristrutturar tal-impriża stabbilita fil-31 ta’ Diċembru 2012. L-awtoritajiet Franċiżi iridu juru prova ta’ din iż-żieda fi żmien xahrejn mill-iskadenza fil-31 ta’ Diċembru 2012.

(157)

Fir-rigward tal-affirmazzjoni tal-kompetitur li talab li jibqa’ anonimu li l-għajnuna mhijiex limitata għall-minimu, il-Kummissjoni tikkonferma li lil hinn mill-verifika tar-rispett tal-kriterju formali ta’ kontribuzzjoni proprja li taqbeż il-50 %, hija evalwat ukoll jekk l-għajnuna kinitx limitata għall-minimu possibbli, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-kriterji definiti fil-punt 45 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. Il-Kummissjoni tqis li dan huwa l-każ u li l-ammont tal-għajnuna ma jippermettix lill-impriża li jkollha “assi likwidi aktar minn dawk li hija tista’ tiddedika għal attivitajiet aggressivi li jistgħu jipprovokaw distorsjonijiet fuq is-suq li ma jkunux relatati mal-proċess tar-ristrutturar.”

(158)

Il-Kummissjoni tosserva b’mod partikolari li wara l-għotja tal-għajnuna u fi tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar, il-grupp xorta se jkollu dejn kbir bil-proporzjon dejn-għal-ekwità iżjed minn 1. Għalhekk, FagorBrandt trid tindirizza bi prijorità l-likwidità maħluqa biex tnaqqas dan il-livell tad-dejn.

6.8.   Prinċipju ta’ għajnuna unika

(159)

B’mod konformi mal-punti 72 u l-punti sussegwenti tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, għajnuna għar-ristrutturar tingħata darba waħda biss f’perjodu ta’ għaxar snin.

(160)

F’dan il-każ, l-għajnuniet Franċiżi u Taljani li bbenefikat minnhom FagorBrandt ma setgħux jikkwalifikaw bħala għajnuniet għas-salvataġġ u r-ristrutturar. Fil-fatt, meta ingħataw dawn l-għajnuniet, fl-2002 u l-2003 rispettivament, FagorBrandt ma kinitx f’diffikultà kif deher fil-premessi (45) sa (56).

(161)

B’konsegwenza ta’ dan, il-prinċipju ta’ għajnuna unika mitlub mil-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar kien rispettat.

6.9.   Implimentazzjoni kompluta tal-pjan

(162)

Il-pjan għar-ristrutturar ta’ FagorBrandt, inklużi l-impenji kollha ta’ Franza, għandu jkun eżegwit b’mod sħiħ (60). Il-Kumissjoni titlob li tiġi infurmata bl-iżvilupp tal-implimentazzjoni tal-pjan kif ukoll bl-impenji relatati miegħu.

7.   KONKLUŻJONI

(163)

L-għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern jekk il-kundizzjonijiet kollha imposti jkunu sodisfatti.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna li Franza qed tippjana li timplimenta favur l-impriża FagorBrandt għal ammont ta’ EUR 31 miljun hija kompatibbli mas-suq intern bil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

1.   L-awtoritajiet Franċiżi għandhom jissospendu l-ħlas tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni lill-impriża FagorBrandt sakemm ma jsirx l-irkupru minn FagorBrandt tal-għajnuna inkompatibbli msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/343/KE tas-16 ta’ Diċembru 2003 (61).

2.   Il-pjan għar-ristrutturar ta’ FagorBrandt, bħal ma kien ippreżentat lill-Kummissjoni minn Franza fis-6 ta’ Awwissu 2007, għandu jiġi eżegwit b’mod sħiħ.

3.   Il-kontribut proprju għall-ispejjeż tar-ristrutturar propost minn FagorBrandt ta’ EUR 31,5 miljun irid jiżdied bi EUR 3 190 878,02 u l-imgħax fuq dan l-ammont mid-data li fiha l-għajnuna Taljana tpoġġiet għad-dispożizzjoni ta’ FagorBrandt fl-21 ta’ Ottubru 2008. Din iż-żieda trid isseħħ qabel tmiem il-perjodu tar-ristrutturar tal-impriża stabbilit fil-31 ta’ Diċembru 2012. L-awtoritajiet Franċiżi iridu juru prova ta’ din iż-żieda fi żmien xahrejn mill-iskadenza fil-31 ta’ Diċembru 2012.

4.   FagorBrandt twaqqaf il-produzzjoni tal-prodotti tat-tkessiħ, tat-tisjir u tal-ħasil tal-platti tal-marka Vedette għal perjodu ta’ tmien snin.

5.   Sabiex jiġi żgurat li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, Franza tinforma lill-Kummissjoni, permezz ta’ rapporti annwali, dwar is-sitwazzjoni tal-iżvilupp tar-ristrutturar ta’ FagorBrandt, dwar l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli deskritt fil-paragrafu 1, dwar il-ħlas tal-għajnuna kompatibbli, u dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri kompensatorji.

Artikolu 3

Franza tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri li ttieħdu sabiex tkun konformi magħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Fiż-żewġ każijiet, id-dispożizzjonijiet huma identiċi fis-sustanza. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE jinftiehmu, jekk ikun il-każ, bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 rispettivament tat-Trattat dwar il-KE. It-TFUE daħħal ukoll ċerti modifiki fit-terminoloġija, pereżempju “Komunità” tinbidel b'“Unjoni”, “suq komuni” tinbidel b'“suq intern” u “Qorti Ġenerali” tinbidel b'“Qorti”. It-terminoloġija użata f'din id-deċiżjoni hija dik tat-TFUE.

(2)  ĠU C 275, 16.11.2007, p. 18.

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 2.

(4)  Il-parti interessata inkwistjoni kienet talbet għall-estensjoni taż-żmien ta’ xahar biex tissottometti kummenti bit-telefon u b’ittra ddatata s-16 ta’ Diċembru 2007, u l-Kummissjoni ma opponietx għal dan.

(5)  ĠU L 160, 23.9.2009, p. 11.

(6)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Frar 2012, Electrolux u Whirlpool Europe vs. Il-Kummissjoni (T-115/09 u T-116/09, għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra)

(7)  Ara s-sentenza tal-Qorti tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T-301/01, Ġabra p. II-01753.

(8)  Għal deskrizzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar ara l-punt 11 u l-punti sussegwenti tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura.

(9)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(10)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar l-iskema ta’ għajnuniet mill-Istat implimentata minn Franza għall-akkwist ta’ impriżi f’diffikultà, ĠU L 108, 16 ta’ April 2004, p. 38.

(11)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2004 dwar l-għajnuna mill-Istat li Franza qed tippjana li timplimenta favur il-kumpanija Bull, ĠU L 342, 24.12.2005, p.81, il-premessi 55 sa 63.

(12)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ April 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat li Franza qed tippjana li timplimenta favur Euromoteurs, ĠU L 307, 7.11.2006, p. 213, il-premessi 30 sa 31 u 42.

(*)  Sigriet tan-negozju.

(13)  Is-sentenza tal-Alitalia vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f'qiegħ il-paġna nru 7.

(14)  Is-sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-punt 137.

(15)  Is-sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-punti 144 u 159.

(16)  Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-punti 99 sa101 u 142.

(17)  Is-sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-punt 174.

(18)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 2.

(19)  Is-sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-punt 174.

(20)  Il-gazzetta “La Tribune” tal-14 ta’ April 2005.

(21)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 1991 dwar l-għajnuniet allokati mill-gvern Ġermaniż lill-kumpanija Deggendorf GmbH (ĠU L 215, 2.8.1991,p. 16).

(22)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1997 fil-kawża C-355/95 P TWD vs Il-Kummissjoni, Ġabra I-2549, punti 25-26 (is-sentenza “Deggendorf”). Din is-sentenza tikkonferma l-validità tas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 1995 tal-Qorti, TWD vs Il-Kummissjoni, T-244/93 u T-486/93, Ġabra, II-2265.

(23)  F’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi” (ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4) tindika li l-“Kummissjoni bdiet … tapplika l-każistika Deggendorf … b’mod iktar sistematiku. Din il-każistika tippermetti lill-Kummissjoni, jekk ċerti kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, li tordna lill-Istati Membri jissospendu l-ħlas ta' għajnuna ġdida kompatibbli lil kumpanija sakemm dik il-kumpanija tħallas lura għajnuna antika illegali u inkompatibbli li hija suġġetta għal deċiżjoni ta' rkupru.”

(24)  Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 22.

(25)  ĠU L 352, 27.11.2004, p. 10. Brandt Italia u l-Italja appellaw din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti li ċaħdet dawn l-appelli fit-12 ta’ Settembru 2007 (kawżi konġunti T-239/04 u T-323/04). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat l-Istat Taljan fis-6 ta’ Diċembru 2007 talli ma mexiex mas-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2004 (Kawża C0280/05).

(26)  Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 22.

(27)  Is-sentenza Electrolux u Whirlpool, iċċitata qabel fin-nota f'qiegħ il-paġna nru 6, il-punt 67.

(28)  Ara d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ġejjin: id-Deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2003 dwar l-għajnuniet għar-riċerka u l-iżvilupp għas-sit ta’ Zamudio (pajjiż Bask) li Spanja pprevediet li ddaħħal fis-seħħ għall-impriża “Industria de Turbo Propulsores, SA” (ITP) (ĠU L 61 tas-27.2.2004, p. 87, il-premessi 32–36, 55 u 117–119); Id-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2005 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja –ir-reġjun ta’ Lazio – beħsiebha ddaħħal fis-seħħ għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra (ĠU L 244 tas-7.9.2006, p. 8); Id-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat C 11/06 (ex N 127/05) li l-Italja beħsiebha ddaħħal fis-seħħ għal AEM Torino (ĠU L 366 tal-21.12.2006, p. 62), il-premessi 39-41).

(29)  Is-sentenza Electrolux u Whirlpool, iċċitata qabel fin-nota f'qiegħ il-paġna nru 6, il-punt 71: “Peress li l-Kummissjoni ma ssuġġettatx l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni għall-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli Taljana, hija bilfors kellha teżamina l-effett kumulattiv ta’ dawn iż-żewġ istanzi ta’ għajnuna, u hija naqset milli tagħmel hekk f’dan il-każ.”

(30)  ĠU L 352, 27.11.2004, p. 10.

(31)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ġunju 1994, Electrolux/AEG (ĠU C 187, 9.7.1994) tikkonkludi li d-dimensjoni ġeografika tas-swieq tal-apparat domestiku kbir kienet l-Ewropa tal-Punent. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 1999 dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE dwar is-CECED (ĠU L 187, 26.7.2000, p. 47) tikkonkludi li d-dimensjoni ġeografika hija ż-ŻEE. Dan il-każ tal-aħħar kien jikkonċerna s-settur tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ.

(32)  Is-sehem tas-suq ikkombinat ta’ FagorBrandt u ta’ Fagor Electrodomesticos huwa massimu ta’ [5-10] %.

(33)  Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument mogħti minn Franza li ż-żamma tal-preżenza fis-suq ta’ FagorBrandt għandha effett pożittiv għax tevita l-ħolqien ta’ sitwazzjoni oligopolistika. L-awtoritajiet Franċiżi ma ġġustifikawx l-affermazzjoni tagħhom b’mod preċiż. Barra minn hekk, din l-affermazzjoni hija kontradittorja meta mqabbla man-notifika tagħhom li kienet tiddeskrivi suq kompetittiv ħafna, b’kompetizzjoni multipla, b’mod partikolari minn marki distributuri. Fl-aħħar nett, il-punt 39 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar jindika li se jiġu meqjusa s-sitwazzjonijiet “ta’ monopolju jew ta’ oligopolju strett”, li mhuwiex il-każ hawnhekk peress li jekk inqisu biss l-impriżi ewlenin, in-numru ta’ kompetituri diġà jilħaq erbgħa.

(34)  Skont l-informazzjoni li pprovda hu, is-sehem tas-suq f’termini ta' volum fl-Ewropa niżel minn 5,3 % fl-2004, għal 5,2 % fl-2005 u 5 % fl-2006 u fl-2007.

(35)  Jekk l-analiżi ssir fuq livell dinji, id-differenza hija akbar għaliex il-gruppi bħal Electrolux u Whirlpool għandhom attivitajiet kbar ħafna ’l barra mill-Ewropa. Bħala eżempju, fl-2005, il-fatturat ikkombinat ta’ FagorBrandt u ta’ Fagor Electrodomesticos tela’ għal inqas minn EUR 2 biljun, filwaqt li l-fatturat dinji fis-settur tal-apparat domestiku kbir ta’ Whirlpool, Electrolux, BSH u Indesit espress f’EUR kien rispettivament 11,8 biljun, 10,8 biljun, 7,3 biljun u 3,1 biljun.

(36)  Kif inhu indikat, FagorBrandt mhux se tipproduċi iktar […] hi stess. FagorBrandt se tipproduċi […] hi stess. Madankollu, f’dawn it-taqsimiet, il-parti tal-prodotti ffabbrikati barra mill-Unjoni Ewropea hija aktar dgħajfa. Huwa fil-[…] li s-sehem tal-prodotti ffabbrikati bara mill-Unjoni Ewropea huwa l-akbar.

(37)  [50-80] % tal-bejgħ ta’ FagorBrandt fil-fatt isir fis-suq Franċiż. F’dan ir-rigward, il-Qorti indikat kemm-il darba li “meta Stat Membru jalloka għajnuna lil impriża, il-produzzjoni interna tista’ tinżamm stabbli jew tiżdied, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn is-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqsu” Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1988, Franza vs Il-Kummissjoni (C-102/87, Ġabra p. 04067) (ara l-punt 19); Sentenza tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-278/92, C-279/92 u C-280/92, Ġabra p. I-4103) (ara l-punt 40); Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-310/99, Ġabra p. I-2289) (ara l-punti 84 sa 86); Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni (T-152/99, Ġabra p. II-3049) (ara l-punti 220 u 221).

(38)  L-istampa Franċiża kienet semmiet ħafna n-nuqqas ta’ qligħ tal-attività tal-“friżers”. Artiklu f’Ouest France tat-8 ta’ Lulju 2004 kien indika, pereżempju: “ElcoBrandt, il-grupp Franċiż tal-apparat domestiku, fl-2005 se jagħlaq il-fabbrika tiegħu ta’ Lesquin (fit-Tramuntana), li hija speċjalizzata fil-fabbrikazzjoni tal-friżers, għax din ‘mhux qiegħda tagħmel qligħ aktar’. Sentejn ilu Elco kien xtara l-istabbiliment minn Brandt. Is-600 impjegat kienu aċċettaw pjan soċjali li kien jipprevedi ż-żamma ta’ 150 post tax-xogħol, li issa tneħħew.” B’mod aktar preċiż, persuni mid-direttorat ta’ Brandt indikaw fil-gazzetta “Les Echos”, f’artiklu li ġie ppubblikat fis-7 ta’ Lulju 2004, li “[m]inkejja l-isforzi kbar ta’ kompetizzjoni, ix-xiri ta’ 35 % tal-komponenti miċ-Ċina jew it-titjib tal-kwalità u l-produttività, it-tnaqqis tal-ispejjeż tas-suq għaġġel aktar minna” u li ż-“żamma ta’ attività ta’ produzzjoni ta’ chest freezers ma tagħmilx aktar sens ekonomikament fi ħdan il-grupp ElcoBrandt. Fil-fatt, kull darba li nbigħu wieħed minn dawn il-prodotti nkunu qegħdin nagħmlu telf ta’ 25 %.”

(39)  Fin-notifika, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li wieħed mill-għanijiet tal-pjan għar-ristrutturar huwa “r-razzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni, bl-abbandun ta’ ċerti segmenti li sar għandhom defiċit strutturali, sabiex nillimitaw it-telf relatat mal-akkwist tal-ishma fis-suq minn fabbrikanti ta’ pajjiżi rħas (majkrowejvs għalihom waħidhom, friżers u friġġijiet żgħar)”. Fl-ittra tagħhom tal-15 ta’ Frar 2008 fejn ikkumentaw fuq l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati, l-awtoritajiet Franċiżi jindikaw: “L-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li … d-diversi miżuri li diġà ttieħdu l-ewwel nett għandhom l-għan li jwaqqfu t-telf (l-għeluq ta’ sit ta’ produzzjoni b’defiċit, Lesquin, u l-abbandun ta’ ċerti fabbrikazzjonijiet li ma jiġġenerawx qligħ, majkrowejs għalihom waħidhom).” Barra minn hekk, dawn iż-żewġ siltiet jikkonfermaw il-konklużjonijiet preċedenti dwar l-għeluq tal-fabbrika ta’ Lesquin.

(40)  Dan il-fatt kien enfasizzat mill-awtoritajiet Franċiżi, b’mod partikolari fl-Anness 7 tan-notifika.

(41)  Ara pereżempju l-Artikolu “Brandt: fin du contrat Miele confirmée. Après le retrait d'Électrolux, autre coup dur à Aizenay” (Brandt: ikkonfermat it-tmiem tal-kuntratt Miele. Wara l-irtirar ta’ Électrolux, daqqa ta' ħarta oħra f'Aizenay) ippubblikat f’Ouest France tat-3 ta’ Marzu 2005.

(42)  U dan, inqas u inqas għax l-impriża għamlet qligħ tal-kapital mill-bejgħ ta’ EUR 774 000 miljun.

(43)  Kif indikat fit-Taqsima 2.2 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, FagorBrandt bdiet tirristruttura ruħha mill-2004, meta dehru n-nuqqas ta’ kompetittività u l-ewwel diffikultajiet finanzjarji. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li dan il-bejgħ “huwa part mir-ristrutturar stess” bħal ma huwa meħtieġ mill-punt 40 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar.

(44)  L-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li l-attività ta’ Brandt Components kienet tippermetti li l-impriża tibbenefika minn integrazzjoni qawwija fil-produzzjoni tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ li jinfetħu minn fuq, li hija storikament pożizzjoni b’saħħitha tal-grupp FagorBrandt. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, din it-tip ta’ integrazzjoni hija b’mod partikolari mmirata għall-prodotti innovattivi jew li jeħtieġu għarfien speċifiku u hija pprattikata mill-atturi ewlenin tas-settur (pereżempju BSH jew Miele). Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li, minbarra l-affermazzjonijiet preċedenti, l-awtoritajiet Franċiżi ma għandhomx elementi li jippermettulha tistabbilixxi mingħajr dubju – u inqas biex tikkwantifika dan l-effett – li l-bejgħ ta’ Brandt Components se jnaqqas il-possibbiltà għal FagorBrandt li tiżviluppa magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ kompetittivi u għalhekk inaqqas il-preżenza ta’ FagorBrandt fis-suq tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li ċ-ċessjoni ta’ Brandt Components għandha effett reali fis-suq tal-apparat domestiku kbir.

(45)  Fis-suq Franċiż, Vedette hija marka li tinsab fil-[…] post fis-suq tal-prodotti […]. Il-miżuri proposti għalhekk ma jnaqqsux il-preżenza ta’ FagorBrandt fis-suq tal-prodotti […]. Madankollu, il-maġġoranza l-kbira tal-gruppi li huma kompetituri ta’ FagorBrandt għall-[…] għandhom ukoll marki li huma kompetituri ta’ Vedette fis-suq tal-prodotti […]. Għalhekk huma jibbenefikaw mill-irtirar tal-prodotti Vedette deskritti hawn fuq.

(46)  Fl-2007, dawn kienu jirrappreżentaw [30-40] % tal-fatturat tal-marka Vedette u [0-10] % tal-bejgħ ta’ FagorBrandt ta’ apparat domestiku kbir fis-suq Franċiż.

(47)  L-għan ta’ din il-miżura huwa l-irtirar mis-suq tal-prodotti Vedette kkonċernati. Għalhekk huwa ċar li l-effett tal-miżura jisparixxi jekk FagorBrandt tagħti liċenzja għall-produzzjoni u/jew kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti taħt il-marka Vedette lil impriża oħra.

(48)  It-tabella tassumi li l-miżura tibda b’mod effettiv mill-1 ta’ Jannar 2009.

(49)  Barra minn hekk, jekk l-affarijiet l-oħra jibqgħu l-istess, jinħass raġonevoli li tinżamm ir-rata ta’ [1,5-3] % għaliex din ir-rata hija aċċettata bħala ipoteżi għal tkabbir raġonevoli tal-fatturat fid-dawl tal-istrateġija tal-grupp u tal-prospetti tas-suq (ara l-premessa (125) u l-premessi sussegwenti.

(50)  F’Marzu 2004 FagorBrandt biegħet il-fabbrika ta' Nevers tagħha (muturi tal-elettriku) u f’Jannar 2005 għalqet il-fabbrika ta’ Lesquin (friżers). Fl-aħħar nett, fl-2006 il-grupp waqqaf il-produzzjoni tal-majkrowejvs għalihom waħidhom mill-fabbrika ta’ Aizenay

(51)  Il-grupp poġġa fis-seħħ […]. Ittieħdu ħafna miżuri oħra fi Franza fl-2006. F’dik l-istess sena, il-Grupp beda wkoll jirrazzjonalizza s-sit Taljan ta’ Verolanuova.

(52)  F’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri ta’ żvilupp tal-perennità tal-impriża, u wara li saru studji bejn Marzu 2004 u Frar 2005, il-Grupp: […].

(53)  CECED: Kunsill Ewropew għall-Kostruzzjoni ta’ Apparat Domestiku (Conseil Européen de la Construction d'appareils Domestiques), organizzazzjoni li tħaddan 15-il produttur li mill-inqas għandhom dimensjoni Ewropea u 26 assoċjazzjoni tas-settur preżenti f’bosta pajjiżi Ewropej (membri jew le tal-Unjoni Ewropea).

(54)  GIFAM: Grupp Interprofessjonali tal-Produtturi ta’ Tagħmir Domestiku (Groupement Interprofessionnel des Fabricants d'Appareils d'équipements Ménagers) li jiġbor madwar ħamsin impriża preżenti fis-swieq tat-tagħmir domestiku.

(55)  Il-Kummissjoni analizzat jekk din l-integrazzjoni avvanzata ta’ FagorBrandt f’Fagor titfax dubju fuq il-konklużjonijiet li waslu għalihom fil-punt 27 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura dwar l-eġibilità ta’ FagorBrandt. Hija kkonkludiet li dan ma kienx il-każ għaliex il-maġġoranza tal-elementi msemmija f’dan il-punt għadhom validi.

(56)  Dan it-tnaqqis jirriżulta mill-effetti li nħolqu mill-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-marka Vedette fuq il-viżibilità tal-marka Vedette fir-rigward tad-distributuri.

(57)  Il-Kummissjoni tqis, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtortajiet Franċiżi, li hemm probabbiltà żgħira li jseħħ ix-xenarju pessimist. Fil-fatt, l-awtoritajiet Franċiżi jibbażaw fuq l-esperjenza tal-majkrowejvs Vedette. Madankollu, kif se jkun indikat, dan huwa prodott li bih FagorBrandt ma kenitx kompetittiva aktar (din hija r-raġuni għaliex iddeċiediet li twaqqaf il-produzzjoni internament) u li għalih hemm dħul kbir fis-suq tal-produtturi mill-pajjiżi rħas. L-ipoteżi magħżula mill-awtoritajiet Franċiżi, jiġifieri li jiġi attribwit it-tnaqqis kollu tal-bejgħ tal-majkrowejvs osservat matul dawn is-sentejn biss għad-deċiżjoni li titwaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni tal-majkrowejvs taħt il-marka Vedette, tidher li hija waħda estrema.

(58)  Ittra tal-awtoritajiet Franċiżi tal-15 ta’ Frar 2008.

(59)  Fid-Deċiżjoni tagħha tas-26 ta’ April 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat li Franza qed tippjana li timplimenta favur Euromoteurs (ĠU L 307, 7.11.2006, p. 213), il-Kummissjoni qieset li l-fatt li l-pjan għar-ristrutturar sottomess ma kienx jinkludi r-rimborż ta’ għajnuna inkompatibbli li rċeviet l-impriża jikkonferma l-konklużjoni li dan il-pjan ma jippermettix li terġa’ tiġi stabbilita il-vijabilità tal-impriża fit-tul.

(60)  Bħal ma kien indikat qabel, il-pjan għar-ristrutturar beda fl-2004 u l-maġġoranza tal-miżuri għar-ristrutturar diġà kienu implimentati.

(61)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar l-iskema ta’ għajnuniet mill-Istat implimentata minn Franza għall-akkwist ta’ impriżi f’diffikultà, ĠU L 108, 16 ta’ April 2004, p. 38.