|
13.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 161/4 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-11 ta’ Ġunju 2013
dwar l-adegwatezza tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Unit tal-Amerika skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2013) 3402)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2013/280/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji [l-awditjar statutorju] tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47(3) tagħha,
Wara li kkonsultat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 47(1) u l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/43/KE, f’każ ta’ spezzjonijiet jew investigazzjonijiet ta’ awdituri statutorji jew ta’ ditti tal-awditjar, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jippermettu t-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz fil-każ biss li dawn l-awtoritajiet ikunu ġew iddikjarati adegwati mill-Kummissjoni u jkunu jeżistu arranġamenti reċiproki għal ħidma bejniethom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernati. Għalhekk jeħtieġ li jiġi determinat liema awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi huma adegwati għall-iskop ta’ trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar lill-awtorijiet kompetenti ta’ pajjiż terz. |
|
(2) |
Trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz jirrifletti interess pubbliku sostanzjali relatat mat-twettiq ta’ sorveljanza pubblika indipendenti. Skont dan, kwanlunkwe trasferiment bħal dan mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandu jseħħ biss għall-iskop tal-eżerċitar tal-kompetenzi tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament estern tal-kwalità u l-investigazzjonijiet ta’ awdituri u ditti tal-awditjar mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz konċernat. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ta’ ħidma bilaterali li jippermettu t-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika jkollhom is-salvagwardji adattati fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali kif ukoll tal-protezzjoni tas-sigrieti professjonali u l-informazzjoni kummerċjali sensittiva marbuta mal-kumpaniji li r-rapporti finanzjarji tagħhom jiġu awditjati kif ukoll fir-rigward tal-awdituri ta’ dawn il-kumpaniji inklużi f’dawn id-dokumenti. Il-persuni impjegati jew li kienu impjegati mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz li jirċievi l-informazzjoni għandhom ikunu suġġetti għall-obbligi tas-sigriet professjonali. |
|
(3) |
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 47(4) tad-Direttiva 2006/43/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-iskop ta’ sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità u investigazzjonijiet tal-awdituri u d-ditti tal-awditjar, il-kuntatti bejn l-awdituri jew id-ditti tal-awditjar tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika jseħħu permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konċernat. |
|
(4) |
L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li jaċċettaw spezzjonijiet konġunti f’ċirkustanzi eċċezzjonali fejn dan ikun meħtieġ biex tkun żgurata superviżjoni effettiva. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li sseħħ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika fil-forma ta’ spezzjonijiet konġunti jew permezz ta’ osservaturi mingħajr poteri ta’ spezzjoni jew ta’ investigazzjoni u mingħajr aċċess għad-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar kunfidenzjali jew għal dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar. Din il-kooperazzjoni għandha dejjem isseħħ skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2006/43/KE u f’din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu rrispettati s-sovranità, il-kunfidenzjalità u r-reċiproċità. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe spezzjoni konġunta li ssir fl-Unjoni mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika skont l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE tkun immexxija mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru konċernat. |
|
(5) |
Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (2) tapplika għall-ipproċessar ta’ dejta personali li jsir skont dik id-Direttiva. Għalhekk, meta trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħrajn, li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awdituri, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika jkun jinvolvi d-divulgazzjoni ta’ dejta personali, dan għandu dejjem jitwettaq skont id-Direttiva 95/46/KE. L-Istati Membri għandhom jiżguraw salvagwardji xierqa rigward il-protezzjoni ta’ dejta personali li tiġi ttrasferita, b’mod partikolari permezz ta’ ftehimiet vinkolanti skont il-Kapitolu IV tad-Direttiva 95/46/KE bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti, u li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti ma jerġgħux jiddivulgaw id-dejta personali inkluża f’dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar trasferiti mingħajr ftehim minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernati. |
|
(6) |
L-adegwatezza tal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz għandha tiġi vvalutata fid-dawl tar-rekwiżiti tal-kooperazzjoni stipulati fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2006/43/KE jew fid-dawl ta’ riżultati funzjonali essenzjalment ekwivalenti. B’mod partikolari, l-adegwatezza għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-kompetenzi li jeżerċitaw l-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja u tal-Istati Uniti tal-Amerika, is-salvagwardji kontra l-ksur tar-regoli tas-segretezza u l-kunfidenzjalità professjonali implimentati minnhom u l-kapaċità tagħhom skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. |
|
(7) |
Billi l-awdituri u d-ditti tal-awditjar ta’ kumpaniji mill-Unjoni li ħarġu titoli fl-Istati Uniti tal-Amerika, jew li jagħmlu parti minn grupp li jippubblika kontijiet konsolidati statutorji f’dak il-pajjiż, huma rregolati skont il-liġijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, għandu jiġi deċiż jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħux jittrasferixxu dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika għall-iskopijiet uniċi tal-eżerċitar tal-kompetenzi tagħhom ta’ sorveljanza pubblika, aċċertament estern tal-kwalità u investigazzjonijiet ta’ awdituri u ditti tal-awditjar. |
|
(8) |
Twettqu valutazzjonijiet tal-adegwatezza għall-iskopijiet tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika. Deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza rigward l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika għandhom jittieħdu abbażi ta’ dawk il-valutazzjonijiet. |
|
(9) |
Is-“Securities and Exchange Commission” tal-Istati Uniti tal-Amerika għandha kompetenza tinvestiga awdituri u ditti tal-awditjar; din id-Deċiżjoni għandha tkopri biss il-kompetenzi tas-“Securities and Exchange Commission” tal-Istati Uniti tal-Amerika li tinvestiga awdituri u ditti tal-awdituri. Is-“Securities and Exchange Commission” tal-Istati Uniti tal-Amerika timplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta’ qabel tagħha lil kwalunkwe persuna jew awtorità terza. Hija tuża d-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar ittrasferiti biss għal skopijiet relatati ma’ investigazzjonijiet ta’ awdituri u ta’ ditti tal-awditjar. Skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Uniti tal-Amerika, is-“Securities and Exchange Commission” għandha l-kapaċità tittrasferixxi dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri jew ditti tal-awditjar mill-Istati Uniti marbuta ma’ investigazzjonijiet li tista’ twettaq fuq dawn l-awdituri u d-ditti tal-awditjar lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru. Abbażi ta’ dan, is-“Securities and Exchange Commission” tal-Istati Uniti tal-Amerika għandu jiġi ddikjarat adegwat għall-iskop tal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. |
|
(10) |
Il-“Public Company Accounting Oversight Board” tal-Istati Uniti tal-Amerika għandu kompetenza fis-sorveljanza pubblika, fl-aċċertament estern tal-kwalità u fl-investigazzjoni ta’ awdituri u ditti tal-awditjar. Jimplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali u ta’ qabel lil kwalunkwe persuna jew awtorità terza. Juża d-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar trasferiti unikament għal skopijiet relatati mas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament estern tal-kwalità u l-investigazzjonijiet ta’ awdituri u ditti tal-awditjar. Skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Uniti tal-Amerika, jista’ jittrasferixxi dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri jew ditti tal-awditjar mill-Istati Uniti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru. Abbażi ta’ dan, il-“Public Company Accounting Oversight Board” tal-Istati Uniti tal-Amerika għandha tiġi ddikjarata adegwata għall-iskop tal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. |
|
(11) |
It-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar għandu jinkludi l-aċċess għal jew it-trażmissjoni, lill-awtoritajiet iddikjarati adegwati skont din id-Deċiżjoni, ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, skont il-qbil minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u l-aċċess għal jew it-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri lil dawk l-awtoritajiet. Bħala riżultat, f’każ ta’ spezzjonijiet jew investigazzjonijiet, awdituri statutorji u ditti tal-awditjar ma għandhomx jitħallew jipprovdu aċċess, jew jittrażmettu dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar lil dawk l-awtoritajiet skont kundizzjonijiet differenti minn dawk stipulati f’din id-Deċiżjoni u fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE, pereżempju abbażi tal-kunsens tal-awditur statutorju, id-ditti tal-awditjar jew il-kumpanija klijenta. |
|
(12) |
Din id-Deċizjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti ta’ kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (3). |
|
(13) |
Peress li din id-Deċiżjoni hija meħuda fil-kuntest tad-Deċiżjoni ta' Implimetazzjoni tal-Kummissjoni 2013/281/UE (4) dwar l-ekwivalenza tas-sistema tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, u tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-Istati Uniti tal-Amerika, ma għandha tippreġudika l-ebda deċiżjoni finali dwar l-ekwivalenza li l-Kummissjoni tista’ tadotta skont l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2006/43/KE. |
|
(14) |
L-għan aħħari tal-kooperazzjoni mal-Istati Uniti tal-Amerika fis-sorveljanza tal-awditjar huwa li tinkiseb fiduċja reċiproka fis-sistemi ta’ sorveljanza ta’ xulxin u b’hekk it-trasferimenti ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar ikunu l-eċċezzjoni. Il-fiduċja reċiproka għandha tkun ibbażata fuq l-ekwivalenza tas-sistemi ta’ sorveljanza tal-awdituri tal-Unjoni u tal-Istati Uniti. |
|
(15) |
Il-“Public Company Accounting Oversight Board” tal-Istati Uniti tal-Amerika biħsiebu jevalwa aktar is-sistemi ta’ sorveljanza tal-awditjar tal-Istati Membri qabel jiddeċiedi li jafda s-sorveljanza li ssir mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Għalhekk, il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-“Public Company Accounting Oversight Board” tal-Istati Uniti tal-Amerika u s-“Securities and Exchange Commission” tal-Istati Uniti tal-Amerika għandu jiġi analizat sabiex jiġi vvalutat il-progress li sar lejn il-kisba ta’ fiduċja reċiproka fis-sistemi ta’ sorveljanza ta’ xulxin. Għal dawk ir-raġunijiet, din id-Deċiżjoni għandha tkun applikabbli għal perjodu ta’ żmien limitat. |
|
(16) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-“Public Company Accounting Oversight Board” tal-Istati Uniti tal-Amerika u s-“Securities and Exchange Commission” tal-Istati Uniti tal-Amerika għandhom jitqiesu adegwati għall-fini tal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE.
Artikolu 2
1. Fil-każ ta’ spezzjonijiet jew investigazzjonijiet ta’ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar kwalunkwe trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar għandu jkun soġġett għal approvazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru konċernat, jew għandu jitwettaq mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru konċernat.
2. It-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar ma għandu jkollu l-ebda skop ieħor ħlief is-sorveljanza pubblika, l-aċċertament estern tal-kwalità jew l-investigazzjonijiet ta’ awdituri u ditti tal-awditjar.
3. Meta dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar jinżammu esklussivament minn awditur statutorju jew ditta tal-awdituri rreġistrata fi Stat Membru ieħor barra l-Istat Membru fejn huwa rreġistrat il-grupp ta’ awdituri u li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun irċeviet talba mingħand kwalunkwe awtorità msemmija fl-Artikolu 1, dawn il-karti jew id-dokumenti għandhom jiġu ttrasferiti lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz konċernat f’każ biss li l-awtorità kompetenti tal-ewwel Stat Membru tkun qablet espliċitament mat-trasferiment.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ta’ ħidma bilaterali li jippermettu t-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika jkollhom is-salvagwardji adattati fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali kif ukoll tal-protezzjoni tas-sigrieti professjonali u l-informazzjoni kummerċjali sensittiva marbuta mal-kumpaniji li jiġu awditjati r-rapporti finanzjarji tagħhom, kif ukoll fir-rigward tal-awdituri ta’ dawk il-kumpaniji inklużi f’dawn id-dokumenti.
5. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 47(4) tad-Direttiva 2006/43/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-iskop ta’ sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità u investigazzjonijiet tal-awdituri u tad-ditti tal-awditjar, l-arranġamenti ta’ ħidma bilaterali li jippermettu t-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti l-oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika jipprovdu li l-kuntatti bejn l-awdituri jew id-ditti tal-awdituri tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika jseħħu permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konċernat.
6. L-Istati Membri jistgħu jaqblu ma’ spezzjonijiet konġunti fejn meħtieġ biss. Huma għandhom jiżguraw li kwalunkwe spezzjoni konġunta li ssir mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika fit-territorju tal-Istati Membri skont l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE għandha, bħala regola ġenerali, tkun immexxija mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru konċernat.
7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe arranġamenti ta’ ħidma bilaterali bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika jkunu konformi mal-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni stipulati f’dan l-Artikolu.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Awwissu 2013 sal-31 ta’ Lulju 2016.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2013.
Għall-Kummissjoni
Michel BARNIER
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.
(2) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(3) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.
(4) Ara paġna 8 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.