12.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 160/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-10 ta’ Ġunju 2013
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta’ Bejġing dwar ir-Rappreżentazzjonijiet Awdjoviżivi
(2013/275/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fis-7 ta’ Novembru 2000 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea fil-Konferenza Diplomatika li saret f’Ġinevra mis-7 sal-20 ta’ Diċembru 2000 bil-għan li tfassal strument li jipproteġi d-drittijiet tal-artisti fir-rappreżentazzjonijiet awdjoviżivi tagħhom. |
(2) |
In-negozjati ġew konklużi b’suċċess fit-tlaqqigħ mill-ġdid ta’ Konferenza Diplomatika li saret f’Bejġing mill-20 sas-26 ta’ Ġunju 2012 u t-Trattat ta’ Bejġing tal-WIPO dwar ir-Rappreżentazzjonijiet Awdjoviżivi (“it-Trattat ta’ Bejġing”) ġie adottat fl-24 ta’ Ġunju 2012. |
(3) |
It-Trattat ta’ Bejġing jistabbilixxi sett ta’ regoli internazzjonali ġodda fil-qasam tad-drittijiet relatati li għandhom l-għan li jiżguraw il-protezzjoni u r-remunerazzjoni adegwati tal-artisti awdjoviżivi. |
(4) |
It-Trattat ta’ Bejġing huwa miftuħ għall-iffirmar minn kull parti eliġibbli għal sena wara l-adozzjoni tiegħu. |
(5) |
L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għal għadd ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Bejġing fejn ġiet adottata leġislazzjoni korrispondenti tal-Unjoni. Għalhekk, it-Trattat ta’ Bejġing għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħuf’data aktar tard. |
(6) |
Meta tiffirma t-Trattat ta’ Bejġing, l-Unjoni mhux ser tkun qed teżerċita kompetenza kondiviża, għalhekk l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fl-oqsma koperti mit-Trattat ta’ Bejġing li ma jaffettwawx regoli komuni u ma jibdlux il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regoli bħal dawn, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tat-Trattat ta’ Bejġing tal-WIPO dwar ir-Rappreżentazzjonijiet Awdjoviżivi (“it-Trattat ta’ Bejġing”) huwa b’dan approvat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Trattat (1).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw it-Trattat ta’ Bejġing f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta’ Ġunju 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
L. VARADKAR
(1) It-test tat-Trattat ta’ Bejġing ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.